April
Is-Sibt, 1 taʼ April
“Oqogħdu għassa. L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.”—1 Pt. 5:8.
Darba kellu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Imma iktar tard, dan l-anġlu, li kien ħliqa spirtu, ried lin-nies iqimuh. Minflok ma rrifjuta malajr malajr din ix-xewqa ħażina, hu ppermetta lil din ix-xewqa tikber sakemm dineb. (Ġak. 1:14, 15) Ma nafux x’kien jismu fil-bidu, imma aħna nafuh bħala Satana. Hu “ma żammx sħiħ fil-verità.” Hu rribella kontra Ġeħova u sar “missier il-gidba.” (Ġw. 8:44) Minn mindu rribella, Satana sar l-akbar għadu taʼ Ġeħova u għadu tan-nies kollha. Aħna nistgħu naraw kemm verament Satana hu ħażin billi naraw kif tiddeskrivih il-Bibbja. Satana jfisser “Wieħed li jopponi,” u dan juri li hu anġlu mill-agħar li jobgħod it-tmexxija t’Alla u li l-ħin kollu qed jiġġildilha bil-qawwa kollha tiegħu. Dak li verament Satana jrid hu t-tmiem tat-tmexxija taʼ Ġeħova. w15 5/15 1:1, 2
Il-Ħadd, 2 taʼ April
“Jekk xi ħadd iħobb lil Alla, Alla jkun jafu lil dan.”—1 Kor. 8:3.
Huwa minnu li meta nistudjaw il-Bibbja, nitgħallmu dwar il-bidliet li nistgħu nagħmlu biex naqdu lil Ġeħova aħjar. Imma nitgħallmu wkoll dwar l-affarijiet li jagħmel bi mħabba u l-personalità sabiħa li għandu, li jġegħluna nħobbuh iktar. U hekk kif l-imħabba tagħna għalih tiżdied, l-imħabba tiegħu għalina tiżdied ukoll, u b’hekk ir-relazzjoni li għandna miegħu ssir saħansitra iktar b’saħħitha. Jekk irridu nersqu eqreb lejn Ġeħova, hu importanti li nistudjaw il-Bibbja għar-raġuni t-tajba. Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġw. 17:3) Nistgħu nitgħallmu ħafna affarijiet ġodda u interessanti meta naqraw il-Bibbja, imma l-iskop prinċipali tagħna għandu jkun li nieħdu għarfien dwar Ġeħova, jiġifieri li nsiru nafuh aħjar bħala Persuna. (Eżo. 33:13; Salm 25:4) Meta nsiru nafu lil Ġeħova tant li nagħmluh il-Ħabib tal-qalb tagħna, ma noqogħdux ninkwetaw jekk il-Bibbja mhux dejjem tispjega għala hu aġixxa b’tali mod. w15 4/15 3:6-8
It-Tnejn, 3 taʼ April
Timotju jfakkarkom fil-metodi tiegħi fis-servizz lil Kristu Ġesù, bħalma qed ngħallem kullimkien f’kull kongregazzjoni.—1 Kor. 4:17.
Dan l-aħħar, xi anzjani li kellhom suċċess f’li jħarrġu lil aħwa rġiel biex jagħmlu iktar fil-kongregazzjoni ġew mitluba jgħidu kif jirnexxilhom jagħmlu dan. L-anzjani kollha taw pariri simili avolja għandhom ċirkustanzi differenti ħafna. Dan x’jurina? Jurina li t-taħriġ ibbażat fuq il-Bibbja hu utli għall-aħwa t’inqas esperjenza “kullimkien f’kull kongregazzjoni.” L-ewwel, dak li jħarreġ għandu joħloq kundizzjonijiet tajbin. Dan għala hu importanti? Bħalma ġardinar ikollu bżonn iħejji l-ħamrija qabel ma jiżraʼ ż-żerriegħa, hekk ukoll anzjan għandu bżonn iħejji l-qalb taʼ dak li qed jitħarreġ qabel ma jkun jistaʼ jgħallmu abbiltajiet ġodda. Allura kif jistaʼ anzjan joħloq kundizzjonijiet tajbin biex iħarreġ? Jistaʼ jsegwi l-eżempju tal-profeta Samwel meta kien qed jgħin lil Sawl biex imexxi lilI-Iżrael.—1 Sam. 9:15-27; 10:1. w15 4/15 1:11, 12
It-Tlieta, 4 taʼ April
“Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.”—1 Ġw. 5:19.
Ħafna mill-affarijiet li din id-dinja tippromwovi ma jaqblux mal-livelli tal-Bibbja. Naturalment, mhux kulma hemm fid-dinja hu ħażin. Madankollu, aħna nistgħu nkunu ċerti li Satana se jibqaʼ juża d-dinja tiegħu biex jieħu vantaġġ mix-xewqat tagħna u jipprova jġegħelna nidinbu. Jew jipprova jġegħelna nħobbu d-dinja u nittraskuraw il-qima tagħna lil Ġeħova. (1 Ġw. 2:15, 16) Xi Kristjani tal-bidu kienu jħobbu d-dinja. Pereżempju, Pawlu kiteb: “Dema telaqni peress li ħabb din is-sistema.” (2 Tim. 4:10) Il-Bibbja ma tgħidx bl-eżatt liema aspett taʼ din id-dinja Dema kien iħobb, jiġifieri dak li ġiegħlu jabbanduna lil Pawlu. Jistaʼ jkun li Dema beda jħobb l-affarijiet materjali iktar mis-servizz tiegħu lil Ġeħova. Jekk dan kien minnu, Dema tilef l-opportunità li jkollu privileġġi eċċitanti fis-servizz t’Alla. Kien worth it? Le. Dema setaʼ jibqaʼ jkun t’għajnuna għal Pawlu. Id-dinja qatt ma setgħet toffrilu xi ħaġa aħjar milli setaʼ Ġeħova!—Prov. 10:22. w15 5/15 2:10, 11
L-Erbgħa, 5 taʼ April
“Ġeħova ħanin u grazzjuż.”—Salm 103:8.
Ġesù fehem kif ħassewhom in-nies meta kienu qed ibatu, avolja qatt ma kien fis-sitwazzjoni tagħhom. Pereżempju, kien jaf li ħafna nies kellhom ħajja iebsa. Il-mexxejja reliġjużi gidbulhom u vvintaw ħafna liġijiet li ma kinux ġejjin mingħand Alla. In-nies kienu jibżgħu minn dawn il-mexxejja. (Mt. 23:4; Mk. 7:1-5; Ġw. 7:13) Għalkemm Ġesù qatt ma beżaʼ minnhom u qatt m’emmen il-gideb tagħhom, xorta setaʼ jifhem kif ħassewhom in-nies. Ġesù kien iħossu mweġġaʼ ħafna meta kien jara kemm kienu ttrattati ħażin. Kienu ġew mitluqin għal riħhom, “bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mt. 9:36) Ġesù tgħallem minn Missieru kif iħobb lin-nies u kif ikun “ħanin u grazzjuż.” Meta Ġesù ra n-nies ibatu, għenhom għax kien iħobbhom. Kien eżatt bħal Missieru. Pereżempju, darba waħda, wara li Ġesù u l-appostli tiegħu kienu vvjaġġaw distanza twila biex jippritkaw, kienu għajjenin u kellhom bżonn jistrieħu f’xi post għall-kwiet. Imma Ġesù ra li kien hemm ħafna nies qed jistennewh. Fehem li kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu, u għalhekk għalkemm kien għajjien “beda jgħallimhom ħafna affarijiet.”—Mk. 6:30, 31, 34. w15 5/15 4:3, 4
Il-Ħamis, 6 taʼ April
“L-affarijiet li kont ngħożż kienu marbutin maʼ wlied il-bnedmin.”—Prov. 8:31.
L-ewwel Iben imwieled t’Alla hu l-aqwa eżempju tal-għerf inkredibbli taʼ Ġeħova u hu kien il-“ħaddiem tas-sengħa” taʼ Missieru. Immaġina kemm Ġesù kien ferħan u sodisfatt hekk kif Missieru “ħejja s-smewwiet” u “stabbilixxa s-sisien taʼ l-art”! Imma mill-affarijiet kollha li ħalaq Missieru, Ġesù b’mod speċjali ‘kien jgħożż lil ulied il-bnedmin.’ (Prov. 8:22-31) Iva, hu ħabb lill-bnedmin sa mill-bidu nett. Iktar tard, Ġesù wera l-lealtà u l-imħabba tiegħu lejn Missieru u l-imħabba profonda li għandu għall-bnedmin kollha meta kien lest li jinżel mis-smewwiet biex jgħix fuq l-art bħala bniedem. Ġesù bi mħabba għamel dan ħalli jkun jistaʼ jagħti ħajtu bħala “fidwa għal ħafna.”—Mt. 20:28; Flp. 2:5-8. w15 6/15 2:1, 2
Il-Ġimgħa, 7 taʼ April
“Alla bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fid-dinja biex niksbu l-ħajja permezz tiegħu.”—1 Ġw. 4:9.
Grat int għal dak li għamel għalik Ġeħova? Jekk iva, mela d-dedikazzjoni u l-magħmudija huma l-aqwa passi li għandek tieħu. Id-dedikazzjoni tiegħek hi wegħda lil Alla li se tagħmel ir-rieda tiegħu għal dejjem. Għandek tibżaʼ tagħmel wegħda bħal din? Le! Ġeħova jrid dak li hu l-aħjar għalik, u se jippremja lil dawk li jagħmlu r-rieda tiegħu. (Ebr. 11:6) Meta tiddedika ħajtek lil Alla u titgħammed, ħajtek mhux se tmur għall-agħar, anzi se tmur għall-aħjar! Ġeħova jrid l-aħjar għalik. Però, Satana hu egoist u jiġi jaqaʼ u jqum minnek. Ma jistaʼ jagħtik xejn tajjeb jekk timxi warajh. Kif jistaʼ jagħtik xi ħaġa li m’għandux? M’għandux aħbar tajba, u m’għandux tama, xejn affattu. w16.03 2:16, 18, 19
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 9 taʼ Nisan) Luqa 19:29-44
Is-Sibt, 8 taʼ April
“Missier, nirringrazzjak li smajtni. Veru, kont naf li dejjem tismagħni.”—Ġw. 11:41, 42.
Jekk trid ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova, trid tkun konvint li hu jismaʼ t-talb. Aħseb dwar dan: Qabel ma Ġesù ġie fid-dinja, ra li Ġeħova wieġeb it-talb tal-qaddejja umani Tiegħu. Meta kien fuq l-art, Ġesù talab lil Missieru tas-sema dwar ħsibijietu u s-sentimenti tiegħu. Darba minnhom, saħansitra talab lejl sħiħ. (Lq. 6:12; 22:40-46) Kien Ġesù se jagħmel hekk li kieku kien jaħseb li Ġeħova ma kienx qed jisimgħu verament? Ġesù lis-segwaċi tiegħu ukoll għallimhom kif jitolbu lil Ġeħova. Kien se jagħmel hekk li kieku kien jaħseb li Ġeħova ma jismax it-talb? B’mod ċar, Ġesù kien jaf li Ġeħova verament jismaʼ t-talb. Aħna wkoll nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jismaʼ talbna.—Salm 65:2. w15 4/15 3:11, 13
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 10 taʼ Nisan) Luqa 19:45-48; Mattew 21:18, 19; 21:12, 13
Il-Ħadd, 9 taʼ April
“Abba, Missier, kollox hu possibbli għalik; warrab minni dan il-kies. Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.”—Mk. 14:36.
Meta t-tfal tiegħek jisimgħuk titlob, jistgħu jitgħallmu jistrieħu fuq Ġeħova. Fit-talb tiegħek, titlobx lil Ġeħova biex jgħin biss lil uliedek, imma itolbu biex jgħin lilek ukoll. Ana, li tgħix il-Brażil, tgħid: “Meta qamu l-problemi, bħal meta n-nanniet kienu morda, il-ġenituri tiegħi kienu jitolbu lil Ġeħova għas-saħħa ħalli jkampaw mas-sitwazzjoni u għall-għerf ħalli jieħdu deċiżjonijiet tajbin. Anki meta kellhom pressjoni kbira, ħallew il-problemi tagħhom f’idejn Ġeħova. B’hekk, tgħallimt nistrieħ fuq Ġeħova.” Meta wliedek jisimgħuk titlob lil Ġeħova biex jagħtik il-kuraġġ ħalli tagħti xhieda lil ġar jew biex issaqsi lill-imgħallem tiegħek għal-leave ħalli tkun tistaʼ tattendi l-konvenzjoni, huma se jirrealizzaw li int tistrieħ fuq Ġeħova għall-għajnuna u se jitgħallmu li għandhom jagħmlu l-istess. w15 11/15 1:7, 8
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 11 taʼ Nisan) Luqa 20:1-47
It-Tnejn, 10 taʼ April
“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.”—Mt. 22:37.
Wieħed mill-aħjar modi kif issaħħaħ l-imħabba tiegħek għal Ġeħova hu billi taħseb bis-serjetà dwar il-fidwa, l-akbar għotja li Alla ta lill-bnedmin. (2 Kor. 5:14, 15; 1 Ġw. 4:9, 19) Meta tagħmel dan se tkun trid turi l-gratitudni tiegħek għal din l-għotja mill-isbaħ. Il-gratitudni tiegħek għall-fidwa tistaʼ tiġi spjegata b’dan il-mod: Immaġina li qed tegħreq u xi ħadd isalvak. Kieku int sempliċement tmur id-dar, tixxotta lilek innifsek, u tinsa x’għamel dak l-individwu għalik? Żgur li le! Int dejjem se tħossok grat lejn l-individwu li salvalek ħajtek! B’mod simili, għandna nkunu grati ferm lejn Ġeħova u Ġesù għall-fidwa. Minħabba l-imħabba li għandhom għalina, aħna issa għandna t-tama li ngħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art! w16.03 2:16, 17
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 12 taʼ Nisan) Luqa 22:1-6; Marku 14:1, 2, 10, 11
Data tat-Tifkira
wara nżul ix-xemx
It-Tlieta, 11 taʼ April
“Kristu miet għalina.”—Rum. 5:8.
Ġeħova kellu fiduċja sħiħa fl-Iben uniġenitu tiegħu, li kien leali lejh fis-sema għal żmien bla għadd. Fuq l-art, minkejja l-iktar provi diffiċli, Ġesù baqaʼ leali u appoġġa d-dritt taʼ Ġeħova li jmexxi. Aħna għandna nkunu grati li permezz tal-mewt tiegħu, Ġesù ħallas il-prezz tal-fidwa għax ta lin-nies l-opportunità li jgħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla! L-appostlu Ġwanni kiteb: “B’dan intweriet l-imħabba t’Alla għalina, għax Alla bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fid-dinja biex niksbu l-ħajja permezz tiegħu. L-imħabba qiegħda f’dan: li mhux aħna ħabbejna lil Alla, imma hu ħabbna u bagħat lil Ibnu bħala sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.”—1 Ġw. 4:9, 10. w15 11/15 3:13, 14
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 13 taʼ Nisan) Luqa 22:7-13; Marku 14:12-16 (Ġrajjiet wara nżul ix-xemx: 14 taʼ Nisan) Luqa 22:14-65
L-Erbgħa, 12 taʼ April
“Il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.”—Rum. 5:12.
Kulħadd wiret id-dnub u l-mewt minn Adam, u allura ħadd ma jistaʼ jgħid, “M’għandix bżonn il-fidwa.” Anki l-iktar qaddej leali t’Alla għandu bżonn l-għotja tal-fidwa. Kull wieħed minna nħafirlu balla dejn! L-imħabba u l-ħniena taʼ Ġeħova, x’għandhom iqanqluna nagħmlu? Ġejt imweġġaʼ minn xi ħu? Issibha diffiċli biex taħfirlu? Għandna nimitaw lil Ġeħova, li ‘lest li jaħfer.’ (Neħ. 9:17; Salm 86:5) Jekk napprezzaw il-ħniena kbira taʼ Ġeħova, aħna se nuru ħniena m’oħrajn u naħfrulhom mill-qalb. Jekk ma nħobbux lil ħutna u ma naħfrulhomx, ma nistgħux nistennew li Ġeħova jħobbna u jaħfrilna. (Mt. 6:14, 15) Għalkemm meta naħfru ma nbiddlux il-passat, aħna nistgħu nkunu ċerti li dan jistaʼ jbiddel il-futur tagħna għall-aħjar. w16.01 2:5, 15-17
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 14 taʼ Nisan) Luqa 22:66-71
Il-Ħamis, 13 taʼ April
“Intom li ġejtu warajja toqogħdu wkoll bil-qiegħda fuq tnax-il tron, tiġġudikaw lit-tnax-il tribù taʼ Israel.”—Mt. 19:28.
Ġesù qal il-kliem t’hawn fuq biex jgħin lil Pietru u d-dixxipli l-oħra jimmaġinaw lilhom infushom imexxu maʼ Ġesù fis-sema u jgħinu lill-bnedmin ubbidjenti fuq l-art biex isiru perfetti. Tgħallimna x’għen lill-qaddejja taʼ Ġeħova jkollhom fidi b’saħħitha. Abel immaġina l-wegħda taʼ Ġeħova dwar futur aħjar, u minħabba l-fidi li kellu f’dik il-wegħda, hu għoġob lil Ġeħova. Abraham immaġina ż-żmien meta kienu se jitwettqu l-wegħdi taʼ Ġeħova dwar in-‘nisel,’ u għalhekk obda lil Ġeħova anke meta dan kien diffiċli ħafna. (Ġen. 3:15) Mosè ħares ’il quddiem għall-premju li kien wiegħdu Ġeħova, u dan għenu jħobb lil Ġeħova u jkun leali. (Ebr. 11:26) Meta nimmaġinaw iż-żmien meta Ġeħova se jagħmel dak kollu li wiegħed, il-fidi u l-imħabba tagħna għal Ġeħova wkoll jissaħħu. w15 5/15 3:17, 18
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 15 taʼ Nisan) Mattew 27:62-66
Il-Ġimgħa, 14 taʼ April
Kristu ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.—1 Pt. 2:21.
Individwu li jrid ikun Kristjan matur jimita l-eżempju taʼ Ġesù u jkun irid jifhem il-Bibbja kemm jistaʼ jkun. B’mod regulari dan ifittex fl-Iskrittura għal veritajiet profondi, għax hu jaf li “l-ikel solidu hu għan-nies maturi.” (Ebr. 5:14) Kristjan matur irid ikollu “għarfien eżatt” tal-Bibbja. (Efes. 4:13) Allura staqsi lilek innifsek: ‘Naqra jien il-Bibbja kuljum? Għandi skeda għall-istudju persunali? Nagħmel il-qima bħala familja kull ġimgħa?’ Meta tistudja l-Bibbja, fittex għal prinċipji li jistgħu jgħinuk tkun taf kif Ġeħova jaħseb u kif iħossu. Imbagħad uża dawn il-prinċipji meta tiġi biex tieħu deċiżjonijiet. Dan se jgħinek tersaq saħansitra eqreb lejn Ġeħova. w15 9/15 1:5, 9, 10
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 16 taʼ Nisan) Luqa 24:1-12
Is-Sibt, 15 taʼ April
“Kristu hu l-qawwa t’Alla.”—1 Kor. 1:24.
Ġesù jifhem għalkollox kif taħdem in-natura. Hu jaf kif juża u jikkontrolla l-elementi kollha tan-natura. Meta Ġesù kien fuq l-art, wera li kellu l-qawwa t’Alla billi kkontrolla l-forzi tan-natura. Ġib quddiem għajnejk dak li kien qed jiġri: Il-mewġ kien qed iħabbat mad-dgħajsa b’qawwa kbira u d-dgħajsa kienet qed timtela bl-ilma. Minkejja l-ħoss kbir tal-maltempata u l-fatt li d-dgħajsa kienet qed tiġi mitfugħa ’l hemm u ’l hawn, Ġesù baqaʼ rieqed għax kien għajjien mejjet. Imma d-dixxipli kienu qed jibżgħu, u għalhekk qajmu lil Ġesù u qalu: “Se nintilfu!” (Mt. 8:25) Ġesù kif wieġeb? Qam u qal lir-riħ u l-baħar: “Iskot! Oqgħod kwiet!” (Mk. 4:39) Din il-maltempata kbira waqfet, u “waqgħet kalma kbira.” X’eżempju tal-għaġeb taʼ kif Ġesù għandu l-qawwa biex jikkontrolla l-forzi tan-natura! w15 6/15 1:12-14
Il-Ħadd, 16 taʼ April
“Agħtina llum ħobżna għal dan il-jum.”—Mt. 6:11.
Wara li Ġesù għallem it-talba mudell, hu għallimna biex ma niffokawx fuq affarijiet materjali. Hu qal li jekk Ġeħova jieħu ħsieb il-fjuri salvaġġi, “kemm iktar ilibbes lilkom, intom taʼ fidi żgħira?” Imbagħad, hu rripeta: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada.” (Mt. 6:30-34) M’hemmx għalfejn ninkwetaw dwar il-bżonnijiet li se jkollna fil-futur. Minflok, għandna nkunu kuntenti bil-bżonnijiet bażiċi taʼ kuljum. Pereżempju, nistgħu nitolbu biex ikollna fejn noqogħdu, impjieg ħalli nieħdu ħsieb il-familja tagħna, u l-għerf ħalli nieħdu deċiżjonijiet tajba dwar saħħitna. Imma hemm xi ħaġa saħansitra iktar importanti li għandna bżonn nitolbu għaliha. “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mt. 4:4) Allura, irridu nitolbu biex Ġeħova jkompli jgħallimna u jagħtina dak li għandna bżonn biex nibqgħu qrib tiegħu. w15 6/15 5:4, 7, 8
It-Tnejn, 17 taʼ April
“Iddaħħalniex fit-tentazzjoni.”—Mt. 6:13.
Ibqaʼ itlob lil Ġeħova biex jgħinek tiċħad l-immoralità u tagħmel dak li hu tajjeb anke meta jkun diffiċli. Qabel ma tgħallimna dwar Ġeħova, jistaʼ jkun li konna nieħdu pjaċir nagħmlu affarijiet li hu ma jiħux pjaċir bihom, u jistaʼ jkun li għadna qed niġġieldu kontra dawn ix-xewqat ħżiena. Imma Ġeħova jistaʼ jgħinna ninbidlu u nagħmlu dak li jogħġbu. Pereżempju, wara li s-Sultan David kellu relazzjoni sesswali maʼ Bat-seba, hu nidem u talab bil-ħrara lil Ġeħova biex jagħtih “qalb pura,” jew nadifa, u biex jgħinu jkun ubbidjenti. (Salm 51:10, 12) Għalhekk, jekk fil-passat kellna xewqat immorali b’saħħithom u għadna qed niġġieldu kontrihom, Ġeħova jistaʼ jgħinna jkollna xewqa saħansitra iktar b’saħħitha biex nobduh u nagħmlu dak li hu tajjeb. Jistaʼ jgħinna wkoll nikkontrollaw il-ħsibijiet imperfetti tagħna.—Salm 119:133. w15 6/15 3:5, 6
It-Tnejn, 18 taʼ April
“Fil-kotra taʼ dawk li jagħtu l-pariri hemm is-salvazzjoni.”—Prov. 24:6.
Uħud imdaħħlin fiż-żmien fostna jiftakru meta l-kongregazzjonijiet kellhom qaddej tal-kongregazzjoni minflok ġemgħa tal-anzjani, meta l-pajjiżi kellhom qaddej tal-fergħa minflok Kumitat tal-Fergħa, jew meta l-president tal-Watch Tower Society kien jagħti d-direzzjoni minflok il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Avolja dawn l-aħwa kollha kellhom assistenti leali, xorta waħda individwu wieħed bażikament kien responsabbli biex jieħu d-deċiżjonijiet fil-kongregazzjonijiet, fl-uffiċċji tal-fergħa, jew fil-kwartieri ġenerali. Wara l-1970, saru aġġustamenti sabiex gruppi t’anzjani jkollhom ir-responsabbiltà li jieħdu d-deċiżjonijiet minflok individwu wieħed. Dawn l-aġġustamenti kienu bbażati fuq fehma aħjar tal-Iskrittura. Minflok ma jkun hemm individwu wieħed li jieħu d-deċiżjonijiet kollha, l-organizzazzjoni tibbenefika mill-kwalitajiet tajbin tal-anzjani kollha, li huma “rġiel bħala għotjiet” mingħand Ġeħova.—Efes. 4:8. w15 7/15 1:14, 15
L-Erbgħa, 19 taʼ April
“M’humiex parti mid-dinja.”—Ġw. 17:16.
Bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova, aħna newtrali u ma ninvolvux ruħna fi kwistjonijiet li jifirdu n-nies, bħal kwistjonijiet taʼ nazzjonalità, razza, jew kultura. Għala? Għax inħobbu lil Ġeħova, leali lejh, u nobduh. (1 Ġw. 5:3) Ngħixu fejn ngħixu jew ġejjin minn fejn ġejjin, aħna nimxu mal-livelli t’Alla. Il-lealtà lejn Ġeħova u s-Saltna tiegħu hi iktar importanti minn kwalunkwe ħaġ’oħra. (Mt. 6:33) Għalhekk nistgħu ngħidu li ‘m’aħniex parti mid-dinja.’ (Ġw. 17:11, 15,16; Is. 2:4) Ħafna nies fid-dinja llum huma leali lejn il-pajjiż, it-tribù, il-kultura, jew saħansitra t-team tal-isports tagħhom. B’dispjaċir, dan irriżulta f’li ħafna minnhom jikkompetu maʼ xulxin, jobogħdu lil xulxin, u kultant joqtlu lil dawk li ma jżommux magħhom. Kapaċi tibqaʼ newtrali, jew tiġbed lejn naħa jew oħra? w15 7/15 3:1, 2
Il-Ħamis, 20 taʼ April
“Ħa jsir kollox bid-deċenza u bl-ordni.”—1 Kor. 14:40.
Ġeħova hu Alla nadif u qaddis. Hu Alla t’ordni. Huwa għalhekk li għandna nżommu s-Sala tas-Saltna tagħna nadifa u f’ordni. (1 Kor. 14:33) Sabiex inkunu nodfa u qaddisin bħal Ġeħova, mhux biss irridu nżommu l-qima tagħna, il-ħsibijiet tagħna, u l-azzjonijiet tagħna nodfa, imma rridu nżommu wkoll ġisimna nadif. (Riv. 19:8) Meta nżommu s-Sala tas-Saltna tagħna nadifa u f’ordni, inkunu kburin biex nistiednu lin-nies għal-laqgħat tagħna. U n-nies se jinnotaw li aħna verament inpoġġu fil-prattika dak li nippritkaw dwar dinja ġdida nadifa. Huma se jaraw li nqimu Alla qaddis u nadif li se jagħmel din l-art ġenna sabiħa. (Is. 6:1-3; Riv. 11:18) Ngħixu fejn ngħixu, għandna nżommu s-Sala tas-Saltna nadifa u f’ordni. Huwa l-post fejn inqimu lil Ġeħova.—Dt. 23:14. w15 7/15 4:13-15
Il-Ġimgħa, 21 taʼ April
“Ibqgħu għassa.”—Mk. 13:35.
Meta s-segwaċi taʼ Ġesù fehmu li kien beda jsaltan fl-1914, irrealizzaw li t-tmiem jistaʼ jiġi fi kwalunkwe żmien. Allura ppreparaw għalih billi taw spinta lix-xogħol tal-ippritkar. Ġesù qal li jistaʼ jkun li jiġi iktar tard, “x’ħin jidden is-serduq jew kmieni fil-għodu.” Li kieku kellu jiġri dan, is-segwaċi tiegħu x’kien se jkollhom jagħmlu? Ġesù qal: “Ibqgħu għassa.” Għalhekk, anke jekk inħossu li ilna żmien twil nistennew, dan ma jfissirx li t-tmiem baqagħlu ħafna biex jiġi jew li se nilħqu mmutu qabel ma jiġi. Immaġina li int fid-dinja l-ġdida. Il-ġrajjiet kollha li kienu ġew ipprofetizzati dwar l-agħar jiem seħħew eżatt bħalma kien qal Ġeħova. Int tafda f’Ġeħova iktar minn qatt qabel, u int saħansitra iktar ċert li se jagħmel l-affarijiet l-oħra kollha li wiegħed. (Ġoż. 23:14) Kemm int grat li Ġeħova għażel l-aħjar ħin biex iġib it-tmiem u li wissa lin-nies tiegħu biex jibqgħu jistennew!—Atti 1:7; 1 Pt. 4:7. w15 8/15 2:10, 11, 14
Is-Sibt, 22 taʼ April
“Kulmin jixtieq jgħix bid-devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.”—2 Tim. 3:12.
Bħala divertiment, ħafna nies illum jaraw jew jagħmlu affarijiet li huma vjolenti jew immorali jew inkella jagħmlu affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-maġija u d-demoniżmu. Pereżempju, l-Internet, programmi tat-televixin, films, kotba, u rivisti spiss jagħmlu l-vjolenza u l-immoralità jidhru li huma aċċettabbli. U mġiba li qabel kienet tixxokkja lin-nies tant saret aċċettabbli li issa f’xi postijiet saret legali. Imma dan ma jfissirx li Ġeħova japprova mġiba bħal din. (Rum. 1:28-32) Fl-ewwel seklu, in-nies ukoll raw affarijiet li kienu vjolenti u immorali. Imma dan ma kienx minnu fil-każ tas-segwaċi taʼ Ġesù, għax dawn għexu fi qbil mal-livelli t’Alla. Dan ‘ħawwad’ lin-nies taʼ madwarhom. X’kien ir-riżultat? In-nies għaddew biż-żmien lill-Kristjani u ppersegwitawhom.—1 Pt. 4:4. w15 8/15 4:2, 3
Il-Ħadd, 23 taʼ April
“Skond ix-xogħol taʼ kull membru rispettiv bi qjies xieraq, jaħdem għat-tkabbir tal-ġisem biex jibni lilu nnifsu fl-imħabba.”—Efes. 4:16.
Kristjan matur jagħmel kulma jistaʼ biex il-kongregazzjoni tibqaʼ magħquda. (Efes. 4:1-6, 15) Bħala Kristjani, il-mira tagħna hi li nkunu ‘magħqudin flimkien b’mod armonjuż,’ jiġifieri, li naħdmu flimkien f’unità. Biex ikollna dan it-tip taʼ unità, Kristjan irid ikun umli. Għalhekk, anke meta jiġi effettwat mill-imperfezzjonijiet t’oħrajn, Kristjan matur jaħdem iebes biex iżomm l-unità tal-kongregazzjoni b’saħħitha. Għalhekk, staqsi lilek innifsek: ‘Kif nirreaġixxi jien meta ħu jew oħt tagħmel żball? Kif inħossni meta xi ħadd iweġġagħni? Għandi ħabta ma nibqax inkellimha t-tali persuna? Jew nipprova nirranġa r-relazzjoni?’ Kristjan matur irid jegħleb il-problema u mhux ikun problema għal ħaddieħor. Hija l-mira tiegħek li tagħmel l-istess ħaġa? w15 9/15 1:12, 13
It-Tnejn, 24 taʼ April
“Kelmtek hi l-verità.”—Ġw. 17:17.
Ġesù kien konvint li l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla u li tagħtina l-aqwa pariri. Biex nimitaw lil Ġesù, irridu naqraw il-Bibbja kuljum, nistudjawha, u nimmeditaw fuq il-lezzjonijiet li nitgħallmu minnha. Ukoll, irridu nfittxu għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet li jaf ikollna. Pereżempju, temmen int b’mod sod li qed ngħixu fl-aħħar jiem? Saħħaħ il-fiduċja tiegħek li t-tmiem hu fil-qrib billi tistudja profeziji tal-Bibbja li juru b’mod ċar u tond li qed ngħixu fl-aħħar jiem. Tixtieq issaħħaħ il-fidi tiegħek fil-wegħdi t’Alla għall-futur? Mela studja l-profeziji tal-Bibbja li diġà twettqu. Tassew temmen li l-Bibbja hi prattika llum il-ġurnata? Int tistaʼ taqra dwar aħwa rġiel u nisa li biddlu ħajjithom għall-aħjar grazzi għall-għajnuna tal-Bibbja. (1 Tess. 2:13) Tistaʼ wkoll timita lil Ġesù billi timmedita fuq il-wegħdi mill-isbaħ taʼ Ġeħova. (Ebr. 12:2) Qis dawn il-wegħdi bħala wegħdi li Alla għamel miegħek persunalment, u mhux biss wegħdi li għamel man-nies inġenerali. w15 9/15 3:16, 17
It-Tlieta, 25 taʼ April
“Onora lil Ġeħova bl-affarijiet prezzjużi tiegħek.”—Prov. 3:9.
Aħna nuru l-imħabba tagħna għal Alla billi nużaw dak kollu li għandna biex nonorawh. Pereżempju, nistgħu nagħtu kontribuzzjonijiet biex nappoġġaw ix-xogħol tas-Saltna fil-kongregazzjoni tagħna stess u madwar id-dinja kollha. Kemm jekk għandna ħafna u kemm jekk għandna ftit materjalment, ilkoll nistgħu nużaw dak li għandna biex nesprimu mħabbitna għal Ġeħova. (2 Kor. 8:12) Imma hemm modi oħra kif nistgħu nuru lil Ġeħova li nħobbuh. Ġesù għallimna biex nibqgħu nfittxu l-ewwel is-Saltna u biex ma nkunux ansjużi dwar x’se nieklu jew x’se nilbsu. Missierna jwiegħed li se jagħtina dak li għandna bżonn. (Mt. 6:31-33) Aħna nafdaw f’Ġeħova u nafu li se jżomm il-wegħda tiegħu. Wara kollox, meta tassew tħobb lil xi ħadd, tafdah. Infatti, iktar ma nafdaw f’Ġeħova, iktar se nuruh li nħobbuh. (Salm 143:8) Għalhekk, għandna mnejn nistaqsu lilna nfusna: ‘Il-pjanijiet tiegħi u l-mod kif nuża l-ħin u l-enerġija tiegħi juru li tassew inħobb lil Ġeħova? Nafda jien li kuljum Ġeħova se jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħi?’ w15 9/15 5:7, 8
L-Erbgħa, 26 taʼ April
Mingħajr fidi impossibbli li togħġob lil Alla sew.—Ebr. 11:6.
Qatt saqsejt lilek innifsek, ‘Ġeħova se jkun irid isalvani matul it-tribulazzjoni l-kbira?’ Ħtieġa importanti ħafna hi li nsaħħu l-fidi tagħna. L-appostlu Pietru tkellem dwar fidi li “tgħaddi mill-provi.” (1 Pt. 1:7) It-tribulazzjoni l-kbira tinsab fil-qrib ferm, u aħna rridu nkunu “t-tip [ta’ nies] li għandna l-fidi biex inżommu ruħna ħajja.” (Ebr. 10:39) Għalhekk, għandna naħdmu iebes biex insaħħu l-fidi tagħna. Irridu nkunu fost dawk li se jiġu premjati meta jiġi rrivelat Ġesù Kristu, is-Sultan tagħna. Għaldaqstant, bħal dak ir-raġel li talab bil-ħeġġa lil Ġesù għal iktar fidi, aħna wkoll nistgħu ngħidu: “Għinni fejn neħtieġ il-fidi!” (Mk. 9:24) Jew, bħall-appostli, forsi ngħidu wkoll: “Agħtina iktar fidi.”—Lq. 17:5. w15 10/15 2:1, 2
Il-Ħamis, 27 taʼ April
“Ħa nneħħu aħna wkoll kull piż.”—Ebr. 12:1.
L-appostlu Pawlu ffoka fuq “dak li hu iktar importanti.” Hu ħadem iebes ħafna biex jipprietka u jivvjaġġa f’ħafna postijiet, inkluż is-Sirja, l-Asja Minuri, il-Maċedonja, u l-Lhudija. Pawlu qal: “Waqt li ninsa l-affarijiet taʼ warajja u niġġebbed biex nilħaq l-affarijiet li hemm quddiemi, qed niġri lejn il-mira għall-premju.” (Flp. 1:10; 3:8, 13, 14) Pawlu ma kienx miżżewweġ, u dan għenu biex ‘jaqdi lill-Mulej il-ħin kollu u mingħajr distrazzjoni.’ (1 Kor. 7:32-35) Bħal Pawlu, xi qaddejja taʼ Ġeħova llum jagħżlu li ma jiżżewġux ħalli jkunu jistgħu jagħmlu iktar fis-servizz taʼ Ġeħova. (Mt. 19:11, 12) Nies mhux miżżewġa spiss ikollhom inqas responsabbiltajiet tal-familja min-nies miżżewġa. Iżda kemm jekk aħna miżżewġin u kemm jekk le, ilkoll nistgħu ‘nneħħu kull piż’ li jistaʼ jaljenana milli naqdu lil Ġeħova. Għandu mnejn ikollna bżonn innaqqsu mid-drawwiet tagħna li jiħdulna l-ħin u nagħmlu miri li jgħinuna nżidu fil-ħin li nqattgħu fis-servizz t’Alla. w15 10/15 3:15, 16
Il-Ġimgħa, 28 taʼ April
“In-nies mill-agħar u l-impusturi jibqgħu sejrin mill-ħażin għall-agħar.”—2 Tim. 3:13.
Il-Bibbja tgħid: “Jien naf, O Ġeħova, li triq il-bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-passi tiegħu.” (Ġer. 10:23) L-istorja wriet biċ-ċar li dan il-kliem hu minnu. Ġeħova ma ħalaqx lin-nies bl-abbiltà jew bid-dritt li jmexxu lilhom infushom mingħajr id-direzzjoni tiegħu. Minħabba li Ġeħova ħalla l-ħażen ikompli għal ċertu żmien, hu ta prova wkoll li t-tmexxija tiegħu biss hi tajba. Fil-futur, Alla se jeqred il-ħażen kollu. Wara dan, jekk xi ħadd jiddubita l-mod kif Alla jmexxi bi mħabba, Ġeħova se jaġixxi mill-ewwel. Hu jistaʼ juża l-istorja tal-umanità bħala prova li ribelli bħal dawn għandhom jitneħħew minnufih. Qatt mhu se jerġaʼ jkun hawn il-ħażen. w15 11/15 3:5, 6
Is-Sibt, 29 taʼ April
L-Alla tal-paċi jarmakom b’kull ħaġa tajba biex tagħmlu r-rieda tiegħu.—Ebr. 13:20, 21.
Ġesù kien iħobb jitkellem dwar is-Saltna t’Alla. Waqt li Ġesù kien fuq l-art, tkellem iktar dwar is-Saltna minn kwalunkwe ħaġ’oħra. Hu semma s-Saltna iktar minn 100 darba matul il-ministeru tiegħu. Is-Saltna kienet verament importanti għal Ġesù. (Mt. 12:34) Ftit wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù ltaqaʼ maʼ grupp taʼ iktar minn 500. (1 Kor. 15:6) Forsi dan ġara meta Ġesù ta l-kmand biex jippritkaw lin-“nies tal-ġnus kollha.” Dax-xogħol ma kienx se jkun faċli. Hu qalilhom li l-ippritkar kellu jdum għal żmien twil, “sal-konklużjoni tas-sistema.” Meta tipprietka l-aħbar tajba llum, tkun qed tgħin biex titwettaq din il-profezija. (Mt. 28:19, 20) Ġeħova tana “kull ħaġa tajba” biex jgħinna nippritkaw. w15 11/15 5:1-3
Il-Ħadd, 30 taʼ April
“Dan hu ismi għal dejjem.”—Eżo. 3:15.
L-isem t’Alla hu rrappreżentat minn erbaʼ ittri Ebrajċi li jissejħu t-Tetragrammaton. Aħna nistgħu nsibu t-Tetragrammaton f’ħafna manuskritti Ebrajċi antiki, bħar-Rombli tal-Baħar il-Mejjet. Nistgħu nsibu dan ukoll f’xi kopji tas-Settanta Griega. Dawn il-kopji ilhom li saru, fil-fatt saru 200 sena QK u damu jinkitbu sa 100 sena WK. Ħafna nies jibqgħu impressjonati meta jaraw kemm l-isem t’Alla jidher spiss f’manuskritti antiki. B’mod ċar, l-isem t’Alla għandu jkun fil-Bibbja. Però, ħafna tradutturi ma jużawx l-isem t’Alla. Fl-1952 ġiet ippubblikata r-reviżjoni tal-American Standard Version. L-edizzjoni tal-1901 użat l-isem t’Alla, imma r-reviżjoni tal-1952 m’użatux. Għala? It-tradutturi tagħha ħassew li “xejn mhu xieraq” li jintuża l-isem t’Alla. Ħafna tradutturi li ttraduċew kemm bl-Ingliż u kemm b’lingwi oħra, għamlu l-istess. w15 12/15 2:3-5