LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es17 pp. 77-87
  • Awwissu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Awwissu
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
  • Sottitli
  • It-​Tlieta, 1 taʼ Awwissu
  • L-​Erbgħa, 2 taʼ Awwissu
  • Il-​Ħamis, 3 taʼ Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 4 taʼ Awwissu
  • Is-​Sibt, 5 taʼ Awwissu
  • Il-​Ħadd, 6 taʼ Awwissu
  • It-​Tnejn, 7 taʼ Awwissu
  • It-​Tlieta, 8 taʼ Awwissu
  • L-​Erbgħa, 9 taʼ Awwissu
  • Il-​Ħamis, 10 taʼ Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 11 taʼ Awwissu
  • Is-​Sibt, 12 taʼ Awwissu
  • Il-​Ħadd, 13 taʼ Awwissu
  • It-​Tnejn, 14 taʼ Awwissu
  • It-​Tlieta, 15 taʼ Awwissu
  • L-​Erbgħa, 16 taʼ Awwissu
  • Il-​Ħamis, 17 taʼ Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 18 taʼ Awwissu
  • Is-​Sibt, 19 taʼ Awwissu
  • Il-​Ħadd, 20 taʼ Awwissu
  • It-​Tnejn, 21 taʼ Awwissu
  • It-​Tlieta, 22 taʼ Awwissu
  • L-​Erbgħa, 23 taʼ Awwissu
  • Il-​Ħamis, 24 taʼ Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 25 taʼ Awwissu
  • Is-​Sibt, 26 taʼ Awwissu
  • Il-​Ħadd, 27 taʼ Awwissu
  • It-​Tnejn, 28 taʼ Awwissu
  • It-​Tlieta, 29 taʼ Awwissu
  • L-​Erbgħa, 30 taʼ Awwissu
  • Il-​Ħamis, 31 taʼ Awwissu
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
es17 pp. 77-87

Awwissu

It-​Tlieta, 1 taʼ Awwissu

“Sejjer l-​Imħallef taʼ l-​art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?”—Ġen. 18:25.

Peress li Abraham dejjem obda lil Ġeħova anki f’affarijiet żgħar, il-​ħbiberija tagħhom saret iktar b’saħħitha. Hu ħass li setaʼ jkellem lil Ġeħova dwar kwalunkwe ħaġa u anki talab għall-​għajnuna meta ssielet maʼ mistoqsijiet diffiċli. Pereżempju, meta Ġeħova qal li kien se jeqred il-​bliet taʼ Sodoma u Gomorra, Abraham kien ikkonċernat. Għala? Beżaʼ li n-​nies it-​tajbin kienu se jmutu flimkien mal-​ħżiena. Probabbli kien inkwetat dwar in-​neputi tiegħu Lot u l-​familja tiegħu, li kienu jgħixu f’Sodoma. Abraham fada f’Ġeħova, “l-​Imħallef taʼ l-​art kollha,” u allura b’umiltà tkellem maʼ Ġeħova dwar dak li kien qed jinkwetah. Ġeħova kien paċenzjuż mal-​ħabib tiegħu u wrieh li Hu ħanin. Ġeħova spjegalu li anki meta jagħmel ġudizzju, hu jfittex għan-​nies it-​tajbin u jsalvahom. (Ġen. 18:22-​33) Jidher ċar li l-​għarfien kollu u l-​esperjenza kollha li kiseb Abraham għenuh iżomm il-​ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova b’saħħitha. w16.02 1:11, 12

L-​Erbgħa, 2 taʼ Awwissu

“Jalla Ġeħova juri li qiegħed bejni u bejnek u bejn nisli u bejn nislek għal dejjem.”—1 Sam. 20:42.

Aħna normalment nammiraw nies li huma leali. Imma nammiraw aħna lil Ġonatan biss minħabba li kien leali lejn David? Le, nammirawh għax il-​lealtà lejn Alla kienet l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja taʼ Ġonatan. Fil-​fatt, din hi r-​raġuni għala kien leali lejn David u ma kienx għajjur għalih, għalkemm David kien se jsir sultan minfloku. Iż-​żewġt irġiel baqgħu leali lejn Ġeħova u lejn xulxin. Huma żammew il-​wegħda li kienu għamlu. Aħna wkoll irridu nkunu leali lejn il-​familja tagħna, il-​ħbieb tagħna, u ħutna rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni. (1 Tess. 2:10, 11) Imma iktar importanti minn hekk, għandna nkunu leali lejn Ġeħova. Hu li tana l-​ħajja! (Riv. 4:11) Meta nkunu leali lejh, aħna nkunu verament ferħanin u sodisfatti. Imma nafu li rridu nkunu leali lejn Alla anki fi żminijiet diffiċli. w16.02 3:3, 4

Il-​Ħamis, 3 taʼ Awwissu

“Danjel kien deċiż f’qalbu li ma jitniġġisx.”—Dan. 1:8.

Individwu matur se jkun sod fit-​twemmin tiegħu, anki fi żminijiet diffiċli. Ma jgħixx ħajja doppja billi jġib ruħu bħala ħabib t’Alla fis-​Sala tas-​Saltna imma mbagħad iġib ruħu bħala ħabib tad-​dinja fl-​iskola. Minflok, se jkun leali anki meta jgħaddi minn provi. (Efes. 4:14, 15) Ovvjament, ħadd mhu perfett. Kemm il-​kbar u kemm iż-​żgħar kultant jiżbaljaw. (Ekk. 7:20) Imma jekk trid titgħammed, ikun għaqli jekk issir taf kemm int determinat li tobdi l-​kmandi taʼ Ġeħova. Saqsi lilek innifsek, ‘Obdejt lil Ġeħova tul perijodu taʼ żmien?’ Aħseb dwar kif irreaġixxejt l-​aħħar darba li l-​fidi tiegħek għaddiet minn prova. Irnexxielek tiddeċiedi x’kienet il-​ħaġa t-​tajba li kellek tagħmel? Bħal Danjel, kien hemm xi ħadd li inkuraġġiek biex tuża t-​talenti tiegħek fid-​dinja taʼ Satana? Meta xi ħaġa li tħajrek bħal din tkun quddiemek, jirnexxilek tifhem x’inhi r-​rieda taʼ Ġeħova?—Efes. 5:17. w16.03 1:7-​9

Il-​Ġimgħa, 4 taʼ Awwissu

“Dawk il-​jiem ikunu taʼ tribulazzjoni li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tal-​ħolqien li ħalaq Alla sa dak iż-​żmien, u qatt ma jerġaʼ jkun hawn.”—Mk. 13:19.

