LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es19 pp. 7-17
  • Jannar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jannar
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
  • Sottitli
  • It-​Tlieta, 1 taʼ Jannar
  • L-​Erbgħa, 2 taʼ Jannar
  • Il-​Ħamis, 3 taʼ Jannar
  • Il-​Ġimgħa, 4 taʼ Jannar
  • Is-​Sibt, 5 taʼ Jannar
  • Il-​Ħadd, 6 taʼ Jannar
  • It-​Tnejn, 7 taʼ Jannar
  • It-​Tlieta, 8 taʼ Jannar
  • L-​Erbgħa, 9 taʼ Jannar
  • Il-​Ħamis, 10 taʼ Jannar
  • Il-​Ġimgħa, 11 taʼ Jannar
  • Is-​Sibt, 12 taʼ Jannar
  • Il-​Ħadd, 13 taʼ Jannar
  • It-​Tnejn, 14 taʼ Jannar
  • It-​Tlieta, 15 taʼ Jannar
  • L-​Erbgħa, 16 taʼ Jannar
  • Il-​Ħamis, 17 taʼ Jannar
  • Il-​Ġimgħa, 18 taʼ Jannar
  • Is-​Sibt, 19 taʼ Jannar
  • Il-​Ħadd, 20 taʼ Jannar
  • It-​Tnejn, 21 taʼ Jannar
  • It-​Tlieta, 22 taʼ Jannar
  • L-​Erbgħa, 23 taʼ Jannar
  • Il-​Ħamis, 24 taʼ Jannar
  • Il-​Ġimgħa, 25 taʼ Jannar
  • Is-​Sibt, 26 taʼ Jannar
  • Il-​Ħadd, 27 taʼ Jannar
  • It-​Tnejn, 28 taʼ Jannar
  • It-​Tlieta, 29 taʼ Jannar
  • L-​Erbgħa, 30 taʼ Jannar
  • Il-​Ħamis, 31 taʼ Jannar
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
es19 pp. 7-17

Jannar

It-​Tlieta, 1 taʼ Jannar

“Il-​bnedmin mogħtijin għall-​ħażen ma jistgħux jifhmu l-​ġustizzja.”—Prov. 28:5.

Hekk kif l-​aħħar jiem joqorbu lejn tmiemhom, in-​nies mill-​agħar ikomplu “jinbtu bħall-​ħaxix.” (Salm 92:7) Allura ma nissorprendux ruħna li ħafna nies jiċħdu dak li Alla jgħid li hu tajjeb. Pawlu qal lill-​Kristjani: “Kunu tfal ċkejknin għal dak li hu ħażen,” iżda “kunu nies li kibru għalkollox fil-​mentalità tagħhom.” (1 Kor. 14:20) Kif nistgħu nagħmlu dan? Insibu t-​tweġiba fl-​iskrittura tal-​lum li tgħid: “Dawk li qed ifittxu lil Ġeħova jistgħu jifhmu kollox.” Dan ifisser li huma jistgħu jifhmu kulma hemm bżonn biex jogħġbu lil Ġeħova. Proverbji 2:6-​9 wkoll jgħallimna li Ġeħova jagħti l-​għerf lil dawk li jagħmlu t-​tajjeb. B’hekk, huma jistgħu ‘jifhmu s-​sewwa u l-​ġustizzja u dak li hu rett, kulma għandhom jagħmlu biex jimxu tajjeb.’ Noè, Danjel, u Ġob kellhom dan l-​għerf divin. (Eżek. 14:14) U anke n-​nies t’Alla llum. Xi ngħidu għalik? Għandek għerf divin? Biex ‘tifhem dak kollu’ li għandek bżonn sabiex togħġob lil Ġeħova, jeħtieġ li tkun tafu tajjeb. w18.02 9-10 ¶1-3

L-​Erbgħa, 2 taʼ Jannar

“Tgħammdu f’isem il-​Mulej Ġesù.”—Atti 19:5.

Ħadd m’għandu jagħmel pressjoni fuq ibnu jew bintu jew student tal-​Bibbja biex jitgħammed. Ġeħova ma jisforza lil ħadd minna biex jaqdih. (1 Ġw. 4:8) Meta ngħallmu lil oħrajn għandna ngħinuhom jifhmu kemm hu importanti għalihom li jiżviluppaw relazzjoni personali maʼ Ġeħova. Imbagħad, jekk student tal-​Bibbja jkun verament grat li jaf il-​verità dwar Alla u tassew irid jagħmel dak kollu li l-​Kristjani veri għandhom jagħmlu, se jkun irid jitgħammed. (2 Kor. 5:14, 15) Persuna mhux bilfors irid ikollha ċerta età biex titgħammed. Kulħadd hu differenti, u xi studenti jagħmlu progress qabel oħrajn. Il-​ġurnata tal-​magħmudija hija żmien taʼ ferħ ġenwin. Hija żmien ukoll biex wieħed jaħseb sew dwar x’jinvolvu d-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Mhix xi ħaġa faċli li Kristjan veru jgħix skont id-​dedikazzjoni tiegħu. Id-​dixxipli taʼ Ġesù m’għandhomx ‘jgħixu iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.’—2 Kor. 5:15; Mt. 16:24. w18.03 7-8 ¶14-17

Il-​Ħamis, 3 taʼ Jannar

“Tinsewx l-​ospitalità, għax permezz tagħha xi wħud, bla ma kienu jafu, laqgħu għandhom lill-​anġli.”—Ebr. 13:2.

Ġieli kont bejn ħaltejn biex turi l-​ospitalità? Jekk iva, għandek mnejn tlift opportunità biex tkun maʼ kumpanija sabiħa u tagħmel ħbieb li se jkollok għal dejjem. Li turi l-​ospitalità hu wieħed mill-​aħjar modi biex tieqaf tħossok waħdek. Allura wieħed għala jistaʼ jżomm lura milli jkun ospitabbli? Jistaʼ jkun hemm numru taʼ raġunijiet. Waħda minnhom hi li n-​nies taʼ Ġeħova għandhom ħafna x’jagħmlu u għandhom ħafna responsabbiltajiet. Xi wħud jistgħu jħossu li m’għandhomx biżżejjed ħin jew enerġija biex ikunu ospitabbli. Jekk tħossok b’dan il-​mod, forsi għandek bżonn tibdel l-​iskeda tiegħek biex tkun tistaʼ turi l-​ospitalità u taċċettaha mingħand ħaddieħor. Dan hu importanti għax il-​Bibbja tħeġġiġna nkunu ospitabbli. Mhuwiex ħażin li nagħmlu l-​ħin għal dan; anzi hija ħaġa tajba li nkunu ospitabbli. Imma sabiex turi l-​ospitalità, jistaʼ jkollok bżonn tqattaʼ inqas ħin tagħmel affarijiet li huma inqas importanti. w18.03 18 ¶13-14

Il-​Ġimgħa, 4 taʼ Jannar

“Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.”—Lq. 4:43.

