April
Il-Ħadd, 1 t’April
“Lilkom li darba kontu mbegħdin u għedewwa għax moħħkom kien fuq għemejjel mill-agħar, issa jerġaʼ jħabbibkom bil-ġisem fiżiku taʼ dak il-wieħed permezz taʼ mewtu.”—Kol. 1:21, 22.
Jekk in-nies ma jurux fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù, Alla jqishom bħala għedewwa. Għalhekk, għandna r-responsabbiltà li ngħidulhom li jistgħu jsiru l-ħbieb t’Alla. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Min jeżerċita l-fidi fl-Iben għandu l-ħajja taʼ dejjem; min ma jobdix lill-Iben ma jarax il-ħajja, imma l-korla t’Alla tibqaʼ fuqu.” (Ġw. 3:36) Nistgħu nkunu ferħanin li s-sagrifiċċju taʼ Kristu jagħmilha possibbli biex insiru l-ħbieb t’Alla. (2 Kor. 5:18-20) Aħna nieħdu sehem f’li ngħallmu verità spiritwali lin-nies, u ngħinuhom ikollhom relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova. Din tal-aħħar hi parti importanti mix-xogħol tal-ippritkar tagħna. w16.07 4:8-10
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 14 taʼ Nisan) Ġwanni 19:1-42
It-Tnejn, 2 t’April
“Ħa jitqaddes ismek.”—Mt. 6:9.
L-ewwel u qabel kollox, Ġesù talab ħalli l-isem taʼ Ġeħova jiġi mqaddes, jew trattat bħala qaddis. Peress li Ġeħova hu qaddis, kulma jagħmel u kull liġi li jagħmel hi qaddisa. Imma fl-Għeden, Satana b’makakkerija qajjem dubju dwar id-dritt t’Alla li jistabbilixxi livelli għall-bnedmin. Hu gideb dwar Ġeħova u attakka l-isem t’Alla, jew ir-reputazzjoni tiegħu. (Ġen. 3:1-5) Ġesù, mill-banda l-oħra, verament ħabb l-isem taʼ Ġeħova u għamel kulma setaʼ biex iqaddsu. (Ġw. 17:25, 26) Kif? Bl-imġiba u t-tagħlim tiegħu, Ġesù għen oħrajn jaraw li l-livelli taʼ Ġeħova huma tajbin u li dak kollu li jistenna minna huwa għall-ġid tagħna stess. (Salm 40:8-10) Billi kien leali lejn Missieru tas-sema sal-mewt, Ġesù ta prova li huwa possibbli għal bniedem perfett li jobdi lil Ġeħova għalkollox. w17.02 2:2-4
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 15 taʼ Nisan) Mattew 27:62-66 (Ġrajjiet wara nżul ix-xemx: 16 taʼ Nisan) Ġwanni 20:1
It-Tlieta, 3 t’April
Lill-Ħaruf ikunu l-unur u l-glorja.—Riv. 5:13.
“Il-Ħaruf” imsemmi f’Rivelazzjoni 5:13 hu Ġesù Kristu. Kif nafu? Meta kien fuq l-art, Ġesù kien imsejjaħ “il-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.” (Ġw. 1:29) Liema sultan ieħor qatt kien lest li jmut minn jeddu bħala fidwa għas-sudditi tiegħu? Din ċertament hi raġuni tajba biex nonorawh. Ġesù jistħoqqlu unur għax “hu s-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien.” (1 Tim. 6:14-16) Forsi tħossok bħalma jħossuhom il-ħlejjaq fis-sema li jkantaw: “Il-Ħaruf li nqatel jistħoqqlu li jirċievi l-qawwa u r-rikkezzi u l-għerf u s-saħħa u l-unur u l-glorja u l-barka.” (Riv. 5:12) Meta nagħżlu li nonoraw lil Ġesù u lil Missieru, aħna jistaʼ jkollna ħajja taʼ dejjem.—Salm 2:11, 12; Ġw. 5:23. w17.03 1:3, 4
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 16 taʼ Nisan) Ġwanni 20:2-18
L-Erbgħa, 4 t’April
Jekk se tiħduni lura, insir il-kap tagħkom!—Mħ. 11:9.
Ġefta kien jaf sew l-istorja tal-Iżrael u l-Liġi li Alla ta lil Mosè. Il-mod kif Ġeħova ttratta lill-poplu Tiegħu għallmu l-livelli t’Alla dwar dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. (Mħ. 11:12-27) Ġefta uża dan l-għarfien f’ħajtu meta ħa deċiżjonijiet. Hu kien jaf eżattament kif Ġeħova ħassu dwar ir-rabja u t-tpattija u kif Alla jrid lin-nies Tiegħu jħobbu lil xulxin. Iżjed minn hekk, il-Liġi għallmitu kif jittratta lil oħrajn, anki lil dawk li kienu jobogħduh. (Eżo. 23:5; Lev. 19:17, 18) L-eżempju taʼ Ġużeppi aktarx għen lil Ġefta. Hu setaʼ ra kif Ġużeppi wera ħniena maʼ ħutu għalkemm kienu jobogħduh. (Ġen. 37:4; 45:4, 5) Li jimmedita dwar dan l-eżempju għandu mnejn għen lil Ġefta biex jirreaġixxi b’mod li jogħġob lil Ġeħova. Ħut Ġefta weġġgħuh ħafna b’dak li għamlulu. Imma hu kien determinat li jkun leali lejn Ġeħova.—Mħ. 11:1-3. w16.04 1:8, 9
Il-Ħamis, 5 t’April
Ħa nagħtu kas xulxin u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien.—Ebr. 10:24, 25.
In-nies taʼ Ġeħova dejjem ħarsu ’l quddiem biex ikunu flimkien. Eżatt wara li l-kongregazzjoni Kristjana ġiet ifformata, is-segwaċi taʼ Ġesù “kienu jqattgħu ħafna ħin fit-tempju.” (Atti 2:46) Naturalment, int ukoll aktarx tħares ’il quddiem biex tattendi l-laqgħat. Imma bħall-kumplament taʼ ħutek irġiel u nisa, int għandek mnejn issibha diffiċli biex tattendi l-laqgħat b’mod regulari. Forsi għandek bżonn taħdem ħafna sigħat jew għandek ħafna x’tagħmel jew dejjem tħossok għajjien. Meta napprezzaw il-laqgħat, dan jimmotivana nagħmlu minn kollox biex nattendu. Veru, xi wħud minn ħutna rġiel u nisa ma jistgħux jattendu l-laqgħat b’mod regulari minħabba ċirkustanzi li m’għandhomx kontroll fuqhom. Pereżempju, għandu mnejn ikunu morda ħafna. L-anzjani jistgħu jgħinu lil dawn biex jisimgħu l-laqgħat, forsi billi jgħinuhom jagħmlu kollegament bit-telefown jew billi jirrekordjawlhom il-laqgħat. w16.04 3:3
Il-Ġimgħa, 6 t’April
“Agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-dinja.”—Ġw. 16:33.
Nistgħu nibqgħu newtrali billi naħsbu dwar l-eżempji taʼ qaddejja leali taʼ Ġeħova. Ħafna wħud fiż-żmien tal-Bibbja kellhom kuraġġ, u ħadu deċiżjonijiet għaqlin li għenuhom jibqgħu newtrali. Aħseb dwar Sidrak, Mesak, u Għabednego, li rrifjutaw iqimu statwa li kienet tirrappreżenta t-tmexxija politika taʼ Babilonja. (Dan. 3:16-18) Ir-rakkont tal-Bibbja jgħin lil ħafna Xhieda llum biex ikunu kuraġġużi u biex jirrifjutaw li jqimu l-bandiera tal-pajjiż taʼ fejn jgħixu. Ġesù ma ndaħalx fil-politika jew kwistjonijiet oħra li kienu jifirdu lin-nies. Hu kien jaf li l-eżempju tajjeb tiegħu setaʼ jgħin lid-dixxipli tiegħu. Hu qal: “Agħmlu kuraġġ!” L-aħwa rġiel u nisa fil-kongregazzjoni tiegħek jistgħu jgħinuk tibqaʼ newtrali. Barra minn hekk, jekk xi membri tal-kongregazzjoni jkunu jafu x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek, ikunu jistgħu jinkuraġġuk. Itlobhom biex jitolbu għalik. Imma aħna wkoll għandna nappoġġaw lil ħutna u nitolbu għalihom.—Mt. 7:12. w16.04 4:16, 18
Is-Sibt, 7 t’April
“Niesek se joffru lilhom infushom minn rajhom.”—Salm 110:3.
Jiġbru flus ix-Xhieda taʼ Ġeħova fis-Swali tas-Saltna jew fil-konvenzjonijiet tagħhom? Le! Ix-xogħol tagħhom hu appoġġat minn donazzjonijiet volontarji. (2 Kor. 9:7) Madankollu fl-2015, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qattgħu kważi żewġ biljun siegħa jippritkaw l-aħbar tajba u kkonduċew iktar minn disaʼ miljun studju tal-Bibbja kull xahar. Huma mhumiex imħallsa talli jippritkaw imma huma ferħanin li jużaw flushom biex jagħmlu dan ix-xogħol. Riċerkatur wieħed qal hekk dwar ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova: “Il-mira prinċipali hi li jippritkaw u jgħallmu.” Hu żied jgħid li x-Xhieda taʼ Ġeħova m’għandhomx kleru li jitħallas. Allura jekk ma nxandrux għall-flus, x’inhu l-mottiv tagħna? Aħna nħobbu lil Ġeħova u lin-nies, u għalhekk nagħmlu dan ix-xogħol mill-qalb. Attitudni bħal din twettaq il-profezija li nsibu fl-iskrittura tal-lum. w16.05 2:9
Il-Ħadd, 8 t’April
“L-għerf li ġej minn fuq hu l-ewwelnett safi, imbagħad iġib il-paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi, mimli ħniena u frott tajjeb.”—Ġak. 3:17.
Il-Bibbja tgħallimna li għandna nevitaw kull divertiment li jistaʼ jġegħelna nimmaġinaw jew nixxennqu għal affarijiet ħżiena jew mhux nodfa. U jekk nifhmu b’mod ċar xi jħobb u x’jobgħod Ġeħova, se jkun iktar faċli għalina biex inkunu nafu liema kotba, films jew logħob se nagħżlu. Ma jkollniex għalfejn nistaqsu lil oħrajn x’għandna nagħmlu. Meta jkollna nieħdu deċiżjoni, ġeneralment hemm diversi għażliet minn fejn nistgħu nagħżlu li se jferrħu lil Ġeħova. Imma meta jkollna nieħdu deċiżjoni importanti ħafna, ikun aħjar jekk nistaqsu anzjan jew xi oħt jew ħu taʼ esperjenza biex jagħtina xi pariri. (Titu 2:3-5; Ġak. 5:13-15) Ċertament, m’għandniex nistaqsu lil din il-persuna biex tieħu deċiżjoni għalina. Minflok, aħna rridu naħsbu sew dwar x’nafu mill-Bibbja u mbagħad nieħdu deċiżjoni għalina. (Ebr. 5:14) L-appostlu Pawlu qal: “Kull wieħed iġorr it-tagħbija [jew ir-responsabbiltà] tiegħu.”—Gal. 6:5. w16.05 3:15, 16
It-Tnejn, 9 t’April
“Kont midgħi u persekutur u raġel insolenti.”—1 Tim. 1:13.
Ġeħova ma jħarisx lejn in-nies bil-mod kif inħarsu lejhom aħna. Minflok, hu jeżamina l-qalb u jara min aħna verament b’mod individwali. (1 Sam. 16:7b) Dan intwera meta Ġeħova fforma l-kongregazzjoni Kristjana. Hu ġibed lejh u lejn Ibnu ħafna nies li oħrajn jistgħu jikkunsidrawhom li ma jiswew għalxejn. (Ġw. 6:44) Pereżempju, persuna minnhom kien Sawl, il-Fariżew, “midgħi u persekutur u raġel insolenti.” Imma Ġeħova eżamina l-qalb taʼ Sawl u ma ħassx li kien bħal tafal li ma jiswa għalxejn. (Prov. 17:3) Minflok, Ġeħova ra li Sawl setaʼ jiġi msawwar fi “strument [jew reċipjent] magħżul” li setaʼ jipprietka “quddiem il-ġnus kif ukoll quddiem slaten u wlied Israel.” (Atti 9:15) Ġeħova għażel ukoll uħud li kienu sakranazzi, immorali, u ħallelin li setgħu jiġu msawra “għal użu onorabbli.” (Rum. 9:21; 1 Kor. 6:9-11) Hekk kif studjaw l-Iskrittura, huma saħħew il-fidi tagħhom f’Ġeħova u ħallewh isawwarhom. w16.06 1:4
It-Tlieta, 10 t’April
“Ara! Bħat-tafal f’id il-fuħħari, hekk intom f’idi.”—Ġer. 18:6.
Biex jgħinna nibqgħu nkunu bħal tafal artab, Alla tana Kelmtu, il-kongregazzjoni Kristjana, u l-ministeru. Meta kuljum naqraw il-Bibbja u nimmeditaw fuqha, dan se jgħinna nkunu bħal tafal artab li jkun faċli biex jinħadem f’idejn Ġeħova. Ġeħova kkmanda lis-slaten tal-Iżrael biex jagħmlu kopja tal-Liġi t’Alla bil-miktub u jaqrawha kuljum. (Dt. 17:18, 19) L-appostli kienu jafu li kien importanti ħafna għall-ministeru tagħhom li jaqraw l-Iskrittura u jimmeditaw fuqha. Huma użaw siltiet mill-Iskrittura Ebrajka mijiet taʼ drabi fil-kitbiet tagħhom, u meta ppritkaw lin-nies, huma inkuraġġewhom jużaw l-Iskrittura wkoll. (Atti 17:11) B’mod simili, aħna wkoll naraw li hu importanti li naqraw il-Kelma t’Alla kuljum u nimmeditaw fuqha. (1 Tim. 4:15) Dan jgħinna nibqgħu umli, u b’hekk Ġeħova jkun jistaʼ jsawwarna. w16.06 2:10
L-Erbgħa, 11 t’April
“B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġw. 13:35.
Fi żminijiet reċenti, il-qaddejja taʼ Ġeħova wrew din l-imħabba għal xulxin anki meta n-nazzjonijiet marru għall-gwerra. Pereżempju, fit-Tieni Gwerra Dinjija, madwar 55 miljun persuna nqatlu. Imma n-nies taʼ Ġeħova ma qatlu lil ħadd f’dik il-gwerra. (Mik. 4:1, 3) Dan għenhom jibqgħu ‘nodfa mid-demm tal-bnedmin kollha.’ (Atti 20:26) In-nies t’Alla komplew jiżdiedu fl-għadd avolja għandhom għadu b’saħħtu, Satana. Hu “l-alla taʼ din is-sistema.” (2 Kor. 4:4) Satana jikkontrolla l-organizzazzjonijiet politiċi taʼ din id-dinja, u anki l-mezzi tax-xandir, u hu juża lil dawn biex jipprova jwaqqaf l-ippritkar tal-aħbar tajba. Imma ma jistax iwaqqaf dan ix-xogħol. Madankollu, Satana jaf li hu ma baqagħlux ħafna ħin, u allura jibqaʼ jipprova jwaqqafna milli nqimu lil Ġeħova.—Riv. 12:12. w16.06 4:3, 4
Il-Ħamis, 12 t’April
“Tgħallmu lezzjoni mill-ġilji tar-rabaʼ.”—Mt. 6:28.
Ġesù fakkar lid-dixxipli tiegħu kif Ġeħova jieħu ħsieb il-ħolqien Tiegħu. Ġesù uża l-eżempju tal-“ġilji tar-rabaʼ.” “Il-ġilji” jistgħu jirreferu għal fjuri bħal gladjola, ġjaċint, iris, u tulipan. L-ebda fjura minn dawn m’għandha bżonn tħit ħwejjeġ għaliha nfisha. Imma tant huma sbieħ il-ġilji li Ġesù qal li “lanqas saħansitra Salamun fil-glorja kollha tiegħu ma kien imżejjen bħal wieħed minnhom”! Aħseb ftit dwar x’qal Ġesù wara: “Jekk Alla jlibbes hekk lill-ħaxix tar-rabaʼ, . . . kemm iktar ilibbes lilkom, intom taʼ fidi żgħira?” (Mt. 6:29, 30) Dażgur li jagħmel hekk! Imma d-dixxipli taʼ Ġesù kellhom bżonn iktar fidi. (Mt. 8:26; 14:31; 16:8; 17:20) Kellhom bżonn jafdaw li Ġeħova jrid jieħu ħsiebhom u li verament se jagħmel dan. Xi ngħidu għalina? Nemmnu li Ġeħova se jieħu ħsiebna? w16.07 1:15, 16
Il-Ġimgħa, 13 t’April
“Bħala prokuraturi mill-aħjar tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla espressa b’diversi modi, aqdu lil xulxin skond l-għotja li rċieva kull wieħed minnkom.”—1 Pt. 4:10.
Ikunu xi jkunu d-diffikultajiet li nħabbtu wiċċna magħhom fil-ħajja, Ġeħova se jagħtina dak li għandna bżonn biex nissaportu. (1 Pt. 1:6) Dejjem se jagħtina eżattament dak li għandna bżonn biex inkampaw maʼ kull prova. Peress li Ġeħova juri din il-qalb tajba b’ħafna modi, aħna nirċievu bosta barkiet. Waħda minn dawn il-barkiet hi li Ġeħova jaħfrilna dnubietna. Grazzi għall-qalb tajba tiegħu, Ġeħova jaħfrilna dnubietna. Imma jagħmel dan biss jekk nindmu u nkomplu niġġieldu kontra x-xewqat midinba tagħna. (1 Ġw. 1:8, 9) Pawlu spjega kif Ġeħova jaħfer id-dnubiet. Hu qal: “[Alla] ħelisna mill-awtorità tad-dlam u daħħalna fis-saltna taʼ l-Iben taʼ mħabbtu, li permezz tiegħu għandna l-ħelsien tagħna bil-fidwa, il-maħfra taʼ dnubietna.” (Kol. 1:13, 14) Tant aħna grati għall-ħniena t’Alla li rridu nfaħħruh. U peress li Ġeħova jaħfrilna dnubietna, nistgħu wkoll nirċievu ħafna barkiet meraviljużi oħra. w16.07 3:7-9
Is-Sibt, 14 t’April
“Hu jisħaqlek rasek.”—Ġen. 3:15.
Minkejja dak li Satana għamel fl-Għeden, Ġeħova għamel ċert li l-umanità jkollha tama għall-futur. Din it-tama tinsab fl-ewwel profezija tal-Bibbja. Alla kien se jibgħat lil xi ħadd minn dak il-grupp taʼ ħlejjaq spirti biex ‘jisħaq’ ix-Xitan. In-nisel kien se jagħmilha possibbli għan-nies ubbidjenti biex igawdu dak li l-ewwel koppja tilfet. In-nies ubbidjenti kien se jkollhom l-opportunità biex jgħixu għal dejjem fuq l-art, eżatt fi qbil mal-iskop taʼ Ġeħova. (Ġw. 3:16) Ir-ribelljoni t’Adam u Eva effettwat bl-ikrah iż-żwieġ tagħhom u ż-żwiġijiet li saru wara. Pereżempju, Eva u d-dixxendenti nisa kollha kien se jkollhom uġigħ kbir waqt it-twelid. In-nisa kien se jkollhom xewqa kbira għall-imħabba u l-attenzjoni taʼ żwieġhom. Imma l-irġiel kienu se jiddominaw lin-nisa tagħhom, kultant anki jabbużaw minnhom fiżikament jew verbalment bħalma naraw illum. (Ġen. 3:16) Ġeħova jistenna li l-irġiel ikunu kapijiet tal-familja li juru mħabba, u Hu jistenna li n-nisa jkunu sottomessi lejn żwieġhom. (Efes. 5:33) Meta koppja Kristjana taħdem flimkien, ħafna problemi jistgħu jiġu evitati. w16.08 1:6, 7
Il-Ħadd, 15 t’April
“Mara, kif taf jekk issalvax lil żewġek? Jew, raġel, kif taf jekk issalvax lil martek?”—1 Kor. 7:16.
Il-Bibbja turi li hemm raġunijiet tajbin għal koppja biex tibqaʼ flimkien anki jekk xi ħadd minnhom mhuwiex jaqdi lil Ġeħova. (1 Kor. 7:12-14) Is-sieħba jew is-sieħeb “jitqaddes” minħabba li jkun miżżewweġ persuna li taqdi ’l Alla. It-tfal żgħar tal-koppja jkunu kkunsidrati “mqaddsin,” u b’hekk ikunu taħt il-protezzjoni t’Alla. Hemm ħafna eżempji tajbin taʼ rġiel u nisa Kristjani li għenu lill-imseħbin tagħhom fiż-żwieġ biex isiru qaddejja taʼ Ġeħova. L-appostlu Pietru jagħti l-parir biex in-nisa Kristjani jkunu sottomessi lejn żwieġhom, “sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-kondotta tan-nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-kondotta safja tagħkom flimkien mar-rispett profond.”—1 Pt. 3:1-4. w16.08 2:14, 15
It-Tnejn, 16 t’April
“Ħobbu lil xulxin mill-qalb bil-ħeġġa kollha.”—1 Pt. 1:22.
Ġeħova jrid lill-qaddejja tiegħu jħobbu lil xulxin bħal aħwa u biex jaqdu lil xulxin. (Lq. 22:24-27) Il-Bibbja tispjega li Ġesù ta kollox, inkluż ħajtu, biex jgħin lil oħrajn. (Mt. 20:28) Dorka “kienet tagħmel ħafna għemejjel tajbin u tagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena.” (Atti 9:36, 39) Marija “tħabtet ħafna” għal ħutha rġiel u nisa f’Ruma. (Rum. 16:6) Kif nistgħu ngħinu lil dawk ġodda jifhmu li huwa importanti ħafna li jagħmlu affarijiet tajbin għal ħuthom irġiel u nisa? Nistgħu nistaqsuhom jiġu magħna meta nżuru wħud kbar fl-età jew dawk li huma morda. U meta l-ġenituri jżuru wħud bħal dawn, jistgħu jieħdu ’l uliedhom magħhom jekk ikun xieraq. L-anzjani jistgħu jistaqsu liż-żgħażagħ jew lil dawk ġodda biex jaħdmu magħhom jekk għandhom bżonn jipprovdu ikel għal uħud kbar fl-età jew jekk għandhom bżonn jagħmlulhom xi tiswijiet fi djarhom. Meta ż-żgħażagħ u l-ġodda jaraw kif l-aħwa rġiel u nisa jieħdu ħsieb xulxin, huma se jitgħallmu jagħmlu l-istess, jiġifieri jgħinu lil ħuthom irġiel u nisa.—Rum. 12:10. w16.08 4:13, 14
It-Tlieta, 17 t’April
“Dan hu l-bniedem li jismaʼ l-kelma, jifhimha, u tassew jagħmel u jagħti l-frott.”—Mt. 13:23.
Oħt żagħżugħa fi Franza qalet: “Xi għalliema fl-iskola tiegħi jibqgħu skantati għall-aħħar li hemm studenti li għadhom jemmnu fil-Bibbja.” Ħafna nies illum ma jemmnux li Alla ħalaqna. Jekk int qaddej żagħżugħ taʼ Ġeħova jew qed titgħallem dwaru, għandu mnejn li kultant titħasseb dwar kif tistaʼ tagħti prova li hu l-Ħallieq tagħna. Il-Bibbja tgħinna naħsbu sew dwar dak li nisimgħu jew naqraw u biex nirraġunaw dwaru. Il-Kelma t’Alla tgħid: “L-abbiltà li taħseb tibqaʼ tgħasses fuqek.” Kif? Din se tgħinek tirrifjuta ideat li mhumiex minnhom u ssaħħaħ il-fidi tiegħek f’Ġeħova. (Prov. 2:10-12) Sabiex ikollna fidi b’saħħitha f’Ġeħova, jeħtieġ li nsiru nafuh sew. (1 Tim. 2:4) Allura, meta taqra l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna, ikun importanti ħafna li tieqaf u taħseb dwar dak li jkun qed jintqal. Ipprova ifhem dak li tkun qed taqra. w16.09 4:1-3
L-Erbgħa, 18 t’April
“Irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.”—Rum. 12:21.
Anke jekk kellna trobbija kerha jew jekk ħajjitna bħalissa tidher bla tama, aħna rridu nkomplu nissaraw u nippersistu. Meta nagħmlu hekk, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jberikna. (Ġen. 39:21-23) Illum, aħna wkoll jistaʼ jkollna nissaportu sfidi diffiċli. Forsi qed issofri minħabba xi inġustizzja, preġudizzju, jew twaqqigħ għaċ-ċajt. Jew qed issofri minħabba l-għira li għandu xi ħadd għalik. Minflok ma tkun skuraġġit, ftakar x’għen lil Ġakobb, Rakele, u Ġużeppi biex ikomplu jaqdu lil Ġeħova bil-ferħ. Alla saħħaħhom u berikhom għax huma apprezzaw bil-kbir ir-relazzjoni tagħhom miegħu. Huma komplew jissaraw u jaġixxu fi qbil mat-talb tagħhom. Peress li qed ngħixu fl-aħħar jiem, huwa importanti li nżommu t-tama tagħna għall-futur b’saħħitha! Lest int li taħdem iebes għall-approvazzjoni taʼ Ġeħova? w16.09 2:8, 9
Il-Ħamis, 19 t’April
Il-frott taʼ l-ispirtu hu l-fidi.—Gal. 5:22.
Bħala ġenitur, l-eżempju taʼ fidi tiegħek hu importanti ħafna. Uliedek se josservaw dak li tagħmel int. Allura, ibqaʼ saħħaħ il-fidi tiegħek stess. Ħalli lil uliedek jaraw kemm Ġeħova hu reali għalik. Pereżempju, meta omm u missier fil-gżira taʼ Bermuda jkunu inkwetati fuq xi ħaġa, huma jitolbu lil Ġeħova mal-bniet tagħhom biex jiggwidahom. Huma jinkuraġġixxu lil uliedhom biex jitolbu waħedhom. “Aħna ngħidu wkoll lit-tifla l-kbira, ‘Afda f’Ġeħova kompletament, ibqaʼ bieżla fis-servizz tas-Saltna, u tinkwetax iżżejjed.’ Meta hi tara r-riżultat, tirrealizza li Ġeħova qed jgħinna. Dan għenha ħafna biex ikollha fidi f’Alla u fil-Bibbja.” Ġenituri, qatt tinsew li ma tistgħux tisforzaw lil uliedkom biex ikollhom il-fidi. Intom tħawlu u ssaqqu, imma Ġeħova biss jistaʼ jkabbar. (1 Kor. 3:6) Allura, aħdmu iebes biex tgħallmu lit-tfal prezzjużi tagħkom dwaru, u itolbu għall-ispirtu tiegħu biex jgħinhom ikollhom il-fidi. Intom tistgħu tkunu ċerti li Ġeħova se jbierek l-isforzi kollha tagħkom.—Efes. 6:4. w16.09 5:16-18
Il-Ġimgħa, 20 t’April
Daħħal dan il-kliem sew f’qalb ibnek.—Dt. 6:7.
Serge u l-mara tiegħu, Muriel, li qdew f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija għal iktar minn tliet snin bdew jinnotaw li t-tifel tagħhom, li kellu 17-il sena, ma kienx qed jieħu pjaċir waqt il-ministeru u l-laqgħat. “Meta rrealizzajna li din is-sitwazzjoni kienet qed iżżomm lura t-tifel milli jagħmel progress spiritwali,” jispjega Serge, “iddeċidejna li mmorru lura fil-kongregazzjoni taʼ qabel.” X’jistaʼ jgħin lill-ġenituri jiddeċiedu jekk jerġgħux imorru lura? L-ewwel, huma jridu jiddeċiedu jekk verament għandhomx biżżejjed ħin u enerġija biex jgħallmu lit-tfal tagħhom iħobbu lil Ġeħova u fl-istess ħin jgħallmuhom ukoll lingwa barranija. It-tieni, għandhom mnejn jinnotaw li t-tfal tagħhom ma jridux jippritkaw, imorru l-laqgħat, jew saħansitra jaqdu fil-qasam tal-lingwa barranija. Għal dawn ir-raġunijiet, il-ġenituri forsi jiddeċiedu li jmorru lura f’kongregazzjoni li tuża l-lingwa li t-tfal tagħhom jifhmu l-aħjar. Imbagħad, wara li t-tfal jibnu relazzjoni soda maʼ Ġeħova, il-ġenituri jkunu jistgħu jiddeċiedu li jerġgħu jmorru fil-kongregazzjoni tal-lingwa barranija.—Dt. 6:5-7. w16.10 2:14, 15
Is-Sibt, 21 t’April
“Bil-fidi Noè, wara li ngħata twissija divina dwar affarijiet li kienu għadhom ma dehrux, wera l-biżaʼ t’Alla u bena arka biex isalva lin-nies taʼ daru.”—Ebr. 11:7.
Peress li Noè kellu l-fidi f’dak li qallu Ġeħova, hu bena arka enormi. Jistaʼ jkun li l-ġirien staqsewh għala kien qed jibni l-arka. Żgur li Noè ma żammx ħalqu magħluq. Il-Bibbja tgħid li Noè kien “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pt. 2:5) Hu wissa lin-nies li Alla kien se jġib dulluvju biex jeqred lill-ħżiena. Wisq probabbli hu qalilhom eżatt dak li Ġeħova kien qallu: “Wasal quddiemi t-tmiem tal-bnedmin kollha, għaliex minħabba fihom l-art imtliet bil-vjolenza,” u “se nġib dilluvju taʼ ilmijiet fuq l-art biex neqred minn taħt is-smewwiet il-laħam kollu li fih hemm il-forza attiva tal-ħajja. Kulma hemm fuq l-art imut.” Imbagħad, Noè żgur li spjega lin-nies x’għandhom jagħmlu biex isalvaw. Ġeħova kien ikkmandah: ‘Idħol fl-arka.’—Ġen. 6:13, 17, 18. w16.10 4:7
Il-Ħadd, 22 t’April
Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh biex jidderieġi l-passi tiegħu.—Ġer. 10:23.
Fil-Bibbja, Ġeħova ta direzzjoni lill-ġenituri dwar kif iħarrġu lil uliedhom. Il-Kristjani jeħtieġ li joqogħdu attenti biex ma jiġux affettwati bil-mod taʼ ħsieb li hu komuni fid-dinja. (Efes. 2:2) Pereżempju, f’xi pajjiżi missier forsi jaħseb, ‘Ħeqq, hawnhekk in-nisa jgħallmu lit-tfal.’ Imma l-Bibbja biċ-ċar tikkmanda lill-missirijiet biex jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova. (Efes. 6:4) Missirijiet u ommijiet li jħobbu lil Ġeħova jridu li t-tfal tagħhom ikollhom ħbiberija mill-qrib miegħu, l-istess bħalma kellu Samwel meta kien tifel ċkejken. (1 Sam. 3:19) L-ewwel ikun għaqli li naħsbu dwar x’tgħid il-Bibbja qabel ma nieħdu deċiżjonijiet importanti dwar il-familja u x-xogħol tagħna. Neħtieġu l-għajnuna taʼ Missierna għaliex ma nistgħux nidderieġu l-passi tagħna. w16.11 3:14, 15
It-Tnejn, 23 t’April
“Meta nara s-smewwiet tiegħek, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int ħejjejt, x’inhu l-bniedem mortali biex iżżommu f’moħħok?”—Salm 8:3, 4.
Meta nħarsu lejn l-affarijiet li ħalaq Ġeħova, biċ-ċar naraw li hu l-Alla taʼ ordni. Hu “sejjes l-art bl-għerf. Stabbilixxa fis-sod is-smewwiet bid-dixxerniment.” (Prov. 3:19) Hemm ħafna li ma nafux dwar l-affarijiet li Ġeħova għamel. Fil-fatt, “hu ftit dak li nisimgħu dwaru.” (Ġob 26:14) Imma mill-ftit li nafu dwar l-univers tagħna jidher ċar li hu organizzat tajjeb ħafna. Miljuni taʼ kwiekeb iduru fl-ispazju bl-ordni. U aħseb kif il-pjaneti fis-sistema solari tagħna jduru madwar ix-xemx. Dan l-ordni tal-għaġeb hu possibbli biss għaliex Ġeħova organizza l-mod li bih iduru l-pjaneti u l-kwiekeb. Meta naħsbu dwar kif għamel l-art u “s-smewwiet bl-intelliġenza,” inkunu rridu nfaħħruh, inqimuh, u nkunu leali lejh.—Salm 136:1, 5-9. w16.11 2:3
It-Tlieta, 24 t’April
“Isiru għal Ġeħova nies li qed jippreżentaw offerta bħala għotja bis-sewwa.”—Mal. 3:3.
Malakija 3:1-3 jispjega x’ġara lill-Istudenti tal-Bibbja bejn l-1914 u l-bidu tal-1919. Alla Ġeħova, “il-Mulej il-veru,” u Ġesù Kristu, “il-messaġġier tal-patt,” ġew biex jispezzjonaw lil “ulied Levi,” li rrappreżentaw lill-midlukin. Wara li Ġeħova kkoreġiehom u naddafhom, huma kienu lesti biex jirċievu inkarigu ġdid. Fl-1919, Ġesù ħatar “ilsir leali u għaqli,” li ġie inkarigat biex imexxi u jgħallem lill-qaddejja kollha t’Alla. (Mt. 24:45) Il-poplu t’Alla fl-aħħar kien meħlus minn Babilonja l-Kbira. Minn dak iż-żmien ’l hawn, huma kienu qed jitgħallmu iżjed dwar ir-rieda t’Alla, u mħabbithom lejh kibret saħansitra iktar. Kemm huma grati għall-barka tiegħu! w16.11 5:14
L-Erbgħa, 25 t’April
‘Għadduni minn prova, jekk jogħġobkom,’ qal Ġeħova taʼ l-armati, ‘u taraw jekk iniex se niftħilkom bwieb l-għargħar tas-smewwiet u nitfaʼ fuqkom xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqoskom xejn iktar.’—Mal. 3:10.
Missierna, Ġeħova, iwiegħed li jbierek lill-qaddejja leali tiegħu. Dan hu mod wieħed li bih Ġeħova juri mħabbtu lejna, u aħna nħobbuh “għax hu ħabbna l-ewwel.” (1 Ġw. 4:19) Hekk kif imħabbitna għal Ġeħova tikber, il-fidi tagħna fih tissaħħaħ u nkunu iżjed konvinti li Ġeħova se jippremja lil dawk li jħobb. (Ebr. 11:6) Ġeħova hu wieħed li jippremja! Dan hu parti importanti minn min hu u x’jagħmel. Allura l-fidi tagħna f’Alla ma tkunx sħiħa jekk ma nkunux konvinti li hu se jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa. Għala? Għaliex “il-fidi hi l-istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom.” (Ebr. 11:1) Il-fidi tfisser li jkollna l-fiduċja assoluta li Alla se jbierek lil-leali tiegħu. Bħalma turi l-iskrittura tal-lum, Ġeħova jistidinna biex nistinkaw għall-barka tiegħu. Aħna nuru l-gratitudni tagħna għal din l-offerta meta naċċettaw l-istedina taʼ Ġeħova biex ngħadduh minn prova. w16.12 4:1-3
Il-Ħamis, 26 t’April
“Li tkun moħħok fil-laħam ifisser mewt.”—Rum. 8:6.
Anke persuna li tkun ilha taqdi lil Ġeħova għal ħafna snin tistaʼ tibda tgħix “f’armonija mal-laħam.” Allura, kien Pawlu qed jgħid li m’għandna qatt naħsbu dwar affarijiet bħall-ikel, l-impjieg, ir-rikreazzjoni, jew ir-romantiċiżmu? Dażgur li le. Dawn huma affarijiet normali fil-ħajja. Anke Ġesù gawda l-ikel u tema’ lil oħrajn. Ukoll irrealizza li kellu bżonn il-mistrieħ. U Pawlu kiteb li r-relazzjonijiet sesswali għandhom post importanti fiż-żwieġ. Il-kelma Griega li Pawlu uża tirreferi għal li tiffoka l-ħsibijiet u l-pjanijiet kollha tiegħek fuq xi ħaġa. Studjuż jispjega li din l-espressjoni tirreferi għal dawk li “huma l-iżjed interessati fix-xewqat egoistiċi tagħhom, jitkellmu l-ħin kollu dwarhom,” u jiffokaw l-iktar fuqhom. Huma jħallu dawn ix-xewqat jikkontrollaw il-mod kif jgħixu. w16.12 2:5, 9, 10
Il-Ġimgħa, 27 t’April
“Min int biex tiġġudika lill-proxxmu tiegħek?”—Ġak. 4:12.
Nistgħu nibdew inġibu ruħna bi prużunzjoni jekk aħna ma nikkontrollawx ix-xewqat ħżiena tagħna. Ħafna saru prużuntużi għax riedu l-fama għalihom infushom, kienu jgħiru għal ħaddieħor, jew ma kkontrollawx ir-rabja tagħhom. Dan ġara lil xi wħud imsemmijin fil-Bibbja, bħal Absalom, Użżija, u Nebukadnessar. Ġeħova għamilhielhom ċara li riedu jkunu umli. (2 Sam. 15:1-6;18:9-17; 2 Kron. 26:16-21; Dan. 5:18-21) Jistaʼ jkun hemm raġunijiet oħra għala n-nies kultant ma jkunux modesti. Aħseb dwar l-eżempji t’Abimelek u Pietru. (Ġen. 20:2-7; Mt. 26:31-35) Kienu prużuntużi dawn l-irġiel? Jew setaʼ kien li ma kinux jafu l-fatti kollha jew aġixxew mingħajr ma ħasbuha? Ladarba ma nistgħux naraw x’hemm fil-qalb, m’għandniex niġġudikaw l-intenzjonijiet t’oħrajn. w17.01 3:9, 10
Is-Sibt, 28 t’April
“Din il-mara, min-nieqes tagħha, tefgħet il-mezz t’għajxien kollu li kellha.”—Lq. 21:4.
Bħal din l-armla fqira, ħafna minn sħabna fit-twemmin illum huma fiduċjużi li jekk ipoġġu s-Saltna t’Alla l-ewwel, Ġeħova se jagħmel ċert li jkollhom dak li għandhom bżonn. (Mt. 6:33) Ikkunsidra ħu jismu Malcolm. Matul il-ħafna snin li hu u martu qdew lil Ġeħova, kellhom żminijiet tajbin u oħrajn ħżiena. Hu qal: “Kultant ma tkunx taf x’se ġġib magħha l-ħajja—inċertezzi u diffikultajiet ebsin biex tkampa magħhom. Imma Ġeħova jbierek lil dawk li jistrieħu fuqu.” X’kien il-parir taʼ Malcolm? “Itlob li tkun produttiv u attiv kemm jistaʼ jkun fis-servizz taʼ Ġeħova. Iffoka fuq dak li tistaʼ tagħmel, u mhux fuq dak li ma tistax tagħmel.” Din id-dinja korrotta sejra “mill-ħażin għall-agħar,” għalhekk aħna nistgħu nistennew li jkollna iktar u iktar diffikultajiet. (2 Tim. 3:1, 13) Huwa iżjed importanti minn qatt qabel li ma niġux maħkuma mid-diffikultajiet tagħna. Minflok, jeħtieġ li jkollna fiduċja sħiħa f’Ġeħova u niffokaw fuq dak li nistgħu nagħmlu. w17.01 1:17-19
Il-Ħadd, 29 t’April
“Mhux int se tibnili d-dar li ngħammar fiha.”—1 Kron. 17:4.
Wara li David sar sultan, hu għex f’dar komda. Għalhekk, kienet ix-xewqa taʼ David li jibni tempju sabiħ għal Ġeħova. Imma dan ma kienx dak li ried Ġeħova, bħalma jissemma fl-iskrittura tal-lum. Għalkemm Ġeħova wiegħed lil David li Hu dejjem kien se jkun miegħu, David sar jaf li wieħed minn uliedu kien se jibni t-tempju. Kif irreaġixxa David? (1 Kron. 17:1-4, 8, 11, 12; 29:1) David xtaq ħafna jibni tempju għal Ġeħova, allura għandu mnejn kien diżappuntat ħafna. Imma hu xorta appoġġja bis-sħiħ il-proġett li ibnu Salamun kien se jieħu ħsieb. David għen biex jorganizza l-ħaddiema u biex jiġbor ħadid, ram, fidda, deheb, u injam. Ma qagħadx jinkwieta dwar min kien se jieħu l-krettu għall-bini tat-tempju, li iktar tard sar magħruf bħala t-tempju taʼ Salamun. Minflok, inkuraġġixxa lil Salamun bil-kliem: “Issa, ibni, jalla Ġeħova jkun miegħek, u int trid tirnexxi u tibni d-dar taʼ Ġeħova.”—1 Kron. 22:11, 14-16. w17.01 5:6, 7
It-Tnejn, 30 t’April
“Eħlisna u għatti dnubietna minħabba ismek.”—Salm 79:9.
Anke meta nkunu persegwitati, aħna nagħmlu kulma nistgħu ħalli ngħixu bil-mod kif jgħallimna Ġeħova. Billi ngħixu skont il-livelli taʼ Ġeħova, aħna nġibu glorja lil ismu. (Mt. 5:14-16) Aħna nagħtu prova li l-liġijiet tiegħu huma tajbin u li Satana hu giddieb. M’aħniex perfetti, allura se niżbaljaw. Imma meta jiġri dan, nindmu u nagħmlu l-almu tagħna biex nieqfu nagħmlu affarijiet li jiddiżonoraw l-isem taʼ Ġeħova. Kemm jekk aħna mill-midlukin jew min-“nagħaġ oħrajn,” Ġeħova jaħfrilna dnubietna jekk ikollna fidi fil-fidwa. Hu jaċċetta bħala aduraturi tiegħu lil dawk li jiddedikaw lilhom infushom lilu. Lill-Kristjani midlukin hu jiddikjarahom ġusti bħala wliedu u lin-“nagħaġ oħrajn” ġusti bħala ħbiebu. (Ġw. 10:16; Rum. 5:1, 2; Ġak. 2:21-25) Għalhekk, anke issa, il-fidwa tagħmilhielna possibbli li jkollna relazzjoni tajba maʼ Missierna u li nqaddsu ismu. w17.02 2:5, 6