Mejju
It-Tlieta, 1 taʼ Mejju
“Ulied Għammon ġew imrażżnin.”—Mħ. 11:33.
Ġefta kien jaf li kellu bżonn l-għajnuna t’Alla biex jeħles l-Iżraelin mill-Għammonin. Hu wiegħed lil Ġeħova li jekk Hu jagħtih ir-rebħa, l-ewwel persuna li toħroġ mid-dar tiegħu meta jiġi lura mill-battalja kien se joffriha Lilu bħala “offerta tal-ħruq.” (Mħ. 11:30, 31) Dan x’kien ifisser? Ġeħova jobgħod li jiġu ssagrifikati n-nies, u b’hekk nafu li Ġefta ma kienx qed jirreferi għas-sagrifiċċju bin-nar. (Dt. 18:9, 10) Skont il-Liġi Mosajka, offerta tal-ħruq kienet rigal speċjali li xi ħadd ikun iddeċieda li jagħti għalkollox lil Ġeħova. Allura, Ġefta ried ifisser li dik il-persuna li hu kellu jagħti lil Ġeħova kienet se taqdi fit-tabernaklu għall-kumplament taʼ ħajjitha. Ġeħova sema’ lil Ġefta u għenu jirbaħ rebħa assoluta. (Mħ. 11:32) Imma Ġefta lil min kien se jagħti lil Ġeħova? Meta Ġefta ġie lura mill-battalja, l-ewwel persuna li ġiet tiltaqaʼ miegħu kienet bintu l-maħbuba, l-unika wild! Kien se jkun leali Ġefta lejn il-wegħda li għamel? w16.04 1:11-13
L-Erbgħa, 2 taʼ Mejju
Il-liġi taʼ l-Alla l-veru ġiet spjegata sew, u mfissra; u komplew ifiehmu l-qari.—Neħ. 8:8.
Xi snin ilu, il-maġġorparti tal-kongregazzjonijiet studjaw il-ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah waqt l-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni. Kif ħassejtek meta ddiskutejna l-kwalitajiet taʼ Ġeħova u meta smajt kif ħutek iħossuhom dwaru? Bla dubju dan ġiegħlek tħobb lil Ġeħova saħansitra iktar. Apparti minn hekk, waqt il-laqgħat nitgħallmu iktar dwar il-Bibbja billi noqogħdu attenti għat-taħditiet u turijiet, u billi nisimgħu sew meta tkun qed tinqara l-Bibbja. Il-laqgħat jgħallmuna nużaw f’ħajjitna dak li nitgħallmu mill-Bibbja. (1 Tess. 4:9, 10) Pereżempju, ġieli attendejt Studju tat-Torri tal-Għassa li ħajrek tagħmel iktar fis-servizz taʼ Ġeħova, li għenek ittejjeb it-talb tiegħek, jew li għenek taħfer lil ħu jew oħt? Il-laqgħa li jkollna fost il-ġimgħa tistaʼ tgħallimna kif nippritkaw l-aħbar tajba u kif ngħinu lil oħrajn jifhmu l-verità mill-Bibbja.—Mt. 28:19, 20. w16.04 3:4, 5
Il-Ħamis, 3 taʼ Mejju
“Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna.”—Rum. 15:4.
Ġieli ħsibt dwar il-konflitti persunali li nsibu fil-Bibbja? Biss biss fl-ewwel ftit kapitli tal-Ġenesi, nitgħallmu li Kajjin qatel lil Abel (Ġen. 4:3-8); Lamek qatel raġel żagħżugħ talli weġġgħu fiżikament (Ġen. 4:23); ir-ragħajja t’Abraham kellhom xi jgħidu mar-ragħajja taʼ Lot (Ġen. 13:5-7); Ħagar ħassitha superjuri għal Sara, u Sara rrabjat m’Abraham (Ġen. 16:3-6); u Ismagħel kien kontra kulħadd, u kulħadd kien kontrih. (Ġen. 16:12) Konflitti bħal dawn għala ssemmew fil-Bibbja? Għax nistgħu nitgħallmu minn dawn l-eżempji taʼ nies imperfetti li kellhom problemi reali. Aħna wkoll imperfetti, u meta nħabbtu wiċċna maʼ problemi simili f’ħajjitna nistgħu nimitaw l-eżempji tajbin li nsibu fil-Bibbja u nevitaw dawk ħżiena. Dan jistaʼ jgħinna nitgħallmu kif inżommu l-paċi m’oħrajn. w16.05 1:1, 2
Il-Ġimgħa, 4 taʼ Mejju
“L-ewwel trid tiġi pridkata l-aħbar tajba fil-ġnus kollha.”—Mk. 13:10.
Ġesù u d-dixxipli tiegħu liema metodi użaw biex jippritkaw? Huma marru kull fejn setgħu jsibu n-nies. Pereżempju, ippritkaw fit-toroq u fis-suq. Ukoll, fittxew għan-nies fid-djar tagħhom. (Mt. 10:11; Lq. 8:1; Atti 5:42; 20:20) L-ippritkar minn dar għal dar kien mod organizzat kif setgħu jilħqu lil kull xorta taʼ nies. Xi ngħidu dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova? Huma l-uniċi nies li jippritkaw dwar li Ġesù ilu jmexxi bħala Sultan sa mill-1914. Huma jobdu lil Ġesù u jżommu l-ippritkar fl-ewwel post f’ħajjithom. Il-ktieb Pillars of Faith—American Congregations and Their Partners qal li x-Xhieda taʼ Ġeħova qatt ma jinsew li l-mira prinċipali tagħhom hi li jippritkaw dwar it-tmiem taʼ din id-dinja u li jgħallmu n-nies dwar is-salvazzjoni. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jkomplu jippritkaw dan il-messaġġ u jkomplu jimitaw il-metodi taʼ ppritkar li użaw Ġesù u d-dixxipli tiegħu. w16.05 2:10, 12
Is-Sibt, 5 taʼ Mejju
Int issib l-għarfien t’Alla.—Prov. 2:5.
Meta nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova, aħna nersqu eqreb lejh u jkollna l-approvazzjoni u l-barka tiegħu. (Ġak. 4:8) Imbagħad il-fidi tagħna f’Ġeħova ssir iktar b’saħħitha. Għalhekk, ejja nimmeditaw fuq dak li naqraw fil-Bibbja ħalli nkunu nistgħu nifhmu kif jaħseb hu. Ovvjament, dejjem se jkollna xi ħaġa ġdida x’nitgħallmu dwar Ġeħova. (Ġob 26:14) Imma jekk naħdmu iebes biex nitgħallmu dwaru issa, se nsiru għorrief u se nkunu kapaċi nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Prov. 2:1-5) L-ideat u l-pjanijiet tan-nies jinbidlu, imma Ġeħova qatt ma jinbidel. Is-salmista qal: “L-iskop taʼ Ġeħova se jibqaʼ għal dejjem; il-ħsibijiet taʼ qalbu ma jinbidlux minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.” (Salm 33:11) B’mod ċar, nistgħu nieħdu l-aqwa deċiżjonijiet meta naħsbu bil-mod kif Ġeħova jaħseb u mbagħad nagħmlu dak li jogħġob lilu. w16.05 3:17
Il-Ħadd, 6 taʼ Mejju
“Ġeħova jara l-qalb.”—1 Sam. 16:7.
Aħna fiduċjużi li Ġeħova hu kapaċi jagħżel u jiġbed lejh in-nies it-tajba. Huwa għalhekk li m’għandniex niġġudikaw in-nies fit-territorju tagħna jew fil-kongregazzjoni tagħna. (Ġw. 6:44) Meta nirrikonoxxu lil Ġeħova bħala l-Fuħħari tagħna, l-attitudni tagħna lejn ħutna rġiel u nisa se tinbidel. (Is. 64:8) Se naraw lil kull wieħed minnhom bħala li għadu qed jiġi msawwar. Dan hu l-mod kif jarahom Ġeħova. Hu jara min huma verament minn ġewwa u jaf li l-imperfezzjoni tagħhom hi biss temporanja. Hu jaf ukoll x’tip taʼ persuna kull wieħed minnhom jistaʼ jsir. (Salm 130:3) Aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova jekk għandna l-istess attitudni pożittiva lejn ħutna. Aħna nistgħu saħansitra naħdmu mal-Fuħħari tagħna f’li ngħinu lil ħutna rġiel u nisa jagħmlu progress. (1 Tess. 5:14, 15) L-anzjani fil-kongregazzjoni għandhom jagħtu eżempju tajjeb f’li jagħmlu dan.—Efes. 4:8, 11-13. w16.06 1:4-6
It-Tnejn, 7 taʼ Mejju
“Min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.”—1 Kor. 10:12.
Meta nippritkaw l-aħbar tajba, irridu nuru kwalitajiet bħal pereżempju l-umiltà u l-aspetti differenti tal-frott tal-ispirtu t’Alla. (Gal. 5:22, 23) Meta nimitaw lil Kristu, in-nies jinġibdu lejn il-messaġġ tagħna u jafu jbiddlu l-attitudni tagħhom lejna. Pereżempju, żewġ Xhieda fl-Awstralja pprovaw jippritkaw lil mara f’darha, imma rrabjat ħafna u kienet maledukata magħhom. Però, ix-Xhieda tawha widen b’rispett. Iktar tard, il-mara ddispjaċieha għall-mod kif ġabet ruħha u kitbet ittra lill-uffiċċju tal-fergħa. Skużat ruħha għall-imġiba tagħha. Hi tgħid: “Kemm kont belha li kelli quddiemi tnejn minn nies li qed ixandru l-Kelma t’Alla u jien minfuq bgħatthom ’l hemm b’dak il-mod.” Minn din l-esperjenza nistgħu naraw kemm hu taʼ valur li nużaw il-ħlewwa meta nkunu qed nippritkaw. Iva, il-ministeru tagħna jgħin lil oħrajn, imma jgħin lilna wkoll biex intejbu l-personalità tagħna. w16.06 2:12, 13
It-Tlieta, 8 taʼ Mejju
“Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”—Mt. 22:39.
In-nies kollha twieldu imperfetti minħabba d-dnub t’Adam. (Rum. 5:12, 19) Allura, kultant xi wħud fil-kongregazzjoni jistgħu jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa li tweġġaʼ s-sentimenti tagħna. Meta jiġri hekk, x’se nagħmlu? L-imħabba tagħna għal Ġeħova se tibqaʼ b’saħħitha? Se nibqgħu leali lejh u lejn in-nies tiegħu? Pereżempju, Għeli kien il-qassis il-kbir tal-Iżraelin, imma ż-żewġ uliedu m’obdewx il-liġijiet taʼ Ġeħova. Il-Bibbja tgħid: “Ulied Għeli kienu rġiel m’huma tajbin għal xejn; ma kinux jirrikonoxxu lil Ġeħova.” (1 Sam. 2:12) Għeli kien jaf li wliedu kienu qed jagħmlu affarijiet ħżiena ħafna. Minkejja dan, hu ma ddixxiplinahomx biżżejjed. Maż-żmien, Ġeħova kkastiga lil Għeli u liż-żewġ uliedu subien. U iktar tard, Ġeħova ma ppermetta lil ħadd li hu mid-dixxendenza t’Għeli biex jaqdi bħala qassis il-kbir. (1 Sam. 3:10-14) Kieku għext fi żmien Għeli u kont tkun taf li hu ħalla lil uliedu jagħmlu affarijiet ħżiena ħafna, kont titfixkel? Dis-sitwazzjoni kienet se ddgħajjef il-fidi tiegħek f’Ġeħova, u b’hekk, kont tieqaf taqdih? w16.06 4:5, 6
L-Erbgħa, 9 taʼ Mejju
“Dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.”—Mt. 6:33.
Ġesù spjega għala nistgħu nkunu ċerti mill-wegħda li nsibu fl-iskrittura tal-lum. Hu qal: “Missierkom tas-sema jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet kollha.” Ġeħova jaf x’għandek bżonn saħansitra qabel ma tirrealizza dan int stess. (Flp. 4:19) Hu jaf liema ħwejjeġ se jkollok bżonn dalwaqt. Hu jaf ukoll x’ikel se jkollok bżonn. U hu jaf li int u l-familja tiegħek għandkom bżonn post fejn tgħixu. Ġeħova se jagħmel ċert li jkollok dak li verament għandek bżonn. Iva, aħna ċerti li jekk nagħmlu dak li jitlob minna u f’ħajjitna npoġġu s-Saltna tiegħu l-ewwel, hu se jagħtina kulma jkollna bżonn u ħafna iktar. Apparti minn hekk, nirrealizzaw li relazzjoni tajba maʼ Ġeħova hi li tagħmilna verament ferħanin. Fil-fatt, dan jgħinna nkunu sodisfatti billi jkollna biss dak li għandna bżonn—“x’nieklu u biex nitgħattew.”—1 Tim. 6:6-8. w16.07 1:17, 18
Il-Ħamis, 10 taʼ Mejju
“Meta konna għedewwa, erġajna tħabbibna m’Alla permezz tal-mewt taʼ Ibnu.”—Rum. 5:10.
Bis-saħħa tal-fidwa, nistgħu nerġgħu nitħabbu m’Alla, jiġifieri, nistgħu nkunu fil-paċi miegħu u nsiru l-ħbieb tiegħu. Pawlu spjega kif dan hu konness mal-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova meta qal hekk lil ħutu midlukin: “Issa li ġejna dikjarati ġusti minħabba l-fidi, ħa ngawdu l-paċi m’Alla permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu wkoll aħna ksibna l-mezz biex nersqu bil-fidi lejn din il-qalb tajba mhix mistħoqqa li ninsabu fiha issa.” (Rum. 5:1, 2) Kemm aħna grati li ngawdu ħbiberija paċifika maʼ Ġeħova! Il-profeta Danjel kiteb li matul iż-żmien tat-tmiem, “dawk li għandhom id-dehen,” jiġifieri l-midlukin, se “jwasslu lill-ħafna lejn is-sewwa.” (Dan. 12:3) Il-midlukin kif jagħmlu dan? Huma jippritkaw l-aħbar tajba u jgħallmu lil miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” il-liġijiet taʼ Ġeħova. (Ġw. 10:16) Jgħinuhom ikollhom waqfa ġusta, jew sewwa, quddiem Alla, u dan hu possibbli biss minħabba l-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova.—Rum. 3:23, 24. w16.07 3:10, 11
Il-Ġimgħa, 11 taʼ Mejju
“Ħadu nisa għalihom, jiġifieri, lil dawk kollha li għoġbuhom.”—Ġen. 6:2.
Dan kien kontra n-natura, u dawk l-anġli u n-nisa kellhom ulied subien li kienu ġganti u vjolenti u kienu jissejħu Nefilim. Matul dak iż-żmien, “il-ħażen tal-bniedem kien kotran fuq l-art u kull inklinazzjoni tal-ħsibijiet taʼ qalbu kienet biss ħażina l-ħin kollu.” (Ġen. 6:1-5) Ġeħova qal li kien se jġib dulluvju kbir fuq l-art biex jeqred lin-nies mill-agħar kollha. “Noè, predikatur tal-ġustizzja,” qal lil dawk in-nies li kien ġej Dulluvju. (2 Pt. 2:5) Imma huma ma semgħux minn Noè għax kienu okkupati wisq bl-affarijiet tal-ħajja taʼ kuljum, inkluż li jiżżewġu. Ġesù qabbel żmien Noè maʼ żmienna. (Mt. 24:37-39) Illum, il-maġġorparti tan-nies ma jagħtux widen għall-messaġġ tagħna dwar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Aħna qed nippritkaw dan il-messaġġ qabel ma tinqered din l-art mill-agħar. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn żmien id-Dulluvju? Ma rridux inħallu affarijiet bħaż-żwieġ u li jkollna t-tfal isiru tant importanti għalina li ninsew li l-jum taʼ Ġeħova hu qrib. w16.08 1:8, 9
Is-Sibt, 12 taʼ Mejju
Iż-żmien li fadal tqassar. Minn issa ’l quddiem, dawk li għandhom in-nisa ħa jkunu bħallikieku m’għandhomx, u dawk li jużaw id-dinja bħal dawk li ma jużawhiex bis-sħiħ.—1 Kor. 7:29-31.
Minħabba li qed ngħixu fit-tmiem tal-“aħħar jiem,” qed nesperjenzaw “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Tim. 3:1-5) Huwa għalhekk li għandna bżonn il-protezzjoni taʼ relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova. Fl-iskrittura tal-lum, Pawlu ma riedx jgħid li l-miżżewġin għandhom jittraskuraw lil xulxin. Imma minflok, jeħtieġ li nagħtu prijorità l-qima tagħna lil Ġeħova minħabba li qed ngħixu fl-aħħar jiem. (Mt. 6:33) F’dawn iż-żminijiet diffiċli, naraw ħafna żwiġijiet li qed ifallu. Huwa possibbli li jkollna żwieġ ferħan u taʼ suċċess? Iva, jekk nibqgħu qrib Ġeħova u l-poplu tiegħu, napplikaw il-prinċipji Bibliċi, u naċċettaw il-gwida tal-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. Meta nagħmlu dan, inkunu qed nonoraw “dak li Alla għaqqad flimkien.”—Mk. 10:9. w16.08 2:17, 18
Il-Ħadd, 13 taʼ Mejju
“Irgħu l-merħla t’Alla.”—1 Pt. 5:2.
Hemm bżonn li iktar aħwa rġiel jitħarrġu ħalli jsiru ragħajja fil-kongregazzjoni. Pawlu ħarreġ lil Timotju u inkuraġġieh biex iħarreġ lil oħrajn. Pawlu qallu: “Dak li smajt mingħandi u li ssaħħaħ minn ħafna xhieda għaddih lil nies leali li, mill-banda l-oħra, ikunu kwalifikati biżżejjed biex jgħallmu lil oħrajn.” (2 Tim. 2:1, 2) Timotju tgħallem ħafna affarijiet minn Pawlu, li kien anzjan u appostlu. Pereżempju, hu tgħallem kif itejjeb l-ippritkar tiegħu u kif jgħin oħrajn fil-kongregazzjoni. (2 Tim. 3:10-12) Pawlu qattaʼ ħafna ħin maʼ Timotju għax ried ikun ċert li Timotju jkun imħarreġ sew. (Atti 16:1-5) L-anzjani jistgħu jimitaw lil Pawlu billi meta jmorru fuq xi żjajjar pastorali jieħdu magħhom qaddejja ministerjali kwalifikati. B’dan il-mod, il-qaddejja ministerjali se jitgħallmu mill-anzjani kif jgħallmu lil oħrajn, kif ikunu paċenzjużi u juru mħabba, u kif jistrieħu fuq Ġeħova meta jieħdu ħsieb il-merħla tiegħu. w16.08 4:16, 17
It-Tnejn, 14 taʼ Mejju
“Ħa ma jintelqux idejk.”—Sof. 3:16.
Fil-Bibbja, li persuna tħalli idejha jintelqu jirreferi għal persuna skuraġġita jew li tilfet it-tama. (2 Kron. 15:7; Ebr. 12:12) B’dispjaċir, minħabba li qed ngħixu fid-dinja mill-agħar taʼ Satana, nesperjenzaw pressjoni kbira ħafna. U bħal ankra li żżomm dgħajsa milli tiċċaqlaq, l-ansjetà tistaʼ ġġegħelna nħossuna mtaqqlin jew skuraġġiti. (Prov. 12:25) Għala għandek mnejn tħossok ansjuż? Forsi tinsab imdejjaq minħabba l-mewt taʼ xi ħadd maħbub jew qed tħabbat wiċċek maʼ marda serja jew persekuzzjoni. Jew tistaʼ tkun qed issibha diffiċli ħafna biex tieħu ħsieb il-familja tiegħek minħabba li l-ekonomija hi batuta ħafna. Hekk kif jgħaddi ż-żmien, stress emozzjonali jistaʼ jġiegħel lis-saħħa tiegħek tiddgħajjef u saħansitra jtelliflek il-ferħ. Minkejja dan, int tistaʼ tkun ċert li Alla lest biex jgħinek.—Is. 41:10, 13. w16.09 1:2, 4
It-Tlieta, 15 taʼ Mejju
“Se niġri fit-triq tal-kmandamenti tiegħek.”—Salm 119:32.
Minħabba li aħna imperfetti, jistaʼ jkun li nissieltu kontra ċerti xewqat ħżiena. Xi wħud jissieltu biex ikollhom attitudni pożittiva lejn il-ministeru, u oħrajn jissieltu minħabba problemi taʼ saħħa jew sentimenti taʼ solitudni. Jerġaʼ hemm oħrajn li jsibuha diffiċli biex jaħfru lil xi ħadd li weġġagħhom. Ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova, ilkoll kemm aħna għandna bżonn niġġieldu kontra affarijiet li jagħmluha diffiċli li naqdu ’l Alla, il-wieħed li jippremja lil-leali. Jekk tħossok hekk, itlob lil Ġeħova għall-ispirtu qaddis. It-talb u l-ispirtu qaddis jistgħu jgħinuk ikollok is-saħħa biex tagħmel dak li hu tajjeb, u mbagħad tkun tistaʼ tirċievi l-barka t’Alla. Kun determinat li tgħix fi qbil mat-talb tiegħek. Ipprova aqra l-Bibbja kuljum, u warrab il-ħin għall-istudju persunali u għall-qima bħala familja.—Salm 119:32. w16.09 2:10, 11
L-Erbgħa, 16 taʼ Mejju
Il-fidi hi t-turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.—Ebr. 11:1.
Xi ħadd għandu mnejn jgħidlek, “Jien nemmen fl-evoluzzjoni għax ix-xjenzjati qalu li dan hu veru. Kif tistaʼ temmen b’Alla meta ħadd ma rah?” Ħafna jirraġunaw b’dan il-mod. Vera, ħadd ma rah lil Alla jew osserva xi ħaġa waqt li qed tiġi maħluqa. (Ġw. 1:18) Imma xi ngħidu dwar in-nies li jemmnu bl-evoluzzjoni? Huma wkoll jemmnu f’xi ħaġa li ma jistgħux jaraw. L-ebda xjenzjat jew bniedem ieħor ma ra xi tip taʼ ħajja li saret f’tip ieħor. Pereżempju, ħadd ma ra xadina ssir bniedem. (Ġob 38:1, 4) Allura, kulħadd għandu jara l-fatti, jaħseb dwar dawn sew, u jiddeċiedi xi provi verament jagħtu. Ħafna nies raw affarijiet fin-natura u ‘għarfu’ li hemm Alla. Għalihom ‘jidher ċar’ li hu l-Ħallieq, li hu b’saħħtu, u li għandu ħafna kwalitajiet tal-għaġeb.—Rum. 1:20. w16.09 4:4
Il-Ħamis, 17 taʼ Mejju
“Tinsewx l-ospitalità.”—Ebr. 13:2.
Ġeħova ħa ħsieb bi mħabba lill-barranin li kienu jgħixu fl-Iżrael. Pereżempju, huma setgħu jlaqqtu l-ikel li ħallew warajhom il-ħassada. (Lev. 19:9, 10) Iktar milli sempliċement jikkmanda lill-Iżraelin biex jirrispettaw lill-barranin, Ġeħova riedhom jiftakru x’jiġifieri li jkunu barranin. (Eżo. 23:9) Anki qabel ma l-Iżraelin saru lsiera fl-Eġittu, l-Eġizzjani ma kellhomx pjaċir bihom għax kienu differenti. (Ġen. 43:32; 46:34; Eżo. 1:11-14) Bħala barranin, l-Iżraelin kellhom ħajja diffiċli. Ġeħova riedhom jiftakruh dan u juru qalb tajba mal-barranin li kienu qed jgħixu fosthom. (Lev. 19:33, 34) Bla dubju, Ġeħova ma nbidilx. Allura meta jiġu l-barranin fil-kongregazzjoni tagħna, m’għandniex ninsew li Ġeħova għadu juri qalb tajba maʼ nies bħal dawn. (Dt. 10:17-19; Mal. 3:5, 6) Ieqaf u aħseb dwar l-isfidi li għandu mnejn iħabbtu wiċċhom magħhom il-barranin. Pereżempju, jistaʼ jkun li ma jifhmux il-lingwa l-ġdida u jiġu ttrattati b’mod inġust. Ejja nagħmlu sforz biex ngħinuhom u nkunu qalbna tajba magħhom.—1 Pt. 3:8. w16.10 1:3-5
Il-Ġimgħa, 18 taʼ Mejju
“Bħalma l-ġisem mingħajr l-ispirtu hu mejjet, hekk ukoll il-fidi mingħajr l-għemejjel hi mejta.”—Ġak. 2:26.
Ġakbu kiteb: “Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemejjel, u jien nurik il-fidi tiegħi bl-għemejjel tiegħi.” (Ġak. 2:18) Ġakbu spjega li biex ikollna l-fidi, irridu nagħmlu iktar milli sempliċement nemmnu. Id-demonji jemmnu li Alla jeżisti, imma m’għandhomx fidi f’Ġeħova. Minflok, huma jopponuh b’saħħa. (Ġak. 2:19, 20) Mill-banda l-oħra, xi ħadd li għandu l-fidi se jogħġob lil Alla billi jagħmel għemejjel tajbin. Hekk għamel Abraham. Ġakbu kiteb: “Missierna Abraham mhux bl-għemejjel ġie dikjarat ġust wara li kien offra lil ibnu Iżakk fuq l-artal? B’dan tistaʼ tara li l-fidi tiegħu ħadmet id f’id maʼ l-għemejjel tiegħu u b’dawn l-għemejjel il-fidi tiegħu saret perfetta.” (Ġak. 2:21-23) Imbagħad, Ġakbu enfasizza li fidi mingħajr għemejjel ma tiswa xejn billi qal il-kliem tal-iskrittura tal-lum. w16.10 4:8
Is-Sibt, 19 taʼ Mejju
“Poġġielhom f’qalbhom l-eternità.”—Ekk. 3:11.
Ix-xjentisti użaw ħafna mill-affarijiet li tgħallmu dwar l-univers u d-dinja tagħna biex itejbulna ħajjitna. Imma ma setgħux iwieġbu ħafna mistoqsijiet importanti. Pereżempju, l-astronomi ma jistgħux jgħidulna bl-eżatt kif beda l-univers jew għala l-bnedmin, l-annimali, u l-pjanti jeżistu fuq l-art. U l-biċċa l-kbira min-nies ma jistgħux jispjegaw għala l-bnedmin għandhom xewqa qawwija biex jgħixu għal dejjem. Raġuni waħda għala n-nies m’għandhomx it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet hi li x-xjentisti u oħrajn jgħidu li m’hemmx Alla u jinkuraġġixxu l-evoluzzjoni. Imma Alla jagħtina t-tweġibiet fil-Ktieb tiegħu stess, il-Bibbja. Ġeħova ħalaq il-ħafna liġijiet tan-natura. Dawn il-liġijiet ma jinbidlux. Nies tas-sengħa bħal elektrixins, plamers, inġinieri, piloti, kirurgi, u oħrajn jafdaw dawn il-liġijiet biex jagħmlu x-xogħol tagħhom. w16.11 2:4, 5
Il-Ħadd, 20 taʼ Mejju
Permezz t’Alla ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.—Atti 17:28.
Hemm ħafna raġunijiet għala għandna nkunu grati lejn Ġeħova! Waħda minnhom hi, “għax bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.” Hu tana wkoll il-Ktieb tiegħu stess, il-Bibbja. Bħall-Kristjani f’Tessalonika, aħna ngħożżu dan ir-rigal għax huwa messaġġ mingħandu. (1 Tess. 2:13) Il-Bibbja għenitna nersqu qrib lejn Ġeħova, u hu resaq qrib lejna. (Ġak. 4:8) Aħna tassew grati li Missierna stidinna nkunu parti mill-organizzazzjoni tiegħu! Inħossuna bħas-salmista li kiteb: “Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb: Għax il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu hi għal dejjem.” (Salm 136:1) F’kull vers taʼ dak is-salm, is-salmista rripeta l-kliem “għax il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu hi għal dejjem.” Iva, jekk aħna leali lejn Ġeħova u nsegwu d-direzzjoni li jagħtina permezz tal-organizzazzjoni tiegħu, hu se jagħtina ħajja taʼ dejjem u se jkun leali lejna għal dejjem! w16.11 3:18, 19
It-Tnejn, 21 taʼ Mejju
“Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.”—Rum. 5:12.
Dal-vers jintuża ħafna drabi fil-kotba Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? u X’Nistgħu Nitgħallmu mill-Bibbja? Meta nistudjaw kapitli 3, 5, u 6 mat-tfal tagħna u m’oħrajn, wisq probabbli se naqraw Rumani 5:12. Forsi nużaw dal-vers biex ngħinuhom jifhmu għala l-art mhix ġenna, għala neħtieġu l-fidwa, u għala mmutu. Imma dal-vers jistaʼ wkoll jgħinna lkoll kemm aħna biex inkabbru l-apprezzament għar-relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova. Dan jistaʼ jgħinna nkunu iktar determinati li nogħġbuh u li nkomplu nħarsu ’l quddiem għall-affarijiet li wegħedna. B’dispjaċir, aħna kollha midinbin. Niżbaljaw kuljum. Imma Ġeħova hu ħanin. Hu jaf li aħna imperfetti, u hu lest li jaħfrilna. (Salm 103:13, 14) Ġesù qalilna li jeħtieġ nitolbu ’l Alla biex jaħfrilna dnubietna. (Lq. 11:2-4) Meta Ġeħova jaħfrilna l-iżbalji li għamilna fil-passat, m’hemmx għalfejn nibqgħu naħsbu dwarhom. w16.12 1:1-3
It-Tlieta, 22 taʼ Mejju
“Dawk li huma f’armonija mal-laħam jixħtu moħħhom fuq l-affarijiet tal-laħam.”—Rum. 8:5.
Il-Kristjani f’Ruma kellhom bżonn jeżaminaw lilhom infushom u jaraw fuq xiex kien moħħhom. Kien fuq “l-affarijiet tal-laħam”? Illum, aħna wkoll għandna bżonn naħsbu dwar x’inhu l-iktar importanti għalina. Dwar xiex inħobbu nitkellmu l-iktar? Xi nħobbu nagħmlu verament? Xi wħud forsi jirrealizzaw li l-ħin kollu jaħsbu dwar li jipprovaw tipi differenti taʼ nbid, iżejnu djarhom, jixtru ħwejjeġ ġodda, jinvestu l-flus, jew jippjanaw vaganzi. Dawn l-affarijiet mhumiex ħżiena. Jistgħu jkunu affarijiet normali f’ħajjitna. Pereżempju, anke Ġesù pprovda l-inbid waqt tieġ, u Pawlu ssuġġerixxa lil Timotju biex jieħu “naqra nbid” minħabba saħħtu. (1 Tim. 5:23; Ġw. 2:3-11) Imma l-inbid ma kienx l-iktar ħaġa importanti f’ħajjithom. Xi ngħidu għalina? X’inhu l-interess prinċipali f’ħajjitna? w16.12 2:5, 10, 11
L-Erbgħa, 23 taʼ Mejju
“Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.”—Ebr. 13:5.
Din il-wegħda taʼ Ġeħova tgħinna nafdaw fi kliem Ġesù li nsibu f’Mattew 6:33. L-appostlu Pietru darba staqsa lil Ġesù: “Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk; allura aħna x’se jmissna?” (Mt. 19:27) Ġesù ma kkoreġiex lil Pietru għall-mistoqsija li għamel. Minflok, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu li kienu se jiġu ppremjati għas-sagrifiċċji tagħhom. L-appostli u oħrajn leali se jsaltnu maʼ Ġesù fis-sema fil-futur. Imma Ġesù qal ukoll li anke issa hemm premjijiet: “Kulmin telaq id-djar tiegħu jew lil ħutu subien jew bniet jew lil missieru jew lil ommu jew lit-tfal jew l-artijiet minħabba ismi jingħata ħafna iktar u jiret il-ħajja taʼ dejjem.” (Mt. 19:29) Is-segwaċi kollha taʼ Ġesù jistgħu jsibu missirijiet, ommijiet, aħwa subien, aħwa bniet, u wlied fil-kongregazzjoni llum. Ċertament li dan hu bil-wisq iktar taʼ valur minn kwalunkwe ħaġa li ħallejna warajna għas-Saltna t’Alla. w16.12 4:4, 5
Il-Ħamis, 24 taʼ Mejju
“Il-fidi hi l-istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom.”—Ebr. 11:1.
Ġeħova tana affarijiet meraviljużi biex nittamaw għalihom. Hu wiegħed li jqaddes lil ismu u li jġiegħel biex issir ir-rieda tiegħu fis-sema u fuq l-art. (Mt. 6:9, 10) Dawn huma l-iktar affarijiet importanti li nħarsu ’l quddiem għalihom. Ġeħova wegħedna wkoll li se jippremjana b’ħajja taʼ dejjem, kemm jekk fis-sema u kemm jekk fuq l-art. Kemm se tkun xi ħaġa meraviljuża! (Ġw. 10:16; 2 Pt. 3:13) U nħarsu ’l quddiem biex naraw kif Ġeħova se jkompli jiggwida u jappoġġja lin-nies tiegħu f’dawn l-aħħar jiem. Il-Bibbja tgħid li l-fidi hi “l-istennija garantita” taʼ dak li nittamaw għalih. Dan ifisser li dawk li għandhom il-fidi huma assolutament ċerti li l-affarijiet li wiegħed Ġeħova se jseħħu żgur. Mill-banda l-oħra, ħafna nies illum jittamaw u jixxennqu għal diversi affarijiet, imma ma jistgħux ikunu ċerti li dawn l-affarijiet xi darba se jseħħu. Pereżempju, persuna abbli tittama li tirbaħ il-lotterija, imma ma tistax tkun ċerta li se tirbaħha. w16.10 3:1, 2
Il-Ġimgħa, 25 taʼ Mejju
“Aqdu lil xulxin skond l-għotja li rċieva kull wieħed minnkom.”—1 Pt. 4:10.
Ġeħova ta lil kull wieħed minna għotjiet, kapaċitajiet, talenti, jew abbiltajiet differenti, u jħallina nagħżlu kif nużawhom. Jekk aħna modesti, se nużaw l-għotjiet li rċivejna bil-mod kif iridna Ġeħova. (Rum. 12:4-8) Aħna nirrealizzaw li Ġeħova jistenna li nużawhom biex nonoraw lilu u ngħinu lil oħrajn.Dak li nagħmlu fis-servizz taʼ Ġeħova għandu mnejn jinbidel maż-żmien. Bħala eżempju, aħseb fil-ħafna bidliet li esperjenza Ġesù. L-ewwel, hu kien waħdu maʼ Missieru. (Prov. 8:22) Imbagħad, hu għen lil Ġeħova biex jagħmel l-anġli, l-univers, u l-bnedmin. (Kol. 1:16) Iktar tard, hu ntbagħat fuq l-art u ġie mwieled bħala tarbija umana u mbagħad kiber u sar adult. (Flp. 2:7) Wara l-mewt tiegħu, Ġesù mar lura s-sema, u fl-1914 sar Sultan tas-Saltna t’Alla. (Ebr. 2:9) U fil-futur, wara li jmexxi bħala Sultan għal elf sena, Ġesù se jagħti s-Saltna lura lil Ġeħova biex hekk “Alla jkun kollox għal kulħadd.”—1 Kor. 15:28. w17.01 3:11, 12
Is-Sibt, 26 taʼ Mejju
“Agħżlu għalikom infuskom illum lil min se taqdu.”—Ġoż. 24:15.
Meta waħda mara ġiet biex tagħmel għażla personali, hi qalet lil ħabiba: “Iġġegħelnix naħseb; ikun eħfef li taqbad u tgħidli x’għandi nagħmel.” Il-mara riedet li xi ħadd jgħidilha x’għandha tagħmel minflok ma tuża l-libertà tal-għażla tagħha, rigal prezzjuż mingħand il-Ħallieq. Xi ngħidu għalik? Tħobb tieħu deċiżjonijiet għalik innifsek, jew tkun trid lil oħrajn jiddeċiedu għalik? Kif tqisha l-libertà tal-għażla? In-nies għandhom opinjonijiet differenti dwar il-libertà tal-għażla. Xi wħud jgħidu li fir-realtà din ma teżistix għax Alla diġà ddeċieda dwar l-azzjonijiet kollha tagħna. Oħrajn jgħidu li l-libertà tal-għażla hi possibbli biss jekk ikollna libertà assoluta. Madankollu, il-Bibbja tgħallimna li aħna ġejna maħluqin bl-abbiltà u l-libertà li nagħmlu għażliet personali b’intelliġenza. w17.01 2:1, 2
Il-Ħadd, 27 taʼ Mejju
Ibni Salamun hu żagħżugħ u bla esperjenza. Mela, ħa nħejji kollox għalih.—1 Kron. 22:5.
David setaʼ ħass li Salamun ma kienx lest li jieħu ħsieb proġett importanti bħal li jibni dar għal Alla. It-tempju kellu jkun ‘grandjuż b’mod straordinarju,’ u Salamun kien “żagħżugħ u bla esperjenza.” Imma David kien jaf li Ġeħova kien se jgħin lil Salamun jagħmel dan ix-xogħol speċjali. Allura David għamel kulma setaʼ biex jgħinu jipprepara għal dan il-proġett enormi. Bl-istess mod illum, aħwa ikbar fl-età m’għandhomx iħossuhom skuraġġiti meta jkollhom bżonn jagħtu xi responsabbiltajiet lil irġiel iżgħar. Ilkoll nirrealizzaw li l-iktar ħaġa importanti llum hi x-xogħol taʼ Ġeħova. It-taħriġ lil irġiel iżgħar biex jieħdu responsabbiltajiet se jgħin biex dan ix-xogħol isir. w17.01 5:8, 9
It-Tnejn, 28 taʼ Mejju
“Inqanqal għadwa bejnek u bejn il-mara u bejn nislek u nisilha. Hu jisħaqlek rasek.”—Ġen. 3:15.
Bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla, Ġesù se jeqred lil Satana u jneħħi l-problemi kollha li kkaġuna. Ġesù għen lid-dixxipli tiegħu jifhmu l-importanza tas-Saltna t’Alla. Kif? Eżatt wara l-magħmudija tiegħu, Ġesù beda jipprietka “l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla” kull fejn mar. (Lq. 4:43) Ukoll, hu qal lid-dixxipli tiegħu biex ikunu xhieda tiegħu “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:6-8) Illum, permezz tax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna, in-nies għandhom l-opportunità li jitgħallmu dwar il-fidwa u jsiru sudditi tas-Saltna t’Alla. Aħna nuru li aħna sudditi leali tas-Saltna billi ngħinu lill-midlukin jippritkaw l-aħbar tajba madwar id-dinja.—Mt. 24:14; 25:40. w17.02 2:7, 8
It-Tlieta, 29 taʼ Mejju
Kristu ta xi wħud bħala appostli.—Efes. 4:11.
Għalkemm il-ġemgħa li tiggverna kellha awtorità, il-membri tagħha fehmu li Ġesù Kristu kien il-Mexxej tagħhom. L-appostlu Pawlu qal li Kristu kien “il-kap,” jew il-Mexxej, tal-kongregazzjoni. (Efes. 4:15) U minflok ma semmew lilhom infushom għal xi appostlu, “id-dixxipli, bid-direzzjoni divina, bdew jissejħu Kristjani.” (Atti 11:26) Pawlu kien jaf li kien importanti li jsegwi t-tagħlim ibbażat fuq il-Bibbja mogħti mill-appostli u rġiel oħra li kellhom it-tmexxija. Xorta waħda, Pawlu qal: “Il-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu.” Din l-istqarrija inkludiet lil kull membru tal-ġemgħa li tiggverna. Imbagħad Pawlu żied jgħid: “Il-kap tal-Kristu hu Alla.” (1 Kor. 11:2, 3) Biċ-ċar, Ġeħova kien ħatar lil Ibnu, Kristu Ġesù, biex imexxi l-kongregazzjoni. w17.02 4:7
L-Erbgħa, 30 taʼ Mejju
“L-anzjani li jippresiedu bl-aħjar mod ħa jitqiesu li huma denji t’unur doppju.”—1 Tim. 5:17.
Li nonoraw lil oħrajn jgħinna nevitaw li nsiru egoisti u jgħinna nibqgħu umli meta ningħataw attenzjoni speċjali. Huwa taʼ protezzjoni wkoll għax jgħinna nevitaw li nitfixklu meta xi ħadd li nirrispettaw jagħmel xi ħaġa li tiddiżappuntana. Benefiċċju ieħor hu li jżommna magħqudin mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. L-organizzazzjoni ma tagħti lil ebda bniedem unur żejjed kemm jekk jemmen u kemm jekk ma jemminx. L-iktar benefiċċju importanti taʼ li nuru unur lil oħrajn hu li billi nagħmlu dan se nogħġbu lil Alla. Se nkunu qed nagħmlu dak li jridna nagħmlu u se nibqgħu leali lejh. Imbagħad, Ġeħova se jkun jistaʼ jagħti tweġiba lil Satana, li qal li ħadd ma jistaʼ jkun leali. (Prov. 27:11) Il-maġġoranza tan-nies fid-dinja ma jafux kif jagħtu unur lil oħrajn bil-mod it-tajjeb. Aħna grati ferm li nafu kif nagħtu unur bil-mod kif irid Ġeħova! w17.03 1:13, 20, 21
Il-Ħamis, 31 taʼ Mejju
Ġeħosafat għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova.—2 Kron. 20:32.
Ġeħosafat, iben Asa, “baqaʼ miexi fit-triq taʼ missieru Asa.” Kif? Bħal missieru, Ġeħosafat inkuraġġixxa lin-nies biex jibqgħu jqimu lil Ġeħova. Hu bagħat irġiel fil-bliet taʼ Ġuda biex jgħallmu lin-nies mill-“ktieb tal-liġi taʼ Ġeħova.” (2 Kron. 17:7-10) Hu saħansitra mar fit-territorju tas-saltna tal-Iżrael fit-Tramuntana, għand in-nies fil-muntanji t’Efrajm, “sabiex ireġġagħhom lura lejn Ġeħova.” (2 Kron. 19:4) Illum, Ġeħova jrid li n-nies madwar id-dinja kollha jiġu mgħallmin dwaru, u lkoll kemm aħna nistgħu ngħinu f’dan ix-xogħol. Hija l-mira tiegħek li tieħu sehem fih kull xahar? Tixtieq tgħallem il-Bibbja lil oħrajn sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jibdew iqimu lil Ġeħova? Hija din xi ħaġa li titlob dwarha? Jekk tagħmel l-isforz, Ġeħova jistaʼ jgħinek tibda studju tal-Bibbja. Se tkun lest li tistudja maʼ xi ħadd għalkemm ikollok iċċedi ftit mill-ħin liberu tiegħek? U l-istess bħalma Ġeħosafat ipprova jgħin lil oħrajn biex jerġgħu jibdew jaqdu lil Ġeħova, aħna nistgħu nipprovaw ngħinu lil dawk li saru inattivi. w17.03 3:10, 11