Mill-​bnedmin kollha li għexu, Ġesù hu l-​aqwa eżempju taʼ persuna b’moħħha ffokat fuq affarijiet spiritwali. Matul il-​ħajja u l-​ministeru tiegħu fuq l-​art, hu ta prova li ried jimita lil Missieru. Ġesù ħaseb, ħass, u aġixxa bħal Ġeħova. Hu għamel ir-​rieda t’Alla u rrispetta l-​livelli tiegħu. (Ġw. 8:29; 14:9; 15:10) Pereżempju, qabbel il-​mod kif Isaija ddeskriva l-​mogħdrija taʼ Ġeħova mal-​mod kif Marku ddeskriva s-​sentimenti taʼ Ġesù. (Is. 63:9; Mk. 6:34) Nimitaw aħna lil Ġesù billi nkunu dejjem lesti nuru mogħdrija maʼ dawk li għandhom bżonn l-​għajnuna? Niffokaw aħna fuq li nippritkaw u ngħallmu l-​aħbar tajba, bħal Ġesù? Dawk li għandhom moħħhom iffokat fuq affarijiet spiritwali juru mogħdrija u jipprovaw jgħinu lil oħrajn. w18.02 20 ¶12

Is-​Sibt, 5 taʼ Jannar

Rabbu lil uliedkom fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.—Efes. 6:4.

Hu diffiċli ħafna għall-​ġenituri biex irabbu ’l uliedhom fid-​dinja tal-​lum. (2 Tim. 3:1-5) Meta t-​tfal jitwieldu, huma ma jkunux jafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u l-​kuxjenza tagħhom ma tkunx imħarrġa. Allura jeħtieġu d-​dixxiplina biex iħarrġuha. (Rum. 2:14, 15) Studjuż tal-​Bibbja spjega li l-​kelma Griega tradotta “dixxiplina” tistaʼ tfisser ukoll “progress taʼ tifel,” jew it-​trobbija taʼ tifel biex ikun adult responsabbli. Tfal li jkunu dixxiplinati bi mħabba spiss iħossuhom protetti. Huma jitgħallmu li l-​libertà għandha limitu u li kulma jagħmlu fil-​ħajja għandu l-​konsegwenzi. Għalhekk, hu importanti ħafna li l-​ġenituri Kristjani jistrieħu fuq l-​għerf taʼ Ġeħova biex jgħinhom irabbu ’l uliedhom. L-​ideat dwar it-​trobbija tat-​tfal ivarjaw minn post għall-​ieħor, u dawn l-​ideat ikomplu jinbidlu. Madankollu, il-​ġenituri li jisimgħu minn Alla m’għandhomx għalfejn jipprovaw jaqtgħu x’għandhom jagħmlu jew jistrieħu fuq l-​esperjenza jew l-​ideat tal-​bnedmin. w18.03 29-30 ¶8-9

Il-​Ħadd, 6 taʼ Jannar

“Ibqgħu wettqu s-​salvazzjoni tagħkom bil-​biżaʼ u t-​tregħid.”—Flp. 2:12.

Bħala żagħżugħ Kristjan mgħammed int issa responsabbli għas-​salvazzjoni tiegħek stess, anke jekk għadek tgħix mal-​ġenituri. Għala hu importanti li tiftakar dan? Għax issa li int fl-​adoloxxenza għandek sentimenti u problemi ġodda. Waħda adoloxxenti qalet: “Tifel jew tifla ġeneralment mhux se tiddejjaq li tkun waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova sempliċement għax ma tiħux biċċa kejk tal-​birthday l-​iskola. Imma fi ftit tas-​snin, meta x-​xewqa biex tagħmel is-​sess issir iktar qawwija, hu jew hi għandha bżonn tkun konvinta għall-​aħħar li l-​ubbidjenza għal-​liġijiet taʼ Ġeħova hi dejjem l-​aħjar għażla.” Anke dawk li jitgħammdu meta jkunu adulti jkollhom il-​fidi tagħhom ittestjata b’modi li ma jkunux qed jistennew. Dawn it-​testijiet jistgħu jiġu miż-​żwieġ, mis-​saħħa, jew mix-​xogħol tagħhom. Għandna kemm għandna żmien, kull wieħed minna se jkollu bżonn ikun leali lejn Ġeħova f’ħafna sitwazzjonijiet differenti.—Ġak. 1:12-14. w17.12 22 ¶4-5

It-​Tnejn, 7 taʼ Jannar

“Jekk tinkorlaw, tidinbux.”—Efes. 4:26.

Ħafna nies qatt ma ġew trattati ħażin daqs David. Madankollu, dan il-​ħabib t’Alla ma mteliex bir-​rabja. Hu kiteb: “Itlaq ir-​rabja u ħalli d-​dagħdigħa; titbaqbaqx, u b’hekk tagħmel il-​ħażen.” (Salm 37:8) L-​iktar raġuni importanti biex “titlaq” ir-​rabja, jew tieqaf tkun irrabjat, hi li rridu nimitaw lil Ġeħova. Hu “m’għamlilniex skond dnubietna” imma ħafrilna. (Salm 103:10) Imma hemm ukoll benefiċċji prattiċi għaliex għandek titlaq ir-​rabja. Pereżempju, ir-​rabja tistaʼ twassal għal pressjoni għolja u problemi respiratorji. Tistaʼ tagħmel ħsara fil-​pulmun u fil-​frixa, u tistaʼ twassal għal problemi diġestivi. Ukoll, meta nkunu rrabjati, mhux dejjem naħsbu b’mod ċar. Aħna nistgħu ngħidu jew nagħmlu affarijiet li jweġġgħu lil oħrajn, u dan jistaʼ jġegħelna nħossuna dipressi għal żmien twil. Hu ħafna aħjar li nibqgħu kalmi. Il-​Bibbja tgħid: “Qalb kalma hija l-​ħajja tal-​ġisem.” (Prov. 14:30) Allura, x’nistgħu nagħmlu meta oħrajn iweġġgħu s-​sentimenti tagħna, u kif nistgħu nagħmlu paċi maʼ ħuna jew oħtna? Nistgħu napplikaw il-​parir għaqli tal-​Bibbja. w18.01 6-7 ¶14-15

It-​Tlieta, 8 taʼ Jannar

“Int ma tħallix lil ruħi fil-​Qabar. Ma tħallix lil-​leali tiegħek jara l-​ħofra.”—Salm 16:10.

David ma kienx qed jipprova jgħid li hu qatt ma kien se jmut u jkun fil-​Qabar. Il-​Kelma t’Alla tgħid b’mod ċar ħafna li David xjaħ u miet u “mtedd maʼ missirijietu u ndifen fil-​Belt taʼ David.” (1 Slat. 2:1, 10) Allura għal min qed jirreferi dal-​vers? Ftit ġimgħat wara li Ġesù miet u ġie rxoxtat, Pietru tkellem maʼ eluf taʼ Lhud u proseliti. (Atti 2:29-32) Hu fakkarhom li David kien miet u ndifen. U l-​Bibbja ma tgħidx li xi ħadd minnhom ma qabilx maʼ Pietru meta żied jgħid li David “ra minn qabel u tkellem dwar l-​irxoxt” tal-​Messija. Pietru saħħaħ il-​punt tiegħu billi kkwota l-​kliem taʼ David f’​Salm 110:1. (Atti 2:33-36) Ir-​raġunar taʼ Pietru għen lill-​folla kbira tkun konvinta li Ġesù kien “kemm Mulej u kemm Kristu.” In-​nies irrikonoxxew li Salm 16:10 ġie mwettaq meta Ġesù ġie rxoxtat mill-​mewt. w17.12 11-12 ¶10-12

L-​Erbgħa, 9 taʼ Jannar

“Kollox bl-​għadd u bl-​użin, u mbagħad l-​użin kollu nkiteb f’dak il-​waqt.”—Esd. 8:34.

Il-​Ġemgħa li Tiggverna hi leali u għaqlija fil-​mod kif tuża l-​kontribuzzjonijiet. (Mt. 24:45) Il-​membri tagħha jitolbu lil Ġeħova biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin, u jippjanaw b’għaqal kif se jużaw il-​flus. (Lq. 14:28) L-​appostlu Pawlu ġabar il-​flus biex jgħin lill-​aħwa fil-​Lhudija li kienu fil-​bżonn. Hu għamel ċert li dawk li wasslu l-​flus ħadu ħsiebhom ‘b’mod onest mhux biss quddiem Ġeħova imma wkoll quddiem il-​bnedmin.’ (2 Kor. 8:18-21) Illum, l-​organizzazzjoni tagħna timita lil Esdra u lil Pawlu u tuża l-​kontribuzzjonijiet b’għaqal kbir. (Esd. 8:24-33) Reċentement, saru ħafna proġetti sbieħ ġodda. L-​organizzazzjoni, bħal familja, tfittex modi kif tonfoq inqas flus u tissimplifika x-​xogħol, biex b’hekk tkun tistaʼ tuża l-​kontribuzzjonijiet ġenerużi tagħkom bl-​aħjar mod possibbli. w18.01 18 ¶12-13

Il-​Ħamis, 10 taʼ Jannar

“Ħallu l-​paċi tal-​Kristu jkollha kontroll fi qlubkom.”—Kol. 3:15.

L-​imħabba u l-​qalb tajba jistgħu jgħinuna naħfru lil oħrajn. Jekk inħossuna mweġġgħin minħabba dak li xi ħadd qal jew għamel, nistgħu niftakru fi drabi meta konna aħna li għedna jew għamilna xi ħaġa li tweġġaʼ. Ma napprezzawx aħna l-​imħabba u l-​qalb tajba taʼ ħutna li ħafrulna? (Ekk. 7:21, 22) Aħna grati li Kristu b’qalb tajba jgħaqqad lill-​aduraturi veri. Ilkoll kemm aħna nqimu lill-​istess Alla, nippritkaw l-​istess messaġġ, u għandna ħafna mill-​istess problemi. Billi nuru mħabba u qalb tajba u naħfru lil xulxin, aħna se ngħinu biex il-​kongregazzjoni tkun iktar magħquda u se nibqgħu ffokati fuq il-​premju. L-​għira tistaʼ ttellifna milli nirbħu l-​premju. Eżempji Bibliċi juru kemm l-​għira hi perikoluża. Pereżempju, Kajjin beda jgħir għal Abel u qatlu. Koraħ, Datan, u Abiram bdew jgħiru għal Mosè u rribellaw kontrih. Is-​Sultan Sawl beda jgħir għal David u pprova joqtlu. w17.11 29 ¶9-10

Il-​Ġimgħa, 11 taʼ Jannar

“Trid tfittex u tistħarreġ u tistaqsi bir-​reqqa.”—Dt. 13:14.

Meta l-​anzjani jaqdu f’kumitat ġudizzjali, huma għandhom joqogħdu attenti ħafna ħalli jiddeterminaw jekk il-​persuna li għamlet dnub serju hijiex niedma jew le. Dan mhux dejjem ikun faċli. L-​indiema tinvolvi kif il-​midneb iqis dak li jkun għamel u x’hemm f’qalbu. (Riv. 3:3) Midneb għandu jkun niedem sabiex jintwera l-​ħniena. Peress li Ġeħova u Ġesù jistgħu jaqraw il-​qlub, huma jafu eżattament dak li persuna qed taħseb u tħoss. Imma l-​anzjani ma jistgħux jaqraw il-​qlub. Allura, jekk int anzjan kif tistaʼ tkun taf jekk xi ħadd huwiex niedem verament? L-​ewwel, itlob għall-​għerf u l-​kapaċità biex tagħraf bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. (1 Slat. 3:9) It-​tieni, uża l-​Kelma t’Alla u l-​pubblikazzjonijiet mill-​ilsir leali u għaqli biex jgħinuk tara d-​differenza bejn “is-​swied taʼ qalb tad-​dinja” u “s-​swied taʼ qalb fi qbil mar-​rieda t’Alla,” jiġifieri, indiema sinċiera. (2 Kor. 7:10, 11) Ara kif il-​Bibbja tiddeskrivi lil dawk li kienu niedma u lil dawk li ma kinux, u eżamina kif ħassewhom, kif ħasbuha, u kif aġixxew. w17.11 19-20 ¶16-17

Is-​Sibt, 12 taʼ Jannar

It-​tfal ikunu diżubbidjenti lejn il-​ġenituri.—2 Tim. 3:2.

Illum, ħafna kotba, films, u programmi tat-​televixin iġibu din l-​imġiba tidher normali u aċċettabbli. Imma l-​verità hi li d-​diżubbidjenza ddgħajjef il-​familja, u dan iġib effetti negattivi fuq is-​soċjetà inġenerali. In-​nies ilhom jafuh dan il-​fatt. Pereżempju, fil-​Greċja tal-​qedem, raġel li jsawwat lill-​ġenituri kien jitlef id-​drittijiet tiegħu fil-​komunità. Taħt il-​liġi Rumana, xi ħadd li jsawwat lil missieru setaʼ jiġi kkastigat l-​istess bħal qattiel. L-​Iskrittura Ebrajka u l-​Iskrittura Griega t-​tnejn jikkmandaw lit-​tfal biex jobdu l-​ġenituri. (Eżo. 20:12; Efes. 6:1-3) X’jistaʼ jgħin lit-​tfal biex jobdu l-​ġenituri anki jekk dawk taʼ madwarhom mhumiex ubbidjenti? Meta t-​tfal jaħsbu dwar l-​affarijiet tajbin kollha li l-​ġenituri għamlu għalihom, huma għandhom iħossuhom grati u jkunu jridu jobduhom. Iż-​żgħażagħ jeħtieġ ukoll jifhmu li Alla, il-​Missier taʼ kull wieħed u waħda minna, jistenna li huma jobdu l-​ġenituri tagħhom. Hekk kif iż-​żgħażagħ jitkellmu pożittiv dwar ommhom u missierhom, huma jgħinu lil sħabhom jirrispettaw iktar il-​ġenituri tagħhom stess. w18.01 29 ¶8-9

Il-​Ħadd, 13 taʼ Jannar

“Kull wieħed ikun bħal post taʼ kenn mir-​riħ u lqugħ mill-​maltempata tax-​xita, bħal nixxigħat taʼ l-​ilma f’art bla ilma, bħad-​dell taʼ blata kbira f’art niexfa.”—Is. 32:2.

Illum, sabiex Kristjan li jkun għamel dnub serju jerġaʼ jkollu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, hu għandu bżonn imur għand l-​anzjani ħalli jkunu jistgħu jgħinuh. Dan għala hu daqshekk importanti? L-​ewwel, hu Ġeħova li għamel l-​arranġament għall-​anzjani biex jiġġudikaw każijiet taʼ dnubiet serji. (Ġak. 5:14-16) It-​tieni, l-​anzjani qegħdin hemm biex jgħinu lill-​midinbin li nidmu biex jerġaʼ jkollhom l-​approvazzjoni t’Alla u biex jevitaw li jirripetu d-​dnub. (Gal. 6:1; Ebr. 12:11) It-​tielet, l-​anzjani huma awtorizzati u mħarrġin sabiex iqawwu qalb il-​midinbin li nidmu u biex jgħinuhom itaffu l-​uġigħ u s-​sens taʼ ħtija li jkollhom. Lil anzjani bħal dawn, Ġeħova jsejħilhom “ilqugħ [jew kenn] mill-​maltempata tax-​xita.” Dan l-​arranġament hu mod wieħed kif Alla jħenn għalina. Ħafna mill-​qaddejja t’Alla ħassew is-​serħan li jiġi meta titkellem mal-​anzjani u tirċievi l-​għajnuna mingħandhom. w17.11 11 ¶8-9

It-​Tnejn, 14 taʼ Jannar

Id-​dixxiplina hi taʼ niket.—Ebr. 12:11.

Minkejja l-​uġigħ taʼ qalb li nħossu, aħna għandna nevitaw kuntatt maʼ membru tal-​familja li ġie maqtugħ mis-​sħubija bit-​telefown, messaġġi bil-​mowbajl, ittri, e-​mails, jew midja soċjali, jiġifieri, siti tal-​Internet fejn tistaʼ tixxerja informazzjoni personali m’oħrajn. Madankollu, qatt tieqaf tittama! L-​imħabba “kollox tittama,” allura aħna nibqgħu nittamaw li dawk li nħobbu jerġgħu lura lejn Ġeħova. (1 Kor. 13:7) Jekk tara evidenza li membru tal-​familja tiegħek qed itejjeb l-​attitudni tiegħu jew tagħha, int tistaʼ titlob għalih jew għaliha biex terġaʼ tikseb is-​saħħa mill-​Bibbja u taċċetta l-​istedina taʼ Ġeħova: “Erġaʼ lura lejja.” (Is. 44:22) Ġesù qal li għandna nħobbu lilu iktar minn kwalunkwe bniedem. U Ġesù kien ċert li d-​dixxipli tiegħu kien se jkollhom il-​kuraġġ biex jibqgħu leali lejh anke jekk il-​familja tagħhom opponiethom. Allura jekk il-​familja tiegħek topponik għax qed issegwi lil Ġesù, strieħ fuq Ġeħova. Itolbu jgħinek biex jirnexxilek tissaporti. (Is. 41:10, 13) Sib il-​ferħ f’li tkun taf li Ġeħova u Ġesù huma kuntenti bik u li se jippremjaw il-​lealtà tiegħek. w17.10 14 ¶19-21

It-​Tlieta, 15 taʼ Jannar

“Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija.”—Kol. 3:12.

Meta naraw nies ibatu minħabba l-​mard u l-​età avanzata, aħna nitħassruhom. Għandna sebaʼ mitt sena biex naraw dawn il-​problemi jispiċċaw, allura nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla. Sadattant, nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinu lill-​morda u dawk imdaħħlin fiż-​żmien. Wieħed awtur kiteb li darba ommu, li kienet kbira fl-​età u tbati bil-​marda tal-​Alzheimer, ħammġet ħwejjiġha. Waqt li kienet qed tipprova tnaddaf, daqqet il-​qanpiena tal-​bieb. Kienu ġew żewġ Xhieda li s-​soltu kienu jżuruha. L-​aħwa nisa staqsewha jekk kellhiex bżonn xi ħaġa. Il-​mara qaltilhom: “Qed nistħi minnkom, imma iva.” L-​aħwa għenuha tnaddaf. Imbagħad għamlulha kikkra te u baqgħu jitkellmu magħha. Binha kien grat ħafna u qal li x-​Xhieda “jagħmlu dak li jippritkaw.” Tqanqlek il-​mogħdrija tiegħek lejn il-​morda u dawk imdaħħlin fiż-​żmien biex int tagħmel kulma tistaʼ ħalli tgħinhom?—Flp. 2:3, 4. w17.09 10 ¶5; 13 ¶14

L-​Erbgħa, 16 taʼ Jannar

“Ħa ma nħobbu la bil-​kliem u lanqas bl-​ilsien, imma bl-​għemil u l-​verità.”—1 Ġw. 3:18.

Aħna għandna nkunu lesti li nagħmlu affarijiet bi mħabba u qalb tajba għal oħrajn, affarijiet li ħadd qatt mhu se jkun jaf li għamilniehom. (Mt. 6:1-4) Ukoll, għandna nkunu minn taʼ quddiem biex nonoraw lil oħrajn. (Rum. 12:10) Ġesù onora lill-​appostli tiegħu meta ħaslilhom saqajhom. (Ġw. 13:3-5, 12-15) Aħna għandna naħdmu iebes biex insiru umli bħal Ġesù u naqdu lil oħrajn. Kien biss meta l-​appostli rċivew l-​ispirtu qaddis li huma fehmu għalkollox dak li Ġesù kien għamel. (Ġw. 13:7) Aħna nonoraw lil oħrajn billi ma naħsbux li aħna aħjar minnhom minħabba li għandna iżjed edukazzjoni, aħna iktar sinjuri, jew għandna inkarigi speċjali. (Rum. 12:3) Ma ngħirux meta oħrajn jiġu mfaħħrin, imma nifirħu magħhom anke jekk inħossu li kellna niġu mfaħħrin xi ftit aħna wkoll. w17.10 5 ¶9-10

Il-​Ħamis, 17 taʼ Jannar

“Nagħmel kollox minħabba l-​aħbar tajba, biex naqsam dan il-​messaġġ m’oħrajn.”—1 Kor. 9:23.

Ħafna sabu li l-​użu tal-​Kelma t’Alla jistaʼ jkollu effett qawwi fuq in-​nies li nitkellmu magħhom fil-​ministeru. Pereżempju, wieħed ħu għamel żjara lura lil raġel xiħ li kien ilu jaqra r-​rivisti tagħna għal ħafna snin. Darba, minflok ma sempliċiment tah l-​aħħar rivista tat-​Torri tal-​Għassa, il-​ħu ddeċieda li jaqralu skrittura. Hu qara t-​2 Korintin 1:3, 4, li tgħid: “Il-​Missier taʼ kull ħniena tenera u l-​Alla taʼ kull faraġ . . . ifarraġna fit-​tribulazzjoni [jew, tbatija] kollha tagħna.” Dal-​kliem tant messlu qalbu lil dar-​raġel li talab lill-​ħu biex jerġaʼ jaqra l-​versi. Imbagħad ir-​raġel qal li hu u martu verament kellhom bżonn il-​faraġ. Minħabba din l-​iskrittura, hu ried ikun jaf iktar dwar il-​Bibbja. L-​użu tal-​Kelma t’Alla fil-​ministeru tagħna għandu qawwa kbira!—Atti 19:20. w17.09 23 ¶9-10

Il-​Ġimgħa, 18 taʼ Jannar

“Misslu s’għadmu u laħmu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek.”—Ġob 2:5.

X’aktarx, l-​istqarrija tax-​Xitan ġiegħlet lill-​qaddejja leali kollha taʼ Ġeħova fis-​sema biex iħossuhom ixxokkjati, irrabjati, u mimlijin disprezz. Forsi tħossok l-​istess meta taħseb dwar it-​tbatija kollha li kkaġuna Satana. Imma Ġeħova ma rreaġixxiex b’mod esaġerat. Hu wieġeb proprju bil-​mod xieraq. Ġeħova ma rrabjax malajr u kien ġust f’li jittratta mar-​ribelljoni taʼ Satana. (Eżo. 34:6; Ġob 2:2-6) Għala? Ġeħova ħalla ż-​żmien jgħaddi għax ma jridx li xi ħadd jinqered imma “jixtieq li kulħadd jasal għall-​indiema.” (2 Pt. 3:9) L-​eżempju taʼ Ġeħova jgħallimna li għandna bżonn naħsbu bil-​għaqal qabel nitkellmu u mhux nirreaġixxu fil-​pront. Allura meta jkollok bżonn tieħu deċiżjoni importanti, ħu l-​ħin biex taħseb. Itlob għall-​għerf biex tgħid jew tagħmel il-​ħaġa t-​tajba. (Salm 141:3) Meta nkunu rrabjati jew mifxulin, ikun faċli ħafna biex nagħmluhom bi kbar. Huwa għalhekk li ħafna ddispjaċiehom li qalu jew għamlu affarijiet mingħajr ma ħasbu!—Prov. 14:29; 15:28; 19:2. w17.09 4 ¶6-7

Is-​Sibt, 19 taʼ Jannar

Poġġi l-​kuruna fuq ras Ġożwè bin Ġeħosadak il-​qassis il-​kbir.—Żak. 6:11.

Il-​fatt li l-​Qassis il-​Kbir Ġożwè ġie inkurunat kien ifisser li sar sultan? Le. Ġożwè ma kienx dixxendent taʼ David, u għalhekk ma kienx jikkwalifika biex isir sultan. L-​inkurunar tiegħu ta stampa bil-​quddiem taʼ x’kien se jiġri lil dak li kien se jsir sultan u qassis għal dejjem, imsejjaħ Rimja. Il-​Bibbja tispjega li r-​raġel li jismu Rimja hu Ġesù Kristu. (Is. 11:1; Mt. 2:23) Ġesù hu Sultan kif ukoll Qassis il-​Kbir. Hu jmexxi l-​armata t’anġli taʼ Ġeħova u jaħdem iebes biex jgħin lill-​poplu t’Alla jħossu protett f’din id-​dinja vjolenti. (Ġer. 23:5, 6) Dalwaqt, Kristu se jegħleb lill-​ġnus hekk kif jappoġġja t-​tmexxija t’Alla u jiddefendi l-​poplu taʼ Ġeħova. (Riv. 17:12-14; 19:11, 14, 15) Imma qabel ma tiġi din il-​ġurnata, Ġesù, jew Rimja, għandu xogħol kbir x’jagħmel. w17.10 24-25 ¶12-14

Il-​Ħadd, 20 taʼ Jannar

“Inżgħu l-​personalità l-​qadima bid-​drawwiet tagħha.”—Kol. 3:9.

X’tagħmel kieku tinduna li l-​ħwejjeġ taʼ fuqek ikunu maħmuġin u jintnu? Int se tneħħihom minn fuqek malajr kemm jistaʼ jkun. B’mod simili, jekk nindunaw li qed nagħmlu affarijiet li Ġeħova jobgħod, hemm bżonn nagħmlu bidliet b’mod urġenti. Pawlu qal hekk dwar prattiki ħżiena bħal dawn: “Qisu li twarrbuhom kollha.” Waħda minnhom hi ż-​żina, jew, l-​immoralità sesswali. (Kol. 3:5-9) Fil-​Bibbja, l-​immoralità sesswali tinkludi relazzjonijiet sesswali bejn persuni li mhumiex miżżewġin lil xulxin legalment bħala raġel u mara. Pawlu qal li l-​Kristjani għandhom ‘imewtu l-​membri taʼ ġisimhom’ fejn tidħol l-​immoralità sesswali. Dan ifisser li għandna bżonn nagħmlu kull sforz biex neħilsu minn xewqat ħżiena. Li nagħmlu hekk jistaʼ jkun diffiċli, imma jistaʼ jirnexxilna! w17.08 16 ¶5-6

It-​Tnejn, 21 taʼ Jannar

“Jien se nistenna b’attitudni xierqa lill-​Alla tas-​salvazzjoni tiegħi.”—Mik. 7:7.

Il-​profeta Mikea kellu jissaporti sitwazzjonijiet diffiċli, l-​istess bħalna llum. Hu għex matul iż-​żmien li s-​Sultan Aħaż kien qed imexxi. Aħaż kien sultan tassew mill-​agħar. B’hekk, kien hemm ħafna korruzzjoni fil-​pajjiż. L-​affarijiet tant kienu ħżiena li l-​Bibbja tgħid li n-​nies kienu saru “pronti biex jagħmlu d-​deni, biex jagħmluh sew.” (Mik. 7:1-3) Mikea kien jaf li hu ma setax ibiddel din is-​sitwazzjoni. Jekk għandna fidi bħal taʼ Mikea, aħna se nkunu lesti nistennew lil Ġeħova. Is-​sitwazzjoni tagħna mhijiex bħal dik taʼ ħabsi li qed jistenna fiċ-​ċella tiegħu għall-​ġurnata meta se jinqatel. Hu qed jiġi sforzat jistenna, u mhux qed iħares ’il quddiem għal din il-​ġurnata. Aħna qegħdin f’sitwazzjoni differenti ħafna! Aħna lesti nistennew lil Ġeħova għax nafu li eżattament fil-​ħin xieraq, hu se jwettaq il-​wegħda tiegħu, dik li jagħtina ħajja taʼ dejjem! Għalhekk ‘nissaportu bis-​sħiħ u nibqgħu nistabru bil-​ferħ.’ (Kol. 1:11, 12) Hekk kif nistennew, aħna noqogħdu attenti li ma ngergrux li Ġeħova mhux qed jaġixxi malajr biżżejjed. Jekk nagħmlu dan, ma jiħux gost.—Kol. 3:12. w17.08 4-5 ¶6-7

It-​Tlieta, 22 taʼ Jannar

“Ġeħova jserraħ lill-​ġwejdin.”—Salm 147:6.

Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​għajnuna taʼ Ġeħova? Hemm bżonn li jkollna relazzjoni b’saħħitha miegħu. Għal dan, jeħtieġ li nkunu ġwejdin. (Sof. 2:3) Il-​ġwejdin jafdaw f’Ġeħova biex jikkoreġi xi inġustizzja u jtemm is-​sofferenza tagħhom. Lil dawn, Ġeħova japprovahom. Min-​naħa l-​oħra, Alla “jbaxxi maʼ l-​art lin-​nies mill-​agħar.” (Salm 147:6b) Aħna ma rridux li dan jiġri lilna! Aħna rridu li Alla jurina l-​imħabba leali tiegħu. Allura għandna nobogħdu dak li hu jobgħod. (Salm 97:10) Pereżempju, għandna nobogħdu l-​immoralità sesswali. Dan ifisser li għandna nevitaw kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ddaħħalna fiha, inkluż il-​pornografija. (Salm 119:37; Mt. 5:28) Din tistaʼ tkun ġlieda iebsa, imma hi taʼ min jiġġilidha għax b’hekk ikollna l-​barka taʼ Ġeħova. Ma nistgħux niġġieldu din il-​ġlieda waħedna. Għandna nistrieħu fuq Ġeħova. Jeħtieġ li nkomplu nitolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna u nitolbuh bil-​ħerqa biex jeħlisna mid-​dgħufijiet tagħna. w17.07 18-19 ¶11-13

L-​Erbgħa, 23 taʼ Jannar

“Min iħenn għall-​batut ikun qed jislef lil Ġeħova.”—Prov. 19:17.

Meta nużaw l-​affarijiet materjali tagħna biex nappoġġjaw oħrajn fil-​ministeru, anke jekk ma nistgħux naqdu full-​time jew immorru noqogħdu fejn il-​bżonn hu akbar, xorta nkunu qed ngħinu oħrajn jibbenefikaw. Pereżempju, id-​donazzjonijiet tagħna jgħinu biex tiġi provduta letteratura u biex jiġi appoġġjat ix-​xogħol tal-​ippritkar fi nħawi fqar ferm fejn ħafna qed jidħlu fil-​verità. F’dawn il-​pajjiżi, bħall-​Kongo, il-​Madagaskar, u l-​Irwanda, il-​Bibbji jistgħu jkunu għaljin ħafna. Xi drabi kopja waħda tiswa daqs paga taʼ ġimgħa jew xahar. Għal snin sħaħ, ħutna kellhom jiddeċiedu bejn li jixtru ikel għall-​familji tagħhom u li jixtru Bibbja. Issa, minħabba d-​donazzjonijiet t’oħrajn u tqassim taʼ fondi “ndaqs,” l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tittraduċi u tqassam Bibbji bla ħlas lil kull membru tal-​familja kif ukoll lill-​istudenti tal-​Bibbja.—2 Kor. 8:13-15. w17.07 6 ¶11

Il-​Ħamis, 24 taʼ Jannar

“Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.”—Prov. 27:11.

L-​esperjenza taʼ Ġob tistaʼ tfarraġna għax turi li l-​provi ma jfissrux li Ġeħova hu rrabjat magħna. Il-​provi jagħtuna opportunità biex nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova. Meta nissaportu bil-​lealtà, aħna nogħġbu lil Ġeħova, u t-​tama tagħna għall-​futur issir iktar b’saħħitha. (Rum. 5:3-5) L-​esperjenza taʼ Ġob turina li “Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.” (Ġak. 5:11) Jekk nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova, hu se jippremjana. Li nkunu nafu dan jgħinna ‘nissaportu bis-​sħiħ u nibqgħu nistabru bil-​ferħ.’ (Kol. 1:11) Veru, jistaʼ jkun diffiċli tiffoka fuq li tingħata prova tad-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova meta tkun qed tittratta maʼ problemi fil-​ħajja. Allura kontinwament għandna bżonn infakkru lilna nfusna kemm hu importanti li nappoġġjaw is-​sovranità t’Alla jkunu xi jkunu d-​diffikultajiet li nesperjenzaw. w17.06 19 ¶15-16

Il-​Ġimgħa, 25 taʼ Jannar

“Għassu kontra kull xenqa b’għira.”—Lq. 12:15.

Ħafna llum iħossu li għandu jkollhom ħwejjeġ tal-​aħħar moda, mowbajls u kompjuters l-​iktar reċenti, u nibqgħu sejrin. Huma jiġu affettwati bil-​materjaliżmu—stil taʼ ħajja fejn l-​affarijiet materjali u l-​flus huma iktar importanti minn kull ħaġa oħra. Bħala Kristjan, x’inhu l-​iktar importanti għalik? Staqsi lilek innifsek: ‘Inqattaʼ iktar ħin naħseb dwar l-​aħħar karozzi jew moda milli nipprepara għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni? Sirt għandi x’nagħmel tant fl-​attivitajiet taʼ kuljum li jkolli inqas ħin nitlob jew naqra l-​Bibbja?’ Jekk ma noqogħdux attenti, l-​imħabba għal affarijiet materjali tistaʼ ssir iktar importanti mill-​imħabba tagħna għal Kristu. Aħna għandna naħsbu dwar kliem Ġesù li jinsab fl-​iskrittura tal-​lum. Ġesù qal li “ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien.” Żied jgħid: “Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.” Mhux possibbli li nagħtu l-​aħjar tagħna lil Ġeħova u fl-​istess ħin inkunu ffokati fuq affarijiet materjali. (Mt. 6:24) Peress li imperfetti, għandna nkomplu niġġieldu kontra “x-​xewqat taʼ laħamna,” inkluż il-​materjaliżmu.—Efes. 2:3. w17.05 25-26 ¶15-16

Is-​Sibt, 26 taʼ Jannar

“Nagħmel kollox minħabba l-​aħbar tajba, biex naqsam dan il-​messaġġ m’oħrajn.”—1 Kor. 9:23.

Minħabba l-​imperfezzjoni tagħna, aħna bħal ġarar tal-​fuħħar. Imma l-​messaġġ li nippritkaw hu bħal teżor prezzjuż għax jistaʼ jwassal għal ħajja taʼ dejjem għalina u għal dawk li jisimgħuna. L-​appostlu Pawlu ħadem iebes biex jgħallem lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla. (Rum. 1:14, 15; 2 Tim. 4:2) L-​imħabba għall-​aħbar tajba għenitu jkompli jipprietka minkejja li ffaċċja persekuzzjoni ħarxa. (1 Tess. 2:2) Kif nistgħu nimitaw l-​imħabba li kellu Pawlu għall-​ministeru? Mod wieħed kif Pawlu wera li kien iħobb il-​ministeru kien billi juża kull opportunità biex jitkellem m’oħrajn. Bħal Pawlu u l-​Kristjani tal-​bidu, aħna wkoll naqsmu l-​aħbar tajba man-​nies minn dar għal dar, f’postijiet pubbliċi, u kull fejn nistgħu nsibuhom. (Atti 5:42; 20:20) Aħna nfittxu modi biex nippritkaw lil kemm jistaʼ jkun nies. Jekk iċ-​ċirkustanzi jippermettu, forsi nistgħu naqdu bħala pijunieri awżiljarji jew pijunieri regolari. Jew nistgħu nitgħallmu lingwa oħra, immorru ngħixu f’parti oħra taʼ pajjiżna stess, jew saħansitra f’pajjiż ieħor.—Atti 16:9, 10. w17.06 11 ¶8-9

Il-​Ħadd, 27 taʼ Jannar

“Kull muntanja u kull gżira tneħħew minn posthom.”—Riv. 6:14.

Ħafna mill-​ħażen fid-​dinja llum mhux ikkaġunat minn individwi imma minn organizzazzjonijiet. Organizzazzjonijiet reliġjużi jqarrqu b’miljuni taʼ nies. Huma jigdbu dwar min hu Alla, jgħidu li l-​Bibbja ma tistax tafdaha, u jingannaw lin-​nies dwar il-​futur tal-​art u l-​umanità. Gvernijiet korrotti jippromwovu l-​gwerra u vjolenza razzjali u jaħqru lill-​foqra u lil dawk li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom. Gvernijiet bħal dawn isiru iktar sinjuri u setgħanin billi juru l-​favoritiżmu jew jaċċettaw tixħim. Kumpaniji kbar rgħiba jniġġsu l-​ambjent, jeqirdu riżorsi naturali, u jieħdu vantaġġ min-​nies biex xi wħud ikunu jistgħu jistagħnew. Il-​Kelma taʼ Alla tgħid li l-​gvernijiet u l-​organizzazzjonijiet l-​oħrajn kollha li ma jappoġġjawx is-​Saltna t’Alla se jiġu meqrudin.—Ġer. 25:31-33. w17.04 12 ¶7-8

It-​Tnejn, 28 taʼ Jannar

“Ma nġibx il-​gwaj fi żmienu.”—1 Slat. 21:29.

Ġeħova, “dak li jeżamina l-​qlub,” il-​wieħed li jistaʼ jara min aħna verament, wera ħniena m’Aħab. (Prov. 17:3) Meta l-​familja u l-​ħbieb taʼ Nabot semgħu li l-​familja t’Aħab ma kinitx se tiġi kkastigata sakemm Aħab idum ħaj, il-​fidi tagħhom f’Alla setgħet għaddiet minn prova. Imma l-​umiltà kienet se tgħinhom jipproteġu l-​fidi tagħhom. Għala? Jekk kienu umli, huma kienu se jkomplu jaqdu lil Ġeħova, u jafdaw li hu impossibbli li Alla jkun inġust. (Dt. 32:3, 4) Fil-​futur, il-​familja taʼ Nabot se jesperjenzaw il-​barka li jaraw lill-​maħbubin tagħhom fl-​irxoxt. Se jkun hemm ġustizzja perfetta għal Nabot u wliedu. (Ġob 14:14, 15; Ġw. 5:28, 29) Persuna umli taf li “l-​Alla l-​veru se jiġġudika kull tip t’għemil, anki kulma hu moħbi, jekk hux tajjeb jew ħażin.” (Ekk. 12:14) Ġeħova jikkunsidra fatti li aħna ma nafux bihom. B’hekk, l-​umiltà tipproteġina milli nitilfu l-​fidi tagħna f’Ġeħova. w17.04 22-23 ¶8-9

It-​Tlieta, 29 taʼ Jannar

“Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu.”—Prov. 17:17.

Minħabba l-​kundizzjonijiet fid-​dinja, ħafna minn ħutna saru refuġjati. Dan jistaʼ jkun diffiċli ħafna. Immaġina l-​affarijiet li huma mistennija jitgħallmu f’daqqa: lingwa ġdida, drawwiet ġodda, u liġijiet ġodda dwar affarijiet bħal li jħallsu l-​kontijiet u t-​taxxi, l-​attendenza tal-​iskola, u anki d-​dixxiplina tat-​tfal! Tistaʼ bil-​paċenzja u r-​rispett tgħin lil dawn l-​aħwa rġiel u nisa li għandhom sfidi bħal dawn? (Flp. 2:3, 4) Kultant l-​awtoritajiet jagħmluha diffiċli għal ħutna biex jikkuntattjaw il-​kongregazzjoni lokali. Xi organizzazzjonijiet tal-​gvern jheddu li mhux se jibqgħu jgħinu lil ħutna. Jistgħu jgħidulhom li mhux se jħalluhom jgħixu fil-​pajjiż jekk jirrifjutaw xogħol li ma jippermettilhomx jattendu l-​laqgħat. Minħabba li jibżgħu u ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu, xi wħud aċċettaw dawn ix-​xogħlijiet. Mela huwa urġenti li niltaqgħu maʼ ħutna r-​refuġjati malajr kemm jistaʼ jkun xħin jaslu. Hemm bżonn jaraw li aħna jinteressana minnhom. Il-​fatt li nkunu kkonċernati dwarhom u nagħtuhom għajnuna prattika jistaʼ jsaħħilhom il-​fidi.—Prov. 12:25. w17.05 5 ¶9-10

L-​Erbgħa, 30 taʼ Jannar

“Tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira min-​nies.”—Mt. 24:12.

Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu spjega kif in-​nies kellhom jidentifikaw “il-​konklużjoni tas-​sistema.” Fost affarijiet oħra, hu bassar: “Tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira min-​nies.” (Mt. 24:3) Il-​Lhud fl-​ewwel seklu sostnew li kienu l-​poplu t’Alla iżda ħallew l-​imħabba tagħhom għal Alla tibred. Madankollu, il-​biċċa l-​kbira mill-​Kristjani f’dak iż-​żmien kellhom attitudni differenti. Huma kienu qed ixandru biż-​żelu “l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu” u juru mħabba lejn Alla, lejn sħabhom fit-​twemmin, u saħansitra lejn dawk li kienu għadhom ma jafux dwar il-​verità. Dawn il-​Kristjani baqaʼ jkollhom imħabba b’saħħitha għal Alla. (Atti 2:44-​47; 5:42) Iżda b’dispjaċir, kien hemm xi Kristjani tal-​bidu li tabilħaqq ħallew l-​imħabba tibred. Dan kif nafuh? Ġesù qal lill-​Kristjani tal-​bidu li kienu jgħixu f’Efesu: “Int tlaqt l-​imħabba li kellek fil-​bidu.” (Riv. 2:4) Setaʼ ġara li l-​Kristjani t’Efesu kienu qed jiġu influwenzati min-​nies taʼ madwarhom li kien moħħhom l-​iktar f’li jogħġbu lilhom infushom.—Efes. 2:2, 3. w17.05 15-16 ¶1-3

Il-​Ħamis, 31 taʼ Jannar

“Wettaq il-​wegħdi li tagħmel lil Ġeħova.”—Mt. 5:33.

Ġefta kien mexxej kuraġġuż u gwerrier qalbieni. Ħanna kienet mara umli li ħadet ħsieb żewġha u darha. It-​tnejn kienu jqimu lil Ġeħova. Imma kellhom xi ħaġa oħra komuni bejniethom. Kemm Ġefta kif ukoll Ħanna għamlu wegħda lil Ġeħova, u t-​tnejn li huma żammew il-​wegħda tagħhom bil-​lealtà. Huma eżempji eċċellenti għall-​irġiel u n-​nisa llum li jagħżlu li jagħmlu wegħdi lil Ġeħova. Fil-​Bibbja, wegħda hija meta tingħata kelma b’serjetà lil Alla. Pereżempju, persuna forsi twiegħed lil Ġeħova li se tagħmel xi ħaġa, toffri xi għotja, tidħol f’xi tip taʼ servizz, jew tiċċaħħad minn ċerti affarijiet. Il-​wegħdi jintgħamlu b’għażla, billi dak li jkun juża r-​rieda ħielsa tiegħu. Ħadd ma jiġi sforzat jagħmel wegħda. Imma meta persuna tagħżel li tagħmel dan, Ġeħova jqis il-​wegħda tagħha bħala kelma li ngħatatlu b’serjetà u li għandha tiġi rispettata u miżmuma. Fil-​Bibbja, wegħda hi importanti daqs ħalfa. Ħalfa hi stqarrija li fiha persuna taħlef li tagħmel jew ma tagħmilx xi ħaġa.—Ġen. 14:22, 23; Ebr. 6:16, 17. w17.04 3 ¶1-2

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja