Frar
Il-Ħamis, 1 taʼ Frar
“Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox.”—Ġak. 1:4.
Is-sabar kif iwettaq “xogħlu” għalkollox fina? Meta ngħaddu minn prova, għandu mnejn ninnotaw li għandna bżonn nuru iktar paċenzja, apprezzament, jew imħabba. Hekk kif nissaportu l-prova, se nitgħallmu nuru dawn il-kwalitajiet saħansitra iktar, u b’dan il-mod se ntejbu l-personalità Kristjana tagħna. Minħabba li s-sabar jistaʼ jagħmilna Kristjani aħjar, aħna ma rridux niksru l-liġi taʼ Ġeħova għas-sempliċi fatt biex inġibu fi tmiem il-prova tagħna. Pereżempju, jekk qed tiġġieled maʼ ħsibijiet immorali, taqax għat-tentazzjoni! Itlob lil Ġeħova biex tneħħi l-ħsibijiet ħżiena. Għandek membru tal-familja li qed jagħmillek l-oppożizzjoni? Taqtax qalbek! Kun determinat li tkompli taqdi lil Ġeħova. Ftakar: Sabiex ikollna l-approvazzjoni t’Alla, ikollna nissaportu.—Rum. 5:3-5; Ġak. 1:12. w16.04 2:15, 16
Il-Ġimgħa, 2 taʼ Frar
B’umiltà qisu lill-oħrajn superjuri għalikom.—Flp. 2:3.
Ġeħova ma jaħsibx li persuna jew grupp taʼ nies hu aħjar minn ieħor. Għalih, aħna lkoll indaqs. Naturalment, Ġeħova għamilna differenti minn xulxin, u nistgħu nieħdu pjaċir b’din il-varjetà u nammiraw din il-varjetà. Ma jridniex nabbandunaw il-kultura tagħna. Imma fl-istess ħin ma jridniex naħsbu li aħna aħjar minn oħrajn. (Rum. 10:12) Qatt m’għandna nkunu tant kburin bil-pajjiż jew nazzjon tagħna li naħsbu li hu aħjar minn ieħor. Jekk naħsbu b’dan il-mod, għandu mnejn ikun diffiċli ħafna għalina biex nibqgħu newtrali. Hekk ġara fl-ewwel seklu. Xi aħwa Ebrej ma ttrattawx lir-romol Griegi b’mod ġust. (Atti 6:1) Kif nistgħu nindunaw jekk bdejniex niżviluppaw din it-tip taʼ kburija? Jekk ħu jew oħt minn pajjiż ieħor tagħtik suġġeriment, taħseb int mill-ewwel, ‘Aħna nagħmlu l-affarijiet aħjar hawn,’ u mbagħad tirrifjuta s-suġġeriment? Jekk jiġri hekk, ftakar fil-parir importanti tal-iskrittura tal-lum. w16.04 4:12, 13
Is-Sibt, 3 taʼ Frar
“Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla.”—Lq. 4:43.
Ġesù pprietka “l-aħbar tajba tas-saltna” u jrid lid-dixxipli tiegħu jagħmlu l-istess. Liema grupp taʼ nies qed jipprietka dan il-messaġġ lil kulħadd? (Mt. 28:19) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova biss! Innota x’qal wieħed qassis lil ħu. Dan il-qassis kien jaqdi bħala missjunarju f’ħafna pajjiżi differenti. F’kull pajjiż, il-qassis kien saqsa lix-Xhieda taʼ Ġeħova liema messaġġ kienu qed ixandru. Il-qassis qal, “Tant kienu stupidi li taw l-istess tweġiba: ‘L-aħbar tajba tas-Saltna.’” Il-kumment tal-qassis fil-fatt jikkonferma li aħna m’aħniex boloh imma li aħna magħqudin bħala Kristjani veri. (1 Kor. 1:10) Is-Saltna t’Alla hija wkoll il-messaġġ prinċipali tar-rivista It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova. Din ir-rivista hi disponibbli f’254 lingwa u medja taʼ 59,000,000 kopja taʼ kull ħarġa jiġu stampati. Dan jagħmilha l-iktar rivista mqassma mad-dinja! w16.05 2:6
Il-Ħadd, 4 taʼ Frar
“Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu.”—2 Kor. 9:7.
Forsi tixtieq taqdi bħala pijunier. Għandu mnejn diġà għamilt xi bidliet f’ħajtek biex tkun tistaʼ tqattaʼ iktar ħin fil-ministeru. Imma xorta għadek m’intix ċert jekk intix ħa tkun verament ferħan b’inqas flus u affarijiet. Ovvjament, il-Bibbja ma tgħidx li aħna rridu nkunu pijunieri biex naqdu lil Ġeħova. Aħna nistgħu nkomplu naqduh lealment bħala pubblikaturi. Imma mill-banda l-oħra, Ġesù qal li Ġeħova jbierek lil dawk li jagħmlu sagrifiċċji għas-Saltna. (Lq. 18:29, 30) Il-Bibbja tgħid ukoll li Ġeħova hu kuntent meta aħna nagħmlu l-almu tagħna biex infaħħruh, u hu jridna nkunu ferħanin li qed naqduh. (Salm 119:108) Meta nitolbu dwar dawn l-affarijiet u nimmeditaw fuqhom, nistgħu nieħdu deċiżjoni li hi prattika fis-sitwazzjoni tagħna u deċiżjoni li Ġeħova se jbierek. w16.05 3:13
It-Tnejn, 5 taʼ Frar
“Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek, qabel jiġu jiem l-għali.”—Ekk. 12:1.
Il-Kristjani adulti m’għandhomx ikunu tant imkabbrin li ma jaqrawx il-pubblikazzjonijiet tagħna għaż-żgħażagħ. Ħafna mill-problemi diskussi fl-artikli għaż-żgħażagħ jeffettwaw lill-Kristjani kollha. Pereżempju, ilkoll kemm aħna għandna bżonn li niddefendu t-twemmin tagħna, nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna, nirrifjutaw pressjoni minn dawk taʼ madwarna, u nevitaw sħubija ħażina u divertiment ħażin. Allura, anki jekk dawn il-pubblikazzjonijiet inkitbu għaż-żgħażagħ, l-informazzjoni taʼ ġo fihom ġejja mill-Bibbja u l-Kristjani kollha jistgħu jibbenefikaw minnha. Il-pubblikazzjonijiet miktubin għaż-żgħażagħ jistgħu jgħinuhom ukoll biex isaħħu r-relazzjoni li għandhom maʼ Ġeħova. U l-adulti jistgħu jibbenefikaw minnhom ukoll.—Ekk. 12:13. w16.05 5:15, 16
It-Tlieta, 6 taʼ Frar
“Ismaʼ, O Israel: Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed. U ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u bil-forza kollha tiegħek.”—Dt. 6:4, 5.
“Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.” Din hi stqarrija li fiha x’tomgħod! Din it-tfakkira saħħet lill-Iżraelin biex jissaportu diffikultajiet meta daħlu fl-Art Imwiegħda u ħaduha taħt idejhom. Dan il-kliem jistaʼ jsaħħaħ lilna wkoll biex b’hekk ngħaddu minn ġot-tribulazzjoni l-kbira u ngħinu biex insebbħu l-Ġenna tal-art li ġejja. Ejja nkomplu nagħtu lil Ġeħova d-devozzjoni esklużiva tagħna. Għandna bżonn inħobbuh u naqduh b’qalbna kollha, moħħna kollu, u saħħitna kollha, u għandna bżonn nistinkaw biex inżommu l-paċi u l-unità maʼ ħutna. Jekk inkomplu nagħmlu dawn l-affarijiet, Ġesù se jiġġudikana bħala nagħaġ u se naraw it-twettiq taʼ kliemu: “Ejjew intom, imberkin minn Missieri, irtu s-saltna mħejjija għalikom mit-tisjis tad-dinja.”—Mt. 25:34. w16.06 3:2, 20
L-Erbgħa, 7 taʼ Frar
“Il-qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra.”—Ġer. 17:9.
Il-kburija tistaʼ ġġegħelna niddefendu l-imġiba mhix tajba tagħna. Meta jiġri dan, ma nibqgħux bħal tafal artab. Ġieli ġejt imweġġaʼ minn xi ħu jew oħt? Qatt ħassejtek iddispjaċut għax tlift xi privileġġ? Kif irreaġixxejt? Sirt kburi, jew irrealizzajt li l-iktar affarijiet importanti huma li tagħmel paċi maʼ ħutek u li tibqaʼ leali lejn Ġeħova? (Salm 119:165; Kol. 3:13) Meta individwu jkompli jidneb u anki jaħbi dak li jkun qed jagħmel, jistaʼ jkun iktar diffiċli għalih biex jaċċetta l-pariri t’Alla. Imbagħad jistaʼ jsir eħfef għalih biex jidneb. (Ekk. 8:11) Ħu li għal xi żmien kellu l-vizzju li jara l-pornografija, iktar tard qal, “Irrealizzajt li bdejt nikkritika lill-anzjani.” Id-drawwa tiegħu ħassritlu r-relazzjoni li kellu maʼ Ġeħova. Meta oħrajn skoprew x’kien qed jagħmel, ingħata l-għajnuna mill-anzjani. Huwa minnu li lkoll kemm aħna imperfetti. Imma jekk noqogħdu nikkritikaw lil dawk li jagħtuna l-pariri jew jekk inġibu l-iskużi meta nagħmlu xi ħaġa ħażina minflok ma nitolbu lil Alla biex jaħfrilna u jgħinna, qalbna tistaʼ trabbi l-kallu. w16.06 2:5, 6
Il-Ħamis, 8 taʼ Frar
“Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom.”—Mt. 6:25.
Ġesù ried jgħin lis-semmiegħa tiegħu jifhmu għala m’għandhomx jinkwetaw dwar dawn l-affarijiet kollha. Hu kien jaf li jekk jinkwetaw iżżejjed, anki dwar affarijiet li verament kellhom bżonn, huma setgħu jinsew x’inhu l-iktar importanti fil-ħajja. Ġesù tant kien jieħu ħsieb id-dixxipli tiegħu li wissiehom erbaʼ darbiet oħra dwar dan il-periklu fil-Prietka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja. (Mt. 6:27, 28, 31, 34) Ġesù kien jaf x’kellhom bżonn in-nies. U kien jaf li “fl-aħħar jiem,” id-dixxipli tiegħu kienu se jgħixu fi żminijiet diffiċli. (2 Tim. 3:1) Fil-fatt, ħafna nies illum ma jistgħux isibu xogħol, u l-affarijiet ikomplu jsiru aktar għaljin. F’ħafna pajjiżi, in-nies lanqas għandhom għaxja taʼ lejla. Imma Ġesù jaf ukoll li l-ħajja taʼ persuna hi iktar importanti mill-ikel, u l-ġisem iktar importanti mill-ilbies. w16.07 1:8, 9
Il-Ġimgħa, 9 taʼ Frar
“Jien sirt ministru taʼ dan skond l-għotja b’xejn tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.”—Efes. 3:7.
Peress li ma nistgħux nobdu lil Ġeħova b’mod perfett, ma jistħoqqilna li nirċievu l-ebda tip taʼ qalb tajba mingħand Alla. Infatti, jistħoqqilna mmutu. Is-Sultan Salamun qal: “M’hemm l-ebda bniedem ġust fuq l-art li dejjem jagħmel it-tajjeb u ma jidnibx.” (Ekk. 7:20) Iktar tard, l-appostlu Pawlu qal: “Għax kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-glorja t’Alla,” u “l-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt.” (Rum. 3:23; 6:23a) Minħabba li Ġeħova tant iħobb lill-bnedmin, hu bagħat “l-Iben uniġenitu tiegħu” biex imut għalina. Dan kien l-akbar att taʼ qalb tajba li qatt kien hawn u li qatt jistaʼ jkun hawn. (Ġw. 3:16) Pawlu qal li Ġesù issa hu “inkurunat bi glorja u unur talli bata l-mewt, biex bil-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla jduq il-mewt għal kull bniedem.” (Ebr. 2:9) Iva, “l-għotja li jagħti Alla hi l-ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.”—Rum. 6:23b. w16.07 3:3, 4
Is-Sibt, 10 taʼ Frar
“Se nagħmillu għajnuna.”—Ġen. 2:18.
Huwa normali għan-nies li jiżżewġu. Imma ż-żwieġ kif oriġina? X’inhu l-iskop tiegħu? Meta nkunu nafu dawn it-tweġibiet, se niġu megħjunin ikollna l-ħarsa t-tajba dwar iż-żwieġ u l-barkiet li jġib miegħu. Alla ħalaq l-ewwel bniedem, Adam, u talbu biex jagħti isem lill-annimali. Adam induna li l-annimali kollha kellhom sieħeb jew sieħba, “imma għar-raġel ma nstabet ebda għajnuna bħala sieħba li taqbel għal miegħu.” Allura, Alla ġiegħel lil Adam jorqod fil-fond, u ħadlu kustilja u għamel mara. Ġeħova ħa l-mara għand Adam, u saret martu. (Ġen. 2:20-24) Bħalma nistgħu naraw, iż-żwieġ hu għotja, jiġifieri rigal, mingħand Ġeħova. Ħafna snin wara, Ġesù rripeta dak li Ġeħova kien qal fil-ġnien tal-Għeden: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn ikunu ġisem wieħed.” (Mt. 19:4, 5) Minħabba li Alla ħa kustilja minn Adam biex joħloq lill-ewwel mara, il-koppja żgur li rrealizzat li huma maħluqin għal xulxin. Ġeħova qatt ma ried li raġel u mara miżżewġin jiddivorzjaw jew li jkun hemm iktar minn sieħeb jew sieħba waħda fl-istess ħin. w16.08 1:1, 2
Il-Ħadd, 11 taʼ Frar
“Ġesù telaq minn hemmhekk biex jgħallem u jippriedka fil-bliet tagħhom.”—Mt. 11:1.
Ġesù mhux dejjem tkellem maʼ folol taʼ nies. Spiss tkellem maʼ individwi, u għamel dan bil-ħlewwa. Pereżempju, hu kellu konversazzjoni interessanti maʼ mara li marret biex timla l-ilma minn bir ħdejn il-belt taʼ Sikar. (Ġw. 4:5-30) Ġesù tkellem ukoll maʼ Mattew Levi, kollettur tat-taxxi, u stiednu jkun dixxiplu tiegħu. Mattew aċċetta u aktar tard stieden lil Ġesù u oħrajn għal ikla ġewwa daru. Hemmhekk, Ġesù tkellem maʼ ħafna nies. (Mt. 9:9; Lq. 5:27-39) Ġesù tkellem ukoll bil-ħlewwa maʼ Natanjel, avolja Natanjel kien qal affarijiet negattivi dwar in-nies minn Nazaret. Minħabba l-mod ħelu taʼ kif Ġesù tkellem miegħu, Natanjel biddel il-mod taʼ kif kien iħossu dwar Ġesù, li kien minn Nazaret. U Natanjel ried jitgħallem iktar minn Ġesù. (Ġw. 1:46-51) Mill-eżempju taʼ Ġesù nitgħallmu li meta nitkellmu man-nies bil-ħlewwa u l-qalb tajba, x’aktarx li se jkunu iktar lesti jisimgħu dak li għandna x’ngħidu. Meta nħarrġu lil dawk ġodda jitkellmu b’dan il-mod, se jieħdu pjaċir fil-ministeru saħansitra iktar. w16.08 4:7-9
It-Tnejn, 12 taʼ Frar
Il-mara m’għandhiex tinfired minn żewġha; u r-raġel m’għandux jitlaq lil martu.—1 Kor. 7:10, 11.
Meta problemi serji ma jiġux solvuti, xi koppji għandhom mnejn jiddeċiedu li jisseparaw jew jiddivorzjaw. Xi koppji għandhom mnejn iħossu li l-problemi tagħhom tant huma diffiċli li jkollhom jisseparaw. Madankollu, Ġesù wera kemm hi serja s-separazzjoni meta rripeta dak li Alla kien qal oriġinarjament dwar iż-żwieġ, u mbagħad żied jgħid: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mt. 19:3-6; Ġen. 2:24) Allura, Ġeħova jrid li l-miżżewġin jibqgħu flimkien. (1 Kor. 7:39) Kulħadd irid jiftakar li rridu nagħtu rendikont tal-azzjonijiet tagħna lil Ġeħova. Dan jistaʼ jgħinna nsolvu l-problemi qabel ma jsiru iktar serji. w16.08 2:10, 11
It-Tlieta, 13 taʼ Frar
“Tħallix il-ħażen jirbħek.”—Rum. 12:21.
Irridu nkunu b’sebaʼ għajnejn il-ħin kollu. Għala? L-għadu tagħna għandu mnejn jattakkana meta ma nkunux qed nistennewh jew meta nkunu dgħajfa. Jekk nibqgħu niġġieldu kontra l-ħażen, nistgħu nirbħu! Madankollu, jekk ma nibqgħux għassa u nieqfu niġġieldu, imbagħad Satana, id-dinja tiegħu, u d-dgħufijiet tagħna jistgħu jegħlbuna. Għalhekk qatt taqtaʼ qalbek. Tkunx skuraġġit u tħalli jdejk jintelqu ’l isfel! (1 Pt. 5:9) Sabiex nirbħu, irridu niftakru għala qed nissieltu. Qed nagħmlu hekk għax irridu l-approvazzjoni u l-barka t’Alla. Ebrej 11:6 jgħid: “Min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” Li nfittxu lil Ġeħova bil-ħeġġa jfisser li rridu naħdmu iebes ħafna jekk irridu l-approvazzjoni tiegħu.—Atti 15:17. w16.09 2:4, 5
L-Erbgħa, 14 taʼ Frar
“Agħmlu kollox għall-glorja t’Alla.”—1 Kor. 10:31.
Il-Bibbja hija gwida prattika li tistaʼ tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin li se jonoraw lil Alla. Xorta waħda, dak li nilbsu se juri xi preferenzi persunali għandna. L-istili li nħobbu u l-ħwejjeġ li naffordjaw jistgħu jkunu differenti minn dawk taʼ ħaddieħor. Imma l-ħwejjeġ tagħna għandhom ikunu dejjem puliti, nodfa, modesti, addattati għall-okkażjoni, u aċċettabbli lokalment. Mhuwiex dejjem faċli li nsibu ħwejjeġ modesti u addattati. Ħafna ħwienet ibigħu biss ħwejjeġ tal-moda popolari. Għalhekk, għandu mnejn jieħu iktar ħin u sforz biex insibu dbielet, qomos, u lbiesi jew biex nagħżlu ġlekkijiet u qliezet li ma jkunux issikkati żżejjed. Imma ħutna rġiel u nisa se jinnotaw u japprezzaw l-isforzi tagħna biex nilbsu ħwejjeġ attraenti u addattati. Is-sagrifiċċji li għandna mnejn inkunu għamilna biex nilbsu b’mod li jagħti glorja lil Missierna tas-sema kollu mħabba, mhuma xejn ħdejn is-sodisfazzjon li jkollna meta nagħtu glorja lilu. w16.09 3:15, 16
Il-Ħamis, 15 taʼ Frar
“Hu qed jifrex it-tramuntana fuq il-vojt, idendel l-art fuq ix-xejn.”—Ġob 26:7.
Meta tuża eżempji, tkun qed tħalli lit-tfal jużaw l-immaġinazzjoni tagħhom. Dan se jgħinhom biex jaħsbu dwar il-lezzjoni li tkun qed tgħallimhom, biex jifhmuha iktar ċar, u biex jibqgħu jiftakruha. Huma se jieħdu pjaċir jitgħallmu wkoll. Tistaʼ tuża eżempji biex tgħallem lil uliedek li kulma tgħid il-Bibbja hu tajjeb. Pereżempju, tistaʼ taqra l-iskrittura tal-lum. Kif tistaʼ turihom li din l-iskrittura kienet ispirata? Tistaʼ jew sempliċiment tgħidilhom il-fatti, jew aħjar minn hekk, tgħinhom jużaw l-immaġinazzjoni. Int tkun tistaʼ tispjega li n-nies fi żmien Ġob għandhom mnejn ma emmnux li l-art qed iżżomm fuq ix-xejn fl-ispazju. Huma kienu jafu li kwalunkwe oġġett, bħal ballun jew ġebla, għandu jistrieħ fuq xi ħaġa. F’dak iż-żmien, ħadd ma kien għadu ta prova li l-art kienet qed iżżomm fuq ix-xejn, ladarba ma kien hemm ebda teleskopju jew vettura spazjali. Il-lezzjoni hi li avolja l-Bibbja ilha li nkitbet, dejjem hi tajba għax ġejja minn Ġeħova.—Neħ. 9:6. w16.09 5:9, 12
Il-Ġimgħa, 16 taʼ Frar
Eżerċita l-fidi f’qalbek.—Rum. 10:9.
Meta jkollna l-fidi f’Ġeħova u f’Ġesù, aħna mhux sempliċement inkunu nafu dwar x’għamlu u x’se jagħmlu għalina. Aħna jkollna wkoll xewqa kbira li ngħixu skont kif għallmuna ngħixu. U aħna ħerqanin li ngħinu oħrajn ħalli huma wkoll isiru jafuhom. Biex ingawdu ħajja bla tmiem fid-dinja l-ġdida t’Alla, hemm bżonn li mhux biss ikollna l-fidi imma wkoll li nibqgħu nżommuha b’saħħitha. Il-fidi hi bħal pjanta. Għandna bżonn nibqgħu nsaqqu l-pjanta biex b’hekk tibqaʼ f’saħħitha u tkompli tikber. Imma jekk ma nagħtuhiex biżżejjed ilma, il-pjanta tidbiel u tmut. Bl-istess mod, irridu nagħmlu ċert li l-fidi tagħna tibqaʼ ‘f’saħħitha’ u tkompli “tikber.”—Titu 2:2; 2 Tess. 1:3; Lq. 22:32; Ebr. 3:12. w16.10 4:4, 5
Is-Sibt, 17 taʼ Frar
Lilhom l-uffiċjal prinċipali tal-palazz tahom ismijiet oħrajn. Lil Danjel tah l-isem taʼ Beltesassar.—Dan. 1:7.
Meta Danjel u l-ħbieb tiegħu kienu eżiljati f’Babilonja, il-Babiloniżi pprovaw jisforzawhom biex jaċċettaw il-kultura u r-reliġjon tagħhom. Kif? Huma għallmuhom “l-ilsien tal-Kaldin” u tawhom ismijiet Babiloniżi. (Dan. 1:3-7) L-isem il-ġdid taʼ Danjel irrefera għal Bel, l-alla prinċipali taʼ Babilonja. Mela hu possibbli li s-Sultan Nebukadnessar ried iġiegħel lil Danjel jemmen li l-alla taʼ Babilonja kellu iktar qawwa mill-Alla taʼ Danjel, Ġeħova. (Dan. 4:8) F’Babilonja, Danjel ġie offrut l-ikel mill-aqwa tas-sultan. Imma hu kien “deċiż f’qalbu” li ma kienx se jikser il-liġi t’Alla. (Dan. 1:8) Minħabba li kompla jistudja l-kotba mqaddsa, li kienu bl-Ebrajk, hu żamm ir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova b’saħħitha waqt li għex f’art barranija. (Dan. 9:2) Fil-fatt, madwar 70 sena wara li kien mar Babilonja, hu xorta kien għadu magħruf bl-isem Ebrajk tiegħu, Danjel.—Dan. 5:13. w16.10 2:7, 8
Il-Ħadd, 18 taʼ Frar
“Kulfejn l-ispirtu kien iqanqalhom imorru, huma kienu jmorru.”—Eżek. 1:20.
Ġesù ilu sa mill-1919 juża lill-“ilsir leali u għaqli” biex jgħin lin-nies t’Alla jifhmu x’tgħallem il-Bibbja u jsegwu dak li tgħid. (Mt. 24:45-47) Billi nobdu l-Bibbja, aħna nżommu l-kongregazzjoni nadifa, fil-paċi, u magħquda. Staqsi lilek innifsek, ‘Se nkun leali lejn Ġesù u nsegwi d-direzzjoni tal-ilsir leali?’ Permezz tal-Bibbja nitgħallmu li l-qaddejja taʼ Ġeħova fis-sema huma organizzati wkoll. Pereżempju, Eżekjel ra viżjoni taʼ Ġeħova riekeb fuq karru li setaʼ jimxi b’ħeffa fi kwalunkwe direzzjoni li Ġeħova riedu jmur. (Eżek. 1:4-28) Dalwaqt, Kristu u l-anġli se jeqirdu lil din id-dinja mill-agħar. Ħadd iżjed mhu se jiddiżonora lil Ġeħova u lil ismu jew jikkritika l-mod kif imexxi! w16.11 3:9, 10
It-Tnejn, 19 taʼ Frar
Inkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-jum.—Ebr. 10:25.
L-istess bħas-segwaċi taʼ Ġesù fl-ewwel seklu, aħna niltaqgħu flimkien biex nitgħallmu u niġu inkuraġġiti. (1 Kor. 14:31) Anke dawk li ilhom jaqdu lil Ġeħova għal ħafna żmien għandhom bżonn jiġu inkuraġġiti. Aħseb f’Ġożwè. Meta l-Iżraelin kienu waslu biex imorru fl-Art Imwiegħda, Ġeħova għażel lil Ġożwè biex imexxihom. Biss, Ġeħova qal lil Mosè biex jinkuraġġih avolja Ġożwè kien qeda lil Ġeħova għal ħafna snin. Ġeħova qallu: “Inkariga lil Ġożwè u inkuraġġih u saħħu, għaliex hu dak li se jaqsam quddiem dan il-poplu u dak li se jġegħelhom jirtu l-art li se tara int.” (Dt. 3:27, 28) Ġożwè kellu bżonn jiġi inkuraġġit, għax iktar tard il-ġens kien se jiġġieled ħafna battalji u anke jitlef minn tal-inqas waħda. (Ġoż. 7:1-9) Illum, aħna nistgħu ninkuraġġixxu lill-anzjani u lill-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet li jaħdmu bla heda biex jieħdu ħsieb il-poplu t’Alla.—1 Tess. 5:12, 13. w16.11 1:12, 13
It-Tlieta, 20 taʼ Frar
“Ħa nurik il-ġudizzju fuq il-prostituta l-kbira li qiegħda bil-qiegħda fuq ħafna ilmijiet.”—Riv. 17:1.
L-Istudenti tal-Bibbja fehmu li ma kienx biżżejjed għalihom li jgħidu lill-familja, lill-ħbieb tal-qalb, u lill-membri tal-knisja li huma m’għadhomx jappoġġjaw ir-reliġjon falza. Huma riedu lid-dinja kollha tkun taf li Babilonja l-Kbira hija prostituta reliġjuża! Allura bejn Diċembru 1917 u l-bidu tal-1918, il-ftit eluf taʼ Studenti tal-Bibbja b’żelu qassmu 10,000,000 kopja taʼ fuljett li kien fih artiklu jismu “The Fall of Babylon” (Il-waqgħa taʼ Babilonja). Dal-fuljett bla biżaʼ rrivela l-verità dwar il-Kristjaneżmu. Bħalma tistaʼ timmaġina, il-mexxejja tal-knisja kienu fferoċjati! Imma l-Istudenti tal-Bibbja ma waqfux. Kienu determinati li jibqgħu jippritkaw u jobdu “lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.” (Atti 5:29) Dan x’jurina? Jurina li matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, dawn il-Kristjani rġiel u nisa ma kinux deħlin fil-jasar; minflok, huma kienu fil-fatt qed jinħelsu mir-reliġjon falza u kienu qed jgħinu lil oħrajn jagħmlu l-istess. w16.11 5:2, 4
L-Erbgħa, 21 taʼ Frar
“Dawk li huma f’armonija mal-laħam jixħtu moħħhom fuq l-affarijiet tal-laħam, imma dawk li huma f’armonija maʼ l-ispirtu fuq l-affarijiet taʼ l-ispirtu.”—Rum. 8:5.
Xi wħud jaħsbu li Pawlu kien qed jiddeskrivi dawk li ma kinux Kristjani u dawk li kienu. Imma hawnhekk Pawlu kien qed jikteb lill-Kristjani, dawk li kienu “msejħin biex ikunu qaddisin.” (Rum. 1:7) Allura kemm dawk li għexu “skond il-laħam” u kemm dawk li għexu “skond l-ispirtu” kienu Kristjani. F’Rumani 7:5 Pawlu kiteb: “Meta konna f’armonija mal-laħam, il-passjonijiet midinbin li nkixfu mil-Liġi kienu qed jaħdmu fil-membri taʼ ġisimna.” Hawnhekk Pawlu spjega li n-nies li jgħixu “f’armonija mal-laħam” huma dawk li jkunu ffokati fuq u jsegwu x-xewqat midinba tagħhom, u li jagħmlu kulma jridu. w16.12 2:5, 7
Il-Ħamis, 22 taʼ Frar
“Hieni hu dak li l-irvell tiegħu nħafirlu.”—Salm 32:1.
Xi drabi n-nies ikunu ansjużi minħabba xi żbalji li għamlu fil-passat. Kultant, is-Sultan David ħassu megħlub minħabba l-iżbalji tiegħu. Hu stqarr: “Għajjatt minħabba l-krib taʼ qalbi.” (Salm 38:3, 4, 8, 18) F’din is-sitwazzjoni, David għamel xi ħaġa għaqlija. Hu fada fil-ħniena u l-maħfra taʼ Ġeħova. (Salm 32:2, 3, 5) Drabi oħra, forsi tkun ansjuż dwar il-preżent. Pereżempju, meta David kiteb Salm 55, kien qed jibżaʼ li jinqatel. (Salm 55:2-5) Xorta waħda, ma ħalliex l-ansjetà teqridlu l-fiduċja tiegħu f’Ġeħova. David talab bil-qalb lil Ġeħova biex jgħinu fil-problemi tiegħu, imma kien jaf li kien importanti wkoll li jagħmel xi ħaġa dwar is-sitwazzjoni tiegħu. (2 Sam. 15:30-34) Int tistaʼ titgħallem lezzjoni minn David. Minflok ma tħalli l-ansjetà tirkbek, agħmel dak li tistaʼ biex issolvi l-problema u afda f’Ġeħova li se jieħu ħsiebek. w16.12 3:14, 15
Il-Ġimgħa, 23 taʼ Frar
“Jien dnibt kontra Ġeħova.”—2 Sam. 12:13.
David aċċetta l-korrezzjoni minn Natan, il-profeta taʼ Ġeħova. Ukoll, David talab lil Ġeħova u stqarr dnubietu. B’hekk wera li verament ried li jerġaʼ jkollu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. (Salm 51:1-17) Minflok ma ħassu maħkum minn ħtijietu, David tgħallem mill-iżbalji tiegħu. Qatt ma reġaʼ għamel dawn id-dnubiet serji. Snin wara, hu miet bħala raġel leali, u proprju hekk jiftakru Ġeħova. (Ebr. 11:32-34) X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ David? Jekk nagħmlu dnub serju, jeħtieġ li nindmu sinċerament, nistqarru dnubna maʼ Ġeħova, u nitolbu għall-maħfra tiegħu. (1 Ġw. 1:9) Ukoll, ikollna bżonn inkellmu lill-anzjani għax huma jistgħu jgħinuna nirranġaw ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. (Ġak. 5:14-16) Meta naċċettaw l-għajnuna taʼ Ġeħova, nuru li nafdaw fil-wegħda tiegħu li jaħfrilna. Flimkien maʼ dan, jeħtieġ li nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u nkomplu naqdu lil Ġeħova b’fiduċja.—Ebr. 12:12, 13. w17.01 1:13, 14
Is-Sibt, 24 taʼ Frar
Żomm lura lill-qaddej tiegħek minn atti prużuntużi.—Salm 19:13.
X’inhu att taʼ prużunzjoni? Dan hu meta nagħmlu xi ħaġa li m’għandna l-ebda dritt jew awtorità li nagħmlu, forsi għax aħna bla paċenzja jew kburin. Ilkoll kemm aħna xi drabi għamilna xi ħaġa bi prużunzjoni għax aħna imperfetti. Imma bħalma nitgħallmu mill-eżempju tas-Sultan Sawl, jekk din issir drawwa, Ġeħova mhux se jieħu pjaċir. Salm 119:21 jgħid li Ġeħova se ‘jċanfar lill-prużuntużi.’ Għala jagħmel hekk? L-ewwel nett, jekk nagħmlu xi ħaġa bi prużunzjoni, se nkunu qed nuru diżrispett lejn Ġeħova, l-Alla u l-Mexxej tagħna. It-tieni, meta nagħmlu affarijiet li m’għandniex l-awtorità li nagħmlu, x’aktarx se jkollna argumenti u nuqqas taʼ qbil maʼ nies oħra. (Prov. 13:10) U t-tielet, nistgħu nidhru stupidi meta oħrajn jindunaw li għamilna xi ħaġa bi prużunzjoni. (Lq. 14:8, 9) Nistgħu naraw biċ-ċar għala Ġeħova jridna nkunu modesti. w17.01 3:4, 5
Il-Ħadd, 25 taʼ Frar
“Huma, min-naħa tagħhom, aġixxew b’mod mill-agħar. M’humiex uliedu, id-difett hu tagħhom stess.”—Dt. 32:5.
Adam ma setax ikompli jimita l-kwalitajiet taʼ Ġeħova perfettament. Hu tilef futur meraviljuż mhux biss għalih imma wkoll għal uliedu. Hu setaʼ jagħtihom biss l-imperfezzjoni, id-dnub, u l-mewt. (Rum. 5:12) Adam ħadilhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem. Adam u Eva ma setgħux ikollhom tfal perfetti, u lanqas uliedhom ma setaʼ jkollhom tfal perfetti. Minn meta Satana dawwar lil Adam u Eva kontra Alla, ix-Xitan ipprova jinfluwenza lil kull uman biex jagħmel l-istess. (Ġw. 8:44) Ġeħova xorta baqaʼ jħobb lill-bnedmin. Għalkemm Adam u Eva abbandunawh, hu xorta ried li l-bnedmin ikollhom relazzjoni tajba miegħu. U hu ma ried l-ebda wieħed minnhom imut. (2 Pt. 3:9) Għalhekk, Alla immedjatament għamel arranġamenti ħalli l-bnedmin setaʼ jerġaʼ jkollhom ħbiberija miegħu.—Ġw. 3:16. w17.02 1:12-14
It-Tnejn, 26 taʼ Frar
“L-għerf qiegħed maʼ dawk li jikkonsultaw flimkien.”—Prov. 13:10.
Se nkunu iktar modesti meta nfittxu t-tajjeb f’oħrajn, bħalma jagħmel Ġeħova. Minflok ma dejjem nipprovaw niġbdu l-attenzjoni lejna jew ngħidu lil oħrajn x’għandhom jagħmlu, se nsaqsuhom għal pariri u nkunu lesti naċċettaw l-ideat tagħhom. Aħna nkunu ferħanin għal ħutna rġiel u nisa meta jirċievu inkarigi speċjali. U nirringrazzjaw lil Ġeħova li jħalli lil kull wieħed u waħda minna jaqdih. (1 Pt. 5:9) Ukoll, meta nitgħallmu naraw l-affarijiet mill-ħarsa taʼ Ġeħova, inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbuh. Hekk kif nistudjaw, nitolbu, u napplikaw dak li nitgħallmu, il-kuxjenza tagħna se tissaħħaħ. (1 Tim. 1:5) Aħna nitgħallmu npoġġu lil oħrajn qabilna. Jekk nagħmlu dawn l-affarijiet, Ġeħova jwegħedna li se ‘jtemm it-taħriġ tagħna,’ u dan jinkludi li jgħinna nkunu iktar modesti.—1 Pt. 5:10. w17.01 4:17, 18
It-Tlieta, 27 taʼ Frar
“L-anzjani li jippresiedu bl-aħjar mod ħa jitqiesu li huma denji t’unur doppju, speċjalment dawk li jaħdmu iebes biex jitkellmu u jgħallmu l-kelma t’Alla.”—1 Tim. 5:17.
Ħutna rġiel u nisa jistħoqqilhom l-unur u r-rispett tagħna. Dan hu speċjalment minnu għal aħwa rġiel li qed jieħdu t-tmexxija, bħall-anzjani, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, il-membri tal-Kumitati tal-Fergħa, u l-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna. Kollha kemm huma jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-poplu t’Alla, u l-Bibbja tirreferi għalihom bħala “rġiel bħala għotjiet.” (Efes. 4:8) Allura, hi x’inhi n-nazzjonalità, l-edukazzjoni, il-qagħda soċjali jew finanzjarja tagħhom, jagħmel sens li nonorawhom u nirrispettawhom. Il-Kristjani tal-bidu ħallewlna eżempju tajjeb. Huma onoraw lill-irġiel li kienu jmexxu, u aħna nagħmlu l-istess illum. Meta nkunu maʼ dawn l-irġiel, ma nittrattawhomx bħallikieku huma anġli, jiġifieri, sovrumani. Imma aħna nirrispettawhom u nonorawhom għax-xogħol iebes u l-umiltà tagħhom.—2 Kor. 1:24; Riv. 19:10. w17.03 1:13
L-Erbgħa, 28 taʼ Frar
“Għala ssejjaħli tajjeb? Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.”—Mk. 10:18.
Erodi Agrippa I, li sar il-mexxej tal-Lhudija, kellu attitudni ferm differenti minn dik taʼ Ġesù. Darba, f’laqgħa speċjali, Erodi libes ilbies irjali impressjonanti ferm u li jiswa ħafna flus. Meta n-nies rawh u semgħuh, huma għajtu: “Dan leħen t’alla, mhux taʼ bniedem!” Erodi kien iħobb it-tifħir. Imma “minnufih l-anġlu taʼ Ġeħova ħabat għalih, għax ma tax il-glorja lil Alla; u ttiekel mid-dud u miet.” (Atti 12:21-23) Ovvjament, Ġeħova ma kienx għażel lil Erodi biex ikun mexxej. Madankollu, Ġesù ta prova li Alla kien għażlu, u hu kontinwament onora lil Ġeħova bħala l-Mexxej Suprem tal-poplu Tiegħu. Ġeħova ried li Ġesù jkun Mexxej għal iktar minn ftit snin biss. Wara li rxoxta, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Lili ngħatat kull awtorità fis-sema u fuq l-art.” Hu żied: “U, ara, jien magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.”—Mt. 28:18-20. w17.02 3:20, 21