LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es17 pp. 47-57
  • Mejju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mejju
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
  • Sottitli
  • It-​Tnejn, 1 taʼ Mejju
  • It-​Tlieta, 2 taʼ Mejju
  • L-​Erbgħa, 3 taʼ Mejju
  • Il-​Ħamis, 4 taʼ Mejju
  • Il-​Ġimgħa, 5 taʼ Mejju
  • Is-​Sibt, 6 taʼ Mejju
  • Il-​Ħadd, 7 taʼ Mejju
  • It-​Tnejn, 8 taʼ Mejju
  • It-​Tlieta, 9 taʼ Mejju
  • L-​Erbgħa, 10 taʼ Mejju
  • Il-​Ħamis, 11 taʼ Mejju
  • Il-​Ġimgħa, 12 taʼ Mejju
  • Is-​Sibt, 13 taʼ Mejju
  • Il-​Ħadd, 14 taʼ Mejju
  • It-​Tnejn, 15 taʼ Mejju
  • It-​Tlieta, 16 taʼ Mejju
  • L-​Erbgħa, 17 taʼ Mejju
  • Il-​Ħamis, 18 taʼ Mejju
  • Il-​Ġimgħa, 19 taʼ Mejju
  • Is-​Sibt, 20 taʼ Mejju
  • Il-​Ħadd, 21 taʼ Mejju
  • It-​Tnejn, 22 taʼ Mejju
  • It-​Tlieta, 23 taʼ Mejju
  • L-​Erbgħa, 24 taʼ Mejju
  • Il-​Ħamis, 25 taʼ Mejju
  • Il-​Ġimgħa, 26 taʼ Mejju
  • Is-​Sibt, 27 taʼ Mejju
  • Il-​Ħadd, 28 taʼ Mejju
  • It-​Tnejn, 29 taʼ Mejju
  • It-​Tlieta, 30 taʼ Mejju
  • L-​Erbgħa, 31 taʼ Mejju
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
es17 pp. 47-57

Mejju

It-​Tnejn, 1 taʼ Mejju

Huma stagħġbu bil-​kliem ħelu li ħareġ minn fommu.—Lq. 4:22.

Se nkunu nistgħu nitkellmu man-​nies b’qalb tajba jekk nirrispettawhom u jekk jinteressana mis-​sentimenti tagħhom. Ġesù hekk għamel. Pereżempju, meta ra folla tagħmel sforz kbir biex tisimgħu, hu kien ferħan ħafna li jqattaʼ ħin magħhom u jgħallimhom. (Mk. 6:34) Anki meta n-​nies għajruh, Ġesù m’għajjarx lura. (1 Pt. 2:23) Għalkemm inħobbu l-​familja u l-​ħbieb tagħna, jistaʼ jkun li ngħidulhom affarijiet li jweġġgħu għax nafuhom sew u għandna kunfidenza magħhom. Forsi naħsbu li m’għandniex għalfejn noqogħdu attenti kif inkellmuhom. Imma Ġesù qatt ma kien kattiv meta tkellem mal-​ħbieb tiegħu. Meta xi wħud minnhom argumentaw dwar min minnhom kien l-​akbar, hu kkoreġiehom b’qalb tajba u uża eżempju taʼ tifel żgħir biex jgħinhom ibiddlu l-​mod taʼ kif kienu qed jaħsbu. (Mk. 9:33-​37) L-​anzjani jistgħu jimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù billi jagħtu pariri lil oħrajn bil-​ħlewwa.—Gal. 6:1. w15 12/15 3:15, 16

It-​Tlieta, 2 taʼ Mejju

“Komplu uru mħabbitkom lejn l-​aħwa.”—Ebr. 13:1.

Għala hu neċessarju li nkomplu nuru mħabbitna lejn l-​aħwa? L-​iktar raġuni importanti għala nuru mħabba lejn l-​aħwa hi li Ġeħova stess jgħidilna biex nagħmlu dan. Ma nistgħux inħobbu verament lil Ġeħova jekk nirrifjutaw li nħobbu lil ħutna. (1 Ġw. 4:7, 20, 21) Raġuni oħra hi li għandna bżonn lil xulxin, speċjalment matul żminijiet diffiċli. Meta Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Kristjani Ebrej, kien jaf li xi wħud ma kienx fadlilhom ħafna żmien biex jitilqu d-​djar tagħhom u l-​affarijiet personali tagħhom. Ġesù kien iddeskriva kemm kien se jkun diffiċli dan iż-​żmien. (Mk. 13:14-​18; Lq. 21:21-​23) Allura, qabel ma wasal dak iż-​żmien, dawk il-​Kristjani kellhom bżonn isaħħu l-​imħabba li kellhom għal xulxin. (Rum. 12:9) L-​akbar tribulazzjoni fl-​istorja umana daqt tasal. (Mk. 13:19; Riv. 7:1-​3) Imma mhux biżżejjed li niltaqgħu flimkien b’mod regulari biss. Pawlu fakkar lill-​Kristjani Ebrej li għandhom jinkuraġġixxu lil xulxin biex juru mħabba u biex jagħmlu l-​ġid maʼ xulxin.—Ebr. 10:24, 25. w16.01 1:6-​8

L-​Erbgħa, 3 taʼ Mejju

“Ilkoll imtlew bl-​ispirtu qaddis.”—Atti 2:4.

Kienet il-​Festa taʼ Pentekoste tas-​sena 33 WK. Grupp taʼ 120 dixxiplu taʼ Ġesù kienu qed jitolbu flimkien f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. (Atti 1:13-​15) Tmien mitt sena qabel, il-​profeta Ġoel kien kiteb dwar din il-​ġrajja. (Ġoel 2:28-​32; Atti 2:16-​21) F’Pentekoste tas-​sena 33 WK, Alla ta lil dawk il-​Kristjani l-​ispirtu qaddis tiegħu, u dawn saru midlukin. (Atti 1:8) Imbagħad, folla bdiet tinġabar madwarhom, u d-​dixxipli bdew jitkellmu dwar l-​affarijiet mill-​isbaħ li kienu għadhom kif raw u semgħu. L-​appostlu Pietru spjega x’kien għadu kif seħħ u għala dan kien tant importanti. Imbagħad, qal lill-​folla: “Indmu, u ħa jitgħammed kull wieħed minnkom f’isem Ġesù Kristu għall-​maħfra tad-​dnubiet, u tirċievu l-​ispirtu qaddis bħala għotja b’xejn.” Dakinhar, tgħammdu madwar 3,000 persuna, u dawn ukoll irċivew l-​ispirtu qaddis.—Atti 2:37, 38, 41. w16.01 3:1-​3

Il-​Ħamis, 4 taʼ Mejju

“Kulmin jiekol il-​ħobża jew jixrob il-​kies tal-​Mulej, mingħajr ma jkun jistħoqqlu, ikun ħati tal-​ġisem u d-​demm tal-​Mulej.”—1 Kor. 11:27.

Midluk kif jistaʼ jieħu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira “mingħajr ma jkun jistħoqqlu”? Jekk ma jżommx relazzjoni tajba maʼ Ġeħova u ma jkunx leali lejh, imbagħad ikun qed juri diżrispett meta jieħu mill-​ħobż u l-​inbid. (Ebr. 6:4-​6; 10:26-​29) Din it-​twissija soda tfakkar lill-​midlukin li jridu jibqgħu leali jekk iridu jirċievu “l-​premju tas-​sejħa t’Alla għal hemm fuq permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Flp. 3:13-​16) Pawlu qal lill-​Kristjani midlukin: “Jien, il-​priġunier fil-​Mulej, nitlobkom bil-​ħrara biex timxu kif jixraq lis-​sejħa li biha kontu msejħin.” Kif jistgħu jagħmlu dan? Pawlu spjega: “B’umiltà sħiħa u ħlewwa, b’sabar fit-​tul, waqt li tissaportu lil xulxin bl-​imħabba, u tagħmlu ħilitkom biex bil-​ħeġġa kollha tħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu fir-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi.” (Efes. 4:1-​3) L-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova jgħin lill-​qaddejja tiegħu jkunu umli, u mhux kburin.—Kol. 3:12. w16.01 4:5, 6

Il-​Ġimgħa, 5 taʼ Mejju

“L-​Alla l-​veru għadda lil Abraham minn prova.”—Ġen. 22:1.

Ġib quddiem għajnejk lil Abraham taʼ 125 sena tielaʼ muntanja bil-​mod. Warajh hemm ibnu Iżakk, li għandu madwar 25 sena. Iżakk qed iġorr il-​ħatab, u Abraham għandu sikkina u l-​affarijiet li għandu bżonn biex iqabbad in-​nar. Il-​vjaġġ probabbli hu l-​iktar vjaġġ diffiċli li qatt għamel Abraham. Imma dan mhux minħabba li hu avvanzat fl-​età. Xorta għad għandu ħafna enerġija. Il-​vjaġġ hu diffiċli għax Ġeħova saqsieh biex jissagrifika lil ibnu! (Ġen. 22:1-​8) Dan abbli kien l-​akbar prova tal-​fidi t’Abraham. Imma Abraham ma qabadx u obda lil Alla bla ħsieb taʼ xejn. Hu obda għax kellu l-​fidi vera. Kien jaf li Ġeħova qatt ma kien se jitolbu jagħmel xi ħaġa li kienet se tikkaġuna ħsara permanenti. Abraham kien jaf li jekk jobdi, Ġeħova kien se jbierek lilu u lil ibnu l-​għażiż. Abraham x’kellu bżonn biex ikollu fidi tant b’saħħitha? Kellu bżonn l-​għarfien u l-​esperjenza. w16.02 1:3, 4

Is-​Sibt, 6 taʼ Mejju

“Ara! L-​ilsira taʼ Ġeħova! Ħa jsir minni skond dak li għedt.”—Lq. 1:38.

Marija kellha tinqabad tqila, u twelled u trabbi lill-​Iben t’Alla! Spiss nitkellmu dwar l-​unur kbir li ngħatat Marija. Imma fuqiex setgħet inkwetat? Pereżempju, l-​anġlu Gabrijel spjegalha li kienet se tinqabad tqila mingħajr ma jkollha relazzjonijiet sesswali maʼ raġel. Imma Gabrijel ma offriex li jispjega lill-​familja u l-​ġirien tagħha kif kienet se tinqabad tqila. X’kienu se jaħsbu huma? Kif kienet se tikkonvinċi lil Ġużeppi li ma kinitx marret maʼ xi raġel? Minbarra dan, kellha r-​responsabbiltà kbira li trabbi l-​Iben t’Alla bħala bniedem! Ma nafux dak kollu li kienet tinkwieta dwaru Marija, imma nafu dak li għamlet wara li kellimha Gabrijel. Hi wieġbet bil-​kliem tal-​iskrittura tal-​lum.—Lq. 1:26-​37. w16.02 2:13, 14

Il-​Ħadd, 7 taʼ Mejju

“Kien hemm biex jilqgħu Ħusaj l-​Arki, bil-​libsa twila tiegħu mċarrta u bit-​trab fuq rasu.”—2 Sam. 15:32.

Ħusaj kien wieħed mill-​ħbieb leali tas-​Sultan David. Meta n-​nies riedu jagħmlu sultan lil Absalom, Ħusaj kellu bżonn il-​kuraġġ biex jibqaʼ leali lejn David u lejn Alla. Ħusaj kien jaf li Absalom kien mar Ġerusalemm mas-​suldati tiegħu u li David kien ħarab. (2 Sam. 15:13; 16:15) Imma Ħusaj x’għamel? Abbanduna lil David u appoġġa lil Absalom? Le. Għalkemm David kellu ż-​żmien u ħafna nies riedu joqtluh, Ħusaj baqaʼ leali lejh għax Ġeħova kien ħatar lil David biex ikun sultan. Allura, Ħusaj mar it-​telgħa taż-​Żebbuġ biex jiltaqaʼ maʼ David. (2 Sam. 15:30) David talab lil Ħusaj biex imur lura Ġerusalemm u jagħmel tabirruħu li hu l-​ħabib taʼ Absalom ħalli jkun jistaʼ jikkonvinċi lil Absalom biex jismaʼ mill-​parir tiegħu minflok mill-​parir taʼ Aħitofel. Ħusaj kien kuraġġuż u ssogra ħajtu biex jobdi lil David u biex jibqaʼ leali lejn Ġeħova. David talab biex Ġeħova jgħin lil Ħusaj, u fil-​fatt hekk ġara. Absalom sema’ minn Ħusaj minflok minn Aħitofel.—2 Sam. 15:31; 17:14. w16.02 4:15, 16

It-​Tnejn, 8 taʼ Mejju

“Dawn il-​barkiet kollha jiġu fuqek u jilħquk, għaliex int tibqaʼ tismaʼ minn leħen Ġeħova Alla tiegħek.”—Dt. 28:2.

Bħala Kristjani, aħna nistgħu nibbenefikaw mill-​gwida li Ġeħova ta fil-​Liġi. B’liema mod? Aħna nistgħu nieqfu u nħarsu lejn il-​prinċipji li l-​Liġi hi bbażata fuqhom. Għalkemm m’għadniex iktar taħt dawk il-​liġijiet, xorta nistgħu nistrieħu fuq ħafna minnhom biex jiggwidawna fil-​ħajja taʼ kuljum tagħna u fil-​qima tagħna lil Ġeħova. Hu ra li dawn il-​liġijiet ikunu mniżżlin fil-​Bibbja ħalli nkunu nistgħu nitgħallmu minnhom, niġu ggwidati mill-​prinċipji tagħhom, u nkunu grati li Ġesù għallimna xi ħaġa akbar mil-​Liġi. Ismaʼ sew dak li qal Ġesù: “Smajtu li ntqal, ‘Tagħmilx adulterju.’ Imma jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” Allura, mhux biss hemm bżonn li nevitaw li nagħmlu adulterju imma għandna wkoll nirrifjutaw ħsibijiet u xewqat immorali.—Mt. 5:27, 28. w16.03 4:6, 8

It-​Tlieta, 9 taʼ Mejju

“Aħtrilna sultan biex jiġġudikana.”—1 Sam. 8:5.

Samwel ma riedx jagħtihom sultan, imma Ġeħova kellu jgħidlu tliet darbiet biex jismaʼ mill-​poplu. (1 Sam. 8:7, 9, 22) Għalkemm Samwel ħassu b’dan il-​mod, ma sarx għajjur għar-​raġel li kien se jieħu postu bħala mexxej u lanqas ma rrabja miegħu. Meta Ġeħova qallu biex jidlek lil Sawl, Samwel ma żammx lura. Kien lest li jobdi, mhux biss għax bilfors kellu jobdi, imma għax kien iħobb lil Ġeħova. Illum il-​ġurnata, hemm ħafna anzjani t’esperjenza li imitaw lil Samwel u ħarrġu lil oħrajn bi mħabba. (1 Pt. 5:2) Dawn l-​anzjani taʼ qalb tajba huma lesti li jgħallmu lil oħrajn u ma jiddejqux jaqsmu ftit mill-​privileġġi tagħhom fil-​kongregazzjoni maʼ dawk li qed jitħarrġu minnhom. Minflok, huma jgħożżu lil dawn l-​aħwa u jħossu li huma ‘ħaddiema sħabhom’ li se jgħinuhom jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​kongregazzjoni. (2 Kor. 1:24; Ebr. 13:16) U dawn l-​anzjani mhux egoisti jieħdu pjaċir jaraw lil dawk li qed jitħarrġu jużaw l-​abbiltajiet tagħhom biex jgħinu lin-​nies taʼ Ġeħova.—Atti 20:35. w15 4/15 1:16, 17

L-​Erbgħa, 10 taʼ Mejju

“Nikkoreġik kemm ikun jistħoqqlok.”—Ġer. 30:11.

Is-​Sultan Għażarija kompla ‘jagħmel dak li hu rett f’għajnejn Ġeħova.’ Imma Ġeħova kkastiga lil Għażarija bil-​ġdiem. (2 Slat. 15:1-​5) Għala? Dan ir-​rakkont ma jagħtiniex l-​istampa kollha. Allura kif tħossok dwar x’għamel Ġeħova? Dan jinkwetak jew iġiegħlek tħossok li Ġeħova mhuwiex ġust u li kkastiga lil Għażarija għal xejn b’xejn? Le. Jekk verament taf sew lil Ġeħova, mela taf li d-​dixxiplina tiegħu dejjem hi ġusta. Is-​Sultan Għażarija kien magħruf ukoll bħala s-​Sultan Użżija. (2 Slat. 15:7, 32) L-​istorja fit-​2 Kronaki 26:3-​5, 16-​21 tkompli tgħidilna li “għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova.” Imma tgħid ukoll li iktar tard “qalbu tkabbret sal-​punt li ġab ir-​rovina tiegħu stess.” Is-​sultan għamel xi ħaġa li l-​qassisin biss kellhom il-​permess li jagħmluha. Kien hemm 81 qassis li qalulu li kien qed jiżbalja u li pprovaw iwaqqfuh. Imma hu kif irreaġixxa? Tant sar kburi li ħadha kontrihom! Meta nikkunsidraw dawn id-​dettalji wkoll, inkunu nistgħu nifhmu għala Ġeħova kkastiga lis-​sultan bil-​ġdiem. w15 4/15 3:8, 9

Il-​Ħamis, 11 taʼ Mejju

“Twaddab għal isfel id-​dragun il-​kbir, is-​serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana, li qed iqarraq bl-​art abitata kollha.”—Riv. 12:9.

Bħalma jissemma hawn fuq, Satana jiġi msejjaħ Xitan, li jfisser “Wieħed li jimmalafama.” Satana ddiżonora ’l Alla billi sejjaħlu giddieb. Il-​kliem “is-​serp oriġinali” jfakkarna kif Satana għamel użu minn serp biex iqarraq b’Eva. L-​espressjoni “d-​dragun il-​kbir” ukoll hi deskrizzjoni tajba taʼ Satana. Hu feroċi, kattiv, u mill-​agħar. Hu jrid iwaqqaf l-​iskop taʼ Ġeħova milli jseħħ u jeqred lin-​nies t’Alla. B’mod ċar, l-​ikbar periklu għall-​integrità tagħna hu Satana nnifsu. Mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja twissina: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa. L-​avversarju tagħkom, ix-​Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pt. 5:8) Satana jkun ferħan se jtir meta jara lil xi ħadd mill-​qaddejja t’Alla jagħmel dnub serju. Fil-​fatt, ix-​Xitan juża rebħiet bħal dawn biex jgħajjar lil Ġeħova.—Prov. 27:11. w15 5/15 1:3, 4, 10

Il-​Ġimgħa, 12 taʼ Mejju

“L-​imħabba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.”—1 Tim. 6:10.

Ġeħova jridna nieħdu pjaċir bil-​ħajja. Aħna nafu dan minħabba li ta lil Adam u Eva ġenna tal-​art sabiħa fejn jgħixu. (Ġen. 2:9) Imma Satana jistaʼ jieħu vantaġġ mix-​xewqat tagħna billi juża “l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi.” (Mt. 13:22) Ħafna jaħsbu li l-​flus u l-​affarijiet materjali se jagħmluhom ferħanin jew iġibulhom suċċess. Jekk naħsbu hekk, dan jistaʼ jġegħelna nitilfu l-​iktar ħaġa taʼ valur, jiġifieri l-​ħbiberija li għandna maʼ Ġeħova. Ġesù wissa: “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-​ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.” (Mt. 6:24) Jekk inkunu lsiera biss tal-​affarijiet materjali, inkunu waqafna naqdu lil Ġeħova. Satana preċiż hekk iridna nagħmlu. Jalla qatt ma nħallu l-​flus jew l-​affarijiet li nistgħu nixtru bil-​flus isiru iktar importanti mill-​ħbiberija li għandna maʼ Ġeħova. Biex niġġieldu lil Satana u nirbħulu, għandu jkollna l-​attitudni t-​tajba lejn l-​affarijiet materjali.—1 Tim. 6:6-​10. w15 5/15 2:12

Is-​Sibt, 13 taʼ Mejju

“Jekk membru wieħed isofri, il-​membri l-​oħra kollha jsofru miegħu.”—1 Kor. 12:26.

Mhux dejjem ikun faċli li nifhmu dak li għaddejjin minnu ħutna, speċjalment jekk qatt ma konna fis-​sitwazzjoni tagħhom. Pereżempju, ħafna minn ħutna jbatu għax huma morda, għax weġġgħu serjament, jew għax qed jixjieħu. Xi wħud qed ibatu ħafna minħabba d-​dipressjoni jew għax huma ansjużi ħafna jew inkella għax kienu abbużati fil-​passat. Oħrajn qed irabbu t-​tfal waħedhom jew għandhom membri tal-​familja li mhux qed jaqdu lil Ġeħova. Kulħadd għandu l-​problemi tiegħu u l-​maġġuranza minn dawn il-​problemi huma differenti minn tagħna. Imma aħna rridu nuru mħabba m’oħrajn u ngħinuhom. Allura x’nistgħu nagħmlu? Jistaʼ jkun li kull persuna jkollha bżonn xi ħaġa differenti. Għalhekk, jekk nisimgħu bir-​reqqa u nibqgħu nipprovaw nifhmu kif tħossha dik il-​persuna, se nsiru nafu l-​aħjar mod kif nistgħu ngħinuha. Forsi nistgħu nfakkruha kif Ġeħova jħossu dwar il-​problema tagħha. Jew forsi nistgħu ngħinuha b’modi oħra. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nimitaw lil Ġeħova.—Rum. 12:15; 1 Pt. 3:8. w15 5/15 4:6, 7

Il-​Ħadd, 14 taʼ Mejju

“Kristu hu l-​qawwa t’Alla.”—1 Kor. 1:24.

Il-​qawwa taʼ Kristu tiġi minn Ġeħova, u għalhekk nafu li Alla li Jistaʼ Kollox jistaʼ jikkontrolla l-​forzi tan-​natura. Pereżempju, qabel id-​Dulluvju, Ġeħova qal: “Sa sebat ijiem oħra se nibgħat ix-​xita fuq l-​art għal erbgħin jum u erbgħin lejl.” (Ġen. 7:4) Ukoll, f’​Eżodu 14:21, naqraw: “Ġeħova beda jreġġaʼ lura l-​baħar permezz taʼ riħ qawwi mil-​lvant.” U naqraw f’​Ġona 1:4: “U Ġeħova tefaʼ riħ qawwi fuq il-​baħar, u qamet tempesta kbira fuq il-​baħar; u l-​bastiment kien għoddu tfarrak.” Kemm hu tajjeb li tkun taf li fid-​dinja l-​ġdida, Ġeħova dejjem se jikkontrolla l-​elementi! Mhux se nibżgħu mid-​diżastri għax “it-​tinda t’Alla” se tkun mal-​bnedmin, jiġifieri Alla se jipproteġihom! (Riv. 21:3, 4) Nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jagħti lil Ġesù l-​qawwa biex jikkontrolla l-​forzi tan-​natura matul it-​tmexxija tiegħu t’elf sena. w15 6/15 1:15, 16

It-​Tnejn, 15 taʼ Mejju

“Żomm il-​mixi tiegħek ’il bogħod minn ħdejha, u tersaqx lejn id-​daħla taʼ darha.”—Prov. 5:8.

Il-​Kelma t’Alla twissina biex inżommu ’l bogħod mill-​immoralità. Fi Proverbji kapitlu 7, insibu l-​istorja taʼ raġel żagħżugħ li billejl mar jimxi ħdejn id-​dar taʼ mara immorali. Iż-​żagħżugħ ħalla dawn ix-​xewqat irabbu l-​għeruq, u spiċċa kellu x’jaqsam magħha. Li kieku fehem il-​periklu li kien hemm, kien iżomm ’il bogħod minnha! (Prov. 7:6-​27) Bħal dak iż-​żagħżugħ, nistgħu nieħdu deċiżjonijiet mhux għaqlin għax ma nifhmux il-​periklu li jkun hemm. Pereżempju, xi stazzjonijiet tat-​televixin juru programmi immorali billejl, u għalhekk jistaʼ jkun perikoluż li toqgħod tqalleb minn stazzjon għall-​ieħor sempliċement biex tara x’hemm. Jistaʼ jkun perikoluż ukoll li tikklikkja fuq links tal-​Internet meta ma tkunx taf fejn se jiħduk. Bl-​istess mod, hu perikoluż li tidħol f’chat rooms jew Websajts li jinkludu riklami immorali u links għall-​pornografija. F’dawn is-​sitwazzjonijiet, dak li nħarsu lejh jistaʼ jġegħelna jkollna xewqat immorali, u dan jistaʼ jwassal biex ma nobdux lil Ġeħova. w15 6/15 3:8, 9

It-​Tlieta, 16 taʼ Mejju

“Aħfrilna d-​djun tagħna.”—Mt. 6:12.

Fl-​iskrittura tal-​lum Ġesù semma “d-​djun tagħna” u f’okkażjoni oħra, qal: “Aħfrilna dnubietna.” (Lq. 11:4) Hu qal dan għax dnubietna huma bħal djun. Fl-​1951, It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż spjega li meta nidinbu, ikun bħallikieku għandna d-​dejn maʼ Ġeħova. Aħna obbligati li nħobbu lil Ġeħova u li nuru dan bl-​ubbidjenza tagħna lejh. Allura meta nidinbu kontra Alla, ma nkunux qed nagħtuh dak li aħna obbligati li nagħtuh. It-​Torri tal-​Għassa qal li kieku ried, Ġeħova setaʼ jwaqqaf il-​ħbiberija tiegħu minn magħna. Kompla jgħid: “Id-​dnub mhuwiex att taʼ mħabba lejn Alla.” (1 Ġw. 5:3) Kemm aħna grati li Ġeħova pprovda s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa biex jaħfrilna dnubietna! Għandna bżonn il-​maħfra taʼ Ġeħova kuljum. Ġesù miet għalina kważi 2,000 sena ilu, imma xorta qed nibbenefikaw mill-​fidwa llum. Dejjem għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova għal dan ir-​rigal prezzjuż. Ħadd minna qatt ma setaʼ jħallas il-​fidwa li kien hemm bżonn biex ninħelsu mid-​dnub u l-​mewt.—Salm 49:7-​9; 1 Pt. 1:18, 19. w15 6/15 5:9, 10

L-​Erbgħa, 17 taʼ Mejju

“Se nigglorifika l-​post taʼ saqajja.”—Is. 60:13.

Aħna nieħdu pjaċir noffru letteratura t’għajnuna u li tiġbed l-​għajn meta nkunu fil-​ministeru. Aħseb ukoll dwar kif nużaw teknoloġija ġdida biex inxandru l-​aħbar tajba. Pereżempju, il-​Websajt jw.org tilħaq lil ħafna iktar nies ħalli jkunu jistgħu jirċievu l-​għajnuna li tassew jeħtieġu. F’dawn l-​aġġustamenti kollha, naraw l-​interess profond li Ġeħova għandu fin-​nies u naraw l-​imħabba li għandu għalihom. Napprezzaw ukoll l-​aġġustamenti li saru fil-​laqgħat tagħna ħalli jkollna l-​ħin għall-​qima bħala familja jew għall-​istudju persunali. U napprezzaw il-​bidliet li saru fil-​programmi tal-​assembleat u l-​konvenzjonijiet tagħna. Donnu minn sena għal sena jmissulna qalbna iktar! Aħna grati wkoll għat-​taħriġ li nirċievu mill-​ħafna skejjel Bibliċi li għandna. F’dawn l-​aġġustamenti kollha, jidher ċar daqs il-​kristall li Ġeħova qed jidderieġi l-​organizzazzjoni tiegħu u li qed ikompli jsebbaħ il-​ġenna spiritwali! w15 7/15 1:16, 17

Il-​Ħamis, 18 taʼ Mejju

Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.—Lq. 10:27.

Meta ssibha diffiċli biex tibqaʼ newtrali u biex ma tiġbidx lejn xi naħa jew oħra, saqsi lilek innifsek, ‘Kieku Ġesù x’kien jagħmel?’ Meta Ġesù kien fuq l-​art, kien hemm konflitti u nuqqas taʼ qbil bejn in-​nies li kienu mil-​Lhudija, il-​Galilija, u s-​Samarija. Aħseb dwar xi eżempji. Il-​Lhud u s-​Samaritani ma kinux jitħamlu. (Ġw. 4:9) Il-​Fariżej u s-​Sadduċej ma kinux jaqblu fuq ħafna affarijiet. (Atti 23:6-​9) Il-​Lhud li kienu studjaw il-​Liġi kienu jaħsbu li kienu aħjar minn dawk li ma studjawx il-​Liġi. (Ġw. 7:49) U ħafna kienu jobogħdu l-​kolletturi tat-​taxxi u r-​Rumani. (Mt. 9:11) Imma Ġesù ma involviex ruħu f’dawn il-​konflitti. Għalkemm hu dejjem iddefenda l-​verità dwar Ġeħova u kien jaf li Iżrael kien in-​nazzjon speċjali t’Alla, hu qatt m’għallem id-​dixxipli tiegħu li kienu aħjar minn oħrajn. (Ġw. 4:22) Anzi, għallimhom biex iħobbu n-​nies kollha. w15 7/15 3:5

Il-​Ġimgħa, 19 taʼ Mejju

“Ġeħova qiegħed fuq in-​naħa tiegħi; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem? Ġeħova qiegħed fuq in-​naħa tiegħi fost dawk li jgħinuni.”—Salm 118:6, 7.

Ġeħova ħalaq lin-​nies bil-​bżonn li jħobbu u li jħossuhom maħbubin. Madankollu, hu faċli li nsiru skuraġġiti minħabba mard jew problemi finanzjarji jew minħabba li ma jkollniex riżultati tajbin fil-​ministeru. Jekk nibdew inħossu li Ġeħova m’għadux iħobbna, għandna niftakru li aħna prezzjużi għalih u li hu hemm għalina, qed iżommilna idna l-​leminija u jgħinna. Hu qatt mhu se jinsiena jekk inkunu leali lejh. (Is. 41:13; 49:15) Brigitte, li rabbiet żewġt itfal waħedha wara li żewġha miet, tgħid: “Li trabbi t-​tfal f’din is-​sistema taʼ Satana hi waħda mill-​iktar sfidi diffiċli, speċjalment meta jkollok trabbihom waħdek. Imma jien konvinta mill-​imħabba taʼ Ġeħova għax iggwidani meta kont nibki u kien ikolli wġigħ taʼ qalb, u qatt ma ħallieni nesperjenza iktar milli kont niflaħ.”—1 Kor. 10:13. w15 8/15 1:1-3

Is-​Sibt, 20 taʼ Mejju

“Ibqaʼ stennieha.”—Ħab. 2:3.

Il-​profeta Ħabakkuk stenna bil-​paċenzja waqt li kien qed jipprietka dwar il-​qerda taʼ Ġerusalemm. Profeti oħra li ġew qablu wkoll kienu ppritkaw dan il-​messaġġ għal ħafna snin. Ħabakkuk setaʼ jara li kien hemm iktar ħażen u inġustizzja minn qatt qabel. Hu talab bil-​ħrara lil Ġeħova għall-​għajnuna, billi staqsa: “O Ġeħova, kemm se jkolli ndum ngħajjat għall-​għajnuna?” Ġeħova wiegħed lil Ħabakkuk: ‘Mhux se jkun tard.’ (Ħab. 1:1-​4) Immaġina li Ħabakkuk qabżitlu u ma riedx jibqaʼ jistenna għat-​tmiem u qal: ‘Ilni nistenna l-​qerda taʼ Ġerusalemm għal snin sħaħ. It-​tmiem baqagħlu ħafna biex jiġi. M’għandix għalfejn nibqaʼ nipprietka dwaru. Ħaddieħor jistaʼ jagħmel dan ix-​xogħol.’ X’kien se jiġri li kieku rraġuna b’dan il-​mod? Kieku kien jitlef l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. U li kieku ma kienx lest meta ġie t-​tmiem, kieku kien jitlef ħajtu. w15 8/15 2:12, 13

Il-​Ħadd, 21 taʼ Mejju

“Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.”—1 Kor. 15:33.

Sabiex inżommu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, ma nagħżlux li nagħmluha maʼ xi ħadd li jipprattika affarijiet ħżiena. Dan jinkludi nies li jgħidu li jaqdu lil Ġeħova imma jagħżlu li ma jobduhx. Jekk uħud bħal dawn jidinbu serjament u ma jindmux, aħna nieqfu milli nkunu fil-​kumpanija tagħhom. (Rum. 16:17, 18) Normalment, in-​nies ikunu jridu jogħġbu lil ħbiebhom u jkunu aċċettati minnhom. Allura, jekk nagħmluha maʼ dawk li ma jobdux ’l Alla, għandu mnejn inkunu mħajrin biex nagħmlu kif jagħmlu huma. Pereżempju, jekk inkunu spiss fil-​kumpanija taʼ nies li huma immorali sesswalment, għandu mnejn insiru bħalhom. Hekk ġralhom xi wħud minn ħutna rġiel u nisa. U dawk li ma nidmux ġew maqtugħin mis-​sħubija. (1 Kor. 5:11-​13) Jekk ma jindmux, is-​sitwazzjoni tagħhom tistaʼ ssir bħal dik spjegata minn Pietru.—2 Pt. 2:20-​22. w15 8/15 4:4-6

It-​Tnejn, 22 taʼ Mejju

“Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li qed nordnalkom.”—Ġw. 15:14.

Meta Ġesù għażel il-​ħbieb qagħad attent. Hu għażel il-​ħbieb tal-​qalb tiegħu minn fost dawk li b’lealtà segwewh u li kienu jħobbu u jaqdu lil Ġeħova. Tagħżel int bħala ħbieb lil dawk li jħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha? Dan għala hu importanti? L-​imħabba mill-​qalb taʼ ħutna rġiel u nisa tistaʼ tgħinek issir Kristjan matur. Int żagħżugħ jew żagħżugħa li qed tipprova tiddeċiedi x’se tagħmel b’ħajtek? Jekk iva, ikun għaqli li tagħżel bħala l-​ħbieb tiegħek lil dawk li ilhom jaqdu lil Ġeħova u li jgħinu biex il-​kongregazzjoni tkun magħquda. Forsi għaddew minn problemi f’ħajjithom u kellhom ikampaw maʼ provi waqt li kienu qed jaqdu lil Ġeħova. Dawn l-​uħud jistgħu jgħinuk tagħżel l-​aqwa mod taʼ ħajja. Meta tqattaʼ l-​ħin magħhom, jistgħu jgħinuk tieħu deċiżjonijiet għaqlin u timmatura bħala Kristjan.—Ebr. 5:14. w15 9/15 1:14, 15

It-​Tlieta, 23 taʼ Mejju

Iqfulu x-​Xitan, sodi fil-​fidi.—1 Pt. 5:9.

Ġesù għen lid-​dixxipli tiegħu jsaħħu l-​fidi tagħhom b’dak li qal u għamel. (Mk. 11:20-​24) Għandna nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù. Meta nagħmlu dan, se nsaħħu l-​fidi tagħna stess u l-​fidi t’oħrajn. (Prov. 11:25) Kif tistaʼ tgħin lin-​nies fit-​territorju tiegħek? Meta tgħallem il-​Bibbja lil oħrajn, enfasizza l-​evidenza li Alla jeżisti, li jimpurtah minna, u li l-​Bibbja hi l-​Kelma t’Alla. Kif tistaʼ tgħin lil ħutek irġiel u nisa biex iżommu l-​fidi tagħhom b’saħħitha? Jekk tinnota lil xi ħadd igerger dwar l-​aħwa li jieħdu t-​tmexxija, tkunx ħafif biex tevitah. Minflok, bit-​tattika pprova għinu jerġaʼ jsaħħaħ il-​fidi tiegħu. (Ġuda 22, 23) Jekk għadek l-​iskola u l-​għalliem tiegħek jitkellem dwar l-​evoluzzjoni, kun kuraġġuż u ddefendi l-​fidi tiegħek fil-​ħolqien. Ir-​reazzjoni tal-​għalliem u taʼ sħabek tal-​klassi taf tissorprendik b’mod pożittiv. Ġeħova jgħin lil kull wieħed u waħda minna biex jibqaʼ sod fil-​fidi. (1 Pt. 5:9, 10) Teħtieġ sforz biex tibni fidi b’saħħitha, imma Ġeħova se jippremjana meta nagħmlu dan l-​isforz. w15 9/15 3:20, 21

L-​Erbgħa, 24 taʼ Mejju

“Is-​smewwiet jiddikjaraw il-​glorja t’Alla; u dwar xogħol idejh titkellem il-​firxa tas-​sema.”—Salm 19:1.

Illum il-​ġurnata, Ġeħova jgħallimna ħafna dwaru nnifsu, u dwar l-​iskop, il-​ħolqien, u l-​Kelma tiegħu. Id-​dinja tinkuraġġixxi lin-​nies jitgħallmu, imma l-​edukazzjoni iktar għolja spiss iġġegħelhom jitilfu mħabbithom għal Alla. B’kuntrast, Ġeħova mhux biss irid li jkollna għarfien, imma wkoll jgħinna nkunu għaqlin. Iridna nużaw dak li nitgħallmu għall-​ġid tagħna stess u biex ngħinu lil oħrajn. (Prov. 4:5-​7) Pereżempju, iridna naqsmu “l-​għarfien eżatt dwar il-​verità” m’oħrajn u ngħinuhom biex isalvaw. (1 Tim. 2:4) Aħna nuru mħabbitna għal Ġeħova u għall-​bnedmin billi ngħallmu lil kemm jistaʼ jkun nies dwar is-​Saltna t’Alla u dwar dak li se tagħmel għall-​bnedmin.—Salm 66:16, 17. w15 9/15 5:10, 11

Il-​Ħamis, 25 taʼ Mejju

“Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-​istruzzjoni tagħna.”—Rum. 15:4.

Hekk kif timmedita fuq l-​eżempju taʼ Elija, innota ħames sitwazzjonijiet li fihom wera fiduċja soda f’Ġeħova. (1) Meta Elija qal lis-​Sultan Aħab li Ġeħova kien se jġib nixfa, hu b’fiduċja sħiħa ddikjara: “Daqskemm hu ħaj Ġeħova l-​Alla taʼ Israel li ninsab wieqaf quddiemu, matul dawn is-​snin la jkun hawn nida u lanqas xita.” (1 Slat. 17:1) (2) Elija emmen li Ġeħova kien se jagħti lilu u lil oħrajn dak li kellhom bżonn matul in-​nixfa. (1 Slat. 17:4, 5, 13, 14) (3) Ukoll, Elija kien ċert li Ġeħova setaʼ jirxoxta l-​iben t’armla. (1 Slat. 17:21) (4) Ma kellu lanqas l-​iċken dubju li Ġeħova kien se jibgħat in-​nar biex jaħraq is-​sagrifiċċju tiegħu fuq il-​Muntanja Karmel. (1 Slat. 18:24, 37) (5) Anki qabel ma kienet qabdet nieżla x-​xita, Elija b’wiċċu minn quddiem qal lil Aħab: “Itlaʼ, kul u ixrob; għax jinstemaʼ jidwi l-​ħoss taʼ xita bil-​qliel.” (1 Slat. 18:41) Allura wara li kkunsidrajna dawn l-​esperjenzi, nistgħu nsaqsu lilna nfusna, ‘Il-​fidi tiegħi hi b’saħħitha daqs taʼ Elija?’ w15 10/15 2:4, 5

Il-​Ġimgħa, 26 taʼ Mejju

“Immedita fuq dawn l-​affarijiet.”—1 Tim. 4:15.

L-​abbiltà tagħna li nużaw il-​lingwa hi rigal mingħand Ġeħova. (Salm 139:14; Riv. 4:11) Hu tana wkoll rigal ieħor li jagħmilna differenti mill-​annimali. Il-​bnedmin kienu maħluqin “fix-​xbieha t’Alla.” Aħna għandna l-​libertà tal-​għażla, jiġifieri, minn jeddna nistgħu nagħżlu x’nagħmlu f’ħajjitna. U nistgħu nagħżlu li nużaw il-​lingwa biex naqdu u nfaħħru lil Ġeħova. (Ġen. 1:27) Ġeħova wriena kif naqduh u nfaħħruh billi tana l-​Bibbja. Il-​Bibbja sħiħa jew partijiet minnha huma disponibbli f’iktar minn 2,800 lingwa. Meta nimmeditaw fuq dak li tgħid il-​Bibbja, nistgħu nibdew naħsbu bil-​mod kif jaħseb Alla. (Salm 40:5; 92:5; 139:17) U l-​ħsibijiet taʼ Ġeħova jagħmluna għorrief u jwassluna għall-​ħajja taʼ dejjem. (2 Tim. 3:14-​17) Li timmedita jfisser li tikkonċentra fuq xi ħaġa u taħseb fil-​fond u bis-​serjetà dwarha. (Salm 77:12; Prov. 24:1, 2) Aħna nibbenefikaw l-​iktar meta nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu dwar Ġeħova u Ġesù.—Ġw. 17:3. w15 10/15 4:2-​4

Is-​Sibt, 27 taʼ Mejju

Jekk raġel ma jafx jippresiedi fuq dawk taʼ daru stess, kif se jieħu ħsieb il-​kongregazzjoni t’Alla?—1 Tim. 3:5.

Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex ikunu umli u mhux egoisti, u apparti minn hekk hu nnifsu ħalla eżempju taʼ dan. (Lq. 22:27) L-​appostli tiegħu raw li hu għamel sagrifiċċji biex jaqdi lil Ġeħova u biex jgħin lil oħrajn, u huma tgħallmu jagħmlu l-​istess. Int ukoll tistaʼ tgħallem lil uliedek bl-​eżempju tiegħek, wara kollox l-​eżempju jkaxkar. Debbie, li għandha żewġt itfal, tgħid: “Qatt ma ħassejtni ngħir għall-​ħin li r-​raġel tiegħi qattaʼ m’oħrajn bħala anzjan. Kont naf li qatt ma kien se jżomm lura milli jagħti l-​attenzjoni li kellha bżonn il-​familja tagħna.” L-​eżempju taʼ Debbie u żewġha, Pranas, kif effettwa l-​familja tagħhom? Hu jgħid li wliedu dejjem kienu lesti li jgħinu fl-​assembleat. Kienu ferħanin, għamlu ħbieb tajbin, u riedu jkunu maʼ ħuthom irġiel u nisa. Issa l-​familja kollha taqdi lil Ġeħova fil-​ministeru full-​time. Jekk tkun umli u mhux egoist, tkun qed tgħallem lil uliedek ikunu lesti biex jagħtu daqqa t’id lil oħrajn. w15 11/15 1:9

Il-​Ħadd, 28 taʼ Mejju

Il-​kwalitajiet inviżibbli t’Alla, jiġifieri, il-​qawwa eterna u d-​Divinità tiegħu, kienu jidhru ċar mill-​ħolqien tad-​dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-​affarijiet li nħolqu.—Rum. 1:20.

Ġeħova wera l-​imħabba kbira tiegħu b’ħafna modi. Aħseb dwar il-​kobor u s-​sbuħija tal-​univers tagħna. Hu magħmul minn biljuni taʼ galassji, u kull galassja għandha biljuni taʼ stilel u pjaneti. Il-​galassja tagħna jisimha t-​Triq tal-​Ħalib (the Milky Way). F’din il-​galassja, waħda mill-​istilel hi x-​xemx. Mingħajr ix-​xemx, il-​ħajja ma setgħetx teżisti fuq l-​art. Dan il-​ħolqien kollu jagħti prova li Ġeħova hu l-​Ħallieq tagħna u juri l-​kwalitajiet bħall-​qawwa, l-​għerf, u l-​imħabba tiegħu. Ġeħova ħalaq id-​dinja b’tali mod li jkun hawn il-​ħajja. Kulma hawn fuq l-​art hu taʼ ġid għall-​annimali u l-​umanità. Alla għamel ġnien sabiħ għan-​nies biex jgħixu fih, u tahom moħħ u ġisem perfett maħluqin biex jibqgħu għal dejjem. (Riv. 4:11) Iżjed minn hekk, “hu li jagħti l-​ikel lil kull ħliqa tal-​laħam: Għax il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu hi għal dejjem.”—Salm 136:25. w15 11/15 3:7, 8

It-​Tnejn, 29 taʼ Mejju

“Jien magħkom.”—Mt. 28:20.

Matul is-​snin, is-​Sultan tagħna tana għodod li nistgħu nużaw biex ngħinu lin-​nies jaċċettaw il-​messaġġ tagħna. Xi għodod kienu utli għal żmien qasir, filwaqt li oħrajn għadhom jintużaw sal-​lum il-​ġurnata. Imma l-​għodod kollha għenuna niżviluppaw l-​abbiltajiet tagħna fl-​ippritkar. Fl-​1933, il-​pubblikaturi bdew jużaw il-​kard tat-​testimonjanza, għodda li għenet lil ħafna jibdew jippritkaw. Il-​kard kellha messaġġ qasir mill-​Bibbja. Il-​kard tat-​testimonjanza kienet tgħin lill-​pubblikaturi b’diversi modi. Pereżempju, xi pubblikaturi kienu mistħijin, u għalkemm verament riedu jippritkaw, ma kinux jafu x’għandhom jgħidu. Pubblikaturi oħra kienu jgħidu lill-​inkwilin kulma kienu jafu fi ftit minuti biss, imma mhux dejjem qaluh bit-​tattika. Il-​kard tat-​testimonjanza kienet tgħin lil kull pubblikatur iwassal messaġġ ċar u sempliċi. w15 11/15 5:3-​6

It-​Tlieta, 30 taʼ Mejju

“Ħa jfaħħru isem Ġeħova.”—Salm 148:13.

Ħafna skritturi juru li isem Alla hu importanti u li għandu jiġi onorat. (Eżo. 3:15; Salm 83:18; Is. 42:8; 43:10; Ġw. 17:6, 26; Atti 15:14) Ġeħova nebbaħ kittieba tal-​Bibbja biex jużaw ismu eluf taʼ drabi fil-​manuskritti antiki. (Eżek. 38:23) Allura, meta t-​tradutturi jneħħu isem Alla, ma jkunux qed jirrispettaw lil Ġeħova. Illum, hemm saħansitra iktar provi li għandna nużaw isem Ġeħova. Ir-​reviżjoni tal-​2013 tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tuża isem Alla 7,216-​il darba. Dan ifisser sitt darbiet iktar mill-​edizzjoni taʼ qabel. Ħamsa minn dawn ġew miżjuda għax l-​isem t’Alla nstab f’Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet li ġew ippubblikati dan l-​aħħar. Dawn il-​ħamsa jinsabu fl-​1 Samwel 2:25; 6:3; 10:26; 23:14, 16. Is-​sitt waħda, fi Mħallfin 19:18, ġiet miżjuda minħabba li sar iktar studju fuq manuskritti antiki tal-​Bibbja li huma taʼ min joqgħod fuqhom. w15 12/15 2:5, 6

L-​Erbgħa, 31 taʼ Mejju

“Komplu uru mħabbitkom lejn l-​aħwa.”—Ebr. 13:1.

Hemm bżonn insaħħu l-​imħabba li għandna lejn ħutna issa stess għax dan se jgħinna nissaportu kull prova li għandu mnejn niffaċċjaw fil-​futur. Anki llum għandna ħafna opportunitajiet biex nuru mħabba lejn ħutna qabel tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira. Ħafna minn ħutna jsofru minħabba terremoti, għargħar, uragani, jew diżastri naturali oħra. Xi aħwa jissaportu persekuzzjoni. (Mt. 24:6-​9) U hemm diffikultajiet ekonomiċi taʼ kuljum minħabba li d-​dinja li qed ngħixu fiha hi korrotta. (Riv. 6:5, 6) Madankollu, iktar ma ħutna jkollhom problemi, iktar ikollna opportunitajiet biex nuru kemm inħobbuhom. Għalkemm din id-​dinja ma turix imħabba, hemm bżonn li nkomplu nuru mħabba lejn l-​aħwa.—Mt. 24:12. w16.01 1:8, 9

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja