Marzu
Il-Ħamis, 1 taʼ Marzu
“Keċċew lil Ġefta.”—Mħ. 11:2.
Minħabba li ħut Ġefta kienu għajjurin u kienu jobogħduh, ġegħluh jitlaq mill-art li legalment kienet tiegħu. (Mħ. 11:1-3) Madankollu, meta x-xjuħ tal-ġens talbuh bil-ħrara biex jgħinhom, hu għamel dan minnufih. (Mħ. 11:4-11) Għal Ġefta, li jiġġieled għal isem Ġeħova u l-poplu Tiegħu kien iktar importanti mis-sentimenti personali tiegħu. Hu kien determinat li jkun leali lejn Ġeħova. Din l-attitudni rriżultat f’barka mingħand Ġeħova, kemm għalih innifsu u kemm għall-Iżraelin. (Ebr. 11:32, 33) Se nitgħallmu aħna mill-eżempju taʼ Ġefta? X’se nagħmlu jekk ħutna l-Kristjani jiddiżappuntawna jew jekk inħossu li mhux qed jittrattawna sew? M’għandniex inħallu s-sentimenti mweġġgħin tagħna jwaqqfuna milli naqdu lil Ġeħova. Qatt m’għandna nieqfu nattendu l-laqgħat Kristjani jew inqattgħu ħin mal-aħwa tal-kongregazzjoni. Ejja nimitaw lil Ġefta u nobdu lil Ġeħova. Dan se jgħinna negħlbu sitwazzjonijiet diffiċli, u b’hekk anki aħna nkunu eżempju tajjeb għal ħaddieħor.—Rum. 12:20, 21; Kol. 3:13. w16.04 1:7, 9, 10
Il-Ġimgħa, 2 taʼ Marzu
“Ma naqtgħux qalbna.”—2 Kor. 4:1.
Aħna għandna nissaportu, mhux biss għal perijodu taʼ żmien, imma sal-aħħar. Immaġina vapur li qed jegħreq. Sabiex il-passiġġieri jsalvaw għandhom jgħumuha sax-xatt. L-individwu li jaqtaʼ qalbu wara ftit li jibda jgħum se jegħreq. B’mod simili, l-individwu li jaqtaʼ qalbu eżatt qabel jasal ix-xatt se jegħreq ukoll. Jekk irridu ngħixu fid-dinja l-ġdida, hemm bżonn li nkomplu nissaportu. Ejja jkollna l-istess attitudni bħal dik tal-appostlu Pawlu, li qal biex “ma naqtgħux qalbna.” (2 Kor. 4:16) Bħal Pawlu, aħna konvinti għall-aħħar li Ġeħova se jgħinna nissaportu sal-aħħar. Pawlu kiteb: “Qed noħorġu rebbiħin għalkollox permezz taʼ dak li ħabbna. Għax jien konvint li la l-mewt, la l-ħajja, la l-anġli, la l-gvernijiet, la l-affarijiet t’issa, la l-affarijiet li għad iridu jiġu, la l-qawwiet, la l-għoli u lanqas il-fond, u l-ebda ħolqien ieħor ma jistaʼ jifridna mill-imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.”—Rum. 8:37-39. w16.04 2:17, 18
Is-Sibt, 3 taʼ Marzu
Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, ħa jibqaʼ jitlob lil Alla, u jingħatalu.—Ġak. 1:5.
Itlob lil Ġeħova għall-għerf biex tagħraf sitwazzjoni li tistaʼ tagħmilhielek diffiċli biex tibqaʼ newtrali. U itolbu biex jgħinek tagħmel l-aħjar ħaġa f’dik is-sitwazzjoni. Għandu mnejn tintbagħat il-ħabs jew tiġi kkastigat b’mod ieħor minħabba li tkun leali lejn Ġeħova. Jekk jiġri hekk, itlob għall-kuraġġ ħalli tkun tistaʼ tispjega lil oħrajn b’mod ċar għala int newtrali. Int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jgħinek tissaporti. (Atti 4:27-31) Ġeħova jistaʼ jsaħħaħna permezz tal-Bibbja. Immedita fuq versi li se jgħinuk tibqaʼ newtrali. Ipprova tgħallem bl-amment dawn il-versi, għax se jgħinuk f’każ li xi darba ma jkollokx Bibbja miegħek. Barra minn hekk, il-Bibbja tistaʼ ssaħħaħ it-tama tiegħek f’dak li jgħid Alla dwar il-futur. Għandna bżonn din it-tama biex nissaportu l-persekuzzjoni. (Rum. 8:25) Agħżel versi li jiddeskrivu dak li b’mod partikulari tixtieq tgawdi fid-dinja l-ġdida, u immaġina lilek innifsek hemm. w16.04 4:14, 15
Il-Ħadd, 4 taʼ Marzu
“Irċivejtu b’xejn, agħtu b’xejn.”—Mt. 10:8.
Il-membri tal-kleru tal-Kristjaneżmu mhumiex qed jippritkaw dwar is-Saltna t’Alla. Jekk forsi jitkellmu dwar is-Saltna, ħafna minnhom jgħidu li hi xi ħaġa fil-qalb. (Lq. 17:21) Huma ma jgħallmux lin-nies li s-Saltna hi gvern fis-sema mmexxi minn Ġesù. Minflok, huma ġeneralment jitkellmu dwar Ġesù fil-Milied jew fl-Għid. Huma ma jispjegawx li s-Saltna se ssolvi l-problemi kollha tal-umanità u li dalwaqt se tneħħi l-ħażen kollu mid-dinja. (Riv. 19:11-21) Jidher ċar li l-mexxejja tal-Kristjaneżmu ma jafux x’ħa jagħmel Ġesù bħala Sultan tas-Saltna t’Alla. Ma jifhmux il-għala għandhom jippritkaw. Id-dixxipli taʼ Ġesù m’għandhomx jippritkaw biex jagħmlu l-flus jew biex jibnu bini li jimpressjona. L-ippritkar m’għandux ikun bħal negozju. (2 Kor. 2:17) Id-dixxipli taʼ Ġesù m’għandhomx jitolbu flus għall-ippritkar li jagħmlu.—Atti 20:33-35. w16.05 2:7, 8
It-Tnejn, 5 taʼ Marzu
“Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.”—1 Kor. 10:24.
Ejja ngħidu li int vera jogħġbok ċertu stil taʼ lbies, imma taf li wħud fil-kongregazzjoni jistgħu jitfixklu jekk inti tilbes hekk. Barra minn hekk, il-Bibbja ma ssemmi xejn dwar dan l-istil speċifiku. Allura kif tistaʼ tkun taf x’jaħseb Ġeħova? Il-Bibbja tgħidilna li n-nisa għandhom “jiżżejnu bi lbies adattat, bil-modestja u b’moħħ f’loku, mhux bi stili taʼ xagħar immaljat u deheb jew perli jew ħwejjeġ li jiswew ħafna flus, imma bil-mod li jixraq lil nisa li jgħidu li jqimu lil Alla.” (1 Tim. 2:9, 10) Ovvjament, kull qaddej taʼ Ġeħova, inkluż l-irġiel, jistgħu jitgħallmu minn dan il-kliem. Meta nkunu modesti, aħna naħsbu kif ħaddieħor jistaʼ jħossu dwar il-ħwejjeġ li nagħżlu biex nilbsu. U għax inħobbu lil ħutna, aħna nevitaw li nfixkluhom.—1 Kor. 10:23; Flp. 3:17. w16.05 3:14
It-Tlieta, 6 taʼ Marzu
“O Ġeħova, int Missierna. Aħna t-tafal, u int il-Fuħħari tagħna; u aħna lkoll xogħol idejk.”—Is. 64:8.
Meta Adam irribella kontra l-Ħallieq tiegħu, hu ma baqax bin Alla. Minkejja dan, ħafna mid-dixxendenti taʼ Adam għażlu lil Ġeħova bħala l-Mexxej tagħhom. (Ebr. 12:1) Billi b’mod umli obdew lill-Ħallieq tagħhom, huma wrew li jridu lilu, mhux lil Satana, biex ikun Missierhom u l-Fuħħari tagħhom. (Ġw. 8:44) Il-lealtà tagħhom lejn Alla tfakkarna fil-kliem tal-iskrittura tal-lum. Bl-istess mod, il-qaddejja veri taʼ Ġeħova llum jistinkaw biex ikunu umli u ubbidjenti. Huma jikkunsidrawh unur li jsejħu lil Ġeħova, Missierhom, u huma jriduh li jkun il-Fuħħari tagħhom. Lesti aħna li nkunu bħal tafal artab li Alla jistaʼ jifforma f’reċipjent prezzjuż? Naraw aħna lil kull ħu u oħt bħala li għadhom qed jiġu msawra minn Alla? w16.06 1:2, 3
L-Erbgħa, 7 taʼ Marzu
“Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-fidi.”—2 Kor. 13:5.
Illum il-ġurnata, aħna ninsabu qrib ħafna tad-dinja l-ġdida, u l-fidi tagħna qed tgħaddi minn prova. Allura, irridu neżaminaw il-kwalità tal-fidi tagħna. Kif nistgħu nkunu ċerti li hi b’saħħitha? Nistgħu neżaminaw il-kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 6:33. Saqsi lilek innifsek: ‘Il-miri u d-deċiżjonijiet tiegħi juru biċ-ċar li tassew nemmen kliem Ġesù? Se nitlef il-laqgħat jien jew ma noħroġx fis-servizz biex naqlaʼ iktar flus? X’se nagħmel jekk l-impjieg tiegħi jitlob iktar mill-ħin u l-enerġija tiegħi? Se nħalli din id-dinja ssawwarni u forsi twaqqafni milli naqdi lil Ġeħova?’ Jekk ma nsegwux dak li tgħid il-Bibbja dwar il-ħbiberiji ħżiena, il-qtugħ mis-sħubija, jew id-divertiment, qalbna tistaʼ tibbies. X’għandek tagħmel jekk jibda jiġrilek hekk? B’mod urġenti jkollok teżamina l-fidi tiegħek! Kun onest miegħek innifsek, u uża l-Kelma t’Alla regolarment biex tikkoreġi l-mod kif taħseb. w16.06 2:8, 9
Il-Ħamis, 8 taʼ Marzu
“Il-wieħed ċkejken isir elf, u ż-żgħir ġens setgħan.”—Is. 60:22.
Madwar id-dinja, hemm organizzazzjoni magħmula minn nies li jħobbu lil Ġeħova u li jridu jaqduh. Dawk in-nies huma x-Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm jonqsu lil xulxin u jieħdu żbalji, Ġeħova jiggwida lin-nies tiegħu bl-ispirtu qaddis tiegħu. Fl-1914, kien hemm vera ftit nies li kienu qed iqimu lil Ġeħova. Imma Ġeħova bierek l-ippritkar. B’hekk, miljuni tgħallmu l-veritajiet tal-Bibbja u saru x-Xhieda tiegħu. Ġeħova ddeskriva dan it-tkabbir tal-għaġeb meta qal il-kliem tal-iskrittura tal-lum u żied jgħid: “Jien innifsi, Ġeħova, se ngħaġġlu f’waqtu.” Illum, nistgħu naraw b’mod ċar li l-profezija tiegħu twettqet. In-nies taʼ Ġeħova huma bħal nazzjon kbir. Fil-fatt, hemm ħafna nazzjonijiet madwar id-dinja b’popolazzjoni iżgħar minn kemm hawn Xhieda taʼ Ġeħova. w16.06 4:1, 2
Il-Ġimgħa, 9 taʼ Marzu
Ma tiswewx intom iktar mill-għasafar tas-sema?—Mt. 6:26.
Ġesù ma kellux dubju li jekk Missieru jieħu ħsieb lill-għasafar, hu kien se jieħu ħsieb lin-nies ukoll. (1 Pt. 5:6, 7) Ovvjament, bħall-għasafar, aħna ma rridux inkunu għażżenin. Għandna naħdmu biex inkabbru l-prodotti tal-ikel tagħna jew biex naqilgħu biżżejjed flus ħalli nixtruh. Ġeħova jbierek l-isforzi tagħna. U meta ma jkollniex biżżejjed flus jew ikel, xorta jipprovdilna dak li għandna bżonn. Pereżempju, oħrajn jistgħu jaqsmu milli għandhom magħna. Ġeħova jipprovdi wkoll post fejn l-għasafar jistgħu jgħixu. Hu tahom l-abbiltà biex jibnu l-bejtiet tagħhom, u hu għamel l-affarijiet li l-għasafar jużaw biex jibnuhom. Bl-istess mod, Ġeħova jistaʼ jgħinna nsibu post xieraq fejn il-familja tagħna tistaʼ tgħix. Meta Ġesù qal il-kliem li jinsab fl-iskrittura tal-lum, aktarx li ħaseb dwar kif dalwaqt kien se jagħti ħajtu għall-umanità kollha. (Lq. 12:6, 7) Ġesù ma mietx għall-għasafar jew għal xi annimal ieħor. Hu miet għalina biex inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem.—Mt. 20:28. w16.07 1:11-13
Is-Sibt, 10 taʼ Marzu
“Id-dnub m’għandux jiddominakom, ladarba m’intomx taħt il-liġi imma taħt il-qalb tajba mhix mistħoqqa.”—Rum. 6:14.
Għala nidinbu u mmutu? Il-Bibbja tgħid li “bin-nuqqas taʼ bniedem wieħed il-mewt saltnet.” Għalhekk, peress li aħna ġejjin minn Adam, aħna imperfetti u mmutu. (Rum. 5:12, 14, 17) Madanakollu, xorta nistgħu nagħżlu li ma nkunux maħkumin, jew kontrollati, mid-dnub. Dan kif inhu possibbli? Meta nuru fidi fis-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, inkunu nistgħu nibbenefikaw mill-qalb tajba u ġeneruża taʼ Ġeħova. (Rum. 5:20, 21) Għalkemm għadna midinbin, m’għandniex għalfejn inħallu d-dnub isaltan fuqna. Allura meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, nitolbu lil Ġeħova għall-maħfra. Għalhekk, kif nistgħu nibbenefikaw mill-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla? Pawlu qal: “Il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla . . . tgħallimna nwarrbu dak kollu li hu kontra r-rieda t’Alla u x-xewqat tad-dinja u ngħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-sistema.”—Titu 2:11, 12. w16.07 3:5, 6
Il-Ħadd, 11 taʼ Marzu
Alla ħadha għand ir-raġel.—Ġen. 2:22.
L-ewwel żwieġ tkisser meta Adam u Eva m’obdewx lil Ġeħova. “Is-serp oriġinali,” Satana x-Xitan, qarraq b’Eva u qalilha li meta tiekol il-frott “mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin” kien se jingħatalha għarfien speċjali. Satana qal li kieku kellha tiekol mis-siġra, dan kien se jippermettilha tiddeċiedi bejn x’inhu tajjeb u ħażin. Eva ma wrietx rispett lejn Adam bħala l-kap tal-familja meta ddeċidiet biex tiekol mill-frott. Hi qabdet u għamlet dan mingħajr ma tkellmet miegħu. U Adam m’obdiex ’l Alla meta aċċetta l-frott mingħand martu. (Riv. 12:9; Ġen. 2:9, 16, 17; 3:1-6) Meta Ġeħova staqsiehom x’ġara, Adam waħħal f’martu. Mill-banda l-oħra, Eva waħħlet fis-serp li qarraq biha. (Ġen. 3:12, 13) Adam u Eva taw raġunijiet fjakki għad-diżubbidjenza li wrew, u Ġeħova ġġudika lil dawn ir-ribelli. Fil-fatt, l-eżempju tagħhom hu taʼ twissija għalina! Biex żwieġ ikun taʼ suċċess, l-irġiel u n-nisa għandhom jobdu lil Ġeħova u jieħdu r-responsabbiltà tal-azzjonijiet tagħhom stess. w16.08 1:1, 4, 5
It-Tnejn, 12 taʼ Marzu
“Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mt. 19:6.
Xi koppji għala jesperjenzaw problemi serji? Għal xi wħud, iż-żwieġ tagħhom ma kienx dak li kienu qed jittamaw għalih, u b’hekk iħossuhom iddiżappuntani jew irrabjati. Spiss, il-problemi jinqalgħu minħabba d-differenzi fil-mod kif in-nies ikunu trabbew jew fil-mod kif jaġixxu emozzjonalment. Diffikultajiet mal-kunjati jew xi nuqqas taʼ qbil dwar kif jonfqu l-flus jew kif irabbu t-tfal, jistgħu wkoll jikkaġunaw problemi. Madankollu, ikun tajjeb li ninnotaw li l-maġġorparti tal-koppji Kristjani qed isibu soluzzjonijiet għall-problemi tagħhom għax iħallu ’l Alla jiggwidahom. Meta jkun hemm problemi serji, il-miżżewġin għandhom jitolbu l-għajnuna tal-anzjani. Dawn l-irġiel għandhom ħafna esperjenza u jkunu jistgħu jgħinu koppja biex tapplika l-pariri t’Alla fiż-żwieġ. U meta l-miżżewġin jitolbu għall-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, dan jistaʼ jgħinhom japplikaw prinċipji Bibliċi u juru kwalitajiet Kristjani.—Gal. 5:22, 23. w16.08 2:11-13
It-Tlieta, 13 taʼ Marzu
“Minn issa ’l quddiem tibda taqbad nies ħajjin.”—Lq. 5:10.
Ġesù kellu ħafna x’jagħmel fil-ministeru. Imma meta n-nies kienu lesti li jisimgħuh, hu qattaʼ l-ħin magħhom u għallimhom ħafna affarijiet. Pereżempju, ġurnata minnhom, folla nies inġabret max-xatt biex tismaʼ lil Ġesù. Għalhekk, Ġesù ħareġ fuq dgħajsa maʼ Pietru u għallem lin-nies minn hemm. Wara dan, hu ried jagħti lezzjoni lil Pietru wkoll. Ġesù għamel miraklu billi pprovda ammont kbir taʼ ħut li Pietru setaʼ jaqbad. Imbagħad, hu qal lil Pietru l-kliem tal-iskrittura tal-lum. Minnufih, Pietru u dawk taʼ miegħu “abbandunaw kollox” u marru wara Ġesù. (Lq. 5:1-11) Nikodemu wkoll ried jitgħallem iktar mingħand Ġesù. Imma peress li Nikodemu kien membru tas-Sinedriju, hu kien beżgħan dwar x’setgħu jgħidu oħrajn jekk jarawh ikellem lil Ġesù. Għalhekk, hu mar għand Ġesù billejl. Ġesù ma bagħtux ’l hemm imma minflok qattaʼ l-ħin miegħu u spjegalu veritajiet importanti. (Ġw. 3:1, 2) Ġesù kien dejjem lest biex juża l-ħin tiegħu ħalli jgħallem lin-nies il-verità u jsaħħaħ il-fidi tagħhom. B’mod simili, irridu nkunu lesti mmorru għand in-nies fil-ħin addattat għalihom, u rridu nqattgħu l-ħin magħhom biex ngħinuhom jifhmu l-Bibbja. w16.08 4:10, 11
L-Erbgħa, 14 taʼ Marzu
Kun modest fil-mixi tiegħek m’Alla.—Mik. 6:8.
Aħna nirrikonoxxu bil-modestja li Ġeħova hu pur u qaddis u li l-livelli tiegħu huma l-aqwa gwida għalina. Jekk irridu nkunu modesti u umli, se nsegwu l-livelli tiegħu f’ħajjitna. Il-modestja se tgħinna nirrispettaw is-sentimenti u l-opinjonijiet t’oħrajn. Il-ħwejjeġ tagħna għandhom juru b’mod ċar ħafna li aħna l-qaddejja taʼ Ġeħova. Hu għandu livelli għoljin, u aħna ferħanin li nsegwuhom. Ħutna rġiel u nisa inġenerali huma taʼ min ifaħħarhom għad-dehra u l-kondotta tajba tagħhom. Dan jgħin lin-nies sinċieri biex jinġibdu lejn il-messaġġ tal-Bibbja li jsalva l-ħajjiet u jigglorifikaw u jferrħu lil Ġeħova. w16.09 3:18-20
Il-Ħamis, 15 taʼ Marzu
“Int bqajt tissara m’Alla u mal-bnedmin sakemm sa fl-aħħar ħriġt rebbieħ.”—Ġen. 32:28.
Ġakobb kien vera determinat u ta prova li kien se jaħdem iebes ħafna għal barka! (Ġen. 32:24-26) Ġeħova bierek lil Ġakobb talli ppersista u tah l-isem Iżrael, li jfisser “Wieħed li Jissara, jew Jippersevera, m’Alla.” Ġakobb irċieva l-premju li aħna wkoll qed nippersistu għalih—l-approvazzjoni u l-barka taʼ Ġeħova. Rakele, il-mara għażiża taʼ Ġakobb, kienet ħerqana biex tara kif Ġeħova kien se jżomm il-wegħda tiegħu li jbierek in-nisel taʼ żewġha. Imma Rakele ma setax ikollha tfal. Fi żminijiet Bibliċi, dan il-fatt kien inikket bil-kbir lin-nisa. Rakele kif baqgħet tippersevera, jew tippersisti, minkejja s-sitwazzjoni skuraġġanti tagħha? Hi qatt ma qatgħet qalbha. Minflok, hi baqgħet tissara billi talbet iktar u iktar lil Ġeħova. Hu sema’ t-talb sinċier taʼ Rakele, u hi ħassitha mbierka meta fl-aħħar kellha t-tfal.—Ġen. 30:8, 20-24. w16.09 2:6, 7
Il-Ġimgħa, 16 taʼ Marzu
“Il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar.”—Ebr. 4:12.
Hu importanti li ngħallmu lit-tfal tagħna li l-iktar li se jkunu ferħanin hu meta jobdu dak li tgħid il-Bibbja. (Salm 1:1-3) Pereżempju, tistaʼ titlob lit-tfal tiegħek biex jimmaġinaw li se jgħixu fuq gżira ’l bogħod. Huma se jkollhom bżonn jagħżlu xi nies biex jgħixu magħhom. Imbagħad tkun tistaʼ ssaqsi, “X’tip taʼ nies tieħu miegħek jekk trid li kulħadd jibqaʼ ħabib sew?” Imbagħad fl-aħħar tkun tistaʼ taqra Galatin 5:19-23 biex tara t-tip taʼ nies li jrid Ġeħova fid-dinja l-ġdida. B’dan il-mod, int tistaʼ tgħallem lil uliedek żewġ lezzjonijiet importanti. L-ewwel, Ġeħova qed jgħallimna kif ngħixu ħajja ferħana issa u jkollna l-paċi m’oħrajn. It-tieni, hu qed jgħallimna kif ngħixu fid-dinja l-ġdida. (Is. 54:13; Ġw. 17:3) Lit-tfal tiegħek tistaʼ turihom ukoll kif il-Bibbja għenet lil ħutna. Pereżempju, sib bijografija mill-pubblikazzjonijiet tagħna, forsi mis-serje “Il-Bibbja tbiddel il-ħajjiet” li tidher fit-Torri tal-Għassa. w16.09 5:13, 14
Is-Sibt, 17 taʼ Marzu
“Użaw il-ħin bl-aħjar mod.”—Efes. 5:16.
Għalkemm għandu mnejn ikollna ħafna x’nagħmlu bir-responsabbiltajiet tal-kongregazzjoni u tax-xogħol, ilkoll għandna bżonn nagħmlu ħin għall-istudju personali u għall-qima bħala familja. (Efes. 5:15) Il-mira tagħna m’għandhiex tkun sempliċement li naqraw ħafna paġni jew li nippreparaw kumment għal-laqgħa. Il-mira tagħna għandha tkun li nħallu l-Kelma t’Alla teffettwana u ssaħħilna l-fidi. Għandna nżommu bilanċ. Meta nistudjaw, ma rridux naħsbu biss dwar il-bżonn taʼ ħaddieħor imma wkoll dwar il-bżonn tagħna stess. (Flp. 1:9, 10) Għandna nifhmu li meta nippreparaw għall-ministeru, għal-laqgħat, jew għal xi taħdita, ma jfissirx neċessarjament li se napplikaw dak li naqraw għalina nfusna. Pereżempju, għalkemm kok irid iduq l-ikel li jsajjar qabel ma jservih, ma jistax jgħix biss bl-ikel li jduq. Jekk irid jibqaʼ f’saħħtu, għandu jipprepara regolarment ikel sustanzjuż għalih. B’mod simili, jekk irridu nsaħħu r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova, għandna bżonn nistudjaw il-Bibbja regolarment. Studju fil-fond bħal dan jimla l-bżonn personali tagħna. w16.10 2:10, 11
Il-Ħadd, 18 taʼ Marzu
“Bil-fidi nintebħu li s-sistemi tpoġġew fl-ordni bil-kelma t’Alla, u b’hekk dak li jidher ġie minn affarijiet li ma jidhrux.”—Ebr. 11:3.
F’Ebrej 11:1, il-Bibbja tiddeskrivi x’inhi l-fidi. (1) Il-fidi hi “l-istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom.” L-affarijiet li nittamaw għalihom jinkludu l-wegħdi t’Alla għall-futur. Pereżempju, aħna nafu fiċ-ċert li l-ħażen se jispiċċa u li se jkun hawn dinja ġdida. (2) Il-fidi hi “t-turija evidenti” jew konvinċenti taʼ “realtajiet li ma jidhrux.” Aħna nafu li Alla Ġeħova, Ġesù Kristu, l-anġli, u s-Saltna tas-sema jeżistu, avolja ma nistgħux narawhom. Kif nistgħu nuru li tassew għandna l-fidi fil-wegħdi t’Alla u fl-affarijiet li ma nistgħux naraw? Dan nuruh bil-mod kif ngħixu ħajjitna u b’dak li ngħidu u nagħmlu. w16.10 4:6
It-Tnejn, 19 taʼ Marzu
“Ibqgħu ħeġġu lil xulxin kull jum.”—Ebr. 3:13.
Jekk nagħmlu dan, nimitaw lil Ġeħova u Ġesù. Huma japprezzaw dak kollu li nagħmlu għalihom, anke jekk ma nistgħux nagħmlu kemm nixtiequ. (Lq. 21:1-4; 2 Kor. 8:12) Pereżempju, nafu li jirrikjedi ħafna sforz għal dawk għeżież li huma mdaħħlin fiż-żmien biex jiġu l-laqgħat u joħorġu fil-ministeru regolarment. Ninkuraġġuhom u nfaħħruhom għal dak kollu li jagħmlu? Iva, inkuraġġixxi lil oħrajn spiss kemm jistaʼ jkun. Kull darba li tinduna li xi ħadd ikun għamel xi ħaġa tajba, agħmel ċert li tfaħħru. Meta Pawlu u Barnaba kienu Antjokja tal-Pisidja, il-mexxejja tas-sinagoga qalulhom: “Irġiel, aħwa, jekk għandkom xi kelma taʼ inkuraġġiment għan-nies, għiduha.” Pawlu ħa din l-opportunità biex jinkuraġġixxi lin-nies. (Atti 13:13-16, 42-44) Meta ninkuraġġixxu lil oħrajn, huma x’aktarx se jinkuraġġixxu lilna wkoll.—Lq. 6:38. w16.11 1:3, 15, 16
It-Tlieta, 20 taʼ Marzu
“Għajnejn Ġeħova huma kullimkien, għassa tal-ħżiena u t-tajbin.”—Prov. 15:3.
X’unur dan li nkunu parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u li nkunu nafu x’jistenna minna! M’għandniex xi ngħidu, la nafu x’jogħġob lil Alla, aħna għandna r-responsabbiltà li nobduh u nagħmlu dak li hu sew. U għalkemm ħafna nies iħobbu jagħmlu affarijiet ħżiena, għandna ‘nobogħdu dak li hu ħażin,’ bħalma jagħmel Ġeħova. (Salm 97:10) M’għandna qatt inkunu bħal dawk li jaħsbu li “t-tajjeb hu ħażin u l-ħażin hu tajjeb.” (Is. 5:20) Aħna rridu nogħġbu lil Ġeħova, allura aħna determinati li nkunu nodfa b’kull mod. (1 Kor. 6:9-11) Dak li Ġeħova jgħidilna fil-Bibbja hu għall-ġid tagħna stess. Aħna nħobbuh u rridu nkunu leali lejh. Għalhekk insegwu l-gwida tiegħu fid-dar, fil-kongregazzjoni, fuq ix-xogħol, l-iskola, jew kull fejn nistgħu nkunu. w16.11 3:13
L-Erbgħa, 21 taʼ Marzu
“Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri.”—Rum. 13:1.
L-istudenti tal-Bibbja kienu sinċieri. Imma fis-snin taʼ bejn l-1914 u l-1919, huma ma kinux fehmu bis-sħiħ x’kien ifisser meta Ġeħova qal biex jobdu l-gvernijiet. Dan hu għala bħala grupp, huma mhux dejjem kienu newtrali matul il-gwerra. Pereżempju, meta l-president tal-Istati Uniti qal lin-nies biex jitolbu għall-paċi fit-30 taʼ Mejju 1918, It-Torri tal-Għassa inkuraġġixxa lill-Istudenti tal-Bibbja biex jitolbu wkoll. Xi aħwa taw sapport finanzjarju għall-gwerra, u xi ftit minnhom saħansitra saru suldati u marru għall-gwerra. Imma allavolja kellhom bżonn ftit korrezzjoni, hu ħażin li naħsbu li din kienet ir-raġuni għala kienu fil-jasar taʼ Babilonja l-Kbira. Il-ħaġa hi, li huma kienu kważi sseparaw ruħhom kompletament mill-imperu dinji taʼ reliġjon falza fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija.—Lq. 12:47, 48. w16.11 5:9
Il-Ħamis, 22 taʼ Marzu
Aħna nimxu skond l-ispirtu u mhux skond il-laħam.—Rum. 8:4.
Pawlu għala wissa lill-Kristjani midlukin kontra li jgħixu “f’armonija mal-laħam”? U għala kull Kristjan illum għandu bżonn din it-twissija? Dan għaliex kwalunkwe qaddej leali t’Alla jistaʼ jibda jagħmel ix-xewqat tiegħu l-ħaġa prinċipali f’ħajtu. Pereżempju, Pawlu kiteb li xi aħwa rġiel f’Ruma kienu lsiera “taʼ żaqqhom stess.” B’dan forsi ried ifisser li s-sess, l-ikel, jew pjaċiri oħra kienu l-iktar affarijiet importanti f’ħajjithom. (Rum. 16:17, 18; Flp. 3:18, 19; Ġuda 4, 8, 12) U għal xi żmien, kien hemm sitwazzjoni fil-kongregazzjoni taʼ Korintu fejn ħu kien qed ikollu relazzjoni immorali mal-“mara taʼ missieru.” (1 Kor. 5:1) B’mod ċar, dawk il-Kristjani tal-bidu kellhom bżonn it-twissija taʼ Pawlu dwar li jgħixu “f’armonija mal-laħam.” (Rum. 8:5, 6) Din it-twissija tgħodd għal-lum ukoll. w16.12 2:5, 8, 9
Il-Ġimgħa, 23 taʼ Marzu
“L-ansjetà f’qalb il-bniedem ittaqqalha, imma l-kelma t-tajba tferraħha.”—Prov. 12:25.
Komunikazzjoni onesta u bil-miftuħ maʼ xi ħadd li tafda tistaʼ tgħinek meta tħossok ansjuż. Ir-raġel jew il-mara tiegħek, ħabib jew ħabiba tal-qalb, jew xi anzjan fil-kongregazzjoni jistaʼ jgħinek tifhem is-sitwazzjoni tiegħek aħjar. Il-Bibbja tgħid ukoll: “Il-pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali, imma jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-pariri.” (Prov. 15:22) Il-laqgħat tal-kongregazzjoni wkoll jgħinuna nnaqqsu l-ansjetajiet tagħna. Fil-laqgħat taʼ kull ġimgħa, int tkun fil-kumpanija taʼ ħutek, li jimpurtahom minnek u jridu jinkuraġġuk. (Ebr. 10:24, 25) ‘Inkuraġġiment lil xulxin’ bħal dan se jsaħħek u jagħmilhielek iżjed faċli biex tegħleb kwalunkwe ansjetà.—Rum. 1:12. w16.12 3:17, 18
Is-Sibt, 24 taʼ Marzu
Ħanna bdiet titlob lil Ġeħova.—1 Sam. 1:10.
Meta jkollna problemi taʼ saħħa jew diffikultajiet oħra li ma nistgħux inbiddlu, aħna għandna nitfgħu l-ansjetà tagħna fuq Ġeħova u nafdaw li hu jimpurtah minna. (1 Pt. 5:6, 7) Ukoll, aħna għandna nagħmlu dak li nistgħu biex nibbenefikaw mil-laqgħat Kristjani u laqgħat oħra li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tipprovdi. (Ebr. 10:24, 25) Xi ngħidu dwar ġenituri leali li t-tfal tagħhom waqfu jaqdu lil Ġeħova? Il-profeta Samwel ma setax jisforza lil uliedu subien adulti biex jibqgħu leali lejn Alla. (1 Sam. 8:1-3) Kellu jħalli l-kwistjoni f’idejn Ġeħova. Madankollu, Samwel għamel dak li setaʼ biex jibqaʼ leali lejn Alla u jogħġob lil Missieru tas-sema. (Prov. 27:11) Illum, ħafna ġenituri Kristjani jinsabu f’sitwazzjoni simili. Huma fiduċjużi li Ġeħova hu dejjem lest jilqaʼ lura lil midinbin li jindmu. (Lq. 15:20) Sadanittant, il-ġenituri jistgħu jiffokaw fuq li jibqgħu leali lejn Ġeħova, u jittamaw li l-eżempju tagħhom se jimmotiva lil uliedhom biex jerġgħu lura għandu. w17.01 1:15, 16
Il-Ħadd, 25 taʼ Marzu
B’umiltà qisu lill-oħrajn superjuri għalikom.—Flp. 2:3.
Persuna umli ġeneralment tkun ukoll modesta. Din tagħraf il-limiti tagħha, u b’umiltà tammetti l-iżbalji. Hi lesta tismaʼ l-ideat t’oħrajn u titgħallem minnhom. Persuna umli togħġob bil-kbir lil Ġeħova. Il-Bibbja turi li persuna modesta taf lilha nfisha u tagħraf li hemm xi affarijiet li ma tistax jew m’għandhiex permess tagħmel. Dan jgħinha tirrispetta u tittratta lil oħrajn b’qalb tajba. Madankollu, nistgħu nibdew naħsbu b’mod prużuntuż saħansitra mingħajr ma nindunaw. Dan kif jistaʼ jiġri? Għandu mnejn nibdew inħossuna iktar importanti minn oħrajn għax aħna jew dawk li nafu sew għandhom ċerti responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. (Rum. 12:16) Jew nistgħu nibdew niġbdu wisq attenzjoni lejna nfusna. (1 Tim. 2:9, 10) Nistgħu saħansitra nibdew ngħidu lil oħrajn x’għandhom jew x’m’għandhomx jagħmlu.—1 Kor. 4:6. w17.01 3:6-8
It-Tnejn, 26 taʼ Marzu
“Is-sbuħija taʼ l-irġiel żgħażagħ hija l-qawwa tagħhom, u l-ġmiel taʼ l-irġiel xjuħ hu x-xagħar griż.”—Prov. 20:29.
Illum, ix-xogħol tal-ippritkar qed ikompli jikber, u l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova qed tuża teknoloġija moderna biex tilħaq lil kemm jistaʼ jkun nies bl-aħbar tajba. Imma kultant jistaʼ jkun diffiċli għal dawk avvanzati fl-età biex jitgħallmu modi ġodda taʼ kif jagħmlu l-affarijiet. (Lq. 5:39) Ukoll, huwa normali li n-nies tonqsilhom ftit mill-enerġija u s-saħħa hekk kif jikbru. Għalhekk, min-naħa tagħhom huwa taʼ mħabba u prattiku meta jħarrġu wħud iżgħar biex jieħdu iktar responsabbiltà fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. (Salm 71:18) Mhux dejjem faċli għal dawk li għandhom l-awtorità biex jiddelegaw ix-xogħol lil uħud iżgħar minnhom. Il-ħsieb li jitilfu l-inkarigu li tant iħobbu jistaʼ jnikkithom. Jew jistgħu jinkwetaw li jekk ma jidderiġux ix-xogħol huma, mhux se jsir kif suppost. Forsi jħossu li m’għandhomx ħin biex iħarrġu lil oħrajn. Fl-istess waqt, irġiel iżgħar iridu jkunu paċenzjużi meta ma jingħatawx iktar responsabbiltà. w17.01 5:3, 4
It-Tlieta, 27 taʼ Marzu
“B’att wieħed taʼ ġustifikazzjoni r-riżultat għall-bnedmin taʼ kull xorta hu li jiġu dikjarati ġusti għall-ħajja.”—Rum. 5:18.
Ġesù sar raġel perfett, l-istess bħalma kien Adam. (Ġw. 1:14) Imma b’differenza għal Adam, Ġesù mexa skont il-livelli li Ġeħova stenna minn raġel perfett. Anke fl-iktar provi kbar, hu qatt ma kiser xi liġi t’Alla. Peress li miet bħala raġel perfett, Ġesù setaʼ jsalva lill-bnedmin mid-dnub u l-mewt. Hu kkorrisponda bl-eżatt maʼ dak kollu li suppost kellu jkun Adam. Ġesù kien raġel perfett, leali għalkollox u ubbidjenti lejn Alla. (1 Tim. 2:6) Hu miet għalina, u s-sagrifiċċju tiegħu jagħti lill-irġiel, lin-nisa, u lit-tfal kollha l-opportunità li jgħixu għal dejjem. (Mt. 20:28) Il-fidwa hi l-mezz li jagħmilha possibbli li l-iskop t’Alla jitwettaq.—2 Kor. 1:19, 20. w17.02 1:15, 16
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 9 taʼ Nisan) Ġwanni 12:12-19; Marku 11:1-11
L-Erbgħa, 28 taʼ Marzu
“Għall-ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta.”—Ebr. 12:2.
Immaġina li qiegħed f’nofs mina twila u mudlama. Għandek mnejn titħasseb dwar jekk hux se terġaʼ tara d-dawl. Il-ħajja tistaʼ tkun bħal dan il-vjaġġ. Għandu mnejn ikollok tgħaddi minn ħafna żminijiet diffiċli, u forsi tkun tħossok mifni bil-problemi tiegħek. Anki Ġesù setaʼ ħassu b’dan il-mod. Meta kien qed jiġi maqtul fuq iz-zokk tat-tortura, kien umiljat u muġugħ ħafna. Dan żgur li kien l-iktar żmien diffiċli għalih! X’għenu jissaporti? Il-Bibbja tgħid li hu ħares lejn il-“ferħ li tqiegħed quddiemu.” (Ebr. 12:3) Ġesù ffoka fuq il-premjijiet li kienu se jiġu jekk jibqaʼ jissaporti. L-iktar importanti għalih kien li se jkollu parti f’li jqaddes isem Alla u f’li jappoġġja d-dritt Tiegħu li jmexxi. Hu kien jaf li l-prova kienet temporanja u li l-premju tiegħu fis-sema kien se jdum għal dejjem. Illum, il-provi li tiffaċċja għandhom mnejn iħalluk bla nifs u jkunu taʼ wġigħ, imma ftakar li huma biss temporanji. w16.04 2:10
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 10 taʼ Nisan) Ġwanni 12:20-50
Il-Ħamis, 29 taʼ Marzu
B’Ġesù għandna l-ħelsien bil-fidwa permezz taʼ demmu, iva, il-maħfra tan-nuqqasijiet tagħna.—Efes. 1:7.
Illum il-ġurnata, ħafna nies ma jħossuhomx ħatjin meta jidinbu, allura ma jifhmux għala n-nies għandhom bżonn fidwa. Huma ma jafux x’inhu d-dnub, kif jeffettwana, u xi rridu nagħmlu biex ninħelsu mill-jasar tad-dnub. Ladarba jifhmu x’inhu d-dnub, in-nies sinċieri jkunu grati li jitgħallmu li Ġeħova bagħat lil Ibnu lejn l-art biex jeħlisna mid-dnub u l-mewt. Ġeħova għamel dan minħabba l-imħabba kbira u l-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu. (1 Ġw. 4:9, 10) Is-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa hu l-akbar prova taʼ kemm Alla jħobbna u jurina kemm hi kbira l-qalb tajba mhix mistħoqqa Tiegħu. Hu taʼ serħan il-moħħ meta nitgħallmu li jekk nuru fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, dnubietna se jinħafrulna u se jkollna kuxjenza nadifa! (Ebr. 9:14) Dan żgur li hu aħbar tajba biex naqsmu m’oħrajn! w16.07 4:6, 7
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 11 taʼ Nisan) Luqa 21:1-36
Il-Ġimgħa, 30 taʼ Marzu
Kristu kisbilna ħelsien taʼ dejjem.—Ebr. 9:12.
Ġeħova jassigurana li peress li għandna fidi fil-fidwa, dnubietna ‘jitħassrulna.’ Hu jistaʼ jaħfrilna dnubietna kompletament. (Atti 3:19-21) Il-fidwa tagħmilha possibbli għal Ġeħova biex jadotta xi bnedmin ħalli jsiru wliedu fis-sema. Dawn huma l-midlukin. (Rum. 8:15-17) Hu jistieden lil dawk li huma min-“nagħaġ oħrajn” biex ikunu parti mill-familja tiegħu fuq l-art. Wara li jkunu saru perfetti, se jkun hemm l-aħħar prova. Jekk ikunu leali lejn Ġeħova, hu jadottahom bħala wliedu wkoll. (Rum. 8:20, 21; Riv. 20:7-9) Ġeħova dejjem se jħobb lil uliedu kollha. Il-fidwa se tkompli ġġib barkiet għal dejjem. Ġeħova tana din l-għotja prezzjuża, u ħadd ma jistaʼ jiħodhielna. w17.02 2:15, 16
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 12 taʼ Nisan) Mattew 26:1-5, 14-16; Luqa 22:1-6
Data tat-Tifkira
wara nżul ix-xemx
Is-Sibt, 31 taʼ Marzu
“Jekk xi ħadd jidneb, għandna ajjutant mal-Missier, lil Ġesù Kristu.”—1 Ġw. 2:1.
Ġeħova kien il-Wieħed li ra t-tajjeb fik u riedek issir tafu. Hu kien jaf ukoll li kellek nuqqasijiet u dgħufijiet u li kont se tiżbalja. Imma Ġeħova xorta riedek tkun il-ħabib tiegħu. Ġeħova tant ħabbna li tana rigal prezzjuż. Hu bagħat lil Ibnu fuq l-art ħalli b’hekk Ġesù setaʼ jagħti ħajtu bħala fidwa għal dnubietna. (Ġw. 3:16) Meta niżbaljaw, nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jaħfrilna. U minħabba l-fidwa, nistgħu nkunu ċerti li se jaħfrilna u li xorta nistgħu nkunu l-ħbieb tiegħu avolja aħna imperfetti!—1 Tim. 1:15. w16.05 4:6, 7
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 13 taʼ Nisan) Mattew 26:17-19; Marku 14:12-16; Luqa 22:7-13 (Ġrajjiet wara nżul ix-xemx: 14 taʼ Nisan) Ġwanni 13:1-5; 14:1-3