Aħna qed ngħixu “fl-​aħħar jiem,” u dalwaqt se nesperjenzaw tribulazzjoni li qatt ma ġrat bħalha qabel. (2 Tim. 3:1) Barra minn hekk, Satana u d-​demonji tiegħu tkeċċew mis-​sema u twaddbu ’l isfel lejn l-​art, u dan ġiegħel lill-​umanità tbati ħafna. (Riv. 12:9, 12) Aħna qed nobdu l-​kmand taʼ Ġesù billi nippritkaw mad-​dinja kollha lil iktar nies u b’iktar lingwi minn qatt qabel! Sabiex nirċievu l-​barka t’Alla, għandna bżonn noqogħdu attenti għad-​direzzjonijiet kollha li jagħtina permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana. Jekk nobdu issa, se jkun eħfef biex insegwu d-​direzzjonijiet matul it-​‘tribulazzjoni l-​kbira,’ meta d-​dinja kollha mill-​agħar taʼ Satana se tkun meqruda. (Mt. 24:21) Wara dan, se jkollna bżonn direzzjonijiet ġodda għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida u ġusta. w16.03 4:16, 18

Is-​Sibt, 5 taʼ Awwissu

“Mid-​duħħan ħarġu ġurati.”—Riv. 9:3.

Fl-​ewwel seklu, l-​appostlu Ġwanni kellu viżjoni taʼ seba’ anġli li bdew idoqqu t-​trumbetti. Meta l-​ħames anġlu daqq it-​trumbetta tiegħu, Ġwanni ra “kewkba li kienet waqgħet mis-​sema għal fuq l-​art.” Din “il-​kewkba” użat muftieħ, jew ċavetta, biex tiftaħ il-​bieb għal ħofra fonda u mudlama. Għall-​ewwel ħareġ duħħan oħxon mill-​ħofra, u mbagħad qatgħa ġurati taret ’il barra mid-​duħħan. Dawn il-​ġurati minflok ma għamlu ħsara lis-​siġar jew lill-​pjanti, attakkaw lil dawk li “ma kinux immarkati bis-​siġill t’Alla fuq ġbinhom.” (Riv. 9:1-​4) Ġwanni kien jaf li qatgħa ġurati tistaʼ tikkaġuna ħafna ħsara. Fil-​fatt, hekk kien ġara fl-​Eġittu fi żmien Mosè. (Eżo. 10:12-​15) Il-​ġurati li ra Ġwanni jirrappreżentaw Kristjani midlukin li kienu qed jippritkaw messaġġ qawwi kontra r-​reliġjon falza. U miljuni taʼ nies oħra li jħarsu ’l quddiem għall-​ħajja fuq l-​art ingħaqdu magħhom. Flimkien, huma magħqudin fl-​ippritkar. Dan l-​ippritkar għen lil ħafna nies jitilqu r-​reliġjon falza u jkunu ħielsa mill-​kontroll taʼ Satana. w16.03 3:3

Il-​Ħadd, 6 taʼ Awwissu

“Ikxifli għajnejja, biex inkun nistaʼ nara l-​affarijiet taʼ l-​għaġeb fil-​liġi tiegħek.”—Salm 119:18.

Hu importanti li anzjan jifhem kif il-​verità teffettwa l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tal-​ħu li qed jitħarreġ. Biex jagħmel dan, forsi anzjan jistaqsih kif id-​dedikazzjoni tiegħu lil Ġeħova effettwat id-​deċiżjonijiet li ħa f’ħajtu. Din il-​mistoqsija tistaʼ twassal għall-​konversazzjoni dwar kif nistgħu naqdu lil Ġeħova b’qalbna kollha. (Mk. 12:29, 30) Forsi jistaʼ saħansitra jitlob mal-​ħu biex Ġeħova jagħtih l-​ispirtu qaddis li għandu bżonn biex jitħarreġ. Meta l-​ħu jisimgħu jitlob għalih, dan abbli se jqanqlu biex jagħmel iktar! Meta għall-​ewwel jibda jħarreġ lill-​ħu, ikun tajjeb li l-​anzjan jiddiskuti miegħu rakkonti Bibliċi li jgħinuh jara l-​importanza taʼ li jkun t’għajnuna, taʼ min joqgħod fuqu, u jkun umli. (1 Slat. 19:19-​21; Neħ. 7:2; 13:13; Atti 18:24-​26) Dawn il-​kwalitajiet huma importanti għall-​ħu li qed jitħarreġ daqskemm huma importanti n-​nutrimenti għall-​ħamrija. Dawn se jgħinu lill-​ħu jikber, jiġifieri, jagħmel progress iktar malajr u jiftħulu għajnejh għall-​‘affarijiet taʼ l-​għaġeb’ fil-​Kelma t’Alla. w15 4/15 2:3, 4

It-​Tnejn, 7 taʼ Awwissu

“Ersqu qrib lejn Alla.”—Ġak. 4:8.

Jekk trid tersaq qrib lejn Ġeħova, ikun importanti ħafna li int u Ġeħova tikkomunikaw regolarment. Imma dan kif inhu possibbli? Int titkellem maʼ Ġeħova meta b’mod regulari titlob lilu. (Salm 142:2) Imma kif tistaʼ tħalli lil Ġeħova jkellmek? Int tagħmel dan meta b’mod regulari taqra l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, u timmedita dwarha. (Is. 30:20, 21) It-​tweġibiet għat-​talb tiegħek mhux dejjem ikunu jidhru ovvji. Iżda meta ssaqsi għal affarijiet speċifiċi fit-​talb tiegħek, tkun tistaʼ tara b’mod iktar ċar li Ġeħova qed iwieġeb, u se jsir iktar reali għalik. Jekk tħalli lil Ġeħova jkun jaf dak kollu li qed jinkwetak, hu se jersaq eqreb lejk. Nistgħu nibqgħu nersqu eqreb lejn Ġeħova għal dejjem. Allura, jalla nkomplu nisimgħuh billi nistudjaw il-​Bibbja b’mod regulari, u jalla nibqgħu nkellmuh fit-​talb. Jekk nagħmlu hekk, ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova se tkun iktar u iktar b’saħħitha, u bl-​għajnuna tiegħu nkunu nistgħu nissaportu l-​provi. w15 4/15 3:3, 14, 16

It-​Tlieta, 8 taʼ Awwissu

“L-​avversarju tagħkom, ix-​Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.”—1 Pt. 5:8.

Kemm hi deskrizzjoni tajba tal-​attitudni kattiva u mill-​agħar taʼ Satana! Hu diġà jikkontrolla d-​dinja kollha, madankollu dan mhuwiex biżżejjed għalih. Satana hu bħal iljun bil-​ġuħ, lest biex jiblaʼ iktar vittmi. L-​iskop taʼ Satana hu li jeqred in-​nies taʼ Ġeħova. Il-​persekuzzjoni tal-​Kristjani veri mill-​ewwel seklu s’issa tagħti prova kemm Satana hu kattiv. Iljun bil-​ġuħ ma jiddispjaċihx għall-​annimal li jaqbad. Ma jħoss l-​ebda mogħdrija qabel joqtlu u ma jiddispjaċihx wara li joqtlu. B’mod simili, Satana ma jħoss l-​ebda mogħdrija għal dawk li jattakka. Pereżempju, kif taħseb li Satana ħassu kull meta l-​Iżraelin waqgħu fid-​dnub, bħall-​immoralità sesswali u r-​regħba, jiġifieri li wieħed dejjem ikun irid? Tistaʼ timmaġina kemm ħa pjaċir Satana meta ra li rebaħ hekk kif ra r-​riżultat traġiku tal-​immoralità taʼ Żimri u tar-​regħba taʼ Geħażi?—Num. 25:6-​8, 14, 15; 2 Slat. 5:20-​27. w15 5/15 1:8, 9

L-​Erbgħa, 9 taʼ Awwissu

“Opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom.”—Ġak. 4:7.

Kif nistgħu niġġieldu lil Satana u nirbħulu? Ġesù qal: “Bis-​sabar tagħkom tiksbu ruħkom.” (Lq. 21:19) Kwalunkwe ħsara li jistaʼ jagħmlilna l-​bniedem mhix permanenti. Ħadd ma jistaʼ jiħdilna l-​ħbiberija li għandna m’Alla sakemm ma nippermettux aħna li jiġri dan. (Rum. 8:38, 39) Anki jekk xi qaddejja leali taʼ Ġeħova jmutu, ma jfissirx li Satana rebaħ. Ġeħova se jirxoxtahom. (Ġw. 5:28, 29) Imma Satana m’għandux futur. Wara li din id-​dinja mill-​agħar tiġi meqruda, hu se jiġi mitfugħ fl-​abbiss għal 1,000 sena. (Riv. 20:1-​3) Fit-​tmiem tat-​tmexxija taʼ elf sena taʼ Kristu, Satana se jitħalla “jinħall mill-​ħabs” u se jipprova għall-​aħħar darba jqarraq bin-​nies perfetti. Imbagħad, se jiġi meqrud. (Riv. 20:7-​10) Għalkemm ix-​Xitan m’għandu ebda futur, int għandek! Ibqaʼ ġġieled lil Satana, u żomm il-​fidi tiegħek b’saħħitha. (1 Pt. 5:9) Int tistaʼ tiġġieled lil Satana u tirbaħlu! w15 5/15 2:1, 18

Il-​Ħamis, 10 taʼ Awwissu

“Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba, imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-​piena.”—Prov. 22:3.

Bniedem għaqli jikkontrolla dak li jaħseb dwaru. Il-​ħsibijiet tagħna jistgħu jgħinuna jew jagħmlulna l-​ħsara, sewwasew bħalma n-​nar jistaʼ jgħinna jew jagħmlilna l-​ħsara. Pereżempju, permezz tan-​nar nistgħu nsajru l-​ikel. Imma jekk ma noqogħdux attenti, in-​nar jistaʼ jaħarqilna d-​dar u anke joqtolna. Hu simili fejn jidħlu l-​ħsibijiet tagħna. Meta naħsbu dwar affarijiet li nitgħallmu minn Ġeħova, dan ikun taʼ ġid għalina. Imma jekk noqogħdu naħsbu dwar l-​immoralità sesswali u nimmaġinaw lilna nfusna nagħmlu affarijiet ħżiena, tant se nixxennqu għal dawn l-​affarijiet li jistaʼ jkun li nispiċċaw nagħmluhom. Dan jistaʼ jġib fit-​tmiem il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. (Ġak. 1:14, 15) Il-​Bibbja b’mod ċar twissina biex ma noqogħdux nimmaġinaw lilna nfusna nagħmlu xi ħaġa li hi immorali sesswalment. Ġesù qal: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.”—Mt. 5:28. w15 5/15 4:11, 12, 14

Il-​Ġimgħa, 11 taʼ Awwissu

“L-​affarijiet li kont ngħożż kienu marbutin maʼ wlied il-​bnedmin.”—Prov. 8:31.

Ġesù għamel bosta mirakli hu u jipprietka. Dawn il-​mirakli wrew kemm tassew kien jimpurtah mill-​bnedmin kollha. Darba minnhom hu ltaqaʼ maʼ raġel li kellu marda kiefra, il-​ġdiem. (Mk. 1:39, 40) Ir-​raġel tant kien marid li Luqa, li kien tabib, iddeskrivieh bħala li kien “mimli ġdiem.” (Lq. 5:12) Il-​Bibbja tgħid li meta r-​raġel marid ra lil Ġesù, “inxteħet wiċċu fl-​art, talbu bil-​ħniena, u qallu: ‘Mulej, jekk trid, tistaʼ tnaddafni.’” Ir-​raġel kien jaf li Ġesù kellu l-​qawwa biex ifejqu, imma kellu bżonn ikun jaf jekk Ġesù riedx ifejqu. Għala? Għax ried ikun jaf jekk Ġesù kienx bħall-​Fariżej, li kienu jistmerru lin-​nies li kellhom il-​ġdiem. Imma x’kien qed jaħseb Ġesù? Hu mess lir-​raġel, xi ħaġa li ħadd ieħor ma kien ikun lest li jagħmel. B’fiduċja u mogħdrija, Ġesù qal: “Irrid. Indaf.” Imbagħad “il-​ġdiem għab minn fuqu.” (Lq. 5:13) Iva, Ġesù wera kemm iħobb lin-​nies.—Lq. 5:17. w15 6/15 2:3-​5

Is-​Sibt, 12 taʼ Awwissu

Min jinqataʼ għalih kontra kull għaqal jiħodha.—Prov. 18:1.

Kristjani maturi jistgħu jgħinuk tinduna liema bidliet għandek bżonn tagħmel. (Ebr. 3:12, 13). Imbagħad, agħmel dawk il-​bidliet ħalli tkun tistaʼ tibqaʼ ħabib taʼ Ġeħova. L-​anzjani fil-​kongregazzjoni tagħna huma speċjalment kwalifikati biex jgħinuna. (Ġak. 5:13-​15) Jekk ħadtha drawwa li tara l-​pornografija, għandek titlob l-​għajnuna minnufih. Iktar ma ddum biex titlob l-​għajnuna, iktar se jkun hemm ir-​riskju li tikkommetti l-​immoralità sesswali. Imbagħad se tweġġaʼ lil ħaddieħor u ġġib tmaqdir fuq isem Ġeħova. Ħafna wħud talbu l-​għajnuna tal-​anzjani u aċċettaw il-​pariri tagħhom biex jogħġbu lil Ġeħova u jibqgħu fil-​kongregazzjoni Kristjana.—Ġak. 1:15; Salm 141:5; Ebr. 12:5, 6. w15 6/15 3:15-​17

Il-​Ħadd, 13 taʼ Awwissu

“Irid iseħħ f’dak il-​jum li l-​profeti jistħu, kull wieħed mill-​viżjoni tiegħu meta jipprofetizza; u m’humiex se jilbsu libsa uffiċjali tax-​xagħar bl-​iskop li jqarrqu.”—Żak. 13:4.

Se jinqatlu l-​membri kollha tar-​reliġjon falza meta Babilonja l-​Kbira tiġi meqruda? Le. Xi ftit mill-​mexxejja reliġjużi se jagħmlu tabirruħhom li mhumiex reliġjużi u se jgħidu li qatt ma kienu parti minn dawn ir-​reliġjonijiet foloz. (Żak. 13:5, 6) X’se jiġri lin-​nies t’Alla matul dak iż-​żmien? Ġesù jispjega: “Fil-​fatt, kieku dawk il-​jiem ma jitqassrux, ebda bniedem ma jiġi salvat; imma minħabba l-​magħżulin dawk il-​jiem jitqassru.” (Mt. 24:22) Fis-​sena 66 WK, it-​tribulazzjoni f’Ġerusalemm ‘tqassret.’ Dan ta ċans biex “il-​magħżulin,” jew, il-​Kristjani midlukin, jaħarbu. B’mod simili, l-​ewwel parti tat-​tribulazzjoni l-​kbira se ‘titqassar’ minħabba “l-​magħżulin.” Il-​qawwiet politiċi, jew, “l-​għaxart iqrun,” mhux se jitħallew jeqirdu lin-​nies t’Alla. (Riv. 17:16) Minflok, se jkun hemm perijodu qasir taʼ kalmezza wara li jispiċċa l-​ewwel attakk, jiġifieri wara l-​qerda tar-​reliġjonijiet foloz kollha. w15 7/15 2:5, 6

It-​Tnejn, 14 taʼ Awwissu

“Ġie t-​Tentatur.”—Mt. 4:3.

Aħna għandna għażla. Kull wieħed minna jistaʼ jiddeċiedi jekk jirreżistix it-​tentazzjoni jew le. (Mt. 6:13; Ġak. 1:13-​15) Meta kien ittantat minn Satana, Ġesù b’mod immedjat irrifjutah billi kkwota l-​Kelma t’Alla. Ġesù kien leali lejn Alla. Madankollu, Satana ma qatax qalbu. Hu stenna “sakemm isib ħin konvenjenti ieħor” biex jittanta lil Ġesù. (Lq. 4:13) Imma għamel x’għamel Satana, Ġesù dejjem obda ’l Alla bħala l-​Mexxej tiegħu. Madankollu, Satana jipprova jittanta lis-​segwaċi taʼ Ġesù, inkluż lilek, biex jiddiżonoraw lil Ġeħova. Il-​mistoqsijiet li tqajmu dwar it-​tmexxija taʼ Ġeħova għadhom iridu jiġu mwieġba. Allura għalissa, Ġeħova qed jippermetti li niġu ttantati minn Satana. Ġeħova ma ‘jdaħħalniex fit-​tentazzjoni.’ Fil-​fatt, hu fiduċjuż li nistgħu nibqgħu leali lejh, u jrid li jgħinna. Imma hu qatt ma jisforzana biex nagħmlu dak li hu sew. Hu jirrispetta l-​libertà tal-​għażla tagħna. Allura jħallina niddeċiedu għalina nfusna jekk hux se nkunu leali jew le. Biex nevitaw milli naqgħu fit-​tentazzjoni, irridu nagħmlu żewġ affarijiet: nibqgħu qrib taʼ Ġeħova u nibqgħu nitolbu għall-​għajnuna tiegħu. w15 6/15 5:13, 14

It-​Tlieta, 15 taʼ Awwissu

“Bl-​ebda mod m’aħna noħolqu xi raġuni għal tfixkil, biex ħadd ma jsib xi jgħid fil-​ministeru tagħna.”—2 Kor. 6:3.

Għandna nbiddlu l-​mod kif naħsbu u għandna bżonn inħarrġu l-​kuxjenza tagħna ħalli nibqgħu newtrali f’kull ċirkustanza. (Rum. 14:19) Pereżempju, Mirjeta twieldet f’pajjiż li kien jissejjaħ il-​Jugoslavja. Fl-​inħawi fejn trabbiet, in-​nies kienu jobogħdu s-​Serbi. Meta tgħallmet dwar Ġeħova, irrealizzat li hu ma jippreferix xi grupp etniku iktar minn ieħor u li huwa Satana li jrid li n-​nies jobogħdu lil xulxin. Allura għamlet sforz kbir biex tbiddel il-​mod kif kienet tħossha. Imma meta bdiet gwerra bejn gruppi etniċi differenti fl-​inħawi li kienet qed tgħix fihom, Mirjeta reġaʼ beda jkollha sentimenti negattivi dwar is-​Serbi. Lanqas ma riedet tippritkalhom. Hi kienet taf li mhux qed tagħmel sew, u allura talbet bil-​ħrara lil Ġeħova biex jgħinha tieqaf tħossha b’dan il-​mod. Mirjeta tgħid: “Jien indunajt li l-​aħjar għajnuna li jistaʼ jkolli hi li niffoka fuq il-​ministeru. Fil-​ministeru nipprova nimita l-​personalità taʼ mħabba taʼ Ġeħova, u rajt is-​sentimenti negattivi tiegħi jisfaxxaw fix-​xejn.” w15 7/15 3:11-​13

L-​Erbgħa, 16 taʼ Awwissu

“Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-​art kollha biex juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.”—2 Kron. 16:9.

Innota kif Ġeħova fittex it-​tajjeb fis-​Sultan Ġeħosafat taʼ Ġuda. Ġeħosafat ħa deċiżjoni ħażina meta ngħaqad mas-​Sultan Aħab tal-​Iżrael. Għalkemm 400 profeta falz qalu lis-​sultan mill-​agħar Aħab li kien se jirbaħ il-​battalja, il-​profeta veru t’Alla, li kien jismu Mikaja, qal lil Ġeħosafat u lil Aħab li jekk jiġġieldu, kienu se jitilfu. U eżattament hekk ġara! Aħab miet fil-​battalja, u Ġeħosafat ħelisha bi żbrixx minn ħalq il-​mewt. Wara l-​battalja, Ġeħova uża lil Ġeħu biex iċanfar lil Ġeħosafat dwar l-​iżball tiegħu. Madankollu, Ġeħu qallu: “Instabu fik xi affarijiet tajbin.” (2 Kron. 18:4, 5, 18-​22, 33, 34; 19:1-​3) Allura, għalkemm Ġeħosafat ħa deċiżjoni ħażina iktar tard, Ġeħova ma kienx nesa l-​affarijiet tajbin li kien għamel f’ħajtu qabel. (2 Kron. 17:3-​10) Dan l-​eżempju hu taʼ faraġ kbir għalina għax kultant niżbaljaw. Però, jekk nagħmlu l-​aħjar tagħna biex naqdu lil Ġeħova, hu se jkompli jħobbna u mhux se jinsa l-​affarijiet tajbin li nkunu għamilna. w15 8/15 1:8, 9

Il-​Ħamis, 17 taʼ Awwissu

Għidilhom jagħmlu l-​ġid sabiex jaqbdu qabda soda mal-​ħajja vera.—1 Tim. 6:18, 19.

Kif nistgħu nippreparaw issa għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida? Li kieku konna beħsiebna mmorru ngħixu pajjiż ieħor, abbli konna nagħmlu xi affarijiet biex inħejju ruħna għall-​ħajja f’dak il-​pajjiż. Pereżempju, forsi nibdew nitgħallmu l-​lingwa u d-​drawwiet tan-​nies li jgħixu hemm. Għandna mnejn induqu xi ftit mill-​ikel tagħhom. B’mod simili, nistgħu nippreparaw issa għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida billi nagħmlu kulma nistgħu biex ngħixu qisna diġà qegħdin hemm. Ħafna nies iħossu li hu importanti li jkunu indipendenti u li m’hemmx għalfejn jobdu lil Alla. Dan għal xiex wassal? Wassal għal ħafna tbatija u nuqqas taʼ ferħ. (Ġer. 10:23) Imma Ġeħova hu Mexxej kollu mħabba. Kemm se tkun aħjar il-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida meta kulħadd jobdih! w15 8/15 3:4, 5

Il-​Ġimgħa, 18 taʼ Awwissu

“Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux.”—2 Kor. 6:14.

Kristjani li jridu jiżżewġu għandhom joqogħdu attenti ħafna maʼ min jagħżlu li jagħmluha. Il-​Bibbja tgħid lill-​qaddejja t’Alla biex jiżżewġu “biss fil-​Mulej,” jiġifieri, biex jiżżewġu biss lil xi ħadd li hu dedikat u mgħammed u li ħajtu hi fi qbil mal-​livelli taʼ Ġeħova. (1 Kor. 7:39) Meta tiżżewweġ persuna bħal din, xi ħadd li jħobb lil Ġeħova, se jkollok sieħeb jew sieħba li se tgħinek tibqaʼ leali lejn Alla. Ġeħova jaf x’inhu l-​aħjar għalina, u l-​kmand tiegħu biex niżżewġu “biss fil-​Mulej” mhuwiex ġdid. Pereżempju, ikkunsidra x’qal Ġeħova lill-​Iżraelin dwar in-​nies li ma kinux iqimuh. Permezz taʼ Mosè, hu kkmanda: “Titħallatx b’rabta taż-​żwieġ magħhom. . . . Għax hu jbiegħed lil ibnek milli jimxi warajja, u huma jaqdu lil allat oħrajn.”—Dt. 7:3, 4. w15 8/15 4:12, 13

Is-​Sibt, 19 taʼ Awwissu

Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti, u b’hekk tkunu bla difett u ma tfixklux lil oħrajn.—Flp. 1:10.

Kif nistgħu nħarrġu l-​kuxjenza tagħna? Hemm bżonn li nistudjaw il-​Bibbja b’mod regulari, nimmeditaw fuq dak li naqraw, u nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna napplikaw dak li nkunu tgħallimna. Dan ifisser li għandna nagħmlu iktar milli sempliċiment nitgħallmu fatti u regoli. Meta nistudjaw il-​Bibbja, il-​mira tagħna hi li nsiru nafu lil Ġeħova aħjar. Aħna nsiru nafu x’tip taʼ Persuna hu u xi jħobb u x’ma jħobbx. Hekk kif nitgħallmu iktar dwar Ġeħova, maż-​żmien il-​kuxjenza tagħna malajr se tibda tinduna dak li hu jqisu tajjeb jew ħażin. Iktar ma nħarrġu l-​kuxjenza tagħna, iktar se nibdew naħsbu bħal Ġeħova. Imma, jekk xi ħadd fil-​kongregazzjoni jieħu ċerta deċiżjoni dwar xi kwistjoni personali, m’għandniex inkunu ħfief biex niġġudikawh jew inġegħluh ibiddel fehmtu. Forsi għandu bżonn iħarreġ il-​kuxjenza tiegħu iktar, jew forsi hi wisq sensittiva.—1 Kor. 8:11, 12. w15 9/15 2:4, 8, 10

Il-​Ħadd, 20 taʼ Awwissu

“L-​art taha lil ulied il-​bnedmin.”—Salm 115:16.

Ġeħova mhux biss tana l-​ħajja, imma għamel ukoll l-​art sabiħa, komda, u post bla periklu fejn aħna nistgħu nieħdu pjaċir bil-​ħajja. (Is. 45:18) Meta naħsbu dwar il-​post li tana Missierna, Ġeħova, aħna verament inħossu kemm għandu mħabba għalina. (Ġob 38:4, 7; Salm 8:3-​5) Mod ieħor kif Ġeħova wera li jħobbna hu billi ħalaqna bl-​abbiltà li nimitawh. (Ġen. 1:27) Dan ifisser li nistgħu nħossu l-​imħabba li għandu għalina u mbagħad nuru l-​imħabba tagħna lejh. Hu jaf li huwa dan li jagħmilna ferħanin verament. Wara kollox, l-​ulied ikunu l-​iktar ferħanin meta jħossu li l-​ġenituri tagħhom iħobbuhom. U ftakar, Ġesù għallimna li se nkunu ferħanin jekk inkunu qrib taʼ Missierna, Ġeħova. (Mt. 5:3) Hu ‘jagħtina kollox għat-​tgawdija tagħna.’ B’mod ċar, hu ġeneruż ħafna u hu jħobbna ħafna.—1 Tim. 6:17; Salm 145:16. w15 9/15 4:6, 7

It-​Tnejn, 21 taʼ Awwissu

“Hemm triq li tidher retta għal bniedem, imma mbagħad tmiemha hu l-​mewt.”—Prov. 14:12.

Salmista li tassew kien iħobb lil Ġeħova u jafda fih kiteb: “Stenna lil Alla, għax jien għad irrid infaħħru bħala s-​salvazzjoni grandjuża tiegħi. O Alla tiegħi, ruħi ddisprata ġewwa fija. Għalhekk niftakar fik.” (Salm 42:5, 6) Int hekk tħossok dwar Ġeħova? Tħossok qrib tiegħu u tafdah? Anke jekk tħoss li diġà tafdah, jistaʼ jkun li tistaʼ titgħallem tafdah saħansitra iktar. Il-​Bibbja tgħidilna: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-​mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” (Prov. 3:5, 6) Billi ħabbna l-​ewwel, Ġeħova għallimna kif inħobbuh. (1 Ġw. 4:19) Ejja dejjem naħsbu fuq kemm għamel għalina u fuq kemm iħobbna. U jalla nuruh li nħobbuh b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’moħħna kollu, u b’saħħitna kollha.—Mk. 12:30. w15 9/15 5:17-​19

It-​Tlieta, 22 taʼ Awwissu

“Ngħid għalija u għan-​nies taʼ dari, aħna se naqdu lil Ġeħova.”—Ġoż. 24:15.

Nistgħu nsaħħu l-​fidi tagħna meta nippritkaw u ngħallmu l-​aħbar tajba tal-​Bibbja lil ħaddieħor. Bħall-​Kristjani tal-​bidu, aħna nitgħallmu kif nafdaw f’Ġeħova u nitkellmu bil-​qlubija fi kwalunkwe ċirkustanza. (Atti 4:17-​20; 13:46) Il-​fidi tagħna f’Ġeħova tikber hekk kif naraw kif jgħinna u kif iwieġeb it-​talb tagħna. Hekk ġralhom Kaleb u Ġożwè. Huma wrew fidi f’Ġeħova meta tkixxfu l-​Art Imwiegħda. Hekk kif għadda ż-​żmien, il-​fidi tagħhom kompliet tissaħħaħ kull darba li raw kif Ġeħova għenhom. Ġożwè b’wiċċu minn quddiem setaʼ jgħid lill-​Iżraelin: “Lanqas kelma waħda mill-​kliem tajjeb kollu li Ġeħova Alla tagħkom qalilkom ma naqset.” Iktar tard qal: “Ibżgħu minn Ġeħova u aqduh mingħajr nuqqas u bil-​verità.” (Ġoż. 23:14; 24:14, 15) Meta nafdaw f’Ġeħova u naraw kif jgħinna persunalment, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ.—Salm 34:8. w15 10/15 2:10, 11

L-​Erbgħa, 23 taʼ Awwissu

“Esdra kien ħejja qalbu.”—Esd. 7:10.

X’inhuma xi affarijiet oħra li tistaʼ timmedita fuqhom? Jekk tieħu noti matul it-​taħditiet pubbliċi, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet, ħu l-​ħin biex tirrivedihom. Hekk kif tagħmel dan, saqsi lilek innifsek, ‘X’tgħallimt mill-​Kelma t’Alla u mill-​organizzazzjoni tiegħu?’ Tistaʼ timmedita wkoll fuq l-​informazzjoni li jkollna fil-​ħarġiet regolari tat-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! u fl-​aħħar ħarġiet li kellna fil-​konvenzjoni. Meta taqra l-​Yearbook, ieqaf wara li taqra esperjenza, aħseb dwarha, u ħalliha tmisslek qalbek. Meta taqra l-​pubblikazzjonijiet tagħna, forsi tkun trid timmarka l-​ħsibijiet prinċipali jew tieħu noti fil-​ġnub tal-​paġna. Dan se jgħinek meta tipprepara għal żjara lura, żjara pastorali, jew taħdita. Iktar importanti minn hekk, meta tieqaf u timmedita fuq dak li taqra, tkun qed tagħti ċans biex il-​materjal jinżel f’qalbek u jkollok ħin titlob u tirringrazzja lil Ġeħova għall-​affarijiet sbieħ li qed titgħallem. w15 10/15 4:9, 10

Il-​Ħamis, 24 taʼ Awwissu

“Ġesù baqaʼ javanza fl-​għerf u fl-​iżvilupp fiżiku u approvat minn Alla u mill-​bnedmin.”—Lq. 2:52.

Wieħed mill-​iktar mumenti taʼ ferħ għall-​ġenituri hu meta wliedhom jitgħammdu. L-​erbat itfal taʼ Bernice kollha tgħammdu qabel ma għalqu 14-​il sena. Hi tgħid: “Kienet esperjenza emozzjonali ħafna għalina. Ovvjament, konna grati li wliedna riedu jaqdu lil Ġeħova. Imma konna nafu wkoll li bħala żgħażagħ, it-​tfal tagħna kienu se jħabbtu wiċċhom maʼ ħafna sfidi.” Espert fil-​psikoloġija tat-​tfal jgħid li l-​ġenituri m’għandhomx jaħsbu li wliedhom huma mġienen jew immaturi. Minflok, jgħid li ż-​żgħażagħ huma kreattivi, għandhom emozzjonijiet profondi, u għandhom bżonn iqattgħu l-​ħin maʼ sħabhom. Allura, waqt li għadhom żgħażagħ, uliedek jistgħu jiżviluppaw ħbiberija iktar mill-​qrib maʼ Ġeħova, kif għamel Ġesù meta kien żgħir. w15 11/15 2:1, 2

Il-​Ġimgħa, 25 taʼ Awwissu

“Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.”—Mt. 6:10.

Il-​gvern t’Alla, jiġifieri s-​Saltna Messjanika, hu prova tal-​imħabba taʼ Ġeħova għall-​umanità. Dan kif? Ġeħova diġà ħatar Mexxej li jħobb l-​umanità u li hu kwalifikat biex imexxi, jiġifieri Ġesù Kristu. (Prov. 8:31) Iktar minn hekk, 144,000 bniedem magħżulin mill-​umanità se jmexxu maʼ Kristu fis-​sema. Meta jiġu mqajmin, huma jieħdu magħhom l-​esperjenza taʼ xi jfisser li tkun bniedem, u dan se jkun taʼ ġid għall-​umanità. (Riv. 14:1) Waqt li Ġesù kien fuq l-​art, is-​Saltna kienet it-​tema prinċipali tat-​tagħlim tiegħu, u hu għallem id-​dixxipli tiegħu biex jitolbu għaliha. Il-​Bibbja turi li s-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi mis-​sema fl-​1914. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, bdew jinġabru l-​aħħar membri taʼ dawk li se jmexxu maʼ Ġesù fis-​sema, kif ukoll bdew jinġabru dawk tal-​“folla kbira” li se jibqgħu ħajjin wara t-​tmiem taʼ din is-​sistema u li se jidħlu fid-​dinja l-​ġdida.—Riv. 7:9, 13, 14. w15 11/15 3:16, 18

Is-​Sibt, 26 taʼ Awwissu

“Isma’, jekk jogħġbok, u jien nitkellem.”—Ġob 42:4.

L-​ewwel li ħalaq Ġeħova kien dak li l-​appostlu Ġwanni jsejjaħlu “l-​Kelma,” jiġifieri Ġesù. (Ġw. 1:1; Riv. 3:14) Ġeħova kkomunika u esprima l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tiegħu miegħu. (Ġw. 1:14, 17; Kol. 1:15) L-​appostlu Pawlu jgħid li l-​anġli wkoll jikkomunikaw u li għandhom lingwa, waħda li hi differenti ħafna mil-​lingwa tan-​nies. (1 Kor. 13:1) Ġeħova jaf kollox dwar il-​biljuni taʼ anġli u nies li ħalaq. Hu jistaʼ jismaʼ t-​talb taʼ miljuni taʼ nies fl-​istess ħin, u hu jifhem it-​talb tagħhom tkun xi tkun il-​lingwa li jitolbu biha. Waqt li qed jismaʼ dan it-​talb kollu, Ġeħova qed jikkomunika wkoll mal-​anġli u jidderiġihom. Biex jagħmel dan kollu, il-​ħsibijiet u l-​lingwa taʼ Ġeħova bilfors li huma superjuri għall-​ħsibijiet u l-​lingwa tan-​nies. (Is. 55:8, 9) Allura, meta jikkomunika man-​nies, hu jissimplifika l-​messaġġ tiegħu ħalli aħna nkunu nistgħu nifhmuh. w15 12/15 1:1, 2

Il-​Ħadd, 27 taʼ Awwissu

“L-​art se tkun mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova bħalma l-​ilmijiet jiksu l-​baħar.”—Is. 11:9.

F’ħafna pajjiżi, il-​Bibbji huma għoljin biex jinxtraw jew diffiċli ħafna biex issibhom. Hija barka li wieħed jirċievi Bibbja! Rapport mill-​Irwanda jgħid: “Għal żmien twil, ħafna nies li kienu qed jistudjaw mal-​aħwa m’għamlux progress għax ma kellhomx Bibbja. Ma setgħux jaffordjaw li jixtru l-​edizzjoni lokali tal-​knisja. U spiss ma setgħux jifhmu b’mod ċar ċerti versi, u dan żammhom lura milli jagħmlu progress.” Meta t-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bl-​Ingliż saret disponibbli fil-​lingwa lokali tagħhom, familja mill-​Irwanda b’erbaʼ żgħażagħ qalet: “Aħna nirringrazzjaw verament lil Ġeħova u lill-​ilsir leali u għaqli talli tana din il-​Bibbja. Aħna foqra ħafna u ma kellniex flus biex nixtru Bibbja għal kull membru tal-​familja. Imma issa kull membru għandu l-​Bibbja tiegħu stess. Sabiex nuru l-​gratitudni tagħna lil Ġeħova, aħna naqraw il-​Bibbja bħala familja kuljum.” w15 12/15 2:15, 16

It-​Tnejn, 28 taʼ Awwissu

“O Ġeħova, ħenn għalija. Fejjaqli ruħi, għax jien dnibt kontrik.”—Salm 41:4.

Jidher li f’dak iż-​żmien, iben David, Absalom, kien qed jipprova jsir sultan floku. David tant marad li ma setax iwaqqaf lil Absalom. Kien jaf li l-​problemi tal-​familja tiegħu kienu minħabba d-​dnub li għamel maʼ Bat-​seba. (2 Sam. 12:7-​14) David kien jaf li Ġeħova kien ħafirlu dnubu, u straħ fuq Alla għall-​għajnuna waqt li kien marid. David ma stenniex miraklu. Minflok, kien qed jistenna li Alla jgħinu bl-​istess mod kif Alla kien se jgħin lil kull “min jaġixxi b’konsiderazzjoni mal-​batut.” David kellu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, u allura setaʼ jitlob lil Ġeħova biex ifarrġu u jieħu ħsiebu matul il-​mard tiegħu. (Salm 41:3) Ukoll, talab biex ġismu jfiq u jħossu aħjar. Nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna bl-​istess mod.—Salm 103:3. w15 12/15 4:8, 9

It-​Tlieta, 29 taʼ Awwissu

“Irċivejtu spirtu t’adozzjoni bħala wlied; b’dan l-​ispirtu aħna ngħajtu: ‘Abba, Missier!ʼ”—Rum. 8:15.

Dawk li jirċievu din l-​istedina mingħand Alla m’għandhomx bżonn lil xi ħadd ieħor biex jgħidilhom li ġew midlukin. Ġeħova jġegħelhom iħossuhom konvinti. L-​appostlu Ġwanni jgħid lill-​Kristjani midlukin: “Intom ġejtu midlukin mill-​qaddis; intom ilkoll għandkom l-​għarfien.” Jgħid ukoll: “Iżda intom, id-​dlik li rċivejtu mingħandu jibqaʼ fikom, u m’għandkomx bżonn min jgħallimkom; imma, bħalma d-​dlik mingħandu qed jgħallimkom dwar kollox, u hu veru u mhux gidba, u bħalma għallimkom, ibqgħu f’unjoni miegħu.” (1 Ġw. 2:20, 27) Il-​Kristjani midlukin għandhom bżonn jiġu mgħallmin minn Ġeħova eżatt bħal kull persuna oħra. Imma m’għandhom bżonn lil ħadd jikkonfermalhom li huma midlukin. Ġeħova uża l-​iktar forza qawwija, l-​ispirtu qaddis tiegħu, biex jagħmilha ċara u tonda għalihom li huma midlukin! w16.01 3:9, 10

L-​Erbgħa, 30 taʼ Awwissu

Kunu kuntenti b’dak li għandkom fil-​preżent.—Ebr. 13:5.

Il-​fiduċja f’Ġeħova se tgħinna nkunu kuntenti, jiġifieri, li nkunu sodisfatti b’dak li għandna. Dan kif jgħinna nuru mħabba lejn l-​aħwa? Meta nkunu kuntenti, se niftakru li l-​aħwa rġiel u nisa Kristjani huma ħafna iktar importanti mill-​flus jew l-​affarijiet. (1 Tim. 6:6-​8) Aħna mhux se ngergru dwar ħutna jew dwar is-​sitwazzjoni taʼ ħajjitna. U mhux se ngħiru għal oħrajn jew inkunu xħaħ. Minflok, meta nkunu kuntenti, se nkunu ġenerużi. (1 Tim. 6:17-​19) Ukoll, il-​fiduċja f’Ġeħova tagħtina l-​kuraġġ biex nissaportu provi diffiċli. (Ebr. 13:6) Dan il-​kuraġġ jgħinna biex ikollna attitudni pożittiva. U ninkuraġġixxu u nfarrġu lil ħutna rġiel u nisa. (1 Tess. 5:14, 15) Anki waqt it-​tribulazzjoni l-​kbira, nistgħu nkunu kuraġġużi, minħabba l-​fatt li nafu li l-​ħelsien tagħna hu qrib.—Lq. 21:25-​28. w16.01 1:16, 17

Il-​Ħamis, 31 taʼ Awwissu

“Ġeħova jafhom lil dawk li huma tiegħu.”—2 Tim. 2:19.

Għal bosta snin, in-​numru taʼ wħud li ħadu mill-​ħobż u l-​inbid fit-​Tifkira baqaʼ jonqos. Imma dan l-​aħħar, in-​numru baqaʼ jiżdied kull sena. Għandna għalfejn ninkwetaw dwar dan? Le. Ħa naraw għala. Kuntrarju għal Ġeħova, l-​aħwa li jgħoddu l-​ammont taʼ nies li jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid waqt it-​Tifkira ma jafux min verament hu midluk. Għalhekk, in-​numru jinkludi lil dawk li jaħsbu li huma midlukin imma li fir-​realtà mhumiex. Pereżempju, xi wħud li qabel kienu jieħdu mill-​ħobż u l-​inbid iktar tard waqfu. Oħrajn forsi għandhom problemi mentali jew emozzjonali u jemmnu li se jsaltnu maʼ Kristu fis-​sema. Jidher ċar li ma nafux eżattament kemm għad hawn midlukin fuq l-​art. U l-​Bibbja ma tgħidilniex kemm se jkun hawn meta tfaqqaʼ t-​tribulazzjoni l-​kbira. w16.01 4:12-​14

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja