LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es17 pp. 98-108
  • Ottubru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ottubru
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
  • Sottitli
  • Il-​Ħadd, 1 taʼ Ottubru
  • It-​Tnejn, 2 taʼ Ottubru
  • It-​Tlieta, 3 taʼ Ottubru
  • L-​Erbgħa, 4 taʼ Ottubru
  • Il-​Ħamis, 5 taʼ Ottubru
  • Il-​Ġimgħa, 6 taʼ Ottubru
  • Is-​Sibt, 7 taʼ Ottubru
  • Il-​Ħadd, 8 taʼ Ottubru
  • It-​Tnejn, 9 taʼ Ottubru
  • It-​Tlieta, 10 taʼ Ottubru
  • L-​Erbgħa, 11 taʼ Ottubru
  • Il-​Ħamis, 12 taʼ Ottubru
  • Il-​Ġimgħa, 13 taʼ Ottubru
  • Is-​Sibt, 14 taʼ Ottubru
  • Il-​Ħadd, 15 taʼ Ottubru
  • It-​Tnejn, 16 taʼ Ottubru
  • It-​Tlieta, 17 taʼ Ottubru
  • L-​Erbgħa, 18 taʼ Ottubru
  • Il-​Ħamis, 19 taʼ Ottubru
  • Il-​Ġimgħa, 20 taʼ Ottubru
  • Is-​Sibt, 21 taʼ Ottubru
  • Il-​Ħadd, 22 taʼ Ottubru
  • It-​Tnejn, 23 taʼ Ottubru
  • It-​Tlieta, 24 taʼ Ottubru
  • L-​Erbgħa, 25 taʼ Ottubru
  • Il-​Ħamis, 26 taʼ Ottubru
  • Il-​Ġimgħa, 27 taʼ Ottubru
  • Is-​Sibt, 28 taʼ Ottubru
  • Il-​Ħadd, 29 taʼ Ottubru
  • It-​Tnejn, 30 taʼ Ottubru
  • It-​Tlieta, 31 taʼ Ottubru
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
es17 pp. 98-108

Ottubru

Il-​Ħadd, 1 taʼ Ottubru

“Dawk li ddetermina minn qabel huma wkoll dawk li sejjaħ.”—Rum. 8:30.

Ġeħova beda jagħżel lill-​midlukin wara li Ġesù ġie rxoxtat. Jidher li fl-​ewwel seklu, il-​Kristjani veri kollha kienu midlukin. Għal mijiet taʼ snin wara dan, il-​biċċa l-​kbira minn dawk li qalu li kienu Kristjani ma kinux verament isegwu lil Kristu. Minkejja dan, matul dawk is-​snin, Ġeħova dilek lil ftit uħud li kienu Kristjani veri. Kienu bħall-​qamħ li Ġesù qal li kien se jikber qalb is-​sikrana. (Mt. 13:24-​30) Matul l-​aħħar jiem, Ġeħova kompla jagħżel lil nies biex ikunu parti mill-​144,000. Għalhekk, jekk Alla jiddeċiedi li jagħżel ftit minn dawn eżatt qabel it-​tmiem, żgur li lanqas l-​iċken dubju ma jkollna li jkun qed jagħmel il-​ħaġa t-​tajba. (Is. 45:9; Dan. 4:35; Rum. 9:11, 16) Irridu noqogħdu attenti li ma nirreaġixxux bħall-​ħaddiema li gergru dwar il-​mod kif sidhom ittratta maʼ dawk li bdew jaħdmu fl-​aħħar siegħa.—Mt. 20:8-​15. w16.01 4:15

It-​Tnejn, 2 taʼ Ottubru

“Jekk jogħġbok, ħu lil ibnek Iżakk, l-​uniku iben tiegħek li tant tħobb, u vvjaġġa lejn l-​art taʼ Morija u hemmhekk offrih bħala offerta tal-​ħruq fuq waħda mill-​muntanji li ngħidlek jien.”—Ġen. 22:2.

Illum Ġeħova ma jitlobniex biex nissagrifikaw lil uliedna, imma jitlobna biex nobdu l-​kmandi tiegħu. Kultant forsi ma nifhmux għala jeżistu ċerti kmandi jew forsi jkun diffiċli biex nobduhom. Ġieli tħossok hekk? Għal xi wħud, l-​ippritkar hu diffiċli. Forsi jistħu u jsibuha bi tqila biex jitkellmu maʼ nies li ma jafux. Oħrajn jibżgħu jkunu differenti fuq il-​post tax-​xogħol jew fl-​iskola. (Eżo. 23:2; 1 Tess. 2:2) Meta tiġi mitlub tagħmel xi ħaġa diffiċli, aħseb fl-​eżempju li jispikka li ħallielna Abraham fejn għandhom x’jaqsmu l-​fidi u l-​kuraġġ. Meta nimmeditaw fuq l-​eżempji taʼ rġiel u nisa leali, dan jistaʼ jqanqalna nimitawhom u nersqu eqreb lejn il-​Ħabib tagħna, Ġeħova.—Ebr. 12:1, 2. w16.02 1:3, 14

It-​Tlieta, 3 taʼ Ottubru

“Sawl kellem lil ibnu Ġonatan u lill-​qaddejja kollha tiegħu biex joqtlu lil David.”—1 Sam. 19:1.

Meta Sawl qal li kien se joqtol lil David, Ġonatan kellu jieħu deċiżjoni diffiċli. Hu ried ikun leali lejn missieru, imma ried ikun leali lejn David ukoll. Ġonatan kien jaf li Alla kien maʼ David u mhux maʼ Sawl, u allura għażel li jkun leali lejn David. Ġonatan wissa lil David biex jinħeba u mbagħad qal lil Sawl għala kellu jħalli lil David ħaj. (1 Sam. 19:1-​6) M’għandniex inħallu l-​lealtà lejn kwalunkwe ħaġa, bħal tim tal-​isports, skola, jew pajjiż, issir iktar importanti għalina mil-​lealtà tagħna lejn Ġeħova. Pereżempju, Henry kien jieħu pjaċir jilgħab iċ-​chess maʼ sħabu tal-​iskola u ried jirbaħ il-​kampjonat tal-​iskola tiegħu. Imma peress li kien jilgħab iċ-​chess kull tmiem il-​ġimgħa, ma kienx ikollu biżżejjed ħin għall-​ministeru jew il-​laqgħat. Henry qal li għalih iktar kien sar importanti li jkun leali lejn l-​iskola milli li jkun leali lejn Alla. Allura, iddeċieda li jieqaf jilgħab iċ-​chess għall-​iskola tiegħu.—Mt. 6:33. w16.02 3:10, 12

L-​Erbgħa, 4 taʼ Ottubru

“Niesek se joffru lilhom infushom minn rajhom.”—Salm 110:3.

Bħala żagħżugħ, mod wieħed kif tkun taf jekk id-​deċiżjoni biex titgħammed hix ġejja minn qalbek hu billi teżamina t-​talb tiegħek. Kemm spiss titlob lil Ġeħova? Kemm hu speċifiku t-​talb tiegħek? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet jistgħu juru kemm għandek relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova. (Salm 25:4) Ħafna drabi Ġeħova jipprovdi t-​tweġibiet għat-​talb tagħna fil-​Bibbja. Għalhekk, mod ieħor kif tistaʼ tkun taf jekk verament tixtieqx tersaq eqreb lejn Ġeħova u taqdih minn qalbek hu billi teżamina l-​iskeda tiegħek taʼ studju. (Ġoż. 1:8) Saqsi lilek innifsek, ‘Kemm hu regulari l-​istudju persunali tiegħi tal-​Bibbja? Nipparteċipa jien minn jeddi fil-​qima bħala familja?’ It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se jgħinuk tara jekk id-​deċiżjoni tiegħek biex titgħammed hijiex xewqa persunali. w16.03 1:11, 13

Il-​Ħamis, 5 taʼ Ottubru

Minnu l-​ġisem kollu, hu magħqud flimkien b’mod armonjuż u magħmul biex jikkoopera.—Efes. 4:16.

Kemm hu eċċitanti li naqraw fil-​Yearbook dwar ir-​riżultati tal-​ippritkar li jsir mad-​dinja kollha! Aħseb ukoll, dwar kif inkunu magħqudin madwar id-​dinja f’konvenzjonijiet tagħna aħna u nisimgħu l-​istess informazzjoni. Taħditiet, dramas, u turijiet jinkuraġġuna biex nagħtu l-​aħjar lil Ġeħova. Aħna magħqudin ukoll maʼ ħutna rġiel u nisa madwar id-​dinja kollha meta nattendu għat-​Tifkira kull sena. (1 Kor. 11:23-​26) Aħna niltaqgħu flimkien fl-​istess ġurnata, fl-​14 taʼ Nisan, wara nżul ix-​xemx biex nuru li aħna grati għal dak li Ġeħova għamel għalina u biex nobdu l-​kmand taʼ Ġesù. U fil-​ġimgħat taʼ qabel it-​Tifkira, aħna naħdmu flimkien biex nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies ħalli jingħaqdu magħna għal din il-​ġrajja importanti. Persuna waħda ma tistax tipprietka lin-​nies kollha. Imma minħabba li naħdmu flimkien, aħna nistgħu ngħidu lil miljuni taʼ nies dwar Ġeħova u ngħinu lil xi wħud biex ifaħħru u jonoraw lilu. w16.03 3:4, 6, 7

Il-​Ġimgħa, 6 taʼ Ottubru

“Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.”—Mt. 3:17.

L-​aħwa rġiel li qed jitħarrġu biex jaqdu fil-​kongregazzjoni għandhom jiġu mgħallmin jagħmlu l-​affarijiet minħabba l-​prinċipji tal-​Bibbja u mhux biss minħabba r-​regoli. Pereżempju, jekk anzjan jistaqsi lil ħu biex iżomm l-​entratura tas-​Sala tas-​Saltna nadifa u b’mod li ma tkunx taʼ periklu għall-​aħwa, jistaʼ jurih Titu 2:10. Jispjegalu kif dan ix-​xogħol se jsebbaħ il-​messaġġ tas-​Saltna. Ukoll, jistaʼ jistaqsi lil dak li qed jitħarreġ biex jaħseb fl-​uħud avvanzati fl-​età fil-​kongregazzjoni u kif dan ix-​xogħol se jkun t’għajnuna għalihom. Konversazzjoni bħal din tipprovdi taħriġ li se jgħinu jaħseb iktar fin-​nies milli fir-​regoli. Meta jara kif l-​aħwa rġiel u nisa jibbenefikaw minn xogħlu, se jħossu tajjeb għax ikun qed jaqdi lil oħrajn. Minbarra dan, l-​anzjan għandu jfaħħar lill-​ħu li qed jitħarreġ talli applika s-​suġġerimenti. Bħalma l-​ilma jgħin biex pjanta tikber u tkun f’saħħitha, hekk ukoll meta tfaħħar lill-​ħu li qed jitħarreġ, tkun qed tgħinu jagħmel progress fis-​servizz tiegħu lil Ġeħova. w15 4/15 2:7, 8

Is-​Sibt, 7 taʼ Ottubru

“Il-​Mulej jeħlisni minn kull għemil ħażin.”—2 Tim. 4:18.

Ġieli kellek problema diffiċli u ħassejtek waħdek, bla ma kellek lil ħadd biex jagħtik daqqa t’id? Forsi spiċċajt bla xogħol jew kellek pressjoni l-​iskola. Forsi kont ma tiflaħx sew jew kellek xi prova diffiċli oħra. Għandu mnejn tlabt l-​għajnuna taʼ nies oħra imma ħriġt diżappuntat għax ma tawkx l-​għajnuna li kellek bżonn. Ovvjament, xi problemi huma impossibbli għal bniedem biex isolvihom. X’se tagħmel f’dak il-​każ? Il-​Bibbja tgħidilna biex ‘nafdaw f’Ġeħova.’ (Prov. 3:5, 6) Imma tistaʼ tkun ċert li se jgħinek? Iva! Nistgħu naqraw dwar ħafna eżempji mill-​Bibbja li jikkonvinċuna li Ġeħova verament jgħin lill-​poplu tiegħu. Tħossokx irrabjat meta n-​nies ma jagħtux l-​għajnuna li jkollok bżonn. Minflok, bħal Pawlu, aħseb dwar il-​prova bħala opportunità biex tafda lil Ġeħova b’għajnejk magħluqa. Hija opportunità wkoll li tara f’ħajtek stess kif hu jieħu ħsiebek. Imbagħad, il-​fiduċja f’Ġeħova u r-​relazzjoni li għandek miegħu se jkunu iktar b’saħħithom. w15 4/15 4:3-5

Il-​Ħadd, 8 taʼ Ottubru

“L-​alla taʼ din is-​sistema għema l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux.”—2 Kor. 4:4.

L-​uniku mod kif Satana jistaʼ jdawwar lin-​nies kontra Alla tagħna kollu mħabba, Ġeħova, hu billi jqarraq bihom. (1 Ġw. 4:8) Satana jqarraq bin-​nies ħalli ma jkunux “konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom,” jiġifieri biex ma jirrealizzawx li għandhom bżonn relazzjoni m’Alla. (Mt. 5:3) Ix-​Xitan “għema l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux” ħalli ma jkunux jistgħu jaraw il-​verità dwar Ġeħova. Wieħed mill-​akbar modi kif Satana jqarraq bin-​nies hu permezz tar-​reliġjon falza. Hu jaf li Ġeħova ‘jesiġi devozzjoni esklużiva.’ (Eżo. 20:5) Allura immaġina kemm Satana jieħu pjaċir meta jara lin-​nies iqimu l-​antenati tagħhom jew in-​natura jew l-​annimali, jiġifieri jkun xi jkun basta mhux lil Ġeħova. B’dispjaċir, anki ħafna minn dawk li jaħsbu li l-​qima tagħhom hi aċċettabbli għal Alla huma fil-​fatt ikkontrollati minn twemmin falz u ritwali mhux bżonjużi. L-​Iżraelin fi żmien Isaija kienu f’sitwazzjoni simili. Ġeħova saqsiehom: “Għala titħabtu għal dak li ma jġibx sodisfazzjon? Isimgħuni sew, u . . . titgħaxxaq ferm ruħkom b’ikel rikk.”—Is. 55:2. w15 5/15 1:14, 15

It-​Tnejn, 9 taʼ Ottubru

“Hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.”—Ġen. 3:15.

Abel ma kienx jaf eżatt kif kien se jitwettaq dan il-​kliem. Imma żgur li ħaseb ħafna dwar dak li kien qal Alla. Abel setaʼ ħaseb, ‘Min se jkun dak il-​wieħed li jiġi mweġġaʼ mis-​serp u li jgħin lill-​bnedmin jerġgħu jsiru perfetti?’ Abel kellu fidi li hu x’inhu dak li wiegħed Ġeħova, żgur li se jitwettaq, u meta offra sagrifiċċju, Ġeħova ħa pjaċir bih. (Ġen. 4:3-​5; Ebr. 11:4) Noè kellu fidi f’Ġeħova, u għalhekk ma ġiex meqrud fid-​Dulluvju. (Ebr. 11:7) U mbagħad, għax kellu l-​fidi, Noè ssagrifika l-​annimali lil Ġeħova. (Ġen. 8:20) Wara d-​Dulluvju, l-​art reġgħet imtliet bil-​ħażen. Nimrod beda jaħkem u ried li n-​nies jirribellaw kontra Ġeħova. (Ġen. 10:8-​12) Imma l-​fidi taʼ Noè baqgħet b’saħħitha. L-​istess bħal Abel, hu kien ċert li Alla kien se jneħħi d-​dnub u l-​mewt, avolja ma kienx jaf meta. Ukoll, Noè setaʼ ħaseb fuq iż-​żmien meta ma jkunx hawn ħakkiema kattivi. Aħna wkoll nistgħu nimmaġinaw dan iż-​żmien mill-​isbaħ, li issa jinsab fil-​qrib ħafna!—Rum. 6:23. w15 5/15 3:4, 6

It-​Tlieta, 10 taʼ Ottubru

“L-​ansjetà f’qalb il-​bniedem ittaqqalha, imma l-​kelma t-​tajba tferraħha.”—Prov. 12:25.

Jekk noqogħdu ninkwetaw iżżejjed, nistgħu nimirdu jew saħansitra nibdew nafdaw inqas f’Ġeħova. Minflok, irridu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jgħinna u niftakru l-​kliem tal-​iskrittura tal-​lum. Għalhekk, jekk int inkwetat dwar xi ħaġa, tkellem maʼ xi ħadd li jaqdi lil Ġeħova u li jafek sew. Ġenitur, martek jew żewġek, jew ħabib tal-​qalb jistaʼ jħeġġek tafda f’Ġeħova u jgħinek biex tħossok inqas inkwetat. Ġeħova jifhem kif inħossuna iktar minn kull persuna oħra u jistaʼ jgħinna nħossuna iktar kalmi meta nkunu inkwetati. Pawlu kiteb: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Flp. 4:6, 7) Għalhekk, meta tkun inkwetat, aħseb dwar l-​għajnuna li Ġeħova jagħtik biex il-​ħbiberija tiegħek miegħu tibqaʼ b’saħħitha, bħal pereżempju l-​għajnuna li tirċievi minn ħutek irġiel u nisa, l-​anzjani, l-​ilsir leali, l-​anġli, u Ġesù. w15 5/15 4:16, 17

L-​Erbgħa, 11 taʼ Ottubru

“Kien hemm wieħed raġel li kien ilu marid tmienja u tletin sena.”—Ġw. 5:5.

Lejn it-​Tramuntana tat-​tempju f’Ġerusalemm kien hemm għadira magħrufa bħala Betzata. Folol taʼ nies morda kienu hemm għax kienu jittamaw li setgħu jitfejqu b’mod mirakoluż. L-​imħabba tiegħu għan-​nies qanqlet lil Ġesù jmur. U kien hemmhekk li ltaqaʼ maʼ raġel li kien ilu marid 38 sena, iktar minn kemm kien ilu ħaj fuq l-​art Ġesù. (Ġw. 5:6-​9) Ġesù staqsa lir-​raġel jekk riedx jerġaʼ jimxi. Ġib quddiem għajnejk in-​niket tar-​raġel meta qal lil Ġesù li ried ifiq imma ma setax, għax ma kien hemm ħadd biex jgħinu jinżel fl-​għadira. Imbagħad Ġesù qal lir-​raġel biex jagħmel xi ħaġa impossibbli. Qallu biex jerfaʼ soddtu u jimxi, u allura r-​raġel hekk għamel, refaʼ soddtu u beda jimxi! Dan il-​miraklu juri b’mod mill-​isbaħ x’se jagħmel Ġesù fid-​dinja l-​ġdida. Jurina wkoll l-​imħabba profonda li Ġesù għandu għan-​nies. Hu fittex lil dawk li kellhom bżonn l-​għajnuna. L-​eżempju taʼ Ġesù għandu jqanqalna nkomplu nfittxu n-​nies fit-​territorju tagħna li huma dipressi minħabba l-​affarijiet terribbli li qed jiġru f’din id-​dinja. w15 6/15 2:8-10

Il-​Ħamis, 12 taʼ Ottubru

Hekk itolbu.—Mt. 6:9.

Ġesù beda t-​talba billi qal, “Missierna.” Dan ifakkarna li Ġeħova hu Missier għal ħutna kollha, irġiel u nisa, madwar id-​dinja. (1 Pt. 2:17) Dawk li huma magħżulin minn Ġeħova biex jgħixu fis-​sema ġew adottati bħala wliedu, u allura hu Missierhom f’sens speċjali. (Rum. 8:15-​17) Anki dawk li se jgħixu għal dejjem fuq l-​art jistgħu jsejħulu ‘Missier.’ Ġeħova jagħtihom il-​ħajja u bi mħabba jipprovdilhom il-​bżonnijiet tagħhom. Huma se jissejħu “wlied Alla” wara li jsiru perfetti u jibqgħu leali lejn Ġeħova fit-​test finali. (Rum. 8:21; Riv. 20:7, 8) Il-​ġenituri jkunu qed jagħtu rigal lil uliedhom meta jgħinuhom jifhmu li Ġeħova hu Missierhom tas-​sema u meta jgħallmuhom biex jitolbu lilu. L-​aqwa rigal li l-​ġenituri jistgħu jagħtu lil uliedhom hu li jgħallmuhom li Ġeħova hu Persuna reali u li jistgħu jkunu ħbieb tal-​qalb tiegħu. w15 6/15 4:4-6

Il-​Ġimgħa, 13 taʼ Ottubru

“Eħlisna mill-​Ħażin.”—Mt. 6:13.

Kif nistgħu nuru li rridu lil Ġeħova ‘jeħlisna mill-​Ħażin’? Ma rridux inkunu “parti mid-​dinja” u ma rridux ‘inħobbu d-​dinja u lanqas dak li hemm fid-​dinja.’ (Ġw. 15:19; 1 Ġw. 2:15-​17) Kemm se jkun taʼ serħan meta Ġeħova jneħħi lil Satana u jeqred din id-​dinja mill-​agħar! Imma sa dakinhar, irridu niftakru li Satana “għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.” Hu se jagħmel dak kollu li jistaʼ biex iwaqqafna milli naqdu lil Ġeħova. Allura jeħtieġ li nkomplu nitolbu li Ġeħova jipproteġina minn Satana. (Riv. 12:12, 17) Trid tgħix f’dinja mingħajr Satana? Mela ibqaʼ itlob biex tiġi s-​Saltna t’Alla, biex jitqaddes isem Alla, u biex issir ir-​rieda tiegħu fuq l-​art. Dejjem fittex lil Ġeħova biex jieħu ħsiebek u jagħtik kulma għandek bżonn biex tibqaʼ leali lejh. Iva, agħmel kulma tistaʼ biex tgħix fi qbil mat-​talba mudell.—Mt. 6:9-​13. w15 6/15 5:12, 17, 18

Is-​Sibt, 14 taʼ Ottubru

“Ikun hemm tribulazzjoni kbira.”—Mt. 24:21.

Ma nafux eżatt x’se jiġri matul dak iż-​żmien taʼ prova. Madanakollu, nistennew li l-​ħajja mhix se tkun faċli u li se jkollna bżonn nagħmlu sagrifiċċji. Fl-​ewwel seklu, il-​Kristjani kellhom jitilqu djarhom u jissaportu d-​diffikultajiet sabiex isalvaw. (Mk. 13:15-​18) Għandna nsaqsu lilna nfusna: ‘Lest jien li nħalli warajja l-​affarijiet materjali? Lest li nagħmel kulma hemm bżonn ħalli nibqaʼ leali lejn Ġeħova?’ Aħseb ftit! F’dak iż-​żmien, se nkunu l-​uniċi nies li jkunu qed jaqdu lill-​Alla tagħna jiġri x’jiġri, bħalma għamel il-​profeta Danjel. (Dan. 6:10, 11) Mhux se jkun il-​waqt li nippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna” matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. Se jkun għadda ż-​żmien biex inxandru dan il-​messaġġ. Se jkun wasal żmien “it-​tmiem”! (Mt. 24:14) In-​nies t’Alla bil-​qlubija se jxandru messaġġ qawwi taʼ ġudizzju li se jeffettwa lin-​nies kollha. Il-​messaġġ jistaʼ jkun li d-​dinja mill-​agħar taʼ Satana waslet biex tinqered għalkollox. w15 7/15 2:3, 8, 9

Il-​Ħadd, 15 taʼ Ottubru

“M’humiex parti mid-​dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-​dinja.”—Ġw. 17:16.

Ġesù wissiena li oħrajn saħansitra se jobogħduna minħabba li aħna differenti. Ftakar li ħafna minn dawk li jopponuna ma jafux dwar is-​Saltna t’Alla. Allura ma jifhmux għala hu importanti għalina li nkunu leali lejn is-​Saltna minflok lejn il-​gvernijiet umani. Biex inkunu leali lejn Ġeħova, għandna nobdu lilu jagħmlulna x’jagħmlulna jew jgħidulna x’jgħidulna oħrajn. (Dan. 3:16-​18) B’mod partikulari ż-​żgħażagħ għandhom mnejn isibuha diffiċli biex ikunu differenti minn oħrajn. Ġenituri, għinu lil uliedkom ikunu kuraġġużi fl-​iskola. Uliedkom forsi jibżgħu jirrifjutaw isellmu l-​bandiera jew jibżgħu ma jipparteċipawx f’festi patrijottiċi. Matul il-​qima bħala familja, tistgħu tistudjaw kif iħossu Ġeħova dwar dawn l-​affarijiet. Għallmuhom kif jispjegaw b’mod ċar u b’rispett dak li jemmnu. (Rum. 1:16) Apparti minn hekk, jekk ikun neċessarju, kellmu lill-​għalliema tagħhom u spjegawlhom dak li nemmnu bih. w15 7/15 3:15, 16

It-​Tnejn, 16 taʼ Ottubru

“Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu.”—Ġw. 3:16.

Ġeħova tana r-​rigal tal-​fidwa ħalli “niksbu l-​ħajja.” (1 Ġw. 4:9) Meta l-​appostlu Pawlu rrefera għal din l-​espressjoni mill-​isbaħ tal-​imħabba t’Alla, kiteb: “Kristu miet fiż-​żmien stabbilit għal nies mhux devoti. Bilkemm xi ħadd ikun irid imut għal bniedem ġust; iva, għat-​tajjeb forsi xi ħadd jissogra jmut. Imma Alla jirrikkmandalna mħabbtu għax, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rum. 5:6-​8) Il-​fidwa hi l-​akbar eżempju tal-​imħabba t’Alla, u tagħti lin-​nies l-​opportunità li jkollhom relazzjoni mill-​qrib miegħu. Il-​fidwa turi l-​imħabba taʼ Ġeħova għan-​nies kollha. Żgur li hu eċċitanti li nkunu nafu li jekk naqdu ’l Alla b’mod leali, hu se jagħtina l-​aħjar ħajja possibbli fid-​dinja l-​ġdida. Allura ejja nuru li napprezzaw il-​fidwa, l-​akbar prova tal-​imħabba dejjiema t’Alla għalina. w15 8/15 1:13, 15

It-​Tlieta, 17 taʼ Ottubru

“Tħossukomx imweġġgħin.”—Neħ. 8:10.

Immaġina ftit x’unur se jkun li taqdi fid-​dinja l-​ġdida t’Alla taħt it-​tmexxija tas-​Saltna! Għaldaqstant, aħna ferħanin li nikkooperaw mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova issa u nagħmlu dak kollu li niġu mitlubin nagħmlu. Imma kultant l-​inkarigi tagħna jafu jinbidlu. Pereżempju, xi Beteliti fl-​Istati Uniti ngħataw l-​inkarigu ġdid li jaqdu f’oqsma oħra tal-​ministeru full-​time. U minħabba l-​età jew ċirkustanzi oħra, xi indokraturi li jivvjaġġaw ġew inkarigati jaqdu bħala pijunieri speċjali. Huma ferħanin bl-​inkarigi l-​ġodda tagħhom, u Ġeħova qed iberikhom. Jekk nitolbu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova, nagħmlu kulma nistgħu biex naqduh, u nitgħallmu nkunu kuntenti bi kwalunkwe inkarigu li ningħataw, se nkunu ferħanin u Ġeħova se jberikna. (Prov. 10:22) Xi ngħidu jekk fid-​dinja l-​ġdida nkunu veru nixtiequ ngħixu f’ċertu post. Aħna sempliċement se nkunu grati li qed ngħixu fid-​dinja l-​ġdida. w15 8/15 3:8

L-​Erbgħa, 18 taʼ Ottubru

Noè wera li kien bla nuqqas fost in-​nies taʼ żmienu.—Ġen. 6:9.

Noè għex f’dinja mill-​agħar imma ma kellu ebda xewqa li jkun ħbieb intimu mal-​abitanti tagħha. Hu ma kienx jagħmilha maʼ nies li ma kinux iħobbu lil Ġeħova. Hu u l-​familja tiegħu baqgħu beżlin jibnu l-​arka, u hu kien ukoll “predikatur tal-​ġustizzja.” (2 Pt. 2:5) Noè, mart Noè, it-​tliet ulied subien tagħhom, u n-​nisa taʼ wliedhom kienu kumpanija tajba għal xulxin. Huma baqgħu beżlin jagħmlu affarijiet li kienu jogħġbu lil Ġeħova, u b’hekk baqgħu ħajjin matul id-​Dulluvju. Aħna lkoll niġu d-​dixxendenti tagħhom, u allura għandna nkunu grati li Noè u l-​familja tiegħu kienu ubbidjenti lejn Ġeħova u li evitaw kumpanija ħażina. B’mod simili, il-​Kristjani ubbidjenti tal-​ewwel seklu ma kinux jagħmluha maʼ nies li ma kinux iħobbu lil Ġeħova. Huma obdewh u baqgħu ħajjin meta Ġerusalemm inqerdet fis-​sena 70 wara Kristu (WK).—Lq. 21:20-​22. w15 8/15 4:17, 18

Il-​Ħamis, 19 taʼ Ottubru

Hemm żmien li tidħaq u żmien li taqbeż ’l hemm u ’l hawn.—Ekk. 3:4.

Mhux kull divertiment hu taʼ benefiċċju, u mhux kull divertiment jirrilassana, jew iġibilna serħan. Barra minn hekk, għandna bżonn nevitaw li nqattgħu wisq ħin niddevertu. Il-​kuxjenza tagħna kif tistaʼ tgħinna nieħdu pjaċir b’divertiment li japprova Ġeħova u nibbenefikaw minnu? Il-​Bibbja twissi kontra ċerta mġiba li tissejjaħ “l-​għemejjel tal-​laħam.” Dawn l-​għemejjel jinkludu “ż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, il-​kondotta laxka, l-​idolatrija, l-​ipprattikar taʼ l-​ispiritiżmu, il-​mibegħda, il-​ġlied, l-​għira, l-​għadab, it-​tilwim, il-​firda, is-​setet, l-​invidja, is-​sokor, ix-​xalar, u affarijiet bħal dawn.” Pawlu kiteb li “min jipprattika dawn l-​affarijiet ma jiritx is-​saltna t’Alla.” (Gal. 5:19-​21) Allura nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ‘Il-​kuxjenza tiegħi tgħinni nevita sports li hu vjolenti jew li jqanqal ġo fija attitudni aggressiva, kompetittiva, jew patrijottika? Il-​kuxjenza tiegħi twissini meta nkun imħajjar biex nara xi film li juri xeni li jkun fihom il-​pornografija jew xi film li jinkuraġġixxi l-​immoralità, is-​sokor, jew l-​ipprattikar tal-​ispiritiżmu?’ w15 9/15 2:11, 12

Il-​Ġimgħa, 20 taʼ Ottubru

“Jien naf, O Ġeħova, li triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.”—Ġer. 10:23.

Il-​Bibbja turi b’mod ċar li Alla ma ħalaqniex bid-​dritt li niddeċiedu għalina nfusna dwar x’inhu tajjeb jew ħażin. (Ġer. 10:23) Ġeħova jaf x’inhu l-​aħjar għalina. Huwa biss jekk naċċettaw l-​awtorità tiegħu u nobduh li jistaʼ jkollna ħajja mimlija paċi u sodisfazzjon. Ġeħova għallimna din il-​verità importanti għax iħobbna. Missier li jħobb jaħseb sew dwar il-​futur taʼ wliedu. Hu jrid li jkollhom ħajja sodisfaċenti. B’dispjaċir, il-​maġġorparti tan-​nies illum jinkwetaw dwar il-​futur, u ħafna nies jaħlu ħajjithom billi jaħdmu għal affarijiet temporanji. (Salm 90:10) Kemm aħna grati li Missierna, Ġeħova, mhux biss għallimna kif ngħixu ħajja sodisfaċenti issa imma wkoll wegħedna futur mill-​isbaħ! w15 9/15 4:10, 11

Is-​Sibt, 21 taʼ Ottubru

“La jkun hawn nida u lanqas xita, ħlief bl-​ordni taʼ kelmti!”—1 Slat. 17:1.

Fil-​passat, ħafna nies kellhom l-​opportunità li jaraw u jisimgħu kif Alla għen lill-​Iżrael. Ġeħova uża l-​mirakli biex jeħles lin-​nies tiegħu mill-​Eġittu u biex jegħleb ħafna slaten fl-​Art Imwiegħda. (Ġoż. 9:3, 9, 10) L-​għedewwa tal-​Iżrael kienu tilfu għax irrifjutaw li jammettu li Ġeħova kien qed jiġġieled għall-​poplu tiegħu. Iktar tard, is-​sultan mill-​agħar Aħab kellu l-​opportunità li jara id Alla diversi drabi. Elija talab lil Ġeħova, u Alla wieġbu billi bagħatlu n-​nar mis-​sema. Aħab ra dan b’għajnejh stess. Imbagħad, Elija qal lil Aħab li Ġeħova kien se jġib fi tmiem in-​nixfa u jibgħat xita qalila. (1 Slat. 18:22-​45) Aħab ra dawn il-​mirakli kollha imma xorta ma riedx jemmen li kien ra l-​qawwa taʼ Ġeħova. X’nitgħallmu minn dawn l-​eżempji? Għandna nfittxu għall-​id t’Alla f’ħajjitna. w15 10/15 1:4, 5

Il-​Ħadd, 22 taʼ Ottubru

“Il-​ġust jgħix permezz tal-​fidi.”—Gal. 3:11.

Qatt m’għandna niddubitaw li Ġeħova se jgħinna jekk insegwu d-​direzzjoni tiegħu. Hu għalhekk li jrid ikollna fidi b’saħħitha f’Dak li verament jistaʼ jgħinna. Pawlu jfakkarna li Alla hu “dak li, skond il-​qawwa tiegħu li qed taħdem fina, jistaʼ jagħmel bil-​wisq iżjed minn dak kollu li nitolbu jew naħsbu.” (Efes. 3:20) Il-​qaddejja taʼ Ġeħova jagħmlu kulma jistgħu biex jagħmlu r-​rieda t’Alla, imma jafu wkoll li għandhom il-​limitazzjonijiet. Aħna tassew grati li Alla hu magħna u li qed ibierek l-​isforzi kollha tagħna. Nistgħu aħna nistennew li Alla jwiġibna meta nitolbu għal iktar fidi? Ġeħova jwegħedna li nistgħu nistennew dan meta “nitolbuh skond ir-​rieda tiegħu.” (1 Ġw. 5:14) Meta jkollna fiduċja sħiħa f’Ġeħova, hu se jieħu pjaċir bina. Hu se jwieġeb it-​talb tagħna għal iktar fidi, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ, u se nitqiesu “denji tas-​saltna t’Alla.”—2 Tess. 1:3, 5. w15 10/15 2:16-18

It-​Tnejn, 23 taʼ Ottubru

“Qatt ma ninġarru mal-​kurrent.”—Ebr. 2:1.

Jekk individwu jimmedita fuq Ġeħova u Ġesù, dan jistaʼ jgħinu jsir Kristjan matur u jibqaʼ jkollu fidi soda. (Ebr. 5:14; 6:1) Individwu li ftit li xejn iqattaʼ ħin jaħseb dwar Alla eventwalment se jitlef ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova jew saħansitra jispiċċa jagħtih dahru. (Ebr. 3:12) Ġesù wissa li jekk ma nisimgħux, jew ma naċċettawx, il-​Kelma t’Alla ‘b’qalb tajba’ mhux se ‘nżommuha.’ Minflok, faċilment nistgħu ‘ninġarru mill-​ansjetajiet u mir-​rikkezzi u mill-​pjaċiri taʼ din il-​ħajja.’ (Lq. 8:14, 15) Għalhekk, ejja nkomplu nimmeditaw fuq il-​Bibbja u nsiru nafu lil Ġeħova aħjar. Dan se jqanqalna biex nimitaw il-​kwalitajiet u l-​personalità tiegħu iktar bis-​sħiħ. (2 Kor. 3:18) Nistgħu nkomplu nitgħallmu iktar dwar Missierna tas-​sema u nimitawh għal dejjem. M’hemmx unur akbar minn dan!—Ekk. 3:11. w15 10/15 4:13, 14

It-​Tlieta, 24 taʼ Ottubru

L-​għerf hu għall-​benefiċċju tiegħek. Jekk sibtu, mela hemm futur tajjeb.—Prov. 24:14.

Bħala ġenitur, int trid li wliedek jibqgħu qrib taʼ Ġeħova. U Ġeħova jridek tħarriġhom u tiddixxiplinahom. Hu tak l-​awtorità biex tagħmel dan. (Efes. 6:4) Għalhekk, għandek bżonn tagħmel ċert li wliedek jieħdu dan it-​taħriġ fuq bażi regulari. Aħseb dwar dan: Int taċċerta ruħek li wliedek imorru l-​iskola għax taf li l-​edukazzjoni li jirċievu hi importanti u tridhom jieħdu pjaċir jitgħallmu affarijiet ġodda. B’mod simili, int tagħmel ċert li jattendu l-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​qima bħala familja. Wara kollox, l-​edukazzjoni li jirċievu mingħand Ġeħova tistaʼ ssalvalhom ħajjithom. Għalhekk, għinhom jieħdu gost jitgħallmu dwar Ġeħova u għinhom jirrealizzaw li hu jistaʼ jgħinhom ikunu tassew għorrief. Ukoll, ħarreġ lil uliedek biex joħorġu b’mod regulari fis-​servizz. Imita l-​eżempju taʼ Ġesù billi tgħinhom jieħdu pjaċir jgħallmu l-​Kelma t’Alla lil oħrajn. w15 11/15 2:6

L-​Erbgħa, 25 taʼ Ottubru

“Il-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu; u l-​kap tal-​mara hu r-​raġel; u l-​kap tal-​Kristu hu Alla.”—1 Kor. 11:3.

Ġeħova ddeċieda min għandu jkun il-​kap tal-​familja. Raġel miżżewweġ ma jeżerċitax l-​istat taʼ kap tiegħu b’mod dominanti. Veru li r-​raġel hu l-​kap taʼ martu, imma l-​Bibbja xorta waħda tgħidlu li għandu jonoraha. (1 Pt. 3:7) Raġel miżżewweġ kif jistaʼ jagħmel dan? Jistaʼ jikkunsidra x’għandha bżonn u jirrispetta l-​preferenzi tagħha. Il-​Bibbja tgħid: “Irġiel, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efes. 5:25) Iva, Ġesù saħansitra ta ħajtu għas-​segwaċi tiegħu. Meta raġel miżżewweġ ikun kap kollu mħabba bħal Ġesù, ikun iktar faċli għal martu biex tħobbu, tirrispettah, u tonora d-​deċiżjonijiet tiegħu.—Titu 2:3-​5. w15 11/15 4:6, 7

Il-​Ħamis, 26 taʼ Ottubru

“Qam tgergir min-​naħa tal-​Lhud li jitkellmu bil-​Grieg kontra l-​Lhud li jitkellmu bl-​Ebrajk.”—Atti 6:1.

Hekk kif it-​tagħlim Kristjan infirex, ħafna Kristjani tkellmu bil-​Grieg iktar milli bl-​Ebrajk. Minħabba li l-​Grieg kien l-​iktar lingwa mitkellma, il-​kotba taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni ġew imqassmin bil-​Grieg. Barra minn hekk, l-​ittri tal-​appostlu Pawlu u kotba oħrajn tal-​Bibbja kienu miktubin bil-​Grieg. Taʼ interess hu li meta l-​kittieba tal-​Iskrittura Griega Kristjana kkwotaw mill-​Iskrittura Ebrajka, huma spiss użaw is-​Settanta. Kultant, dawn il-​kwotazzjonijiet kienu ftit differenti minn kif il-​kliem kien impoġġi bl-​Ebrajk oriġinali. Allura, ix-​xogħol taʼ tradutturi imperfetti sar parti mill-​Bibbja li għandna llum. Dan jgħallimna li Ġeħova ma jqisx lingwa jew kultura aħjar minn oħra.—Atti 10:34. w15 12/15 1:8, 9

Il-​Ġimgħa, 27 taʼ Ottubru

“O Ġeħova, jalla tiftaħli xofftejja, biex fommi jkun jistaʼ jxandar tifħirek.”—Salm 51:15.

Kultant ikun aħjar li ma titkellimx. Il-​Bibbja tgħid li hemm “żmien li toqgħod kwiet.” (Ekk. 3:7) Pereżempju, noqogħdu kwieti waqt li jitkellmu oħrajn ħalli nuruhom li nirrispettawhom. (Ġob 6:24) Ukoll, ma nitkellmux dwar affarijiet li huma privati u li nies oħra m’għandhomx għalfejn ikunu jafu. (Prov. 20:19) U meta xi ħadd jirrabjana, inkunu għaqlin jekk nigdmu lsienna u nipprovaw nibqgħu kalmi. (Salm 4:4) Imma hemm ukoll drabi meta jkun tajjeb li tgħid xi ħaġa. (Ekk. 3:7) Hemm żmien li nfaħħru lil Ġeħova, li ninkuraġġixxu lil oħrajn, li nesprimu kif inħossuna, u li ngħidu lil oħrajn dak li għandna bżonn. U jekk nużaw l-​abbiltà tagħna biex nitkellmu b’dan il-​mod, inkunu qed nuru lil Ġeħova li aħna grati li tana din l-​għotja. Wara kollox, meta ħabib jagħtina rigal mill-​isbaħ, inkunu rridu nużawh bl-​aħjar mod possibbli. w15 12/15 3:4, 5

Is-​Sibt, 28 taʼ Ottubru

“Tibqax tixrob ilma, imma ħu naqra nbid minħabba l-​istonku tiegħek u l-​mard li timrad sikwit.”—1 Tim. 5:23.

Illum, ħadd minn ħutna ma jistaʼ jagħmel mirakli u jfejjaqna. (1 Kor. 12:9) Imma peress li jridu jgħinuna, jistaʼ jkun li wħud minnhom jagħtuna pariri anki meta ma tlabnihomx għall-​opinjoni tagħhom. Naturalment, ftit minn dawn is-​suġġerimenti ma fihom xejn ħażin. Pereżempju, Pawlu ssuġġerixxa lil Timotju li jixrob ftit inbid. Timotju kellu problemi fl-​istonku, forsi għax xorob ilma mniġġes. Imma rridu noqogħdu attenti! Ħu forsi jipprova jikkonvinċina nieħdu ċerta mediċina jew ċerti ħxejjex jew li nieklu jew nevitaw ċertu ikel. Forsi jgħidilna li dan għen lil xi ħadd fil-​familja tiegħu li kellu problema simili. Imma dan ma jfissirx li se jgħin lilna wkoll. Irridu niftakru li anki jekk ħafna nies jużaw ċerta mediċina jew kura, xorta tistaʼ tagħmlilna ħafna ħsara.—Prov 27:12. w15 12/15 4:13

Il-​Ħadd, 29 taʼ Ottubru

“Kristu miet darba għal dejjem minħabba d-​dnubiet, bniedem ġust għall-​inġusti.”—1 Pt. 3:18.

Ilkoll kemm aħna writna d-​dnub minn Adam, u l-​kastig tad-​dnub hu l-​mewt. (Rum. 5:12) L-​imħabba qanqlet lil Ġeħova biex jibgħat lil Ġesù fuq l-​art ħalli jmut għan-​nies kollha, jiġifieri biex “iduq il-​mewt għal kull bniedem.” (Ebr. 2:9) Imma s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù se jagħmel saħansitra iktar minn hekk! Se jeqred il-​mewt għal dejjem. (Is. 25:7, 8; 1 Kor. 15:22, 26) Dawk kollha li juru fidi f’Ġesù se jgħixu f’paċi u jkunu kuntenti għal dejjem, kemm jekk ikunu slaten maʼ Kristu fis-​sema u kemm jekk ikunu ċittadini tas-​Saltna t’Alla fuq l-​art. (Rum. 6:23; Riv. 5:9, 10) X’barkiet oħra huma inklużi fir-​rigal taʼ Ġeħova? Bħala parti mir-​rigal t’Alla, l-​art se ssir ġenna, il-​morda se jfiqu, u l-​mejtin se jirxoxtaw. (Is. 33:24; 35:5, 6; Ġw. 5:28, 29) Aħna nħobbu lil Ġeħova u lill-​għażiż Ibnu talli tawna din ‘l-​għotja b’xejn li ma tistax tiġi deskritta.’—2 Kor. 9:15 w16.01 2:5, 6

It-​Tnejn, 30 taʼ Ottubru

“Tridu titwieldu mill-​ġdid.”—Ġw. 3:7.

Qabel ma Ġeħova stieden lil dawn il-​Kristjani biex imorru fis-​sema, dawn kellhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Huma ħarsu ’l quddiem għaż-​żmien meta Ġeħova kien se jbiddel l-​art f’ġenna u jneħħi l-​ħażen kollu. Forsi immaġinaw lilhom infushom jilqgħu lura lil xi membru tal-​familja jew lil xi ħabib li miet. U ħarsu ’l quddiem biex jibnu dar u jgħixu fiha jew jiżirgħu siġar u jieklu l-​frott. (Is. 65:21-​23) Għala bdew jaħsbu b’mod differenti? Inbidlu għax ħassewhom dipressi jew għax batew ħafna? Iddeċidew f’daqqa waħda li mhux se jkun daqshekk eċċitanti li jgħixu għal dejjem fuq l-​art u li mhux se jkunu ferħanin hemm? Jew riedu jesperjenzaw il-​ħajja fis-​sema? Le. Minflok, Alla hu dak li ddeċieda dan għalihom. Meta stidinhom, hu uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex ibiddel il-​mod kif jaħsbu u l-​premju li jħarsu ’l quddiem għalih. w16.01 3:11, 13

It-​Tlieta, 31 taʼ Ottubru

“Waqt li naħdmu flimkien miegħu, nitolbukom bil-​ħrara wkoll biex ma taċċettawx il-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla u titilfu l-​iskop tagħha.”—2 Kor. 6:1.

Ġeħova hu l-​Wieħed Suprem. Hu ħalaq kollox, u għandu għerf u qawwa bla limitu. Wara li għen lil Ġob jifhem dan, Ġob qallu: “Sirt naf li int għandek il-​ħila tagħmel kollox, u m’hemm ebda idea li ma tistax twettaqha.” (Ġob 42:2) Ġeħova jistaʼ jagħmel kwalunkwe ħaġa li jiddeċiedi li jagħmel mingħajr l-​għajnuna taʼ ħadd. Imma juri mħabba billi jistieden lil oħrajn jaħdmu miegħu f’li jwettaq ir-​rieda tiegħu. Alla ħalaq lil Ibnu, Ġesù, qabel ma ħalaq kull persuna u kull ħaġa oħra. Imbagħad, Ġeħova ħalla lil Ibnu jgħinu joħloq l-​affarijiet l-​oħra kollha. (Ġw. 1:1-​3, 18) Għalhekk, Ġeħova mhux biss ta lil Ibnu xogħol importanti, imma wkoll qal lil oħrajn dwar dan. X’unur!—Kol. 1:15-​17. w16.01 5:1, 2

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja