LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es17 pp. 67-77
  • Lulju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Lulju
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
  • Sottitli
  • Is-​Sibt, 1 taʼ Lulju
  • Il-​Ħadd, 2 taʼ Lulju
  • It-​Tnejn, 3 taʼ Lulju
  • It-​Tlieta, 4 taʼ Lulju
  • L-​Erbgħa, 5 taʼ Lulju
  • Il-​Ħamis, 6 taʼ Lulju
  • Il-​Ġimgħa, 7 taʼ Lulju
  • Is-​Sibt, 8 taʼ Lulju
  • Il-​Ħadd, 9 taʼ Lulju
  • It-​Tnejn, 10 taʼ Lulju
  • It-​Tlieta, 11 taʼ Lulju
  • L-​Erbgħa, 12 taʼ Lulju
  • Il-​Ħamis, 13 taʼ Lulju
  • Il-​Ġimgħa, 14 taʼ Lulju
  • Is-​Sibt, 15 taʼ Lulju
  • Il-​Ħadd, 16 taʼ Lulju
  • It-​Tnejn, 17 taʼ Lulju
  • It-​Tlieta, 18 taʼ Lulju
  • L-​Erbgħa, 19 taʼ Lulju
  • Il-​Ħamis, 20 taʼ Lulju
  • Il-​Ġimgħa, 21 taʼ Lulju
  • Is-​Sibt, 22 taʼ Lulju
  • Il-​Ħadd, 23 taʼ Lulju
  • It-​Tnejn, 24 taʼ Lulju
  • It-​Tlieta, 25 taʼ Lulju
  • L-​Erbgħa, 26 taʼ Lulju
  • Il-​Ħamis, 27 taʼ Lulju
  • Il-​Ġimgħa, 28 taʼ Lulju
  • Is-​Sibt, 29 taʼ Lulju
  • Il-​Ħadd, 30 taʼ Lulju
  • It-​Tnejn, 31 taʼ Lulju
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
es17 pp. 67-77

Lulju

Is-​Sibt, 1 taʼ Lulju

“Tinsewx l-​ospitalità.”—Ebr. 13:2.

Xi tfisser il-​kelma “ospitalità”? Il-​kelma li uża Pawlu letteralment tfisser “qalb tajba maʼ stranġieri.” Forsi din l-​espressjoni tfakkarna f’Abraham u Lot. Dawn iż-​żewġt irġiel urew qalb tajba mal-​viżitaturi li ma kinux jafuhom. Maż-​żmien, Abraham u Lot tgħallmu li dawn l-​istranġieri fir-​realtà kienu anġli. (Ġen. 18:2-​5; 19:1-​3) Kif nistgħu nuru ospitalità wkoll lejn oħrajn? Aħna nistgħu nistiednu lil ħutna rġiel u nisa d-​dar tagħna għal ikla jew għal xi inkuraġġiment. Għalkemm forsi ma nafux sew l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet tagħna u martu, nistgħu nistidnuhom meta jagħmlu ż-​żjara tal-​kongregazzjoni tagħna. (3 Ġw. 5-​8) M’hemmx għalfejn nagħmlu xi ikla kbira jew nonfqu ħafna flus. Il-​mira tagħna hi li ninkuraġġixxu lil ħutna, u mhux li nimpressjonawhom b’dak li għandna. U m’għandniex nistiednu biss lil dawk li jistgħu jpattuhielna b’xi ħaġa tajba. (Lq. 10:42; 14:12-​14) L-​iktar importanti hu li qatt ma nkunu tant medhijin li ninsew nuru ospitalità! w16.01 1:11, 12

Il-​Ħadd, 2 taʼ Lulju

“Ġejtu mmarkati bis-​siġill taʼ l-​ispirtu qaddis imwiegħed, li hu garanzija bil-​quddiem tal-​wirt tagħna.”—Efes. 1:13, 14.

Għalhekk, Ġeħova juża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jagħmilha ċara daqs il-​kristall għal dawn il-​Kristjani li hu għażilhom biex imorru fis-​sema. B’dan il-​mod, l-​ispirtu qaddis hu “garanzija bil-​quddiem,” jew prova għalihom, li fil-​futur se jgħixu għal dejjem fis-​sema u mhux fuq l-​art. (2 Kor. 1:21, 22; 5:5) Kristjan midluk ikun ċert li ġie mistieden imur is-​sema. Imma se jirċievi dan il-​premju biss jekk jibqaʼ leali lejn Ġeħova. Pietru spjegah b’dan il-​mod: “Għalhekk, ħuti, iktar u iktar agħmlu l-​almu tagħkom biex taċċertaw ruħkom mis-​sejħa u l-​għażla tagħkom; għax jekk tibqgħu toktru f’dawn l-​affarijiet żgur li ma tonqsu qatt. Fil-​fatt, b’hekk tingħataw daħla glorjuża fis-​saltna taʼ dejjem tal-​Mulej u s-​Salvatur tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pt. 1:10, 11) Għalhekk, kull Kristjan midluk ma jrid iħalli xejn iwaqqfu milli jaqdi lil Ġeħova. Għalkemm ġie mistieden, jew imsejjaħ, biex imur fis-​sema, jekk ma jibqax leali, mhux se jirċievi l-​premju tiegħu.—Ebr. 3:1; Riv. 2:10. w16.01 3:6, 7

It-​Tnejn, 3 taʼ Lulju

“Kulmin jitgħolla jiġi umiljat, u kulmin jumilja ruħu jitgħolla.”—Mt. 23:12.

Ma jkunx xieraq li nammiraw lil individwu żżejjed, anke jekk hu ħu midluk taʼ Kristu. Meta l-​Bibbja titkellem dwar l-​anzjani, tinkuraġġina biex nimitaw il-​fidi tagħhom, imma ma tgħidilniex biex nagħmlu xi bniedem il-​mexxej tagħna. (Ebr. 13:7) Hu minnu li l-​Bibbja tgħid li xi wħud “huma denji t’unur doppju.” Imma dan hu għax “jippresiedu bl-​aħjar mod” u “jaħdmu iebes biex jitkellmu u jgħallmu,” u mhux għax huma midlukin. (1 Tim. 5:17) Jekk nagħtu lil uħud midlukin wisq tifħir u attenzjoni, inkunu qed nimbarazzawhom. Jew agħar minn hekk, inġegħluhom jitkabbru. (Rum. 12:3) Ħadd minna ma jrid jagħmel xi ħaġa li tistaʼ twassal biex xi ħadd mill-​aħwa midlukin taʼ Kristu jagħmel żball tant serju!—Lq. 17:2. w16.01 4:9

It-​Tlieta, 4 taʼ Lulju

“Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu.”—Prov. 17:17.

Ħbiberija mill-​qrib tistaʼ tkun bħal teżor taʼ valur: hemm bżonn li nżommuha b’saħħitha “l-​ħin kollu.” Mhijiex bħal vażun għali li jintuża biss biex iżejjen. Imma iktar hi bħal fjura mill-​isbaħ li għandha bżonn l-​ilma u min jieħu ħsiebha biex tiffjorixxi. Abraham kien jgħożż il-​ħbiberija li kellu maʼ Ġeħova u żamm din il-​ħbiberija b’saħħitha. Kif għamel dan? Abraham kompla jibżaʼ minn Alla u jobdih. Pereżempju, meta vvjaġġa lejn Kangħan mal-​familja u l-​qaddejja tiegħu, hu kompla jħalli lil Ġeħova jiggwidah f’li jieħu deċiżjonijiet—kemm dawk żgħar u anki dawk kbar. Sena qabel ma twieled Iżakk, meta Abraham kellu 99 sena, Ġeħova qallu biex jagħmel ċirkonċiżjoni lill-​irġiel u s-​subien kollha taʼ daru. Iddubita Abraham f’Ġeħova jew ipprova jsib xi skuża biex ma jagħmilx dak li kien mitlub minnu? Le, hu fada f’Ġeħova u obda “dakinhar stess.”—Ġen. 17:10-​14, 23. w16.02 1:9, 10

L-​Erbgħa, 5 taʼ Lulju

“Saħansitra tifel jintgħaraf minn għemilu, jekk hux pur u rett f’dak li jagħmel.”—Prov. 20:11.

Allura anki tifel jistaʼ jifhem xi jfisser li jagħmel dak li hu sew u li jkun iddedikat lill-​Ħallieq tiegħu. Għaldaqstant, il-​magħmudija hi pass importanti u xieraq għal xi ħadd żgħir li wera li hu matur u li ddedika ruħu lil Ġeħova. (Prov. 20:7) Xi jfisser li tkun matur? Il-​maturità mhux dejjem tirreferi għall-​età taʼ individwu jew għal kemm kiber fiżikament. Il-​Bibbja tgħid li n-​nies maturi ħarrġu “s-​sensi tagħhom” biex ikunu jafu d-​differenza bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. (Ebr. 5:14) Xi ħadd matur jaf x’inhu tajjeb u f’qalbu jkun iddeċieda li jagħmlu. Allura, ma jistax jiġi influwenzat faċilment biex jagħmel dak li hu ħażin. U mhux dejjem għandu bżonn lil min jgħidlu biex jagħmel dak li hu tajjeb. Huwa raġunevoli li nistennew li xi ħadd iżgħar fl-​età li jitgħammed se jagħmel dak li hu sew anki meta ma jkunx hemm il-​ġenituri tiegħu jew adulti oħra ħdejh.—Flp. 2:12. w16.03 1:4, 5

Il-​Ħamis, 6 taʼ Lulju

Tibżax; int tkun sultan fuq Israel, u jien inkun it-​tieni warajk.—1 Sam. 23:17.

Ġonatan żgur li baqaʼ mbellah dwar kemm kien kuraġġuż iż-​żagħżugħ David. David kien qatel lill-​ġgant Gulija u ġab ir-​“ras tal-​Filisti” lil missier Ġonatan, is-​Sultan Sawl tal-​Iżrael. (1 Sam. 17:57) Ġonatan ma kellu l-​ebda dubju li Alla kien maʼ David, u minn dakinhar ’il quddiem, Ġonatan u David saru ħbieb tal-​qalb. Huma wiegħdu li dejjem se jibqgħu leali lejn xulxin. (1 Sam. 18:1-​3) Għall-​kumplament taʼ ħajtu, Ġonatan kien leali lejn David. Ġonatan baqaʼ leali lejn David avolja Ġeħova kien għażel lil David, u mhux lil Ġonatan, biex ikun is-​sultan tal-​Iżrael li kien imiss. U meta Sawl ipprova joqtol lil David, Ġonatan kien inkwetat dwar sieħbu. Hu kien jaf li David kien fl-​art xagħrija f’Ħores, u allura Ġonatan mar hemm biex jinkuraġġih jibqaʼ jistrieħ fuq Ġeħova, billi qallu l-​kliem tal-​iskrittura tal-​lum.—1 Sam. 23:16. w16.02 3:1, 2

Il-​Ġimgħa, 7 taʼ Lulju

“Kont maġenbu bħala ħaddiem tas-​sengħa, u kien jgħożżni b’mod speċjali jum wara l-​ieħor.”—Prov. 8:30.

Ġeħova u Ġesù ilhom magħqudin mill-​bidu nett tal-​ħolqien. Ġeħova ħalaq lil Ġesù qabel kull ħaġa oħra. Imbagħad, Ġesù ħadem miegħu u kien “maġenbu bħala ħaddiem tas-​sengħa.” Il-​qaddejja taʼ Ġeħova wkoll ikkooperaw maʼ xulxin fix-​xogħol li kellhom jagħmlu. Pereżempju, Noè u l-​familja tiegħu bnew l-​arka flimkien. Iktar tard, l-​Iżraelin ħadmu flimkien biex jibnu t-​tabernaklu, biex iżarmawh, u biex jiħduh minn post għal ieħor. Fit-​tempju, huma kantaw u daqqew strumenti mużikali flimkien biex ifaħħru lil Ġeħova b’mużika sabiħa. In-​nies taʼ Ġeħova setgħu jagħmlu dawn l-​affarijiet kollha għax ikkooperaw maʼ xulxin. (Ġen. 6:14-​16, 22; Num. 4:4-​32; 1 Kron. 25:1-​8) Il-​Kristjani fl-​ewwel seklu wkoll ikkooperaw maʼ xulxin. L-​appostlu Pawlu spjega li għalkemm kellhom abbiltajiet u inkarigi differenti, huma kienu magħqudin. Ilkoll segwew il-​Mexxej tagħhom, Ġesù Kristu. Pawlu qabbilhom maʼ ġisem li għandu ħafna partijiet imma li lkoll jaħdmu flimkien.—1 Kor. 12:4-​6, 12. w16.03 3:1, 2

Is-​Sibt, 8 taʼ Lulju

“Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.”—Mt. 28:19.

Fil-​passat, in-​nies tal-​ġnus kellhom imorru l-​Iżrael biex jaqdu lil Ġeħova. (1 Slat. 8:41-​43) Imma mbagħad Ġesù ta l-​kmand li nsibu fl-​iskrittura tal-​lum. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex ‘imorru’ għand kulħadd. F’Pentekoste fis-​sena 33, Ġeħova wera li ried l-​aħbar tajba tiġi ppritkata mad-​dinja kollha. Dakinhar, madwar 120 membru tal-​kongregazzjoni ġdida mtlew bl-​ispirtu qaddis. Dawn bdew jitkellmu b’lingwi differenti mal-​Lhud u l-​proseliti. (Atti 2:4-​11) Imbagħad, it-​territorju żdied biex jinkludi lis-​Samaritani. Imbagħad, fis-​sena 36, it-​territorju żdied saħansitra iktar biex jinkludi Ġentili mhux ċirkonċiżi. Dan kien ifisser li l-​Kristjani kellhom jippritkaw lil kulħadd fid-​dinja! w16.03 4:12

Il-​Ħadd, 9 taʼ Lulju

Dak li smajt mingħandi għaddih lil nies leali.—2 Tim. 2:2.

In-​nies t’Alla minn dejjem kienu jafu li t-​taħriġ iġib miegħu s-​suċċess. Pereżempju, Abram organizza “lill-​irġiel imħarrġin tiegħu,” li b’suċċess iġġieldu biex jeħilsu lil Lot. (Ġen. 14:14-​16) Xi Leviti fi żmien is-​Sultan David kienu “mħarrġin” biex ikantaw għanjiet li jfaħħru lil Ġeħova. (1 Kron. 25:7) Illum il-​ġurnata, irridu niġġieldu kontra Satana u d-​dinja tiegħu. (Efes. 6:11-​13) Ukoll, naħdmu iebes biex infaħħru lil Ġeħova billi nitkellmu m’oħrajn dwar ismu. (Ebr. 13:15, 16) Bħall-​qaddejja t’Alla fil-​passat, irridu nkunu mħarrġin biex ikollna suċċess. Fil-​kongregazzjoni, Ġeħova ta lill-​anzjani r-​responsabbiltà li jħarrġu lil oħrajn. Qabel ma anzjan jgħallem lil ħu abbiltajiet ġodda, għandu mnejn ikun irid jaqsam miegħu xi prinċipji Bibliċi li se jgħinuh ikun lest biex japplika dak li jitgħallem.—1 Tim. 4:6. w15 4/15 2:1, 2

It-​Tnejn, 10 taʼ Lulju

Ġesù se jġib fix-​xejn lil dak li jistaʼ jikkaġuna l-​mewt, jiġifieri, ix-​Xitan.—Ebr. 2:14.

Satana “jistaʼ jikkaġuna l-​mewt.” Dan ma jfissirx li joqtol lin-​nies kollha direttament. Allura xi jfisser? L-​ewwel nett, din id-​dinja hi mimlija bl-​attitudni taʼ Satana—attitudni taʼ mibegħda u vjolenza. It-​tieni nett, minħabba li Eva emmnet il-​gidba taʼ Satana u Adam m’obdiex ’l Alla, in-​nies kollha jidinbu u jmutu. (Rum. 5:12) Satana hu “qattiel.” Dan hu fi qbil maʼ kif sejjaħlu Ġesù. (Ġw. 8:44) Satana, bħala għadu, huwa verament qawwi. Meta niħduha kontra Satana, inkunu wkoll qed niħduha kontra dawk kollha li jappoġġawh u li jirribellaw kontra t-​tmexxija t’Alla. Dan jinkludi grupp kbir t’anġli li rribellaw bħal Satana u li jissejħu demonji. (Riv. 12:3, 4) Ħafna drabi wrew li huma ħafna iktar b’saħħithom min-​nies, u ġegħluhom isofru ħafna. (Mt. 8:28-​32; Mk. 5:1-​5) Qatt tinsa kemm verament huma qawwijin id-​demonji u l-​ħakkiem tagħhom. (Mt. 9:34) Mingħajr l-​għajnuna taʼ Ġeħova, qatt ma nkunu nistgħu nirbħu l-​ġlieda tagħna kontra Satana. w15 5/15 1:6, 7

It-​Tlieta, 11 taʼ Lulju

“La ż-​żienja, la l-​idolatri, la l-​adulteri, la l-​irġiel miżmumin għal skopijiet mhux naturali, la l-​irġiel li jimteddu maʼ l-​irġiel, la l-​ħallelin, la r-​rgħiba, la s-​sakranazzi, la ż-​żeblieħa, lanqas l-​imbroljuni ma jirtu s-​saltna t’Alla.”—1 Kor. 6:9, 10.

Jekk tkun imħajjar li tikkommetti l-​immoralità sesswali, x’tistaʼ tagħmel? Irrikonoxxi li għandek dgħufija. (Rum. 7:22, 23) Itlob lil Alla għas-​saħħa. (Flp. 4:6, 7, 13) Evita sitwazzjonijiet li jistgħu jwaqqgħuk fl-​immoralità. (Prov. 22:3) U meta jkun hemm tentazzjoni, irrifjuta mill-​ewwel. (Ġen. 39:12) Ġesù ħallielna eżempju tajjeb ħafna. Hu ma ġiex imqarraq mill-​wegħdi taʼ Satana. Hu lanqas qagħad jaħseb dwarhom. Minflok, hu immedjatament qal lil Satana: “Hu miktub.” (Mt. 4:4-​10) Ġesù kien jaf il-​Kelma t’Alla, allura kien possibbli għalih li jikkwota l-​iskritturi mill-​ewwel meta Satana pprova jħajru. Sabiex niġġieldu lil Satana u nirbħulu, m’għandniex inħallu lilna nfusna nkunu mħajrin li nikkommettu l-​immoralità sesswali. w15 5/15 2:15, 16

L-​Erbgħa, 12 taʼ Lulju

“Imitaw lil Alla.”—Efes. 5:1.

Ġeħova hu tassew għaqli, jew għaref, u jistaʼ jagħżel li jara x’se jiġri fil-​futur. Għalkemm ma nafux il-​futur, aħna wkoll nistgħu nkunu għaqlin. Kif? Qabel ma nieħdu xi deċiżjoni, nistgħu nimmaġinaw kif din tistaʼ teffettwa lilna jew lil oħrajn. Pereżempju, jekk int għarusa jew għarus, ftakar li meta tkun miġbud lejn xi ħadd, ikun diffiċli li tikkontrolla s-​sentimenti u x-​xewqat sesswali tiegħek. Allura tagħmel xejn li jistaʼ jagħmel ħsara lir-​relazzjoni tant prezzjuża li għandek maʼ Ġeħova. Minflok, kun għaqli u evita l-​periklu. Agħti widen għall-​parir għaqli taʼ Ġeħova: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-​piena.”—Prov. 22:3. w15 5/15 4:10, 11

Il-​Ħamis, 13 taʼ Lulju

“Kulmin jibqa’ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.”—Mt. 5:28.

Hekk ġralu s-​Sultan David. “Minn fuq il-​bejt lemaħ mara tinħasel,” u minflok ma dawwar ħarstu mill-​ewwel, hu ma qalax għajnejh minn fuqha u baqaʼ jaħseb dwarha. (2 Sam. 11:2) Għalkemm kienet il-​mara taʼ raġel ieħor, hu xorta żviluppa xewqa għaliha u kellu relazzjonijiet sesswali magħha. Jekk irridu niċħdu ħsibijiet immorali, għandna bżonn insegwu l-​eżempju taʼ Ġob. Hu qal: “Patt m’għajnejja għamilt.” (Ġob 31:1, 7, 9) Bħal Ġob, aħna nistgħu niddeċiedu li qatt ma naħsbu b’mod immorali meta nħarsu lejn xi ħadd. U jekk naraw stampa sesswali fuq il-​kompjuter, f’riklam, f’rivista, jew xi mkien ieħor, mill-​ewwel għandna ndawru wiċċna. Jekk għandek bżonn tagħmel xi bidliet, agħmilhom bla telf taʼ żmien! Meta tobdi dak li jgħid Ġeħova, tistaʼ tevita l-​immoralità sesswali u tibqaʼ safi.—Ġak. 1: 21-​25. w15 6/15 3:12-​14

Il-​Ġimgħa, 14 taʼ Lulju

“Iddaħħalniex fit-​tentazzjoni.”—Mt. 6:13.

Il-​kliem fit-​talba mudell “iddaħħalniex fit-​tentazzjoni” jfakkarna f’dak li ġara lil Ġesù ftit wara li tgħammed. L-​ispirtu t’Alla ħadu f’art xagħrija “biex jiġi ttantat mix-​Xitan.” (Mt. 4:1) Ġeħova għala ppermetta li jiġri dan? Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-​art biex jirranġa l-​kwistjoni li qamet meta Adam u Eva rrifjutaw it-​tmexxija taʼ Ġeħova. Ir-​ribelljoni tagħhom qajmet mistoqsijiet li kellhom bżonn iż-​żmien biex jiġu mwieġba. Pereżempju, kien hemm xi ħaġa ħażina fil-​mod kif Ġeħova ħalaq lill-​bnedmin? Setaʼ bniedem perfett jibqaʼ leali lejn Ġeħova meta jkun ittantat minn dak il-​wieħed li hu msejjaħ “Ħażin”? U kien ikun aħjar għan-​nies li kieku mexxew lilhom infushom? (Ġen. 3:4, 5) Fil-​futur, meta dawn il-​mistoqsijiet kollha jitwieġbu b’mod sodisfaċenti minn Ġeħova, kull min ikun fis-​sema u fuq l-​art se jkun jaf li l-​mod kif Ġeħova jmexxi hu l-​aħjar mod. w15 6/15 5:12

Is-​Sibt, 15 taʼ Lulju

“Imbagħad ikun hemm tribulazzjoni kbira.”—Mt. 24:21.

Kif se tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira? Bil-​qerda tar-​reliġjon falza. Fil-​Bibbja, ir-​reliġjon falza tiġi msejħa “Babilonja l-​Kbira, omm il-​prostituti.” (Riv. 17:5-​7) Ir-​reliġjon falza għala tiġi msejħa prostituta? Għax il-​kleru tagħha ma kienx leali lejn Alla. Minflok m’appoġġa b’lealtà lil Ġesù u s-​Saltna tiegħu, il-​kleru appoġġa l-​gvernijiet umani u injora t-​tagħlim tal-​Bibbja ħalli jkollu iktar poter. Il-​qima tal-​kleru mhix bħall-​qima nadifa tal-​midlukin. (2 Kor. 11:2; Ġak. 1:27; Riv. 14:4) Imma min se jeqred lil Babilonja l-​Kbira? Ġeħova se jġiegħel lill-​“għaxart iqrun” tal-​“bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat . . . iwettqu l-​ħsieb tiegħu.” Il-​“bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat” tirrappreżenta l-​Ġnus Magħquda, u “l-​għaxart iqrun” jirrappreżentaw il-​qawwiet politiċi kollha li jappoġġawha.—Riv. 17:3, 16-​18. w15 7/15 2:3, 4

Il-​Ħadd, 16 taʼ Lulju

“Kull wieħed minnkom jgħid: ‘Jien taʼ Pawlu,’ ‘Imma jien t’Apollo,’ ‘Imma jien taʼ Kefa,’ ‘Imma jien taʼ Kristu.’”—1 Kor. 1:12.

Pawlu tahom il-​parir: “Inħeġġiġkom, ħuti, . . . biex ilkoll titkellmu fi qbil u ma jkunx hemm firdiet fostkom, imma tkunu magħqudin kif jixraq b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed.” (1 Kor. 1:10,11,13) L-​istess hu minnu llum. M’għandu jkun hemm ebda frid fil-​kongregazzjoni. (Rum. 16:17, 18) Pawlu fakkar lill-​Kristjani midlukin li huma ċittadini tas-​sema u li m’għandux ikollhom moħħhom “fl-​affarijiet taʼ l-​art.” (Flp. 3:17-​20) Il-​midlukin huma ambaxxaturi li jirrappreżentaw ’l Alla u Kristu. Meta ambaxxatur ikun f’pajjiż barrani, ma joqgħodx jinvolvi ruħu fil-​problemi u l-​politika taʼ dak il-​pajjiż. B’mod simili, ma jkunx sew li l-​midlukin jinvolvu ruħhom fil-​problemi u l-​politika tad-​dinja. (2 Kor. 5:20) Anki dawk li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art huma leali lejn is-​Saltna u ma jżommux maʼ naħa jew oħra fil-​konflitti taʼ din id-​dinja. w15 7/15 3:9, 10

It-​Tnejn, 17 taʼ Lulju

“Hu kien ħanin; kien jgħatti l-​iżball [jiġifieri jaħfer l-​iżball] u ma jġibx ħerba fuqhom. Ħafna drabi reġġaʼ lura r-​rabja tiegħu, u ma kienx iħalli l-​korla tiegħu tixgħel għalkollox.”—Salm 78:38.

Meta timmedita fuq dan il-​vers, dan jistaʼ jgħinek tara kemm Ġeħova jħobbok u jieħu ħsiebek. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova tassew jimpurtah minna. (1 Pt. 5:6, 7) Il-​Bibbja għandha tkun prezzjuża ħafna għalina. Għala? Għax Ġeħova jikkomunika magħna permezz tal-​Kelma tiegħu. Meta ġenitur u iben jikkomunikaw bil-​miftuħ maʼ xulxin, huma jsaħħu l-​imħabba li jkollhom għal xulxin u tikber il-​fiduċja f’xulxin. Ġeħova hu Missierna li jħobbna. U għalkemm qatt ma rajnieh jew smajna leħnu, ikun bħallikieku qed jikkomunika direttament magħna permezz tal-​Bibbja. Għandna nibqgħu nagħtuh widen! (Is. 30:20, 21) Meta naqraw il-​Kelma t’Alla, naraw li Ġeħova jixtieq jiggwidana u jipproteġina. Hu jridna nsiru nafuh u nafdawh ukoll.—Salm 19:7-​11; Prov. 1:33. w15 8/15 1:6, 7

It-​Tlieta, 18 taʼ Lulju

“Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġak. 4:8.

Għalkemm inħarsu ’l quddiem għall-​Ġenna tal-​art, l-​iktar li se jferraħna hu li nqimu lil Ġeħova. Ġib quddiem għajnejk kif se tkun il-​ħajja meta n-​nies kollha se jittrattaw lill-​isem taʼ Ġeħova bħala li hu qaddis u meta kulħadd se jaċċetta lil Ġeħova bħala l-​Mexxej tiegħu. (Mt. 6:9, 10) Se nkunu eċċitati li naraw l-​art mimlija b’nies perfetti, sewwasew kif kien l-​iskop t’Alla. U aħseb ftit kemm se jkun iktar faċli li nkabbru l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova hekk kif bil-​mod il-​mod insiru perfetti! (Salm 73:28) Aħna fiduċjużi li Ġeħova se jagħmel dawn l-​affarijiet meraviljużi kollha, għax “għal Alla kollox hu possibbli.” (Mt. 19:25, 26) Jekk irridu ngħixu għal dejjem fid-​dinja l-​ġdida, issa hu ż-​żmien li ‘naqbdu qabda soda’ mal-​ħajja taʼ dejjem. Aħna nafu li t-​tmiem dalwaqt se jiġi, u allura rridu ngħixu b’tali mod li juri li qed nistennew li t-​tmiem se jiġi mil-​lum għal għada. Irridu nagħmlu kulma nistgħu issa stess biex nippreparaw għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida. w15 8/15 3:2, 3

L-​Erbgħa, 19 taʼ Lulju

“Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġw. 17:3.

Ħafna mill-​mezzi tax-​xandir tad-​dinja, bħal programmi tat-​televixin, Websajts, u kotba, jistgħu jħassrulna r-​relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova. Dan it-​tip taʼ materjal mhuwiex iddisinjat biex jgħin lill-​Kristjani jkollhom fidi f’Ġeħova u l-​wegħdi tiegħu. Minflok, jinkuraġġixxi n-​nies biex jafdaw fid-​dinja mill-​agħar taʼ Satana. Allura, irridu noqogħdu attenti ħafna li ma nagħżlux li naraw, naqraw jew nisimgħu xi ħaġa li tistaʼ tqanqal fina “xewqat tad-​dinja.” (Titu 2:12) Għall-​kuntrarju tad-​dinja taʼ Satana, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tinkuraġġixxi kondotta li tmexxi lil dak li jkun għall-​ħajja taʼ dejjem. Pereżempju, għandna ħafna rivisti, browxers, kotba, vidjows, u ħafna materjal fuq il-​Websajt li jgħinuna nibqgħu naqdu ’l Alla. L-​organizzazzjoni tirranġa wkoll biex ikun hemm laqgħat regulari f’iktar minn 110,000 kongregazzjoni mad-​dinja kollha. Dak li nitgħallmu mill-​Bibbja f’dawn il-​laqgħat u f’assembleat akbar, isaħħilna l-​fidi f’Ġeħova u l-​wegħdi tiegħu.—Ebr. 10:24, 25. w15 8/15 4:9, 11

Il-​Ħamis, 20 taʼ Lulju

“Il-​kuxjenza tagħhom qed tixhed magħhom.”—Rum. 2:15.

In-​nies taʼ Ġeħova jridu li l-​kuxjenza tagħhom taħdem kif suppost għax tistaʼ tkun t’għajnuna kbira biex tinkuraġġixxi l-​għaqda fil-​kongregazzjoni. Aħna rridu li l-​kuxjenza tfakkarna fil-​livelli tal-​Bibbja taʼ x’inhu tajjeb jew ħażin. Madankollu, biex inħarrġu u nużaw il-​kuxjenza tagħna, għandna nagħmlu iktar milli sempliċement nitgħallmu dak li tgħid il-​Bibbja. Għandna nħobbu l-​livelli t’Alla u għandu jkollna fidi li dawn huma taʼ ġid għalina. Pawlu kiteb: “L-​għan taʼ din l-​ordni hu l-​imħabba li tiġi minn qalb nadifa u minn kuxjenza tajba u minn fidi mingħajr ipokrisija.” (1 Tim. 1:5) Meta nħarrġu l-​kuxjenza tagħna u nsegwuha, l-​imħabba li għandna għal Ġeħova u l-​fidi li għandna fih se jikbru. Il-​mod kif nużaw il-​kuxjenza tagħna jagħti prova taʼ kemm għandna relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova u juri kemm nixtiequ nogħġbuh. Il-​kuxjenza tagħna turi wkoll x’tip taʼ persuna aħna verament. w15 9/15 2:2, 3

Il-​Ġimgħa, 21 taʼ Lulju

“Ara liema xorta taʼ mħabba tana l-​Missier.”—1 Ġw. 3:1.

Ġeħova hu l-​wieħed li għamilna. Hu tana l-​ħajja. (Salm 100:3-​5) Huwa għalhekk li l-​Bibbja tiddeskrivi l-​ewwel bniedem bħala “bin Alla.” (Lq. 3:38) U Ġesù għallimna nsejħu lil Ġeħova “Missierna fis-​smewwiet.” (Mt. 6:9) Allura Ġeħova hu Missierna, u hu jħobbna bl-​istess mod bħalma missier tajjeb iħobb lil uliedu. Hu diffiċli għal xi wħud biex jaħsbu f’missier bħala wieħed li jħobb. Forsi għandhom memorji koroh taʼ tfulithom għax missierhom ittrattahom bi krudeltà. Ġeħova qatt ma jagħmel dan lil uliedu. Hu l-​aqwa Missier li jistaʼ jkollna. (Salm 27:10) Hu jħobbna ħafna u jieħu ħsiebna b’ħafna u ħafna modi. Iktar ma nħossuna maħbubin minn Ġeħova, iktar se nħobbuh.—Ġak. 4:8. w15 9/15 4:3, 4

Is-​Sibt, 22 taʼ Lulju

“Alla hu dak li, għax hekk għoġbu, qed jaħdem fikom kemm biex ikollkom ir-​rieda u kemm biex taġixxu.”—Flp. 2:13.

Peress li verament nafdaw u nħobbu lil Ġeħova, dejjem nitolbu għall-​għajnuna tiegħu u nagħmlu kulma nistgħu biex insiru nafu x’jaħseb qabel ma nieħdu xi deċiżjoni. Jekk nistrieħu fuq Ġeħova, hu se jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinna nagħmlu dak li hu sew. Fi żmien Samwel, l-​Iżraelin tilfu battalja kontra l-​Filistin. Minflok ma talbu lil Ġeħova biex jgħidilhom xi jmisshom jagħmlu, huma qalu: “Ħa nġibu minn Silo l-​arka tal-​patt taʼ Ġeħova, sabiex tkun f’nofsna u ssalvana minn id l-​għedewwa tagħna.” Għal xiex wasslet din id-​deċiżjoni? Il-​Bibbja tkompli tgħid: “Il-​qatla kienet kbira ferm, u b’hekk minn Israel waqgħu tletin elf raġel bil-​mixi. U l-​arka t’Alla nqabdet” mill-​Filistin. (1 Sam. 4:2-​4, 10, 11) L-​Iżraelin ħasbu li jekk jieħdu l-​Arka magħhom, dan kien ikun biżżejjed biex Ġeħova jgħinhom u jipproteġihom. Imma dawn ma talbux lil Ġeħova għall-​għajnuna u lanqas ma pprovaw isiru jafu x’ħaseb hu. Minflok, għamlu dak li dehrilhom li kien tajjeb, u ħallsu qares.—Prov. 14:12. w15 9/15 5:16, 17

Il-​Ħadd, 23 taʼ Lulju

“Agħtina iktar fidi.”—Lq. 17:5.

M’għandekx tkun sodisfatt biss bl-​affarijiet li tgħallimt qabel ma tgħammidt. (Ebr. 6:1, 2) Pereżempju, jekk tistudja l-​profeziji tal-​Bibbja li ġa twettqu, dan se jgħinek tibni u żżomm il-​fidi tiegħek. Ukoll, tistaʼ tuża l-​Kelma t’Alla biex tara jekk il-​fidi tiegħek hix b’saħħitha ħafna. (Ġak. 1:25; 2:24, 26) L-​appostlu Pawlu qal li l-​Kristjani jistgħu ‘jinkuraġġixxu lil xulxin bil-​fidi tagħhom.’ (Rum. 1:12) Dan xi jfisser? Meta nqattgħu l-​ħin maʼ ħutna rġiel u nisa, nistgħu nsaħħu l-​fidi taʼ xulxin. Dan hu speċjalment minnu meta nqattgħu l-​ħin maʼ dawk li għandhom fidi li ‘għaddiet mill-​provi.’ (Ġak. 1:3) Ħbieb ħżiena jeqirdu l-​fidi tagħna, imma ħbieb tajbin jibnuhielna. (1 Kor. 15:33) Hu għalhekk li ningħataw il-​parir biex nattendu l-​laqgħat b’mod regolari.—Ebr. 10:24, 25. w15 10/15 2:2, 8, 9

It-​Tnejn, 24 taʼ Lulju

“Immedita fuq dawn l-​affarijiet; kun medhi fihom.”—1 Tim. 4:15.

Għandek bżonn il-​ħin biex timmedita meta tipprepara għal studju tal-​Bibbja. Aħseb fl-​istudent tiegħek, u pprova sib mistoqsija jew tixbiha li se tgħinu jagħmel progress. Meta tipprepara għall-​istudji tal-​Bibbja tiegħek b’dan il-​mod, il-​fidi tiegħek stess se tissaħħaħ u se ssir għalliem tal-​Bibbja aħjar u iktar entużjast. Se tibbenefika wkoll meta timmedita qabel ma toħroġ fil-​ministeru. (Esd. 7:10) Forsi tistaʼ taqra kapitlu mill-​ktieb tal-​Atti biex jgħinek issir iktar żeluż fil-​ministeru. Tistaʼ wkoll timmedita fuq versi tal-​Bibbja li beħsiebek tuża dakinhar u l-​pubblikazzjonijiet li beħsiebek toffri. (2 Tim. 1:6) Aħseb dwar in-​nies fit-​territorju u aħseb dwar x’tistaʼ tgħid biex tqanqlilhom l-​interess. Meta tipprepara b’dan il-​mod, se tkun tistaʼ tuża l-​Bibbja b’mod effettiv biex tagħti xhieda lil oħrajn.—1 Kor. 2:4. w15 10/15 4:9

It-​Tlieta, 25 taʼ Lulju

“Jekk għajnek il-​leminija qed tfixklek, aqlagħha.”—Mt. 5:29.

Saqsi lilek innifsek: ‘It-​tfal tiegħi jafu għala l-​pornografija hi tant perikoluża? X’jistaʼ jġegħelhom ikunu jridu jaraw dawn l-​istampi? Nagħmilhielhom faċli biex jitkellmu miegħi dwar kollox, ħalli jsaqsuni għall-​għajnuna anki jekk jiġu ttantati biex jaraw il-​pornografija?’ Anki jekk it-​tfal huma żgħar ħafna, tistaʼ tgħidilhom: “Jekk xi darba tara xi ħaġa fuq l-​Internet li tagħmlek kurjuż dwar is-​sess u tkun trid taraha, jekk jogħġbok ejja għandi u tkellem miegħi. Tibżax jew tistħi żżejjed biex issaqsini għall-​għajnuna. Jien irrid ngħinek.” Meta tagħżel id-​divertiment tiegħek, aħseb sew dwar kif tistaʼ tkun t’eżempju tajjeb għal uliedek. Pranas, li hu missier, jgħid: “Tistaʼ ddum tgħid dwar ħafna affarijiet, imma wliedek se jinnotaw dak li tagħmel int u jimitaw lilek.” Jekk dejjem toqgħod attent li tagħmel għażliet tajbin dwar mużika, kotba, u films, tkun tistaʼ tgħin lil uliedek jagħmlu l-​istess.—Rum. 2:21-​24. w15 11/15 1:12-​14

L-​Erbgħa, 26 taʼ Lulju

“Se nagħtik id-​dehen u nistruwik dwar it-​triq li għandek taqbad.”—Salm 32:8.

L-​ippritkar f’postijiet pubbliċi hu metodu effettiv li qed jintuża biex jintlaħqu n-​nies illum. Qed isiru ħafna sforzi biex il-​messaġġ jiġi ppritkat lin-​nies li jkunu fuq l-​istage, fl-​istazzjonijiet tat-​trejn, u fil-​parking areas, u kif ukoll fil-​pjazez u fis-​suq. Meta tipprietka f’postijiet pubbliċi, tkun beżgħan? Jekk inhu hekk, itlob l-​għajnuna mingħand Alla u kkunsidra dak li qal Ħuna Manera, indokratur li jivvjaġġa: “Aħna qisna kull aspett ġdid taʼ servizz bħala mod ieħor kif nistgħu naqdu lil Ġeħova, mod ieħor kif nistgħu nagħtu prova tal-​lealtà tagħna lejh, u bħala prova oħra tal-​integrità tagħna. U aħna konna ħerqanin li nagħtu prova li aħna lesti li naqduh b’kull mod li jitlob minna.” Meta negħlbu l-​beżgħat tagħna u nużaw metodi ġodda biex nippritkaw, insaħħu l-​fidi tagħna f’Ġeħova u nsiru wħud li jippritkaw aħjar. (2 Kor. 12:9, 10) Ħafna pubblikaturi jieħdu pjaċir jgħidu lin-​nies dwar il-​Websajt tagħna, jw.org, li minnha n-​nies jistgħu jaqraw l-​aħbar tajba, anke f’postijiet iżolati. w15 11/15 5:12, 13, 15

Il-​Ħamis, 27 taʼ Lulju

“Il-​ħadid jinsenn bil-​ħadid. Hekk bniedem isinn wiċċ bniedem ieħor.”—Prov. 27:17.

Fil-​passat, l-​edizzjoni Ingliża New World Translation użat il-​kelma Ebrajka “Xeol” f’​Ekkleżjasti 9:10 u f’versi oħra. Din l-​espressjoni kienet tintuża spiss f’Bibbji bl-​Ingliż oħrajn ukoll. Madankollu, din il-​kelma ma setgħetx tintuża f’ħafna lingwi għax il-​maġġorparti tal-​qarrejja taʼ dawn il-​lingwi ma kinux jafu l-​kelma Ebrajka “Xeol.” Ma kinitx tinsab fid-​dizzjunarji, u xi wħud saħansitra ħasbu li kien isem taʼ post. Minħabba dawn ir-​raġunijiet, għar-​reviżjoni tal-​2013, it-​tradutturi ġew mogħtijin il-​permess biex jittraduċu l-​kelma Ebrajka “Xeol” u l-​kelma Griega “Ħades” bħala “l-​Qabar.” Din hi traduzzjoni eżatta u tagħmel il-​kuntest iktar ċar. Espressjonijiet Ingliżi li kienu antiki wkoll inbidlu maʼ dawk moderni, u dan għamel il-​kuntest iktar faċli biex jinqara u jinftiehem waqt li nżammet l-​eżattezza. Traduzzjonijiet li kienu diġà saru f’lingwi oħra reċentement għenu wkoll biex il-​verżjoni Ingliża tkun aħjar. w15 12/15 2:10, 12

Il-​Ġimgħa, 28 taʼ Lulju

“Hieni min jaġixxi b’konsiderazzjoni mal-​batut; fi żmien il-​gwaj Ġeħova jeħilsu. Ġeħova nnifsu se jħarsu u jżommu ħaj.”—Salm 41:1, 2.

Jekk int marid, Ġeħova se jfarrġek u jappoġġak, bħalma għamel mal-​qaddejja tiegħu fil-​passat. Ovvjament, David meta kiteb dan il-​kliem fl-​iskrittura tal-​lum, ma riedx ifisser li persuna tajba li kienet tgħix f’dak iż-​żmien u li kienet turi konsiderazzjoni mal-​batut qatt ma kienet se tmut. Allura Ġeħova kif kien se jgħin lil individwu tajjeb bħal dan? David spjega: “Ġeħova se jwieżnu fuq is-​sodda tal-​mard; int tibdillu friexu kollu matul il-​marda tiegħu.” (Salm 41:3) Ġeħova jaf eżatt dak li qed isofru l-​qaddejja tiegħu, u ma jinsihomx. Jistaʼ jagħtihom il-​kuraġġ u l-​għerf. Ukoll, Ġeħova għamel il-​ġisem uman b’tali mod li jistaʼ jfejjaq lilu nnifsu. w15 12/15 4:7

Is-​Sibt, 29 taʼ Lulju

“Żommu f’moħħkom lil dawk li qegħdin marbutin fil-​ħabs.”—Ebr. 13:3.

Meta Pawlu kiteb dan, kien qed jirreferi għall-​aħwa fil-​ħabs minħabba l-​fidi tagħhom. Pawlu faħħar lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni għax urew “simpatija lejn dawk fil-​ħabs.” (Ebr. 10:34) Xi aħwa għenu lil Pawlu matul l-​erbaʼ snin li kien il-​ħabs, imma oħrajn kienu jgħixu ’l bogħod. Kif setgħu jgħinu lil Pawlu? Huma setgħu jkomplu jitolbu mill-​qalb għalih. (Flp. 1:12-​14; Ebr. 13:18, 19) Illum, ħafna Xhieda jinsabu l-​ħabs minħabba l-​fidi tagħhom. Aħwa rġiel u nisa li jgħixu viċin tagħhom jistgħu jgħinuhom b’affarijiet prattiċi. Imma ħafna minna jgħixu ’l bogħod minn dawk li qegħdin il-​ħabs. Kif nistgħu ngħinuhom u ma ninsewhomx? L-​imħabba lejn l-​aħwa se timmotivana nitolbu mill-​qalb għalihom. w16.01 1:13, 14

Il-​Ħadd, 30 taʼ Lulju

“L-​ispirtu nnifsu jixhed maʼ l-​ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.”—Rum. 8:16.

Alla ħalaq lill-​bnedmin biex jgħixu għal dejjem fuq l-​art, mhux fis-​sema. (Ġen. 1:28; Salm 37:29) Imma Ġeħova għażel lil xi wħud biex ikunu slaten u qassisin fis-​sema. Allura meta jagħżilhom bħala midlukin, it-​tama tagħhom u l-​mod kif jaħsbu jinbidlu b’tali mod li jibdew iħarsu ’l quddiem għall-​ħajja fis-​sema. (Efes. 1:18) Imma individwu kif ikun jaf jekk ġiex mistieden imur is-​sema jew le? Innota x’qal Pawlu lill-​aħwa midlukin f’Ruma li ġew “imsejħin biex ikunu qaddisin.” Hu qalilhom: “Intom ma rċivejtux spirtu taʼ jasar li jerġaʼ jġib il-​biżaʼ, imma rċivejtu spirtu t’adozzjoni bħala wlied; b’dan l-​ispirtu aħna ngħajtu: ‘Abba, Missier!’” (Rum. 1:7; 8:15) Permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu, Alla jagħmilha ċara lil dak li jkun li ġie mistieden imexxi bħala sultan fis-​sema maʼ Ġesù.—1 Tess. 2:12. w16.01 3:8, 9

It-​Tnejn, 31 taʼ Lulju

“Tindaħlux.”—1 Tess. 4:11.

Kif nistgħu nuru li nirrispettaw lil dawk li huma midlukin minn Ġeħova? Mhux se nsaqsuhom kif saru midlukin. Din hi kwistjoni persunali, u m’għandniex dritt inkunu nafu. (2 Tess. 3:11) U m’għandniex naħsbu li r-​raġel tagħhom, il-​mara tagħhom, il-​ġenituri tagħhom, jew membri oħra tal-​familja huma wkoll midlukin. Ħadd ma jiret it-​tama tiegħu mill-​familja. (1 Tess. 2:12) Apparti minn hekk, għandna nevitaw li nsaqsu mistoqsijiet li jistgħu jweġġgħu lil oħrajn. Pereżempju, mhux se nsaqsu l-​mara taʼ ħu midluk kif tħossha dwar il-​fatt li hi se tgħix għal dejjem fuq l-​art mingħajr żewġha. Wara kollox, nistgħu nkunu ċerti għalkollox li fid-​dinja l-​ġdida, Ġeħova se ‘jissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’ (Salm 145:16) Jekk ma nittrattawx lill-​midlukin bħala li huma iktar importanti minn oħrajn, inkunu wkoll qed nipproteġu lilna nfusna. Kif? Il-​Bibbja tgħidilna li jistaʼ jkun hemm “aħwa foloz” fil-​kongregazzjoni li forsi saħansitra jgħidu li huma midlukin.—Gal. 2:4, 5; 1 Ġw. 2:19. w16.01 4:10, 11

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja