Jannar
It-Tnejn, 1 taʼ Jannar
Iġġieldu bl-aħrax għall-fidi.—Ġuda 3.
Żagħżugħa ġriet biex tiltaqaʼ maʼ missierha. Kienet ferħana se ttir li tarah lura qawwi u sħiħ mill-battalja. Ir-rebħa kbira tiegħu ġegħlitha tkanta u tiżfen bil-ferħ. Imma dak li missierha għamel u qal wara żgur li ssorprendieha! Hu ċarrat ħwejġu u għajjat: “Jaħasra, binti!” Hawnhekk Ġefta kellu qalbu mnikkta għall-aħħar. Imbagħad qalilha li kien għamel wegħda maʼ Ġeħova li kienet se tbiddlilha ħajjitha għal dejjem. Il-wegħda tiegħu kienet tfisser li hi qatt ma kienet se tiżżewweġ jew ikollha tfal. Imma hi fil-pront wiġbitu billi inkuraġġiet lil missierha biex iżomm il-wegħda li għamel maʼ Ġeħova. It-tweġiba tagħha wriet li kellha fiduċja sħiħa f’Ġeħova li kulma kien jitlob minnha kien se jkun tajjeb. (Mħ. 11:34-37) Meta missierha ra l-fidi tagħha, hu kien kburi ħafna biha għax kien jaf li minn qalbha kienet lesta biex tagħmel lil Ġeħova ferħan. Ġefta u bintu poġġew fiduċja sħiħa f’Ġeħova u fil-mod kif jagħmel l-affarijiet. Huma kienu leali anki meta ma kienx daqstant faċli għalihom. Huma kienu konvinti li kwalunkwe sagrifiċċju kien worth it biex ikollhom l-approvazzjoni t’Alla. w16.04 1:1, 2
It-Tlieta, 2 taʼ Jannar
“Smajtu bis-sabar taʼ Ġob u rajtu t-tmiem li tah Ġeħova.”—Ġak. 5:11.
Kultant forsi tħossok muġugħ minħabba li ħabib jew membru tal-familja jkun qal xi ħaġa li tiskuraġġixxi. Jew forsi int marid serjament jew qed issofri t-telfa taʼ xi ħadd li tħobb. Madankollu, jiġri x’jiġri, tistaʼ ssib faraġ fl-eżempju taʼ Ġob. (Ġob 1:18, 19; 2:7, 9; 19:1-3) Ġob ma kienx jaf għala f’daqqa waħda kien għaddej minn ħafna provi, imma qatt ma qataʼ qalbu. X’għenu jissaporti? L-ewwel ħaġa, hu kien iħobb lil Ġeħova u kien jibżaʼ li ma jogħġbux. (Ġob 1:1) Ġob ried jogħġob lil Alla kemm meta kollox kien għaddej ħarir u kemm fi żminijiet diffiċli. Iktar minn hekk, Ġeħova għen lil Ġob jara l-qawwa Tiegħu billi qallu dwar xi affarijiet tal-għaġeb li Hu għamel. Dan ikkonvinċa lil Ġob saħansitra iktar li Ġeħova se jtemm il-provi tiegħu f’waqthom. (Ġob 42:1, 2) U hekk ġara. ‘Ġeħova temm it-tribulazzjoni taʼ Ġob u beda jagħti lil Ġob id-doppju taʼ kulma kellu qabel.’ Ġob miet “xiħ u mimli bl-għomor,” u kellu ħajja sodisfaċenti.—Ġob 42:10, 17. w16.04 2:11, 13
L-Erbgħa, 3 taʼ Jannar
“Uru li intom attenti bħas-sriep iżda innoċenti bħall-ħamiem.”—Mt. 10:16.
Aħna nkunu “attenti” meta naħsbu minn qabel dwar id-diffikultajiet. U aħna “innoċenti” meta nibqgħu newtrali f’dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli. Jeħtieġ noqogħdu attenti ħafna meta n-nies jibdew jiddiskutu kwistjonijiet politiċi. Pereżempju, meta nkunu qed nitkellmu maʼ xi ħadd dwar is-Saltna t’Alla, mhux se ngħidu li naqblu jew li ma naqblux mal-ideat jew l-opinjonijiet taʼ xi grupp jew mexxej politiku partikulari. Minflok ma tiddiskuti x’għandhom jagħmlu n-nies biex isolvu l-problemi tal-umanità, urihom mill-Bibbja kif is-Saltna t’Alla se ssolvihom b’mod permanenti. Jekk in-nies iridu jargumentaw dwar xi suġġett, bħaż-żwieġ bejn tnejn tal-istess sess jew abort, għidilhom x’tgħid il-Kelma t’Alla u kif int tipprova ssegwiha f’ħajtek. Jekk xi ħadd jgħidilna li ċerti liġijiet għandhom jitneħħew jew jinbidlu, m’għandna nżommu maʼ ħadd, u ma ninsistux li l-persuna għandha tbiddel l-opinjoni tagħha. w16.04 4:8, 9
Il-Ħamis, 4 taʼ Jannar
“Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli.”—Mt. 28:19.
Irridu nagħmlu dixxipli, ngħammduhom, u ngħallmuhom. Imma l-ewwel irridu mmorru għand in-nies. Studjuż tal-Bibbja jispjega li kull Kristjan għandu r-responsabbiltà li ‘jmur,’ jiġifieri, ir-responsabbiltà li jipprietka kemm lil dawk taʼ madwaru u kemm lil dawk li jgħixu ’l bogħod. (Mt. 10:7; Lq. 10:3) Ġesù xi stenna mid-dixxipli tiegħu? Ried hu li jippritkaw waħedhom, jew ried li jkunu organizzati bħala grupp? Ladarba jkun impossibbli għal persuna waħda biex tipprietka lill-“ġnus kollha,” id-dixxipli tiegħu jridu jkunu organizzati bħala grupp. U Ġesù hekk ried ifisser meta stieden lid-dixxipli tiegħu biex isiru “sajjieda tal-bnedmin.” (Mt. 4:18-22) Ġesù ma kienx qed jirreferi għal sajjied wieħed li juża x-xlief u l-lixka tiegħu, jistenna biex il-ħut jiġi għal-lixka. Minflok, is-sajd li Ġesù rrefera għalih involva l-użu tax-xbieki. Dan it-tip taʼ sajd jirrikjedi xogħol iebes, organizzar, u ħafna nies jaħdmu flimkien.—Lq. 5:1-11. w16.05 2:3, 4
Il-Ġimgħa, 5 taʼ Jannar
“Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.”—Prov. 3:5, 6.
Kif nistgħu nsiru nafu x’jaħseb Ġeħova? L-iktar ħaġa importanti li nistgħu nagħmlu hi li naqraw u nistudjaw il-Bibbja b’mod regulari. Waqt li qed nagħmlu dan, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Dan x’jgħallimni dwar Ġeħova? Għala aġixxa b’dan il-mod?’ U bħal David, aħna għandna bżonn ukoll nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nsiru nafuh aħjar. David kiteb: “Għarrafni triqatek, O Ġeħova; għallimni mogħdijietek. Mexxini fil-verità tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Fik ittamajt il-jum kollu.” (Salm 25:4, 5) Meta nitgħallmu xi ħaġa dwar Ġeħova, aħna nistgħu naħsbu dwar sitwazzjonijiet fejn nistgħu nużaw din l-informazzjoni. Nistgħu nużawha fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, jew fil-ministeru? Meta naħsbu fuq sitwazzjoni speċifika, se jkun eħfef għalina biex inkunu nafu kif Ġeħova jridna nużaw din l-informazzjoni. w16.05 3:9, 11
Is-Sibt, 6 taʼ Jannar
“L-indokratur għandu jkun bniedem li ma ssibx xi tgħid fih.”—1 Tim. 3:2.
Ġeħova tana lista taʼ kwalifiki għall-anzjani. Hu għandu livelli għoljin għall-irġiel li jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni. (1 Tim. 3:2-7) Dan juri li l-kongregazzjoni hi prezzjuża għal Ġeħova. Il-Bibbja tgħid li hu xtraha “bid-demm taʼ Ibnu stess.” (Atti 20:28) Allura Ġeħova jistenna li l-anzjani jkunu t’eżempju tajjeb, u huma jridu jagħtu kont lilu għall-mod kif jittrattaw lill-membri tal-kongregazzjoni. Hu jridna nħossuna fis-sigurtà taħt il-ħarsien tagħhom. (Is. 32:1, 2) Meta nitgħallmu dwar dawn il-kwalifiki, se naraw kemm Ġeħova verament jieħu ħsiebna. Il-Kristjani kollha jistgħu jitgħallmu minn dawn il-kwalifiki. Pereżempju, Ġeħova jistenna minna lkoll li nkunu raġunevoli u li nagħmlu ġudizzju tajjeb. (Flp. 4:5; 1 Pt. 4:7) Meta l-anzjani jkunu taʼ ‘eżempju għall-merħla,’ inkunu nistgħu nitgħallmu mingħandhom u ‘nimitaw il-fidi tagħhom.’—1 Pt. 5:3; Ebr. 13:7. w16.05 5:8-10
Il-Ħadd, 7 taʼ Jannar
“Iktar minn kull ħaġa oħra li għandek tħares, ħares lil qalbek.”—Prov. 4:23.
Biex qalbna ma ssirx iebsa, irridu nevitaw tendenzi negattivi bħalma huma l-kburija, l-ipprattikar tad-dnub, u n-nuqqas taʼ fidi. Jekk ma noqogħdux attenti, dawn jistgħu jwassluna biex inkunu diżubbidjenti u ribellużi. (Dan. 5:1, 20; Ebr. 3:13, 18, 19) Hekk ġara lis-Sultan Użżija taʼ Ġuda. (2 Kron. 26:3-5, 16-21) Għall-ewwel, Użżija kien ubbidjenti u kellu relazzjoni tajba m’Alla, u għalhekk Alla tah is-saħħa. Imma “malli sar b’saħħtu, qalbu tkabbret.” Tant kibritlu rasu li pprova jaħraq l-inċens fit-tempju avolja l-qassisin biss setgħu jagħmlu dan. Meta l-qassisin qalulu li dak li kien qed jagħmel ma kienx sew, Użżija rrabja ħafna! Ġeħova umilja lis-sultan kburi, u laqtu bil-ġdiem għall-bqija taʼ ħajtu. (Prov.16:18) Jekk ma nevitawx il-kburija, nistgħu nibdew naħsbu li aħna aħjar minn ħaddieħor u forsi nibdew ninjoraw il-parir li ningħataw mill-Bibbja.—Rum. 12:3; Prov. 29:1. w16.06 2:3, 4
It-Tnejn, 8 taʼ Jannar
Issaportu lil xulxin bl-imħabba.—Efes. 4:2.
Kif tħossok int dwar l-aħwa rġiel u nisa li ġejjin minn kulturi differenti? Il-lingwa, l-ilbies, il-manjieri, u l-ikel tagħhom jafu jkunu differenti ħafna minn tiegħek. Tevitahom int u tqattaʼ l-biċċa l-kbira mill-ħin tiegħek maʼ dawk biss li għandek affarijiet komuni magħhom? Kif tħossok dwar l-anzjani tal-kongregazzjonijiet li huma iżgħar minnek jew li huma taʼ razza jew kultura differenti? Jekk ma noqogħdux attenti, jistaʼ jkun li nibdew inħallu dawn id-differenzi jeffettwawna u jkissrulna l-unità. Kif nistgħu nevitaw diffikultajiet bħal dawn? Pawlu ta parir prattiku lill-Kristjani li għexu f’Efesu, belt sinjura mimlija nies li kienu ġejjin minn sfondi differenti. (Efes. 4:1-3) Pawlu semma kwalitajiet bħalma huma l-umiltà, il-ħlewwa, il-paċenzja, u l-imħabba. Dawn il-kwalitajiet huma bħal kolonni sodi li jżommu dar wieqfa. w16.06 3:17, 18
It-Tlieta, 9 taʼ Jannar
“Żommu għajnejkom miftuħin u għassu kontra kull xenqa b’għira.”—Lq. 12:15.
Satana jridna nużaw l-enerġija tagħna biex ikollna iktar flus u affarijiet minflok ma nużawha għal Ġeħova. (Mt. 6:24) Imma jekk moħħna jkun biss f’li nakkwistaw aktar affarijiet għalina nfusna, ħajjitna ma jkollhiex skop. Nistgħu nsiru frustrati jew nispiċċaw b’balla dejn. Jew agħar minn hekk, nistgħu nitilfu l-fidi tagħna f’Ġeħova u s-Saltna tiegħu. (1 Tim. 6:9, 10; Riv. 3:17) Ġesù qal li “x-xewqa għal affarijiet oħra” hi bħal xewk li jistaʼ jwaqqaf żerriegħa milli tikber u tipproduċi l-frott. (Mk. 4:14, 18, 19) Illum qed ngħixu qrib it-tmiem tad-dinja taʼ Satana. Allura, issa mhuwiex iż-żmien li nibqgħu nixtru iktar u iktar affarijiet għalina nfusna. U m’għandniex nistennew li wara t-tribulazzjoni l-kbira se jibqaʼ jkollna l-affarijiet li għandna issa, anki jekk huma prezzjużi għalina.—Prov. 11:4; Mt. 24:21, 22. w16.07 1:5, 6
L-Erbgħa, 10 taʼ Jannar
“Aħna lkoll intwerejna qalb tajba mhix mistħoqqa bla tarf.”—Ġw. 1:16.
Għodwa waħda, kmieni filgħodu, sid għalqa tad-dwieli mar fis-suq biex isib ħaddiema ħalli jaħdmu għalih. Offrielhom ċertu ammont taʼ flus, u l-irġiel aċċettaw l-offerta. Imma peress li s-sid kellu bżonn iktar ħaddiema, hu reġaʼ mar fis-suq diversi drabi matul il-jum biex isib iktar ħaddiema. Hu offra li jħallas lill-irġiel kollha ammont xieraq. Fl-aħħar tal-ġurnata, is-sid ġabar lill-ħaddiema kollha ħalli jħallashom. U kemm jekk ħadmu l-ġurnata kollha u kemm jekk ħadmu siegħa biss, hu tahom l-istess ammont taʼ flus. Però, meta l-irġiel li kienu ħadmu l-ġurnata kollha bdew jilmentaw, is-sid qal: ‘Intom ma qbiltux mal-offerta li għamiltilkom? M’għandix dritt jien nagħti lill-ħaddiema tiegħi dak li rrid? Jew qed tgħiru għax jien ġeneruż?’ (Mt. 20:1-15) L-istorja taʼ Ġesù tgħallimna lezzjoni importanti dwar “il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.”—2 Kor. 6:1. w16.07 3:1, 2
Il-Ħamis, 11 taʼ Jannar
Ara! Qed nagħmel kollox ġdid. Ikteb, għax dan il-kliem hu żgur u veru.—Riv. 21:5.
Hu iktar importanti minn qatt qabel li nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna, għax it-tmiem hu fil-qrib! (Mk. 13:10) Għandna bżonn niftakru li l-mira tagħna meta nippritkaw hi li nonoraw lil Ġeħova. Kif nistgħu nagħmlu dan? Għandna bżonn ngħidu lin-nies li l-barkiet kollha li se ngawdu fid-dinja l-ġdida huma possibbli biss permezz tal-qalb tajba meraviljuża taʼ Ġeħova. Meta nippritkaw lin-nies, nistgħu nispjegaw li meta s-Saltna taʼ Kristu tkun qed tmexxi, il-bnedmin se jirċievu l-benefiċċji kollha tal-fidwa u bil-mod il-mod se jsiru perfetti. Il-Bibbja tgħid: “L-istess ħolqien ukoll jinħeles mill-jasar tat-taħsir u jkollu l-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Rum. 8:21) Dan se jkun possibbli biss grazzi għall-qalb tajba li tintwera b’mod ġeneruż minn Ġeħova. w16.07 4:17-19
Il-Ġimgħa, 12 taʼ Jannar
“Ir-raġel ħa jagħti lil martu dak li jmissha; u l-mara wkoll tagħmel l-istess lil żewġha.”—1 Kor. 7:3.
Il-Bibbja m’għandhiex regoli speċifiċi dwar it-tipi differenti u l-limiti taʼ intimità sesswali li jkun hemm bejn raġel u mara miżżewġin. Imma tenfasizza l-importanza taʼ li tintwera l-affezzjoni. (Għan. 1:2; 2:6) Kristjani miżżewġin għandhom jittrattaw lil xulxin b’tenerezza. Meta jkollna mħabba kbira għal Alla u għall-proxxmu tagħna, ma nħallu xejn jew lil ħadd ipoġġi ż-żwieġ tagħna fil-periklu. Xi wħud dgħajfu jew saħansitra kissru ż-żwieġ tagħhom billi qabdu l-vizzju tal-pornografija. Jeħtieġ li nirreżistu kwalunkwe xenqa li twassalna għall-pornografija jew affarijiet oħra li jqanqlu l-aptit sesswali mhux xieraq. Hemm bżonn li nevitaw ukoll li nagħmlu xi ħaġa li tkun tidher bħallikieku qed nifflertjaw maʼ xi ħadd barra ż-żwieġ. Ma nkunux qed nuru mħabba meta nagħmlu hekk. Hemm bżonn li niftakru li Alla jaf il-ħsibijiet u l-azzjonijiet kollha tagħna. Dan se jgħinna nsaħħu x-xewqa tagħna biex nogħġbuh u biex nibqgħu leali fiż-żwieġ.—Mt. 5:27, 28; Ebr. 4:13. w16.08 2:7-9
Is-Sibt, 13 taʼ Jannar
Ma waqafniex nitolbu għalikom biex timtlew bl-għarfien eżatt dwar ir-rieda t’Alla.—Kol. 1:9.
Għala kien daqshekk importanti għall-aħwa f’Kolossi li jaqraw u jistudjaw l-Iskrittura? Għaliex dan kien se jagħtihom l-għerf u jgħinhom jifhmu kif setgħu ‘jimxu kif jixraq lil Ġeħova bl-għan li jogħġbuh għalkollox.’ Dan kien se jgħinhom ukoll biex jagħmlu “kull għemil tajjeb” li Ġeħova riedhom jagħmlu, speċjalment biex jippritkaw l-aħbar tajba. (Kol. 1:10) Allura, jekk qed nistudjaw maʼ xi ħadd, irridu ngħinuh jifhem li l-qari u l-istudju regolari tal-Bibbja jistgħu jgħinuh jaqdi lil Ġeħova. Aħna stess għandna bżonn nistudjaw il-Bibbja. Fil-fatt, jekk naqraw il-Bibbja u nimmeditaw fuqha regolarment, dan se jgħinna fil-ħajja tagħna u fil-ministeru. Pereżempju, meta nkunu fil-ministeru u xi ħadd jistaqsina mistoqsija diffiċli, aħna se nkunu kapaċi nużaw il-Bibbja biex inwieġbu. U jekk ngħidu lil oħrajn dak li tgħallimna mill-istudju tagħna u kif dan għenna, nistgħu ninkuraġġuhom biex jistudjaw il-Bibbja iktar fil-fond ħalli huma wkoll ikun jistaʼ jkollhom benefiċċji simili. w16.08 4:3, 4
Il-Ħadd, 14 taʼ Jannar
Aħna nissaraw kontra l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fil-postijiet tas-sema.—Efes. 6:12.
Huwa importanti ħafna li nirreżistu milli niġu effettwati mit-tagħlim, il-filosofiji, u l-prattiki ħżiena tad-dinja, bħall-immoralità, it-tipjip, u l-abbuż tal-alkoħol jew tad-drogi. Irridu nkomplu niġġieldu wkoll kontra l-iskuraġġiment u d-dgħufijiet tagħna. (2 Kor. 10:3-6; Kol. 3:5-9) Hija verament possibbli li tirbaħ il-ġlieda kontra għedewwa bħal dawn li għandhom qawwa kbira? Iva, imma se tkun iebsa! Pawlu qabbel lilu nnifsu maʼ boxer meta qal: “M’iniex nimmira d-daqqiet tiegħi b’tali mod li nkun qed nagħti fl-arja.” (1 Kor. 9:26) L-istess bħalma boxer jiġġieled kontra boxer ieħor, aħna rridu niġġieldu kontra l-għedewwa tagħna. Ġeħova jgħinna u jħarriġna biex nagħmlu dan. Hu jagħmel dan permezz tal-Bibbja. Hu jgħinna wkoll bil-pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja, bil-laqgħat Kristjani, bl-assembleat, u l-konvenzjonijiet. Tuża int l-istruzzjonijiet kollha li qed tirċievi? w16.09 2:2, 3
It-Tnejn, 15 taʼ Jannar
“Lanqas il-Kristu ma fittex li jogħġob lilu nnifsu.”—Rum. 15:3.
Bħal Ġesù, li nagħmlu r-rieda t’Alla u li ngħinu oħrajn għandu jkun iktar importanti mill-preferenzi personali. Għalhekk, mhux se nagħżlu li nilbsu stil taʼ lbies li jogħġob lilna u li mbagħad jistaʼ jżomm lin-nies milli jisimgħu l-messaġġ li rridu nagħtuhom. (Rum. 15:2) Ġenituri Kristjani għandhom ir-responsabbiltà li jgħallmu lil uliedhom biex isegwu l-prinċipji tal-Bibbja. Dan jinkludi li jagħmlu ċert li huma u wliedhom jagħmlu lil Alla ferħan bil-ħwejjeġ modesti tagħhom u bil-mod kif iżommu l-persuna tagħhom. (Prov. 22:6; 27:11) Kif jistgħu l-ġenituri jħarrġu lil uliedhom jirrispettaw lill-Alla l-qaddis tagħna u l-livelli tiegħu? Il-ġenituri għandhom ikunu taʼ eżempju tajjeb għal uliedhom. U għandhom jgħallmu bi mħabba lit-tfal tagħhom minn fejn u kif isibu ħwejjeġ addattati. It-tfal m’għandhomx jagħżlu ċerti ħwejjeġ għax sempliċiment ikunu jogħġbuhom, imma iktar importanti minn hekk, huma għandhom jagħżlu ħwejjeġ li jonoraw lil Ġeħova, l-Alla li huma jirrappreżentaw. w16.09 3:13, 14
It-Tlieta, 16 taʼ Jannar
“Student m’huwiex fuq l-għalliem tiegħu, imma kulmin jiġi mgħallem b’mod perfett ikun bħall-għalliem tiegħu.”—Lq. 6:40.
In-nies kienu jieħdu pjaċir jisimgħu lil Ġesù għax kien iħobb lil Ġeħova u kien jaf l-Iskrittura sew. Ukoll, huma ħassew li Ġesù kien iħobbhom. Allura semgħuh b’attenzjoni. (Lq. 24:32; Ġw. 7:46) B’mod simili, meta t-tfal jaraw li int tħobb lil Ġeħova, dan se jgħinhom iħobbuh ukoll. (Dt. 6:5-8; Lq. 6:45) Allura, kompli studja l-Bibbja bir-reqqa, u aqra l-pubblikazzjonijiet tagħna b’mod regulari. Sir af iktar dwar l-affarijiet li Ġeħova ħalaq. (Mt. 6:26, 28) Iktar ma tkun taf dwar Ġeħova, iktar tkun tistaʼ tgħallem lil uliedek dwaru.Meta titgħallem xi ħaġa dwar Ġeħova, għidha lil uliedek. Agħmel dan fi kwalunkwe ħin li tkun magħhom, mhux biss meta tkun qed tipprepara għal-laqgħat jew waqt il-qima bħala familja. w16.09 5:6, 7
L-Erbgħa, 17 taʼ Jannar
“Ħadd minnhom ma kien jaf jitkellem bil-Lhudi.”—Neħ. 13:24.
Meta ma nkunux nistgħu nifhmu t-tagħlim tal-Bibbja b’lingwa barranija, dan jistaʼ jkun taʼ periklu serju għar-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Meta Neħemija mar lura Ġerusalemm, hu nnota li ftit mit-tfal hemmhekk ma setgħux jitkellmu bil-lingwa Ebrajka. Minħabba li dawn it-tfal ma setgħux jifhmu l-Kelma t’Alla, ir-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova ddgħajfet. (Neħ. 8:2, 8) Xi ġenituri Kristjani li qed jaqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija nnotaw li r-relazzjoni tat-tfal tagħhom maʼ Ġeħova ddgħajfet. Għala? Meta naqraw b’lingwa barranija, l-emozzjonijiet tagħna jistgħu ma jkunux involuti daqskemm meta naqraw bil-lingwa tagħna stess. Ukoll, peress li hu diffiċli biex nikkomunikaw b’lingwa oħra, nistgħu tant negħjew li l-qima tagħna lil Ġeħova tiġi effettwata b’mod negattiv. Allura waqt li nżommu b’saħħitha x-xewqa tagħna li naqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija, għandna bżonn ukoll nipproteġu r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova.—Mt. 4:4. w16.10 2:4-6
Il-Ħamis, 18 taʼ Jannar
Il-fidi hi t-turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.—Ebr. 11:1.
Il-fidi hija xi ħaġa li mhux in-nies kollha għandhom. (2 Tess. 3:2) Imma Ġeħova jagħti l-fidi lil dawk kollha li jqimuh. (Rum. 12:3; Gal. 5:22) Kemm aħna grati li Ġeħova jagħtina l-fidi! Ġeħova tana lil Ibnu l-għażiż biex kull min ikollu l-fidi f’Ġesù, dnubietu jkunu jistgħu jinħafrulu. Dan jagħmilha possibbli għan-nies biex isiru l-ħbieb taʼ Ġeħova u jgħixu għal dejjem. (Ġw. 6:44, 65; Rum. 6:23) Ġeħova hu tassew qalbu tajba magħna! Minkejja li aħna midinbin u jistħoqqilna l-mewt, Ġeħova ra li aħna kapaċi nagħmlu affarijiet tajbin. (Salm 103:10) Hu għenna nitgħallmu l-aħbar tajba dwar Ġesù u s-sagrifiċċju tiegħu. Meta beda jkollna l-fidi f’Ġesù u bdejna nimxu warajh, stajna nħarsu ’l quddiem għal ħajja bla tmiem!—1 Ġw. 4:9, 10. w16.10 4:1, 2
Il-Ġimgħa, 19 taʼ Jannar
Pawlu inkuraġġixxa b’ħafna kliem lil dawk t’hemmhekk.—Atti 20:2.
Spiss Pawlu qal affarijiet tajbin dwar ħutu. Kien qattaʼ ħafna snin jivvjaġġa maʼ wħud minnhom u sar jafhom tajjeb ħafna, imma ma kitibx dwar l-iżbalji tagħhom. Minflok, faħħarhom. Pereżempju, Pawlu qal li Timotju kien ‘ibnu maħbub u leali fil-Mulej’ u li kien fiduċjuż li Timotju kien se jieħu ħsieb il-bżonnijiet taʼ oħrajn. (1 Kor. 4:17; Flp. 2:19, 20) Pawlu qal lill-Kristjani f’Korintu li Titu kien ‘sieħbu u ħaddiem miegħu għall-interessi tagħhom.’ (2 Kor. 8:23) Żgur li Timotju u Titu kienu inkuraġġiti meta saru jafu x’kien jaħseb dwarhom Pawlu! Pawlu u sieħbu Barnaba ssograw ħajjithom biex jinkuraġġixxu lil ħuthom. Pereżempju, it-tnejn kienu jafu li ħafna nies fil-belt taʼ Listra riedu joqtluhom. Xorta waħda, huma marru lura hemm biex jinkuraġġixxu lid-dixxipli ġodda u jgħinuhom jibqgħu leali lejn Ġeħova. (Atti 14:19-22) Iktar tard, f’Efesu, wara li Pawlu kien fil-periklu minħabba folla rrabjata, hu inkuraġġixxa lid-dixxipli t’hemmhekk.—Atti 20:1. w16.11 1:10, 11
Is-Sibt, 20 taʼ Jannar
Kunu magħqudin kif jixraq b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed.—1 Kor. 1:10.
Ġeħova jmexxi lil dawk li llum jagħmlu parti mill-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art u jgħallimhom. Kif? Hu ħatar lil Kristu biex ikun “il-kap tal-kongregazzjoni,” u Kristu ħatar lill-“ilsir leali u għaqli” biex jgħallem u jidderieġi lill-poplu t’Alla. (Efes. 5:23; Mt. 24:45-47) L-istess bħall-ġemgħa li tiggverna fl-ewwel seklu, dan l-ilsir verament iqis il-Bibbja taʼ valur għaliex hi l-Kelma t’Alla. (1 Tess. 2:13) Liema huma xi ftit mid-direzzjonijiet li nsibu fil-Bibbja? Il-Bibbja tidderiġina biex nattendu l-laqgħat regolarment. (Ebr. 10:24, 25) Tinkuraġġina lkoll biex nemmnu l-istess tagħlim tal-Bibbja. Ukoll, tgħidilna biex ‘nibqgħu infittxu l-ewwel is-saltna.’ (Mt. 6:33) Il-Bibbja tistruwina biex nippritkaw minn dar għal dar, f’postijiet pubbliċi, u kull fejn jistgħu jinstabu n-nies. (Mt. 28:19, 20; Atti 5:42; 17:17; 20:20) Hi tidderieġi lill-anzjani jżommu l-kongregazzjoni nadifa. (1 Kor. 5:1-5, 13; 1 Tim. 5:19-21) U tgħidilna li għandna nżommu ruħna ndaf u nevitaw ħsibijiet u drawwiet li Ġeħova jobgħod.—2 Kor. 7:1. w16.11 3:7, 8
Il-Ħadd, 21 taʼ Jannar
“Oħorġu minnha, poplu tiegħi.”—Riv. 18:4.
Ħafna snin qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918), Charles Taze Russell u Studenti tal-Bibbja oħrajn indunaw li l-Kristjaneżmu ma kienx qed jgħallem il-verità mill-Bibbja. Allura huma riedu li ma jkollhom x’jaqsmu xejn mar-reliġjon falza. Anki fl-1879, Zion’s Watch Tower qal li kull knisja li ssostni li hi l-għarusa leali taʼ Kristu imma li fil-fatt tappoġġja l-gvernijiet hi fil-verità parti minn Babilonja l-Kbira, li l-Bibbja ssejħilha prostituta. (Riv. 17:1, 2) Irġiel u nisa leali kienu jafu illi kieku komplew jappoġġjaw ir-reliġjon falza, Alla ma kienx se jberikhom. Allura, ħafna minnhom bagħtu ittri lill-knejjes tagħhom biex jgħidulhom li ma ridux jibqgħu iktar membri. w16.11 5:2, 3
It-Tnejn, 22 taʼ Jannar
Dawk li huma f’armonija maʼ l-ispirtu jixħtu moħħhom fuq l-affarijiet taʼ l-ispirtu.—Rum. 8:5.
Matul iż-żmien tat-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù għandu mnejn qrajt Rumani 8:15-17. Dawn il-versi jispjegaw kif il-Kristjani midlukin jafu li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fis-sema. Rumani kapitlu 8 nkiteb l-aktar għall-midlukin. Huma jirċievu “l-ispirtu” bħala dawk ‘li qed jistennew bil-ħerqa l-adozzjoni bħala wlied, li jinħelsu mill-ġisem [fiżiku tagħhom].’ (Rum. 8:23) Fil-futur, se jkunu wlied Alla fis-sema. Ġeħova ħafer id-dnubiet tagħhom fuq il-bażi tal-fidwa. Hu ddikjarahom ġusti ħalli jkunu jistgħu jkunu wliedu. (Rum. 3:23-26; 4:25; 8:30) Illum, Ġeħova jistaʼ wkoll jikkunsidra ġusti lil dawk il-Kristjani leali li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Huma wkoll jistgħu jibbenefikaw mill-parir mogħti f’Rumani kapitlu 8. w16.12 2:1-3
It-Tlieta, 23 taʼ Jannar
“Qatt tkunu ansjużi.”—Mt. 6:34.
Ġesù x’ried ifisser? Ġesù ma riedx ifisser li wieħed li jaqdi lil Alla qatt ma kien se jħossu ansjuż. Minflok, Ġesù kien qed jgħin lid-dixxipli tiegħu jifhmu li ansjetà bla bżonn, jew esaġerata, ma ssolvix problemi. Se jkun hemm sfidi kuljum, allura l-Kristjani m’għandhomx iżidu iktar ansjetà billi jaħsbu dwar problemi tal-passat jew tal-futur. Kultant, Kristjan jistaʼ jħossu ansjuż dwar problemi li jistgħu jinqalgħu fil-futur. Imma m’għandekx għalfejn tinkwieta dwar affarijiet li għadhom ma ġrawx. Għala le? Għaliex ħafna drabi, l-affarijiet ma jkunux daqshekk ħżiena daqs kemm ħsibna li jkunu. Ukoll, ftakar li m’hemm ebda sitwazzjoni li Alla ma jistax jikkontrolla. Tistaʼ tkun ċert li Alla se jbierek lil-leali tiegħu u jgħinhom inaqqsu l-ansjetà tagħhom dwar il-passat, il-preżent, u l-futur. w16.12 3:13, 16
L-Erbgħa, 24 taʼ Jannar
“L-għerf hu mal-modesti.”—Prov. 11:2.
Meta Ġeħova għażel lil Sawl biex ikun sultan, Sawl kien modest. (1 Sam. 9:1, 2, 21; 10:20-24) Però wara li sar sultan, hu sar prużuntuż. Darba minnhom, eluf taʼ Filistin marru jiġġieldu kontra l-Iżraelin. Il-profeta Samwel kien qal lil Sawl li kien se jmur ħdejh u joffri sagrifiċċju lil Ġeħova. Madankollu, qabel ma wasal Samwel, l-Iżraelin bdew jibżgħu u ħafna minnhom abbandunaw lil Sawl. Hu tilef is-sabar, u minflok ma stenna lil Samwel, offra s-sagrifiċċju hu stess. Sawl ma kellu l-ebda awtorità biex jagħmel dan u Ġeħova ma ħax pjaċir.(1 Sam. 13:5-9) Meta Samwel wasal, hu ċanfar lil Sawl talli m’obdiex lil Ġeħova. Imma Sawl ħaseb li ma kien għamel xejn ħażin. Hu pprova jġib l-iskużi, u saħansitra waħħal f’oħrajn għall-iżball tiegħu. (1 Sam. 13:10-14) Minn dakinhar ’l hemm, Sawl kien prużuntuż f’ħafna affarijiet oħra. B’hekk, Ġeħova ċaħdu milli jkun sultan. (1 Sam. 15:22, 23) Il-ħajja taʼ Sawl bdiet bit-tajjeb imma spiċċat ħażin ferm.—1 Sam. 31:1-6. w17.01 3:1, 2
Il-Ħamis, 25 taʼ Jannar
Sibt lil David, raġel għal qalbi.—Atti 13:22.
Is-Sultan David kien raġel leali, u Ġeħova kien iħobbu ħafna. Minkejja dan, David kellu relazzjoni sesswali maʼ Bat-seba, li kien dnub serju. (2 Sam. 11:1-21) David ma setax ireġġaʼ lura dak li kien għamel. Fil-fatt, kien se jbati ftit mill-konsegwenzi tad-dnub tiegħu għall-kumplament taʼ ħajtu. (2 Sam. 12:10-12, 14) Għalhekk kellu bżonn il-fidi. Kellu jkun fiduċjuż li meta jindem verament, Ġeħova kien se jaħfirlu u jgħinu jissaporti l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu. Peress li aħna imperfetti, ilkoll nidinbu. Imma xi dnubiet huma iktar serji minn oħrajn, u f’xi każijiet għandu mnejn ma nkunux nistgħu nħassru l-iżbalji tagħna. Aħna wkoll forsi jkollna nsofru l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħna. (Gal. 6:7) Imma aħna fiduċjużi fil-wegħda t’Alla li jekk nindmu, hu se jsaħħaħna matul żminijiet diffiċli, anke meta dawn id-diffikultajiet ikunu tort tagħna.—Is. 1:18, 19; Atti 3:19. w17.01 1:10-12
Il-Ġimgħa, 26 taʼ Jannar
“Il-bnedmin ma jistgħux isibu tarf l-għemil li sar taħt ix-xemx; jitħabtu kemm jitħabtu l-bnedmin biex ifittxuh jibqgħu ma jsibuhx. U anki jekk jgħidu li għandhom biżżejjed għerf biex ikunu jafu, huma ma jistgħux isibu tarf.”—Ekk. 8:17.
Li nkunu modesti se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin anki meta ma nistgħux inkunu nafu jew nikkontrollaw eżattament kif se jmorru l-affarijiet. Pereżempju, nistgħu nkunu qed naħsbu dwar li nibdew fis-servizz full-time. Imma x’jiġri jekk nimirdu? Xi ngħidu jekk il-ġenituri tagħna jimirdu u jkollhom bżonn l-għajnuna? X’se nagħmlu meta nixjieħu? Ma nistgħux inwieġbu dawn il-mistoqsijiet kollha, anki jekk nitolbu u naħsbu dwarhom. Imma jekk nafdaw f’Ġeħova, se nagħrfu u naċċettaw il-limitazzjonijiet tagħna. Se neżaminaw il-fatti, insaqsu għal pariri u, l-iktar importanti, nitolbu għal gwida. Imbagħad jeħtieġ li nsegwu d-direzzjoni tal-ispirtu taʼ Ġeħova. (Ekk. 11:4-6) Ġeħova jistaʼ jbierek id-deċiżjonijiet tagħna jew jgħinna nibdlu l-pjanijiet tagħna.—Prov. 16:3, 9. w17.01 4:14
Is-Sibt, 27 taʼ Jannar
Ma tistax tiekol minnha.—Ġen. 2:17.
Adam u Eva kellhom jiddeċiedu x’kienu se jagħmlu. Kienu se jobdu lil Alla jew kienu se jagħtu widen lis-serp? B’dispjaċir, iddeċidew li ma jobdux lil Alla. (Ġen. 3:6-13) Meta Adam u Eva kisru l-liġi t’Alla, ma baqgħux perfetti. Iktar minn hekk, huma saru għedewwa t’Alla għax hu jobgħod il-ħażen. ‘Għajnejh puri wisq biex jara dak li hu ħażin.’ (Ħab. 1:13) Li kieku Ġeħova m’għamel xejn dwar id-dnub taʼ Adam u Eva, is-saħħa u l-kuntentizza tal-ħolqien kollu tiegħu kienu se jiġu mheddin. Kemm l-anġli kif ukoll il-bnedmin kienu se jitħassbu dwar jekk setgħux jistrieħu fuq kelmtu. Imma Ġeħova huwa leali lejn il-livelli tiegħu stess; hu qatt ma jiksirhom. (Salm 119:142) Għalkemm Adam u Eva kellhom il-libertà tal-għażla, ma setgħux jevitaw il-konsegwenzi tal-fatt li rribellaw kontra Ġeħova. Eventwalment huma mietu u reġgħu saru trab li minnu kienu maħluqin.—Ġen. 3:19. w17.02 1:8, 10, 11
Il-Ħadd, 28 taʼ Jannar
“Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.”—Mt. 4:4.
Mill-bidu tal-ministeru tiegħu, Ġesù ħalla l-Iskrittura tidderiġih. Anki meta kien qed imut, hu semma l-profeziji dwar il-Messija. (Mt. 27:46; Lq. 23:46) Madankollu, il-mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-żmien kienu ferm differenti minn Ġesù. Huma għażlu li jinjoraw il-Kelma t’Alla kull meta ma kinitx taqbel mat-tagħlim tagħhom. Ġesù kkwota mill-Kelma t’Alla meta dwarhom qal: “Dan il-poplu jonorani b’xofftejh, iżda qalbu mbiegħda minni. Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini l-kmandi tal-bnedmin.” (Mt. 15:7-9) Ġesù uża wkoll il-Kelma t’Alla meta għallem lil oħrajn. Meta mexxejja reliġjużi sfidawh, hu m’użax l-għerf tiegħu stess jew l-esperjenza taʼ ħajtu biex iwiġibhom. Minflok, hu għallem lin-nies mill-Iskrittura.—Mt. 22:33-40. w17.02 3:18, 19
It-Tnejn, 29 taʼ Jannar
Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin, onoraw lis-sultan.—1 Pt. 2:17.
Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna nagħmlu kulma nistgħu ħalli nuru lill-uffiċjali tal-gvern li nirrispettawhom. Ovvjament, kull pajjiż għandu l-proċeduri tiegħu, allura dak li l-uffiċjali jistennew minna f’post wieħed jistaʼ jkun differenti minn dak li jistennew f’post ieħor. Xorta waħda, aħna nikkooperaw mal-uffiċjali tal-gvern waqt li jagħmlu xogħolhom. Madankollu, jekk ikunu jriduna nagħmlu xi ħaġa li twassalna biex ma nobdux lil Ġeħova, aħna ma nistgħux nagħmluha. F’dawn il-każijiet, aħna nobdu u nonoraw lil Ġeħova iktar mill-bniedem. (1 Pt. 2:13-16) Aħna nistgħu nitgħallmu mill-qaddejja taʼ Ġeħova tal-passat, li wrew unur lill-gvernijiet u lill-uffiċjali tagħhom. Ġużeppi u Marija huma eżempju tajjeb. Meta r-Rumani riedu jkunu jafu kemm kien hemm nies jgħixu fil-pajjiż, Ġużeppi u Marija vvjaġġaw lejn Betlem biex jirreġistraw avolja Marija kienet waslet biex twelled. (Lq. 2:1-5) L-appostlu Pawlu huwa eżempju ieħor taʼ xi ħadd li rrispetta mexxejja umani. Meta kien akkużat li għamel xi ħaġa ħażina, b’rispett iddefenda lilu nnifsu quddiem is-Sultan Erodi Agrippa u quddiem Festu, il-gvernatur tal-provinċja Rumana tal-Lhudija.—Atti 25:1-12; 26:1-3. w17.03 1:9, 10
It-Tlieta, 30 taʼ Jannar
Dan kollu nkiteb bħala twissija għalina.—1 Kor. 10:11.
Minħabba li l-Iżraelin kienu diżubbidjenti, Ġeħova ma pproteġihomx mill-għedewwa tagħhom. (Mħ. 2:1-3, 11-15; Salm 106:40-43) Żgur li kien diffiċli ħafna għall-familji li ħabbew lil Ġeħova biex jibqgħu leali waqt dawk is-snin diffiċli. Madankollu, il-Bibbja ssemmi li kien hemm uħud leali, bħal Ġefta u bintu, u kif ukoll Elkana, Ħanna, u Samwel. Huma kienu determinati li jagħmlu lil Ġeħova ferħan. (1 Sam. 1:20-28; 2:26) Fi żmienna, in-nies jaħsbu u jaġixxu bħall-Kangħanin. Ħajjithom hi ffokata fuq is-sess, il-vjolenza, u l-flus. Imma Ġeħova jagħtina twissijiet ċari. Hu jrid jipproteġina bħalma ried jipproteġi l-Iżraelin minn influwenzi ħżiena bħal dawn. Se nitgħallmu aħna mill-iżbalji tagħhom? (1 Kor. 10:6-10) Aħna għandna nagħmlu kulma nistgħu biex nevitaw kif taħseb id-dinja. (Rum. 12:2) Se nagħmlu l-aħjar tagħna biex nagħmlu hekk? w16.04 1:4-6
L-Erbgħa, 31 taʼ Jannar
“Bniedem li għandu l-abbiltà li jifhem huwa dak li jikseb direzzjoni għaqlija.”—Prov. 1:5.
Ġeħova tana l-aqwa pariri fil-Kelma tiegħu. Allura, meta niffaċċjaw deċiżjonijiet serji, hu importanti li nagħmlu riċerka u nitolbu għall-gwida taʼ Ġeħova. Hu jistaʼ jagħtina l-kwalitajiet li għandna bżonn biex nieħdu deċiżjonijiet li huma fi qbil mar-rieda tiegħu. Għandna dejjem nistaqsu lilna nfusna: ‘Din id-deċiżjoni se turi li nħobb lil Ġeħova? Se ġġib ferħ u paċi lill-familja tiegħi? U se turi li jien paċenzjuż u qalbi tajba?’ Ġeħova ma jisforzaniex biex inħobbuh u naqduh. Minflok, hu tana l-libertà ħalli nagħmlu din l-għażla. Hu jirrispetta r-responsabbiltà u d-dritt tagħna li nagħżlu jekk naqduhx. (Ġoż. 24:15; Ekk. 5:4) Però, hu jistenna minna li nagħmlu dak li ddeċidejna nagħmlu skont il-Kelma tiegħu. Meta jkollna fidi fid-direzzjonijiet taʼ Ġeħova u napplikaw il-prinċipji li tana, aħna nkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. U se nuru li aħna sodi f’kulma nagħmlu.—Ġak. 1:5-8; 4:8. w17.03 2:17, 18