Ġunju
Il-Ħamis, 1 taʼ Ġunju
“Ilsien ġwejjed jistaʼ jkisser għadma.”—Prov. 25:15.
Anki jekk xi ħadd jgħidilna xi ħaġa li tweġġagħna, nistgħu nagħmlu ħafna ġid jekk inkellmuh b’qalb tajba. (Prov. 15:1) Pereżempju, it-tifel żagħżugħ t’omm li kienet qed trabbih waħedha kien qed jagħmel affarijiet ħżiena filwaqt li għamel tabirruħu li kien qed jaqdi lil Ġeħova. Oħt fil-kongregazzjoni tħassret lil din l-omm u qaltilha: “Ħasra li fallejt fejn għandu x’jaqsam it-taħriġ tat-tifel.” L-omm waqfet taħseb u mbagħad qalet: “Veru li l-affarijiet mhux sejrin tajjeb bħalissa, imma t-taħriġ tiegħu hi xi ħaġa li għadha għaddejja. Kellimni wara Armageddon, u nkunu nafu fiċ-ċert jekk fallejtx jew le.” Peress li l-omm baqgħet kalma u wriet qalb tajba mal-oħt, dawn baqgħu ħbieb. Ukoll, it-tifel sar jaf x’kienet qalet ommu u induna li hi kienet għadha temmen li setaʼ jinbidel. Għalhekk, waqaf jagħmilha maʼ ħbieb ħżiena, tgħammed, u iktar tard mar jaqdi fil-Betel. Jekk qed nitkellmu maʼ ħutna, il-familja tagħna, jew nies li ma nafux, kliemna dejjem għandu jkun “kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ.”—Kol. 4:6. w15 12/15 3:15, 17
Il-Ġimgħa, 2 taʼ Ġunju
Ilsna qishom tan-nar qagħdu fuq kull wieħed minnhom.—Atti 2:3.
Id-dixxipli fil-kamra taʼ fuq qatt ma kienu se jinsew dak il-jum. Kull wieħed minnhom kellu dak li kien jidher bħal ilsien tan-nar fuq rasu. Ġeħova tahom l-abbiltà li jitkellmu b’lingwa barranija. Ma kellhom l-ebda dubju li kienu midlukin bl-ispirtu qaddis. (Atti 2:6-12) Imma dawn l-affarijiet spettakolari ma jiġrux lill-Kristjani kollha meta jiġu midlukin. Pereżempju, il-Bibbja ma tgħidx li dehret xi ħaġa bħal ilsien tan-nar fuq l-irjus taʼ dawk l-eluf taʼ nies f’Ġerusalemm li saru midlukin iktar tard dakinhar. Dawn saru midlukin meta tgħammdu. (Atti 2:38) Ukoll, mhux il-Kristjani kollha jiġu midlukin meta jitgħammdu. Is-Samaritani saru midlukin xi żmien wara li tgħammdu. (Atti 8:14-17) U f’każ mhux tas-soltu, Kornelju u dawk f’daru saru midlukin qabel ma tgħammdu.—Atti 10:44-48. w16.01 3:3, 5
Is-Sibt, 3 taʼ Ġunju
Ħarsu l-unità taʼ l-ispirtu fir-rabta li tgħaqqad tal-paċi.—Efes. 4:3.
Il-midlukin ma jaħsbux li huma aħjar minn ħaddieħor. Huma jafu li Ġeħova mhux neċessarjament jagħti iktar spirtu qaddis lill-midlukin milli jagħti lill-qaddejja l-oħra tiegħu. U ma jaħsbux li huma jifhmu l-veritajiet tal-Bibbja b’mod iktar profond minn ħaddieħor. Ukoll, qatt mhu se jgħidu lil xi ħadd li hu wkoll hu midluk u li għandu jibda jieħu mill-ħobż u l-inbid fit-Tifkira. Minflok, huma umli u jafu li Ġeħova biss jistaʼ jistieden lin-nies biex imorru s-sema. Kristjani midlukin ma jistennewx li ħaddieħor jittrattahom b’xi mod speċjali. (Efes. 1:18, 19; Flp. 2:2, 3) Jafu wkoll li meta Ġeħova għażilhom bħala midlukin, hu ma ħalliex lil kulħadd ikun jaf b’dan. Għalhekk, individwu midluk ma jiskantax jekk xi ħadd ma jemminx mill-ewwel li sar midluk. Il-Bibbja tgħidilna biex ma nkunux ħfief biex nemmnu lil xi ħadd li jgħid li Alla tah ċerta responsabbiltà speċjali.—Riv. 2:2. w16.01 4:6, 7
Il-Ħadd, 4 taʼ Ġunju
“O kemm huma profondi r-rikkezzi u l-għerf u l-għarfien t’Alla!”—Rum. 11:33.
Meta l-mara mill-isbaħ t’Abraham, Sara, ittieħdet mingħandu u hu kien fil-periklu li jiġi maqtul, Ġeħova b’mod mirakoluż ipproteġa kemm lil Abraham u kemm lil Sara iktar minn darba. (Ġen. 12:10-20; 20:2-7, 10-12, 17, 18) Dawn l-esperjenzi komplew isaħħu l-fidi t’Abraham. Nistgħu nkunu ħbieb mill-qrib maʼ Ġeħova? U żgur! Bħal Abraham, għandna bżonn nitgħallmu dwar Ġeħova. U aħna wkoll nistgħu niksbu l-għarfien u l-esperjenza li għandna bżonn. Illum, għandna ħafna iktar disponibbli milli kellu Abraham. (Dan. 12:4) Il-Bibbja hi mimlija għarfien dwar “Dak li għamel is-sema u l-art.” Dak li nitgħallmu jqanqalna nħobbu lil Ġeħova u jgħinna biex ikollna rispett profond għalih. (Ġen. 14:22) Din l-imħabba u dan ir-rispett għal Alla jimmotivawna biex nobduh. U meta nobdu, se nesperjenzaw il-protezzjoni u l-barka taʼ Ġeħova, u dan se jsaħħilna l-fidi. Meta naqdu lil Ġeħova bis-sħiħ, se nħossuna sodisfatti, ikollna l-paċi, u nkunu ferħanin. (Salm 34:8; Prov. 10:22) Iktar ma niksbu għarfien u esperjenza, iktar se ssir b’saħħitha l-ħbiberija tagħna miegħu. w16.02 1:7, 8
It-Tnejn, 5 taʼ Ġunju
Għen lil Israel, bħalma qal lil missirijietna.—Lq. 1:54, 55.
Dawn il-versi juru li Marija kienet midħla sew tal-Iskrittura Ebrajka. Kif juru dan? Dak li qalet Marija kien simili għal dak li qalet Ħanna, omm Samwel, fit-talba tagħha. (1 Sam. 2:1-10) Jidher li Marija kkwotat l-Iskrittura madwar 20 darba fid-diskors tagħha. Dan juri ċar li kienet tieħu gost titkellem dwar il-veritajiet li tgħallmet mill-akbar Ħabib tagħha, Ġeħova. Bħal Marija, kultant nafu nirċievu inkarigi mingħand Ġeħova li nħossu li huma diffiċli wisq għalina. Ejja nimitaw l-eżempju tagħha billi b’umiltà naċċettaw l-inkarigu u nafdaw li Ġeħova se jgħinna. Nistgħu wkoll nimitaw il-fidi taʼ Marija meta nisimgħu bir-reqqa dak li jgħidilna Ġeħova u nimmeditaw fuq dak li tgħallimna dwaru u dwar l-iskopijiet tiegħu. Imbagħad, bil-ferħ nistgħu ngħidu lil oħrajn dwar dak li tgħallimna.—Salm 77:11, 12; Lq. 8:18; Rum. 10:15. w16.02 2:17, 18
It-Tlieta, 6 taʼ Ġunju
“Min minnkom li jrid jibni torri ma joqgħodx l-ewwel bil-qiegħda u jikkalkula l-ispejjeż, biex jara jekk għandux biżżejjed biex ilestih?”—Lq. 14:28.
Eluf taʼ żgħażagħ jitgħammdu kull sena. (Ekk. 12:1) Il-ġenituri Kristjani u l-anzjani fil-kongregazzjoni jridu jagħmlu ċert li ż-żgħażagħ qed jieħdu d-deċiżjoni tagħhom stess u jifhmu xi jfisser li titgħammed. Fil-Bibbja, nitgħallmu li d-dedikazzjoni u l-magħmudija huma l-bidu taʼ ħajja ġdida għal Kristjan. Din il-ħajja ġdida se ġġib magħha ħafna barkiet mingħand Ġeħova imma se ġġib ukoll oppożizzjoni minn Satana. (Prov. 10:22; 1 Pt. 5:8) Hu għalhekk li l-ġenituri Kristjani jridu jieħdu l-ħin biex jgħallmu lil uliedhom xi jfisser verament li tkun dixxiplu taʼ Kristu. Meta ż-żgħażagħ ma jkollhomx ġenituri Kristjani, anzjani fil-kongregazzjoni bi mħabba se jgħinuhom jifhmu xi jfisser li tkun persuna ddedikata u mgħammda. (Lq. 14:27-30) Bħalma hemm bżonn taʼ preparazzjoni biex tlesti proġett taʼ bini, iż-żgħażagħ iridu jippreparaw qabel ma jitgħammdu ħalli jkunu jistgħu jaqdu lil Ġeħova b’mod leali “sat-tmiem.”—Mt. 24:13. w16.03 1:1, 2
L-Erbgħa, 7 taʼ Ġunju
“Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.”—Atti 10:34, 35.
In-nies t’Alla ma baqgħux iktar minn ġens wieħed imma minn ħafna ġnus u trobbija differenti, u kienu bdew jissejħu l-Iżrael spiritwali. Huma fformaw il-kongregazzjoni Kristjana u kienu taħt patt ġdid. Ġeħova tahom istruzzjonijiet ġodda jew spjegahom iktar. Dawn l-istruzzjonijiet kienu dwar kif għandhom jgħixu u jqimuh. Huma segwew “il-liġi tal-Kristu,” li kienet ibbażata l-iktar fuq prinċipji li kienu nkitbu, mhux fuq il-ġebel, imma f’qalbhom. Din il-liġi kienet se tiggwida u tkun taʼ ġid għall-Kristjani, jgħixu fejn jgħixu. (Gal. 6:2) L-Iżrael spiritwali bbenefika bil-kbir mill-gwida taʼ Ġeħova permezz taʼ Ġesù. Eżatt qabel ma introduċa l-patt il-ġdid, Ġesù ta żewġ kmandi importanti. Wieħed kien dwar l-ippritkar. L-ieħor kien dwar kif il-Kristjani għandhom jaġixxu maʼ xulxin u kif jittrattaw lil xulxin. Dawn l-istruzzjonijiet kienu għall-Kristjani kollha, u b’hekk japplikaw għalina lkoll illum, kemm jekk għandna t-tama li ngħixu għal dejjem fis-sema jew fuq l-art. w16.03 4:10, 11
Il-Ħamis, 8 taʼ Ġunju
“Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.”—Rum. 12:10.
Qabel ma anzjan jibda jħarreġ lil xi ħu, għandu jagħmel sforz biex isir ħabib maʼ dan il-ħu. M’għandniex xi ngħidu, dak li jagħmel anzjan biex jgħin lil dak li qed iħarreġ ħalli jħossu komdu se jvarja skont iċ-ċirkustanzi u l-kultura tagħhom. Imma, tgħix fejn tgħix, dak li qed jitħarreġ se jkun jaf li int lilu tqisu bħala li hu importanti meta twarrab ħin mill-iskeda mimlija tiegħek biex tkun miegħu. Żgur li dawk li jitħarrġu se jkunu tassew grati għall-imħabba li turi magħhom u l-attenzjoni li tagħtihom. Mhuwiex biżżejjed li anzjan ikun iħobb iħarreġ lil oħrajn. Biex ikun taʼ suċċess f’dan ix-xogħol, irid ukoll iħobb lill-persuna li qed titħarreġ. (Qabbel Ġwanni 5:20.) Dan għala hu importanti? Għax jekk dak li qed jitħarreġ iħoss li verament jimpurtak minnu, se jkun lest li jitħarreġ minnek. Allura, anzjani, agħmlu sforz biex tkunu ħbieb tajbin u mhux biss uħud li tħarrġu.—Prov. 17:17; Ġw. 15:15. w15 4/15 1:19, 20
Il-Ġimgħa, 9 taʼ Ġunju
“Ġeħova kkastiga lis-sultan, u baqaʼ bil-ġdiem sa jum mewtu.”—2 Slat. 15:5.
Liema lezzjoni importanti nitgħallmu? Fl-istorja tas-Sultan Għażarija (jew, is-Sultan Użżija), għandna biżżejjed dettalji li jgħinuna nifhmu għala Ġeħova kkastigah. Iżda meta l-Bibbja ma tagħtix id-dettalji kollha, x’se tagħmel? (2 Slat. 15:7, 32; 2 Kron. 26:3-5, 16-21) Se toqgħod titħasseb jekk Ġeħova għamilx verament dak li hu sew? Jew se tħoss li l-Bibbja għandha biżżejjed informazzjoni biex tafda li Alla dejjem jagħmel dak li hu ġust? (Dt. 32:4) Iktar kemm issir taf lil Ġeħova bħala Persuna, iktar se tħobbu u tafdah. Imbagħad mhux se jkollok bżonn spjegazzjoni taʼ kulma jagħmel. Hekk kif tistudja l-Bibbja, Ġeħova se jsir iktar reali għalik u int se tersaq eqreb lejh.—Salm 77:12, 13. w15 4/15 3:8, 10
Is-Sibt, 10 taʼ Ġunju
“Bierku lil Ġeħova, O anġli tiegħu, setgħanin fil-qawwa, li qed twettqu kelmtu, billi tisimgħu minn leħen kelmtu.”—Salm 103:20.
L-anġli huma “setgħanin fil-qawwa.” Huma iktar intelliġenti u iktar b’saħħithom min-nies. M’għandniex xi ngħidu, anġli leali jużaw il-qawwa tagħhom biex jagħmlu affarijiet tajba. Pereżempju, wieħed mill-anġli qatel 185,000 suldat Assirjan li kienu l-għedewwa taʼ Ġeħova. Dan kien ikun impossibbli biex isir minn bniedem waħdu u saħansitra diffiċli għal armata sħiħa. (2 Slat. 19:35) Darb’oħra, anġlu uża l-abbiltajiet u l-qawwa tiegħu biex jeħles l-appostli taʼ Ġesù mill-ħabs. Għalkemm kien hemm l-għassiesa fil-viċin, ma nnotawx li l-anġlu fetaħ il-bibien, ħareġ lill-appostli, u mbagħad reġaʼ sakkar il-bibien warajhom! (Atti 5:18-23) L-anġli leali jużaw il-qawwa biex jagħmlu affarijiet tajba, iżda Satana juża l-qawwa biex jagħmel affarijiet mill-agħar. U Satana żgur li għandu qawwa u influwenza kbira. Il-Bibbja tirreferi għalih bħala “l-ħakkiem taʼ din id-dinja.”—Ġw. 12:31. w15 5/15 1:5, 6
Il-Ħadd, 11 taʼ Ġunju
Ħadd minnkom m’għandu jitwebbes bil-qawwa qarrieqa tad-dnub.—Ebr. 3:13.
Kemm jekk aħna miżżewġin u kemm jekk aħna single, għandna naħdmu iebes biex niġġieldu kull tip taʼ immoralità sesswali. Huwa dan faċli? Lanqas xejn! Pereżempju, jekk int żagħżugħ jew żagħżugħa, għandu mnejn tismaʼ lil sħabek tal-iskola jiftaħru dwar li jagħmlu s-sess maʼ min iridu. Għandhom mnejn li jiftaħru wkoll dwar is-sexting, jiġifieri, meta jintbagħtu messaġġi u stampi sesswali permezz tal-mowbajl. Fil-fatt, f’xi pajjiżi, is-sexting hu meqjus daqslikieku qed jintbagħat ritratt pornografiku taʼ tifel jew tifla. Il-Bibbja tgħid: “Min jipprattika ż-żína qed jidneb kontra ġismu stess.” (1 Kor. 6:18) Il-mard li jinfirex permezz taʼ relazzjonijiet sesswali rriżulta f’ħafna tbatija u mwiet. U l-maġġorparti taż-żgħażagħ li għamlu s-sess meta ma jkunux miżżewġin jgħidu li ddispjaċiehom għal dak li għamlu. Id-dinja tad-divertiment tridna nemmnu li m’hemm l-ebda konsegwenza mbilli jinkisru l-liġijiet t’Alla. Jekk aħna nemmnu gideb bħal dan, nistgħu niġu mqarrqin mill-“qawwa qarrieqa tad-dnub.” w15 5/15 2:14
It-Tnejn, 12 taʼ Ġunju
L-Iktar Għoli hu qalbu tajba maʼ l-ingrati u l-ħżiena.—Lq. 6:35.
Ġesù hu eżatt bħal Missieru. X’għen lil Ġesù jkun qalbu tajba man-nies meta kien fuq l-art? Hu immaġina kif kienu se jħossuhom dwar dak li setaʼ jgħid jew jagħmel. Pereżempju, mara li kienet għamlet ħafna affarijiet ħżiena ġiet għand Ġesù. Tant kienet qed tibki li d-dmugħ tagħha waqaʼ fuq saqajn Ġesù. Ġesù setaʼ jara li tassew iddispjaċieha għall-affarijiet ħżiena li kienet għamlet u li kienet nidmet. Hu rrealizza li jekk ma kienx se juri qalb tajba magħha, iktar kienet se tħossha ħatja. Allura, faħħarha għat-tajjeb li għamlet u ħafrilha. Ukoll, tkellem b’qalb tajba maʼ Fariżew li ma kienx qabel maʼ dak li Ġesù kien għamel għal din il-mara. (Lq. 7:36-48) Kif nistgħu nuru qalb tajba bħal Ġeħova? Pawlu kiteb li Kristjan “m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili maʼ kulħadd.” (2 Tim. 2:24) Irridu nimmaġinaw kif oħrajn qed iħossuhom u kif kliemna jaf jeffettwahom. Imbagħad se nsiru nafu xi jmissna ngħidu u nagħmlu biex b’hekk nuru qalb tajba bħal Ġeħova.—Prov. 15:28. w15 5/15 4:8, 9
It-Tlieta, 13 taʼ Ġunju
“Iżżommx lura milli tagħmel il-ġid lil min hu dovut, meta f’idejk ikollok il-qawwa li tagħmlu.”—Prov. 3:27.
Meta ħutna jkunu qed ibatu, nistgħu ngħinu biex nieħdu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u emozzjonali tagħhom, u nistgħu nfarrġuhom. (Prov. 17:17) Pereżempju, nistgħu ngħinuhom wara xi diżastru naturali. Armla li d-dar tagħha saritilha l-ħsara wara uragan qalet: “Kemm jiena grata li nagħmel parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, mhux biss minħabba l-għajnuna fiżika li ngħatajt imma wkoll minħabba l-għajnuna spiritwali.” Oħt mhix miżżewġa ħassitha bħal ras maqtugħa meta maltempata għamlet ħsara lid-dar tagħha. Wara li l-aħwa għenuha fit-tiswija tad-dar, hi qalet: “Kienet xi ħaġa li ma nistax niddeskriviha. U ma nistax insib il-kliem biex nispjega sew kif inħossni.” Hi żiedet: “Grazzi Ġeħova!” Aħna grati li ħutna rġiel u nisa tassew jimpurtahom mill-bżonnijiet taʼ ħaddieħor. Iktar minn hekk, aħna grati li Ġeħova u Ġesù Kristu verament jimpurtahom minna. w15 6/15 1:17
L-Erbgħa, 14 taʼ Ġunju
Ittratta lil nisa xjuħ bħala ommijiet, nisa żgħażagħ bħala aħwa bis-safa kollu.—1 Tim. 5:2.
Il-Bibbja tgħinna nevitaw xewqat mhux xierqa billi tgħidilna kif irġiel u nisa għandhom jittrattaw lil xulxin. Il-Kristjani jagħtu attenzjoni romantika biss lill-imseħbin tagħhom fiż-żwieġ jew lil dawk li huma jixtiequ jiżżewġu. Huma ma jifflertjawx. Xi wħud forsi jaħsbu li m’hemm xejn ħażin imbilli jġibu ruħhom b’mod romantiku maʼ xi ħadd, bħal pereżempju bil-mod kif jiċċaqalqu, bil-ġesti, jew bil-ħars, basta ma jmissux lil xulxin. Imma meta tnejn min-nies jifflertjaw maʼ xulxin, jistgħu jibdew ikollhom ħsibijiet immorali, u dan jistaʼ jwassal għall-immoralità sesswali. Dan ġieli ġara, u jistaʼ jerġaʼ jiġri. Ġużeppi hu eżempju tajjeb għalina. Il-mara taʼ Potifar ipprovat tħajjar lil Ġużeppi biex imur magħha. Hu m’aċċettax, imma dan ma waqqafhiex milli tipprova twaqqgħu fid-dnub. Kuljum saqsiet lil Ġużeppi “biex ikompli magħha.” (Ġen. 39:7, 8, 10) Ġużeppi kien determinat li qatt ma jagħtiha l-wiċċ. B’hekk, ma ħalliex ix-xewqat ħżiena jrabbu l-għeruq f’qalbu. w15 6/15 3:10, 11
Il-Ħamis, 15 taʼ Ġunju
“Aħfrilna d-djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-dejn magħna.”—Mt. 6:12.
Ġeħova jrid li naħsbu f’ħutna u fir-relazzjoni tagħhom miegħu. Dan jinkludi li naħfrulhom malajr meta jidinbu kontrina. Normalment dawn ikunu sempliċement nuqqasijiet żgħar, imma meta naħfru lil ħutna, nagħtu prova li nħobbuhom. Inkunu qed nagħtu prova wkoll li aħna grati li Ġeħova jaħfrilna. (Kol. 3:13) Minħabba li aħna imperfetti, kultant forsi jkun diffiċli li naħfru lil dawk li joffenduna. (Lev. 19:18) Jekk noqogħdu nitkellmu dwar dak li għamlulna, oħrajn fil-kongregazzjoni għandu mnejn jiġu involuti, u dan jeffettwa l-għaqda tal-kongregazzjoni. Jekk nippermettu li dan jitkompla, inkunu qed nuru li ma napprezzawx l-għotja t’Alla tal-fidwa, u ma nkunux nistgħu nirċievu l-benefiċċji li jiġu minnha. (Mt. 18:35) Meta ma naħfrux lil oħrajn, Ġeħova ma jistax jaħfrilna. (Mt. 6:14, 15.) Barra minn hekk, jekk irridu li Ġeħova jaħfrilna, m’għandniex nibqgħu nagħmlu xi ħaġa li jobgħod hu.—1 Ġw. 3:4, 6. w15 6/15 5:9-11
Il-Ġimgħa, 16 taʼ Ġunju
“Sultan jieħu pjaċir b’qaddej li qed jaġixxi bid-dehen.”—Prov. 14:35.
Ġeħova tana l-privileġġ li ngħinu biex insebbħu l-ġenna spiritwali tagħna. Imma kif nistgħu nagħmlu dan? Billi b’żelu nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u nagħmlu iktar dixxipli. Kull darba li ngħinu lil xi ħadd isir qaddej t’Alla, inkunu qed ngħinu biex il-ġenna spiritwali tikber. (Is. 26:15; 54:2) Ukoll, nistgħu ngħinu biex insebbħu l-ġenna spiritwali meta nistinkaw ħalli ntejbu l-personalità Kristjana tagħna. Dan jgħin biex il-ġenna spiritwali tkun iktar attraenti għal ħaddieħor. Normalment, ma jkunx biss l-għarfien li għandna tal-Bibbja li l-ewwel jiġbed lin-nies lejn l-organizzazzjoni u mbagħad lejn Ġeħova u Ġesù imma l-kondotta nadifa u paċifika tagħna. Min jaf kemm jieħdu gost Ġeħova u Ġesù meta jaraw il-ġenna spiritwali tagħna llum! Il-ferħ li nħossu issa għax qed insebbħuha hu biss eżempju żgħir tal-ferħ li se nħossu iktar ’il quddiem meta naħdmu biex inbiddlu l-art f’ġenna letterali. w15 7/15 1:18-20
Is-Sibt, 17 taʼ Ġunju
“Tkunu bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin.”—Ġen. 3:5.
Ġeħova jħallina niddeċiedu għalina nfusna lil min irridu nappoġġaw. Imma xi ngħidu għalik? Tobdi lil Ġeħova għax temmen li l-mod kif hu jagħmel l-affarijiet huwa aħjar minn tiegħek? Int konvint li s-Saltna tiegħu biss tistaʼ ssolvi l-problemi tagħna? Jew taħseb li n-nies jistgħu jmexxu lilhom infushom b’suċċess mingħajr Alla? Pereżempju, jekk xi ħadd isaqsik x’taħseb dwar ċertu partit politiku, grupp attivist, jew organizzazzjoni simili, kif twieġeb? Xi wħud minn dawn il-gruppi għandhom mnejn huma sinċieri u jridu jgħinu lin-nies. Imma aħna nirrealizzaw li s-Saltna taʼ Ġeħova biss tistaʼ ssolvi l-problemi tal-umanità u tneħħi l-inġustizzji kollha. Barra minn hekk, aħna nsegwu d-direzzjoni taʼ Ġeħova fil-kongregazzjoni, minflok li kulħadd għal rasu u jagħmel dak li jaħseb li hu l-aħjar. Huwa għalhekk li l-kongregazzjoni hi magħquda. w15 7/15 3:7, 8
Il-Ħadd, 18 taʼ Ġunju
“Se nimmedita fuq l-attività tiegħek kollha.”—Salm 77:12.
Meta nħarsu lejn il-ħolqien t’Alla, nitgħallmu kemm iħobbna. (Rum. 1:20) Pereżempju, Ġeħova ħalaq l-art b’tali mod ħalli nkunu nistgħu nagħmlu iktar milli sempliċement nibqgħu ħajjin. Hu tana kulma għandna bżonn biex nieħdu pjaċir bil-ħajja. Għandna bżonn nieklu, imma Ġeħova ma jagħtiniex biss tip wieħed t’ikel biex ngħixu imma jtina varjetà t’ikel ħalli nieħdu pjaċir nieklu! (Ekk. 9:7) Ġeħova ħalaqna bl-abbiltà li nagħmlu xogħol siewi u biex nieħdu pjaċir nagħmluh. (Ekk. 2:24) Hu ta lin-nies l-inkarigu biex jimlew u jikkultivaw l-art, u biex jieħdu ħsieb il-ħut, l-għasafar, u l-affarijiet ħajjin l-oħra li jgħixu fuq l-art. (Ġen. 1:26-28) U hu ħalaqna wkoll bi kwalitajiet sbieħ ħalli nkunu nistgħu nimitawh!—Efes. 5:1. w15 8/15 1:4, 5
It-Tnejn, 19 taʼ Ġunju
Imma oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu u f’daqqa waħda dak il-jum jiġi fuqkom għal għarrieda.—Lq. 21:34, 35.
Nistgħu naraw ċar u tond li l-profezija tal-Bibbja qed titwettaq u li t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar hu fil-qrib ferm. Qed nistennew biex “l-għaxart iqrun” u “l-bhima salvaġġa” jduru kontra r-reliġjon falza, Babilonja l-Kbira. (Riv. 17:16) M’għandniex naqtgħuha li hemm bżonn li jgħaddi ħafna żmien qabel ma jiġri dan. Tinsiex li Alla se ‘jdaħħlilhom fi qlubhom’ il-ħsieb biex jattakkaw ir-reliġjon falza u li dan jistaʼ jiġri f’ħakka t’għajn u fi kwalunkwe ħin! (Riv. 17:17) It-tmiem tad-dinja mill-agħar taʼ Satana ġej dalwaqt. Allura għandna nobdu t-twissija taʼ Ġesù kif inhi mniżżla fl-iskrittura tal-lum. (Riv. 16:15) Ejja nibqgħu għassa u nħabirku fis-servizz taʼ Ġeħova, konvinti li hu “jaġixxi għal min jibqaʼ jistennieh.”—Is. 64:4. w15 8/15 2:17
It-Tlieta, 20 taʼ Ġunju
“Kulmin jagħmel ir-rieda t’Alla, dan hu ħija u oħti u ommi.”—Mk. 3:35.
Għalkemm irridu nuru qalb tajba maʼ kulħadd, m’għandniex inkunu ħbieb ħafna maʼ dawk li ma jobdux ’l Alla. Ikun ħażin li Xhud taʼ Ġeħova joħroġ maʼ xi ħadd li mhuwiex qaddej mgħammed u leali taʼ Ġeħova. Ikun ħafna iktar importanti li jkollok l-approvazzjoni t’Alla milli tkun aċċettat minn nies li ma jħobbuhx. Għandna nkunu ħbieb ħafna biss maʼ dawk li jagħmlu r-rieda t’Alla. Kumpanija ħażina twassal għal diżastru. Ħu pereżempju dak li ġara lill-Iżraelin. (Eżo. 23:24, 25; Salm 106:35-39) X’kien ir-riżultat? Iktar tard, Ġeħova ċaħad lill-Iżraelin, u minflok għażel il-kongregazzjoni Kristjana bħala l-poplu tiegħu.—Mt. 23:38; Atti 2:1-4. w15 8/15 4:7, 8
L-Erbgħa, 21 taʼ Ġunju
“L-għan taʼ din l-ordni hu l-imħabba li tiġi minn qalb nadifa u minn kuxjenza tajba.”—1 Tim. 1:5.
Alla Ġeħova ħalaq lin-nies bil-libertà tal-għażla, jiġifieri li jkunu liberi li jiddeċiedu għalihom infushom. Però, Ġeħova tana gwida biex jgħinna niddeċiedu b’mod tajjeb. Din il-gwida tissejjaħ il-kuxjenza, u hi l-abbiltà li għandna ġo fina biex nifhmu jekk xi ħaġa hix tajba jew ħażina. Meta nużaw il-kuxjenza tagħna kif suppost, din tistaʼ tgħinna nagħmlu dak li hu sew u nevitaw dak li hu ħażin. Il-kuxjenza tagħna hi prova li Ġeħova jħobbna u jrid li jkollna suċċess. Xi nies illum jagħmlu dak li hu tajjeb u jobogħdu dak li hu ħażin avolja ma jafux x’inhuma l-livelli tal-Bibbja. (Rum. 2:14, 15.) Għala jiġri dan? Huwa minħabba l-kuxjenza tagħhom. Din twaqqaf lil ħafna nies milli jagħmlu affarijiet mill-agħar. Immaġina kemm id-dinja kienet tkun ħażina li kieku ħadd ma kellu kuxjenza! Nistgħu nkunu grati li Ġeħova ta lil bniedem kuxjenza! w15 9/15 2:1, 2
Il-Ħamis, 22 taʼ Ġunju
“Ara liema xorta taʼ mħabba tana l-Missier.”—1 Ġw. 3:1.
Dan il-vers miktub mill-appostlu Ġwanni jinkuraġġina biex naħsbu sew dwar il-ħafna mħabba li Ġeħova għandu għalina. Meta nimmeditaw dwar kemm Ġeħova jħobbna u kif juri l-imħabba li għandu għalina, aħna nersqu eqreb lejh u aħna nħobbuh saħansitra iktar. B’dispjaċir, xi wħud ma jifhmux kemm Alla jistaʼ jħobbhom. Huma jaħsbu li Alla ma jimpurtahx min-nies. Huma forsi jemmnu li kulma jagħmel Alla hu li jagħmel regoli u jikkastiga lil dawk li ma jobduhx. Minħabba tagħlim falz, xi wħud saħansitra jaħsbu li Alla hu kattiv u li hu impossibbli li tħobbu. Oħrajn iħossu li Alla jħobb lin-nies kollha jagħmlu x’jagħmlu. Imma l-istudju tiegħek tal-Bibbja għenek issir taf il-verità dwar Ġeħova. Int taf li l-imħabba hi l-ikbar kwalità tiegħu u li hu bagħat ’l Ibnu bħala fidwa għalik.—Ġw. 3:16; 1 Ġw. 4:8. w15 9/15 4:1, 2
Il-Ġimgħa, 23 taʼ Ġunju
Id-dixxiplina hi taʼ niket.—Ebr. 12:11.
Qatt m’għandna ninjoraw il-pariri taʼ Ġeħova jew nibqgħu nieħdu għalina jekk ma jogħġobniex dak li jintqalilna. Id-dinja taʼ Satana tħeġġeġ lin-nies biex ikunu kburin u egoisti. Ħafna ma jiħdux pjaċir meta xi ħadd jikkoreġihom jew jgħidilhom x’għandhom jagħmlu. Oħrajn jagħtu kas ċertu parir sempliċement għax ma jkollhomx għażla oħra. Aħna ma rridux inkunu hekk. Il-Bibbja tgħidilna biex ma nibqgħux inkunu “magħġunin skond din is-sistema.” Minflok, għandna bżonn nifhmu dak li Ġeħova jistenna minna u nagħmlu dak li jogħġbu. (Rum. 12:2) Hu juża l-organizzazzjoni tiegħu biex jagħtina pariri f’waqthom. Pereżempju, niġu mfakkrin kif għandna nġibu ruħna maʼ dawk tas-sess oppost, kif nagħżlu l-ħbieb tagħna, u kif niddeċiedu x’se nagħmlu fil-ħin tar-rikreazzjoni tagħna. Meta minn jeddna naċċettaw id-dixxiplina taʼ Ġeħova u nagħmlu bidliet biex nogħġbuh, inkunu qed nuru li aħna grati għall-gwida tiegħu u li tassew inħobbuh.—Ġw. 14:31; Rum. 6:17. w15 9/15 5:13, 15
Is-Sibt, 24 taʼ Ġunju
“Għinni fejn neħtieġ il-fidi!”—Mk. 9:24.
Ladarba ma nistgħux nibnu l-fidi bil-ħila tagħna stess, għandna nitolbu lil Alla għall-ispirtu qaddis. Għala? Għax il-fidi hi parti mill-frott tal-ispirtu. (Gal. 5:22) Aħna nkunu għaqlin meta nisimgħu mill-parir taʼ Ġesù biex nitolbu għal iktar spirtu qaddis. Ġesù wiegħed li Ġeħova se “jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.” (Lq. 11:13) Mhux biss irid ikollna fidi b’saħħitha f’Alla, imma rridu wkoll inżommuha b’saħħitha. Nistgħu nqabblu l-fidi man-nar. Meta nqabbdu n-nar, il-fjammi jistgħu jkunu jaħarqu ħafna. Però, jekk ma nkomplux nitfgħu l-ħatab, in-nar eventwalment se jintefa u jibqaʼ biss irmied. Imma jekk regolarment nitfgħu l-ħatab, nistgħu nżommu n-nar imkebbes. Hu l-istess fejn tidħol il-fidi tagħna. Jekk inkomplu naqraw u nistudjaw il-Kelma t’Alla kuljum, l-imħabba tagħna għall-Bibbja u għal Ġeħova se tikber. B’hekk, se nżommu u nsaħħu l-fidi tagħna. w15 10/15 2:6, 7
Il-Ħadd, 25 taʼ Ġunju
“Se nimmedita fuq l-attività tiegħek kollha.”—Salm 77:12.
Ix-xjentisti skoprew li hu eħfef li niftakru xi ħaġa meta naqrawha b’leħen għoli. Il-Ħallieq tagħna jafu dan, u hu għalhekk li qal lil Ġożwè biex jaqra l-ktieb tal-Liġi “minn taħt l-ilsien.” (Ġoż. 1:8, ntt.) Li taqra l-Bibbja b’leħen għoli se jgħinek ukoll biex tikkonċentra aħjar u tiftakar iktar. Irridu nagħmlu ħafna sforz biex nimmeditaw u nikkonċentraw fuq dak li nistudjaw. Għalhekk, ikun l-aħjar li timmedita f’ħin meta ma tkunx għajjien u li tagħmel dan f’post għall-kwiet, fejn m’hemmx ħafna affarijiet xi jtellfuk. Is-salmista David immedita meta kien imqajjem fis-sodda matul il-lejl. (Salm 63:6) Ġesù, li kien perfett, għażel postijiet għall-kwiet biex jimmedita u jitlob.—Lq. 6:12. w15 10/15 4:4, 6, 7
It-Tnejn, 26 taʼ Ġunju
“Hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.”—Ġw. 2:25.
Darba minnhom xi nies fil-Galilija marru jfittxu lil Ġesù. (Ġw. 6:22-24) Hu rrealizza li r-raġuni prinċipali għala kienu hemm, ma kinitx għax riedu jisimgħuh jgħallem, imma għax riedu jieklu. Ġesù kien jaf kif verament kienu jħossuhom. Imbagħad bil-paċenzja kollha kkoreġiehom u spjegalhom liema bidliet kellhom bżonn jagħmlu. (Ġw. 6:25-27) Għalkemm ma tistax taqra l-qalb, int ukoll jistaʼ jkollok id-dehen. Pereżempju, tistaʼ tipprova tifhem kif uliedek iħossuhom dwar il-ministeru. Forsi ssaqsi lilek innifsek, ‘Jistaʼ jkun li waqt il-ministeru qed iħarsu ’l quddiem biss għal meta forsi nieqfu biex nistrieħu u nieklu jew nixorbu xi ħaġa?’ Jekk tirrealizza li wliedek ma tantx qed jieħdu pjaċir fil-ministeru, ipprova agħmilhulhom iktar interessanti. Agħtihom xi biċċa xogħol żgħira x’jistgħu jagħmlu ħalli jħossuhom utli. w15 11/15 1:10, 11
It-Tlieta, 27 taʼ Ġunju
“L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Riv. 21:4.
Alla tagħna kollu mħabba dejjem jagħmel dak li hu l-aħjar għall-qaddejja leali tiegħu. Il-Bibbja tgħidilna li se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” X’futur mill-isbaħ għan-nies ubbidjenti li japprezzaw l-imħabba t’Alla! Il-Bibbja tgħid: “Osserva lil dak li hu bla ħtija u żomm lir-rett quddiem għajnejk, għax il-futur taʼ dak il-bniedem se jkun mimli paċi. Imma dawk li jiksru l-liġi se jinqerdu.” (Salm 37:37, 38) “Dak li hu bla ħtija” jsir jaf lil Ġeħova u lil Ibnu u jagħmel ir-rieda t’Alla. (Ġw. 17:3) Hu b’mod sod jemmen li “d-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġw. 2:17) Minħabba li t-tmiem tad-dinja hu viċin, hu urġenti li ‘nittamaw f’Ġeħova u nżommu triqtu.’—Salm 37:34. w15 11/15 3:11, 12
L-Erbgħa, 28 taʼ Ġunju
“Il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit.”—Mt. 9:37.
In-nies t’Alla użaw metodi differenti biex jilħqu lil kemm jistaʼ jkun nies fl-ippritkar. Dawn il-metodi kienu importanti b’mod partikulari meta kellna ftit ħaddiema biss. Pereżempju, ħafna snin ilu l-gazzetti kienu jintużaw biex tiġi ppritkata l-aħbar tajba. Kull ġimgħa Ħuna Russell kien jibgħat taħdita bbażata fuq il-Bibbja lil aġenzija tal-aħbarijiet. Imbagħad, din kienet tibgħat it-taħdita lil tal-gazzetti fl-Ewropa, l-Istati Uniti, u l-Kanada. Sal-1913, it-taħditiet taʼ Ħuna Russell kienu jiġu ppubblikati f’2,000 gazzetta u kienu jinqraw minn xi 15,000,000 persuna! Ir-radju wkoll intuża b’mod effettiv biex tiġi ppritkata l-aħbar tajba. Fis-16 t’April 1922, Ħuna Rutherford ta waħda mill-ewwel taħditiet tiegħu fuq ir-radju, u madwar 50,000 ruħ semgħuh. Ftit wara, bnejna l-istazzjon tar-radju tagħna stess li kien jismu WBBR, u l-ewwel programm ixxandar fl-24 taʼ Frar 1924. w15 11/15 5:10, 11
Il-Ħamis, 29 taʼ Ġunju
“Jien se nsir dak li rrid insir.”—Eżo. 3:14.
Ġeħova jġiegħel ukoll lill-ħolqien tiegħu jsir dak li jagħżel Hu. Pereżempju, Alla ġiegħel li Noè jsir il-wieħed li jibni l-arka, Besalel biex isir espert tas-snajjaʼ, Gidegħon biex ikun gwerrier kbir, u Pawlu biex isir missjunarju. L-isem t’Alla għandu tifsir taʼ veru għall-poplu tiegħu, u huwa għalhekk li l-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja tad-Dinja l-Ġdida inkluda l-isem t’Alla f’din it-traduzzjoni. Ħafna u ħafna tradutturi tal-Bibbja jħallu barra l-isem personali t’Alla. Minflok, jużaw it-titlu “Mulej” jew l-isem taʼ xi alla lokali. Din hi waħda mir-raġunijiet għala l-Ġemgħa li Tiggverna tħoss li hu importanti ħafna li n-nies taʼ kull lingwa jkollhom Bibbja li tonora isem Alla. (Mal. 3:16.) S’issa, isem Ġeħova qed jiġi onorat fl-edizzjonijiet tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida f’iktar minn 130 lingwa. w15 12/15 2:7-9
Il-Ġimgħa, 30 taʼ Ġunju
“Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Is. 33:24.
Ġeħova għandu l-qawwa li jeffettwa s-saħħa tan-nies. Hu kkastiga lil xi nies b’mard, bħal pereżempju lill-Fargħun fi żmien Abraham u iktar tard lil oħt Mosè, Mirjam. (Ġen. 12:17; Num. 12:9, 10; 2 Sam. 24:15) U hu kkastiga lill-Iżraelin b’“mard” meta kienu żleali lejh. (Dt. 28:58-61) Drabi oħra, Ġeħova pproteġa lin-nies tiegħu milli jimirdu. (Eżo. 23:25; Dt. 7:15) Hu saħansitra fejjaq lil ftit minnhom. Pereżempju, fejjaq lil Ġob meta kien marid ħafna u ried imut. (Ġob 2:7; 3:11-13; 42:10, 16) Aħna ċerti li Ġeħova għandu l-qawwa biex ifejjaq lil dawk li huma morda. Ġesù wkoll jistaʼ jfejjaq lill-morda. Meta kien fuq l-art, hu fejjaq lil dawk li kellhom mard bħall-ġdiem jew l-epilessija. Fejjaq lill-għomja u lil dawk li kienu paralizzati. (Mt. 4:23, 24; Ġw. 9:1-7) Dawn il-mirakli jgħinuna nħarsu ’l quddiem għall-affarijiet meraviljużi li Ġesù se jagħmel fid-dinja l-ġdida. w15 12/15 4:3, 4