LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es19 pp. 17-26
  • Frar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Frar
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
  • Sottitli
  • Il-​Ġimgħa, 1 taʼ Frar
  • Is-​Sibt, 2 taʼ Frar
  • Il-​Ħadd, 3 taʼ Frar
  • It-​Tnejn, 4 taʼ Frar
  • It-​Tlieta, 5 taʼ Frar
  • L-​Erbgħa, 6 taʼ Frar
  • Il-​Ħamis, 7 taʼ Frar
  • Il-​Ġimgħa, 8 taʼ Frar
  • Is-​Sibt, 9 taʼ Frar
  • Il-​Ħadd, 10 taʼ Frar
  • It-​Tnejn, 11 taʼ Frar
  • It-​Tlieta, 12 taʼ Frar
  • L-​Erbgħa, 13 taʼ Frar
  • Il-​Ħamis, 14 taʼ Frar
  • Il-​Ġimgħa, 15 taʼ Frar
  • Is-​Sibt, 16 taʼ Frar
  • Il-​Ħadd, 17 taʼ Frar
  • It-​Tnejn, 18 taʼ Frar
  • It-​Tlieta, 19 taʼ Frar
  • L-​Erbgħa, 20 taʼ Frar
  • Il-​Ħamis, 21 taʼ Frar
  • Il-​Ġimgħa, 22 taʼ Frar
  • Is-​Sibt, 23 taʼ Frar
  • Il-​Ħadd, 24 taʼ Frar
  • It-​Tnejn, 25 taʼ Frar
  • It-​Tlieta, 26 taʼ Frar
  • L-​Erbgħa, 27 taʼ Frar
  • Il-​Ħamis, 28 taʼ Frar
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
es19 pp. 17-26

Frar

Il-​Ġimgħa, 1 taʼ Frar

“Noè għamel skond kulma kien ordnalu Alla. Għamel preċiż hekk.”—Ġen. 6:22.

Noè kellu jistrieħ fuq Ġeħova biex jibni l-​arka. Aħna naqraw li hu “għamel preċiż hekk,” jew eżatt bħalma qallu Ġeħova. X’kien ir-​riżultat? L-​arka salvat il-​ħajja taʼ Noè u taʼ familtu! Noè kellu suċċess ukoll bħala ġenitur. Għala? Għax hu fada fl-​għerf t’Alla. Noè għallimhom sew ’l uliedu u kien eżempju tajjeb għalihom. Dan ma kienx faċli f’dak iż-​żmien mill-​agħar taʼ qabel id-​Dulluvju. (Ġen. 6:5) Jekk int ġenitur, kif tistaʼ tagħmel “preċiż hekk”? Ismaʼ minn Ġeħova. Ħallih jgħinek trabbi ’l uliedek. Uża l-​pariri mill-​Kelma tiegħu u mill-​organizzazzjoni tiegħu. Madankollu, minkejja li l-​ġenituri jagħmlu kulma jistgħu biex jgħallmu lit-​tifel tagħhom, it-​tifel xorta jistaʼ jitlaq lil Ġeħova. Imma ġenitur li jkun għamel l-​almu tiegħu jistaʼ jkollu kuxjenza tajba u jistaʼ jittama li xi darba ibnu jew bintu terġaʼ lura għand Ġeħova. w18.03 30 ¶10-11

Is-​Sibt, 2 taʼ Frar

“Uru l-​ospitalità maʼ xulxin.”—1 Pt. 4:9.

Qatt xtaqt li tkun ospitabbli imma ħassejt li m’intix kapaċi? Forsi int mistħi u tinkwieta li l-​mistidnin tiegħek se jiddejqu. Jew forsi ma tantx għandek flus u tinkwieta li ma tistax toffri lill-​mistidnin tiegħek dak li jistgħu joffrulhom aħwa oħra. Imma ftakar li dar m’għandhiex għalfejn tkun sabiħa ħafna jew lussuża. Il-​mistidnin tiegħek se jkunu kuntenti jekk darek tkun nadifa u żbarazzata u jekk int tkun dħuli magħhom. M’hemmx għalfejn ninkwetaw, għax dak li jgħodd verament hu li nuru mħabba mal-​mistidnin tagħna. Dejjem hu tajjeb li turi interess personali fil-​mistidnin. (Flp. 2:4) Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jieħdu pjaċir jitkellmu dwar l-​esperjenzi taʼ ħajjithom. Aħna nistgħu nisimgħu l-​esperjenzi tagħhom biss meta niltaqgħu flimkien. Anzjan jikteb: “Li nistieden għandi aħwa mill-​kongregazzjoni jgħinni nifhimhom aħjar u jagħtini ċans insir nafhom, speċjalment kif ġew fil-​verità.” Jekk turi interess personali fil-​mistidnin tiegħek, tistaʼ tkun ċert li kulħadd se jieħu pjaċir. w18.03 18 ¶15-17

Il-​Ħadd, 3 taʼ Frar

“Għala qed titnikker? Qum, tgħammed.”—Atti 22:16.

Il-​ġenituri jridu jgħinu ’l uliedhom jieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Jekk tifel jew tifla tistenna biex titgħammed mingħajr ma jkollha raġuni tajba, dan jistaʼ jagħmel ħsara lir-​relazzjoni tagħha maʼ Ġeħova. (Ġak. 4:17) Qabel ma binhom jew binthom titgħammed, ġenituri għaqlin iridu jkunu ċerti li hu jew hi tinsab lesta biex issir dixxiplu taʼ Kristu. Xi indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet innotaw li ħafna żgħażagħ li jkollhom ftit inqas jew ftit iktar minn 20 sena jkunu għadhom ma tgħammdux, avolja jkunu trabbew fil-​verità. Fil-​biċċa l-​kbira, dawn iż-​żgħażagħ imorru l-​laqgħat, jieħdu sehem fis-​servizz tal-​għalqa, u jqisu lilhom infushom bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Xorta waħda, għal xi raġuni ma jkunux iddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u tgħammdu. Xi drabi, dan jiġri għax il-​ġenituri jaħsbu li wliedhom mhumiex lesti biex jitgħammdu. w18.03 9 ¶1-2

It-​Tnejn, 4 taʼ Frar

Ħa jkollkom l-​istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù.—Rum. 15:5.

Sabiex inkunu bħal Kristu għandna bżonn nitgħallmu kif kien jaħseb, iħossu, u jaġixxi. Iktar minn kull ħaġa oħra, hu kien jinteressah mir-​relazzjoni tiegħu m’Alla. Allura, li nkunu bħal Ġesù jressaqna eqreb lejn Ġeħova. Għalhekk huwa importanti ħafna li nitgħallmu naħsbu kif kien jaħseb Ġesù. Kif nistgħu nitgħallmu nagħmlu dan? Id-​dixxipli tiegħu rawh iwettaq il-​mirakli, semgħuh jgħallem folol kbar, raw kif ittratta lil kull tip taʼ nies, u nnotaw kif kien iggwidat mill-​ħsieb taʼ Ġeħova. (Atti 10:39) Illum, ma nistgħux naraw lil Ġesù. Imma għandna r-​rakkonti tal-​Evanġelji, li jgħinuna nsiru nafuh sew. Meta naqraw u nimmeditaw fuq il-​kotba taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni, nitgħallmu iktar dwar kif jaħseb Ġesù. Dan jgħinna ‘nimxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu’ ħalli jkun jistaʼ jkollna “l-​istess dispożizzjoni mentali” li kellu hu.—1 Pt. 2:21; 4:1. w18.02 20-21 ¶15-16

It-​Tlieta, 5 taʼ Frar

“Il-​fidi tiġi minn dak li nstemaʼ.”—Rum. 10:17.

Minn meta Adam u Eva beda jkollhom it-​tfal, in-​nies tgħallmu dwar Ġeħova bi tliet modi: permezz tal-​ħolqien tiegħu, mingħand qaddejja leali oħra t’Alla, u milli esperjenzaw il-​barkiet talli obdewh. (Is. 48:18) Billi osserva l-​ħolqien, Noè setaʼ jkollu evidenza li Alla jeżisti u setaʼ wkoll jitgħallem dwar il-​kwalitajiet t’Alla. B’hekk, Noè kien se jifhem li Ġeħova għandu qawwa kbira u li hu l-​uniku Alla veru. (Rum. 1:20) Allura, Noè mhux biss emmen f’Alla, iżda wkoll żviluppa fidi b’saħħitha fih. Probabbilment, Noè sema’ dwar Ġeħova mingħand qrabatu. Missieru, Lamek, kellu fidi f’Alla u twieled qabel miet Adam. Nannuh kien Metuselaħ, u l-​bużbużnannu tiegħu kien Ġared, li miet 366 sena wara li twieled Noè. (Lq. 3:36, 37) Noè ħabb dak li tgħallem, u dan immotivah biex jaqdi lil Ġeħova.—Ġen. 6:9. w18.02 10 ¶4-5

L-​Erbgħa, 6 taʼ Frar

“Tħallux ix-​xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati.”—Efes. 4:26.

Meta xi ħadd minn ħutna spiritwali jew membru tal-​familja li hu Kristjan jagħmel jew jgħid xi ħaġa li tweġġagħna, aħna nistgħu ninħasdu. Imma xi ngħidu jekk ma nistgħux ninsew dak li ġara? Se nibqgħu rrabjati, forsi saħansitra għal ħafna snin? Jew se nsegwu l-​parir għaqli tal-​Bibbja biex nirranġaw il-​kwistjoni malajr? Iktar ma ndumu biex nitkellmu mal-​persuna l-​oħra, iktar se jkun diffiċli għalina biex nagħmlu paċi. X’passi tistaʼ tieħu biex tagħmel il-​paċi? L-​ewwel, tistaʼ titlob lil Ġeħova. Itolbu bil-​ħrara biex jgħinek ikollok konversazzjoni tajba maʼ ħuk. Ftakar li ħuk hu “l-​ħabib taʼ Ġeħova” wkoll. (Ġak. 2:23) Ġeħova jittratta lil ħbiebu b’qalb tajba, u hu jistenna li aħna nagħmlu l-​istess. (Prov. 15:23; Mt. 7:12; Kol. 4:6) It-​tieni, aħseb sew dwar dak li se tgħid lil ħuk. Tassumix li ried iweġġgħek. Kun lest li tammetti li int stajt ħloqt parti mill-​problema. w18.01 7 ¶15-16

Il-​Ħamis, 7 taʼ Frar

“Bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin.”—Ġw. 13:34.

Il-​qaddejja taʼ Ġeħova huma differenti ħafna mill-​biċċa l-​kbira tan-​nies fid-​dinja għax huma juru mħabba ġenwina lejn oħrajn. Dan dejjem kien minnu. Fil-​fatt, Ġesù qal li l-​uniku kmand li kien iktar importanti mill-​kmand biex inħobbu lil ħaddieħor fil-​Liġi taʼ Mosè kien il-​kmand biex inħobbu lil Alla. (Mt. 22:37-39) Ġesù qal ukoll li l-​Kristjani veri kienu se jkunu magħrufin għall-​imħabba li juru lejn xulxin. (Ġw. 13:35) Il-​Kristjani veri kienu se jħobbu saħansitra lill-​għedewwa tagħhom. (Mt. 5:43, 44) Ġesù wera mħabba kbira lejn oħrajn. Hu għamel dan billi vvjaġġa minn belt għal oħra biex jgħid lin-​nies l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla. Hu fejjaq lill-​għomja, liz-​zopop, lil dawk li kellhom il-​ġdiem, u lit-​torox. Ukoll, hu rxoxta lil dawk li kienu mietu. (Lq. 7:22) Ġesù saħansitra ta ħajtu biex isalva l-​bnedmin. Ġesù imita perfettament l-​imħabba taʼ Missieru. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja kollha qed jimitaw lil Ġesù u juru mħabba lejn oħrajn. w18.01 30 ¶11-12

Il-​Ġimgħa, 8 taʼ Frar

“Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.”—Flp. 4:13.

Int għandek mnejn li kkwalifikajt għall-​magħmudija taʼ età żgħira. Madankollu, mhux dejjem tistaʼ tgħid minn qabel liema sfidi se tiffaċċja fil-​futur. Bħala għajnuna biex tibqaʼ leali, dejjem ftakar li l-​wegħda li għamilt lil Ġeħova hi bla kundizzjoni. Dan ifisser li wegħedt lill-​Iktar Għoli li se taqdih jiġri x’jiġri, anke jekk sħabek jew il-​ġenituri tiegħek jieqfu jaqduh. (Salm 27:10) F’kull sitwazzjoni, kun ċert li titlob lil Ġeħova biex jgħinek iżżomm il-​wegħda li għamiltlu. (Flp. 4:11, 12) Ġeħova jridek tkun il-​ħabib tiegħu. Imma hemm bżonn sforz biex iżżomm din il-​ħbiberija b’saħħitha u twettaq is-​salvazzjoni tiegħek. Filippin 2:12 jgħid: ‘Ibqaʼ wettaq is-​salvazzjoni tiegħek bil-​biżaʼ u t-​tregħid.’ Allura aħseb sew dwar kif se tibqaʼ qrib taʼ Ġeħova u tibqaʼ leali jiġri x’jiġri. Ma nistgħux sempliċement nassumu li se nagħmlu dan. Ftakar li anke xi wħud li qdew lil Alla għal ħafna snin ma baqgħux leali. w17.12 22 ¶4, 6-7

Is-​Sibt, 9 taʼ Frar

“Offrejt minn rajja dawn l-​affarijiet kollha.”—1 Kron. 29:17.

Ġeħova jagħtina l-​privileġġ u l-​opportunità biex nappoġġjaw ix-​xogħol kbir tas-​Saltna li qed isir. Hu jassigurana li meta nagħmlu hekk se jberikna. (Mal. 3:10) Ġeħova jwegħedna li jekk nagħtu mill-​qalb se nirċievu ħafna barkiet. (Prov. 11:24, 25) Hu anke jgħidilna li meta nagħtu lil oħrajn se nkunu ferħanin għax “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) B’dak li ngħidu u nagħmlu, nistgħu ngħallmu lit-​tfal tagħna u wħud ġodda li huma wkoll jistgħu jgħinu f’dan ix-​xogħol u jgawdu ħafna barkiet. Dak kollu li għandna ġej mingħand Ġeħova. Meta aħna nagħtu lura lilu, inkunu qed nuruh li nħobbuh u napprezzaw dak kollu li għamel magħna. Meta l-​Iżraelin taw kontribuzzjonijiet għall-​bini tat-​tempju, huma ‘ferħu minħabba l-​offerti.’ (1 Kron. 29:9) Ejja aħna wkoll inkomplu nsibu l-​ferħ meta nagħtu lura lil Ġeħova minn dak li hu diġà tana. w18.01 20 ¶18-19

Il-​Ħadd, 10 taʼ Frar

“Kull wieħed skond kif imissu: Kristu l-​ewwel frott; wara, dawk li huma tal-​Kristu matul il-​preżenza tiegħu.”—1 Kor. 15:23.

L-​ewwel irxoxt għas-​sema kien se jseħħ xi żmien wara li bdiet il-​preżenza taʼ Kristu. Uħud midlukin li jkunu fuq l-​art matul it-​tribulazzjoni l-​kbira se ‘jittieħdu fis-​sħab.’ (1 Tess. 4:13-17; Mt. 24:31) Meta jmutu, huma ‘lkoll se jitbiddlu, f’mument, f’ħakka t’għajn, matul l-​aħħar trumbetta.’ (1 Kor. 15:51, 52) Illum, il-​biċċa l-​kbira tal-​Kristjani leali mhumiex midlukin u mhumiex magħżulin biex imexxu maʼ Kristu fis-​sema. Minflok, huma qed iħarsu ’l quddiem għal “jum Ġeħova,” meta hu se jtemm din id-​dinja mill-​agħar. Ħadd ma jaf eżattament meta ġej dan it-​tmiem, imma l-​evidenza turi li hu qrib. (1 Tess. 5:1-3) Meta tiġi d-​dinja l-​ġdida t’Alla, se jkun hemm tip differenti taʼ rxoxt. F’dak iż-​żmien, in-​nies se jiġu rxoxtati għall-​ħajja fuq l-​art u se jkollhom it-​tama li jsiru perfetti u qatt ma jerġgħu jmutu. w17.12 12 ¶15; 13 ¶18-19

It-​Tnejn, 11 taʼ Frar

“Fejn hemm l-​għira u l-​ġlied, hemm id-​diżordni u kull ħaġa vili.”—Ġak. 3:16.

Jekk naħdmu iebes sabiex ġenwinament nuru mħabba u qalb tajba, se jkun diffiċli li nibdew ngħiru. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba. L-​imħabba ma tgħirx.” (1 Kor. 13:4) Sabiex nagħmlu ċert li l-​għira ma ssirx parti mill-​personalità tagħna, għandna bżonn nipprovaw naraw l-​affarijiet kif jarahom Ġeħova. Jeħtieġ li nqisu lil ħutna bħala membri tal-​istess ġisem, li hu l-​kongregazzjoni. Il-​Bibbja tgħid: “Jekk membru jiġi glorifikat, il-​membri l-​oħra kollha jithennew miegħu.” (1 Kor. 12:16-​18, 26) Għalhekk, minflok ma ngħiru, aħna se nkunu ferħanin meta xi ħadd jirċievi xi barka. Aħseb dwar l-​eżempju tajjeb taʼ Ġonatan, it-​tifel tas-​Sultan Sawl. Ġonatan ma għerx meta David intgħażel biex ikun sultan floku. Hu saħansitra inkuraġġixxa u appoġġja lil David. (1 Sam. 23:16-18) Nistgħu aħna nuru qalb tajba u mħabba bħal Ġonatan? w17.11 29 ¶10-11

It-​Tlieta, 12 taʼ Frar

“Mhux se jiġġudika biss fuq dak li jara b’għajnejh, lanqas ma jwiddeb sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh. U bis-​sewwa jiġġudika lill-​batuti, u b’mod rett jagħti twiddib.”—Is. 11:3, 4.

Ġeħova inkluda l-​Liġi fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Hu jridna nifhmu u napplikaw “l-​affarijiet li huma iktar importanti,” fi kliem ieħor, il-​prinċipji wara l-​Liġi. (Mt. 23:23) Il-​Liġi Mosajka fiha “l-​qafas taʼ l-​għarfien u tal-​verità.” Din tgħallimna dwar Ġeħova u l-​prinċipji tiegħu. (Rum. 2:20) Il-​bliet tar-​refuġju deskritti fil-​Liġi jgħallmu lill-​anzjani kif ‘jiġġudikaw bil-​ġustizzja vera,’ u jgħallmu lilna lkoll biex nuru ‘l-​ħniena u l-​qalb tajba bl-​imħabba [jew, l-​imħabba leali] maʼ xulxin.’ (Żak. 7:9) Għalkemm mhux mistenni minna li nsegwu l-​Liġi, Ġeħova ma nbidilx. Il-​ġustizzja u l-​ħniena xorta għadhom importanti ħafna għalih. Huwa privileġġ li nqimu Alla bħal dan. Ejja nimitaw il-​kwalitajiet sbieħ tiegħu u nsibu sigurtà u protezzjoni fih! w17.11 15-16 ¶2-3; 20 ¶18-19

L-​Erbgħa, 13 taʼ Frar

“Hieni l-​bniedem li sab l-​għerf, u l-​bniedem li jikseb id-​dixxerniment.”—Prov. 3:13.

L-​aħwa rġiel li jgħallmu mill-​platform għandhom jagħmlu ċert li l-​Iskrittura trid tkun l-​iktar parti importanti taʼ kull taħdita. (Ġw. 7:16) Allura oqgħod attent ħafna li l-​mod kif tagħti t-​taħdita u l-​esperjenzi jew l-​eżempji li tuża ma jnaqqsux mill-​attenzjoni li għandha tingħata lill-​Bibbja. Ukoll, ftakar illi li taqra mill-​Bibbja mhuwiex l-​istess bħal li tgħallem mill-​Bibbja. Fil-​fatt, jekk taqra skoss skritturi, il-​maġġoranza tan-​nies mhumiex se jiftakruhom. Allura agħżel b’attenzjoni l-​iskritturi li trid tuża. Imbagħad ħu l-​ħin biex taqra, tispjega, tagħti eżempji li għandhom x’jaqsmu mal-​vers, u tapplikahom sew fit-​taħdita. (Neħ. 8:8) Ipprova ifhem x’konnessjoni hemm bejn l-​outline u l-​iskritturi. U l-​iktar importanti, itlob lil Ġeħova jgħinek biex taqsam il-​ħsibijiet prezzjużi tiegħu mill-​Bibbja m’oħrajn.—Esd. 7:10. w17.09 24 ¶11-12

Il-​Ħamis, 14 taʼ Frar

Erġgħu lura lejja, u jien nerġaʼ lura lejkom.—Żak. 1:3.

Kienet is-​sena 537 qabel Kristu (QK), u l-​poplu taʼ Ġeħova kien ferħan ħafna. Kienu ilhom ilsiera f’Babilonja għal 70 sena sħaħ, imma issa kienu nħelsu u kienu eċċitati biex imorru lura Ġerusalemm ħalli jerġgħu jibnu t-​tempju u jqimu lil Ġeħova hemm. Sena wara, l-​Iżraelin qiegħdu l-​pedament tat-​tempju. Sittax-​il sena wara li tqiegħed il-​pedament, it-​tempju taʼ Ġeħova kien għadu ma tlestiex. Il-​poplu t’Alla kellu bżonn jiġi mfakkar biex jerġaʼ lura lejn Ġeħova u jieqaf jaħseb dwaru nnifsu. Għalhekk fis-​sena 520 QK, Ġeħova bagħat lill-​profeta tiegħu Żakkarija sabiex jgħin lin-​nies jiftakru għala Hu kien ħelishom minn Babilonja. Hu taʼ interess li isem Żakkarija jfisser “Jah Ftakar.” Għalkemm l-​Iżraelin kienu nsew dak li għamel Ġeħova għalihom, Alla xorta ftakar fihom. (Żak. 1:3, 4) Ġeħova wiegħed li jgħinhom iġeddu l-​qima pura. Iżda wkoll wissiehom li biex jaċċetta l-​qima tagħhom, huma kellhom jagħtuh l-​aħjar. w17.10 15-​16 ¶2-3

Il-​Ġimgħa, 15 taʼ Frar

“Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza.”—Efes. 4:32.

Esperti tas-​saħħa mentali jgħidu illi li nuru mogħdrija jistaʼ jtejbilna saħħitna u r-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn. Meta tgħin lil min qed ibati se tħossok iżjed ferħan, iżjed fiduċjuż, tħossok inqas waħdek, u inqas negattiv. Li turi mogħdrija hu taʼ ġid għalik. Meta l-​imħabba tqanqalna biex ngħinu lil oħrajn, aħna jkollna kuxjenza tajba għax nafu li nkunu qed nagħmlu dak li Ġeħova jrid. Il-​mogħdrija se tgħinna nkunu ġenituri, irġiel u nisa miżżewġin, u ħbieb aħjar. Flimkien maʼ dan, nies li juru mogħdrija lejn oħrajn ġeneralment se jiġu megħjunin meta jkollhom bżonn. (Mt. 5:7; Lq. 6:38) Għalkemm li nuru mogħdrija hu taʼ ġid għalina, ir-​raġuni ewlenija għala nagħmlu dan hi għaliex irridu nimitaw lil Ġeħova u nġibulu glorja. Hu s-​Sors tal-​imħabba u l-​mogħdrija.—Prov. 14:31. w17.09 14 ¶16-17

Is-​Sibt, 16 taʼ Frar

“Joqgħod bil-​qiegħda u jaħkem fuq it-​tron tiegħu, u jsir qassis fuq it-​tron tiegħu.”—Żak. 6:13.

Flimkien maʼ li jkun Sultan u Qassis il-​Kbir, Ġesù kien inkarigat biex “jibni t-​tempju taʼ Ġeħova.” Fl-​1919, hu għamel dan ix-​xogħol taʼ bini billi ħeles lill-​poplu t’Alla mill-​influwenza tar-​reliġjon falza, Babilonja l-​Kbira. Ġesù reġaʼ stabbilixxa l-​kongregazzjoni u ħatar “ilsir leali u għaqli.” Dan il-​grupp t’aħwa midlukin jidderieġu x-​xogħol importanti li qed isir hawn fil-​parti tat-​tempju spiritwali kbir fuq l-​art. (Mt. 24:45) Ukoll, Ġesù kien u għadu qed jirfina l-​poplu t’Alla u jgħinhom sabiex jaqdu lil Ġeħova b’mod li jogħġob Lilu. (Mal. 3:1-3) Ġesù u l-​144,000 sultan u qassis imseħbin miegħu se jmexxu għal elf sena. Matul dak iż-​żmien, huma se jgħinu lill-​bnedmin leali biex isiru perfetti. Meta dawn is-​slaten u qassisin ikunu wettqu dan ix-​xogħol, fuq l-​art se jifdal biss aduraturi veri taʼ Ġeħova. Fl-​aħħar, il-​qima vera se tkun stabbilita mill-​ġdid għalkollox! w17.10 25 ¶15-16

Il-​Ħadd, 17 taʼ Frar

Hu jrid jgħammar fil-​belt tar-​refuġju tiegħu sakemm imut il-​qassis il-​kbir.—Num. 35:25.

Sabiex ikun jistaʼ jintwera maħfra, dak li jkun qatel mhux apposta kellu jaħrab malajr kemm jistaʼ jkun lejn waħda mill-​bliet tar-​refuġju l-​iktar viċin. (Ġoż. 20:4) Ħajtu kienet tiddependi fuq li jasal fil-​belt u jibqaʼ hemm sal-​mewt tal-​qassis il-​kbir. Dan kien sagrifiċċju għall-​maħrub. Hu kien ikollu jħalli warajh xogħlu, id-​dar komda tiegħu, u l-​libertà li jivvjaġġa. Imma dan kien sagrifiċċju taʼ min jagħmlu. Anke llum, midneb li jindem għandu jagħmel ċerti affarijiet sabiex Alla jaħfirlu. Hu għandu jieqaf jagħmel id-​dnub. Dan jinkludi li jevita kull ħaġa li tistaʼ twasslu għal dnub serju. Għalhekk, jekk nagħmlu kulma nistgħu biex ma nibqgħux nidinbu, se nuru lil Ġeħova li aħna kkonċernati ħafna dwar is-​sitwazzjoni tagħna u li ma naħsbux li se nintwerew ħniena awtomatikament.—2 Kor. 7:10, 11. w17.11 12 ¶10-11

It-​Tnejn, 18 taʼ Frar

“Uru l-​ospitalità maʼ xulxin mingħajr tgergir.”—1 Pt. 4:9.

Ġeħova jikkmandana nkunu ġenerużi maʼ ħutna. (1 Ġw. 3:17) Imma għandu jkollna l-​mottiv it-​tajjeb meta nkunu ospitabbli. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Jien nistieden f’dari lill-​ħbieb tal-​qalb biss jew lil dawk biss li nqishom importanti fil-​kongregazzjoni? Nistieden biss lil dawk in-​nies li naħseb li mbagħad se jagħmlu xi ħaġa għalija? Jew inkella jien ġeneruż m’aħwa li ma nafhomx sew jew li ma jistgħux jagħmlu xi ħaġa għalija?’ (Lq. 14:12-14) Immaġina dawn is-​sitwazzjonijiet: Xi ngħidu jekk ħu jkollu bżonn l-​għajnuna minħabba xi deċiżjonijiet mhux għaqlin li jkun ħa? Jew xi ngħidu jekk xi ħadd li stidinna f’darna qatt ma rringrazzjana? Ġeħova jgħidilna l-​kliem li nsibu fl-​iskrittura tal-​lum. Aħna se nkunu ferħanin meta nagħtu bil-​mottiv it-​tajjeb.—Atti 20:35. w17.10 6 ¶12

It-​Tlieta, 19 taʼ Frar

“Kif nistaʼ jien nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?”—Ġen. 39:9.

Mart Potifar inġibdet lejn Ġużeppi għaliex kien “sabiħ fis-​sura u sabiħ fid-​dehra,” u pprovat twaqqgħu fid-​dnub diversi drabi. Imbagħad, meta qabditu minn ħwejġu, Ġużeppi ħarab minnha. X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġużeppi? Jekk niġu ttantati biex niksru waħda mil-​liġijiet t’Alla, jeħtieġ li nirreżistu t-​tentazzjoni. (Prov. 1:10) Qabel ma xi wħud saru Xhieda taʼ Ġeħova, huma ssieltu maʼ ikel u xorb żejjed, tipjip, abbuż tad-​drogi, immoralità sesswali, jew problemi oħra. Anke wara li jitgħammdu, kultant għandhom mnejn jiġu ttantati b’dawn l-​affarijiet. Jekk dan jiġri lilek, ieqaf u aħseb kif se jkun taʼ ħsara għar-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova kieku ċċedi għat-​tentazzjoni. Int tistaʼ tipprova tara liema sitwazzjonijiet jistgħu jkunu taʼ tentazzjoni għalik u mbagħad iddeċiedi kif tistaʼ tevitahom. (Salm 26:4, 5; Prov. 22:3) Jekk qatt tiġi pprovat b’dan il-​mod, itlob lil Ġeħova jagħtik l-​għerf u r-​rażan biex tirreżisti t-​tentazzjoni. w17.09 5 ¶8-9

L-​Erbgħa, 20 taʼ Frar

“Agħmlu għalikom ħbieb permezz taʼ l-​għana mhux ġust, sabiex meta jispiċċa, jilqgħukom fl-​għamajjar taʼ dejjem.”—Lq. 16:9.

Mod wieħed kif aħna nistgħu nsiru ħbieb taʼ Ġeħova hu billi nsiru inqas involuti fid-​dinja kummerċjali u nfittxu rikkezzi ‘veri.’ Ir-​raġel leali Abraham hekk għamel. Hu obda lil Ġeħova u telaq mill-​belt sinjura ħafna taʼ Ur sabiex jgħix fit-​tined għax ried ikun ħabib taʼ Ġeħova. (Ebr. 11:8-10) Minflok ma fada fl-​affarijiet materjali, hu dejjem fada f’Alla. (Ġen. 14:22, 23) Ġesù ħeġġeġ oħrajn biex jimitaw din it-​tip taʼ fidi. Darba minnhom, lil żagħżugħ sinjur qallu hekk: “Jekk trid tkun perfett, mur bigħ dak li għandek u agħti lill-​foqra u jkollok teżor fis-​sema, u ejja kun segwaċi tiegħi.” (Mt. 19:21) Dan iż-​żagħżugħ ma kellux fidi bħal t’Abraham. Imma kien hemm nies oħra li fdaw f’Alla. w17.07 6 ¶12

Il-​Ħamis, 21 taʼ Frar

Waqt li kien għadu bla tfal, Ġeħova wiegħed lil Abraham li jagħtih l-​art bħala proprjetà, u lil nislu warajh.—Atti 7:5.

Kien biss 430 sena wara li Abraham qasam ix-​Xmara Ewfrat li d-​dixxendenti tiegħu saru l-​ġens li kien se jgħix f’dik l-​art. (Eżo. 12:40-42; Gal. 3:17) Abraham kien lest jistenna għax kien ċert li Ġeħova kien se jżomm il-​wegħdi tiegħu. Hu kellu fidi f’Ġeħova. (Ebr. 11:8-12) Abraham kien kuntent jistenna avolja ma rax il-​wegħdi kollha t’Alla jitwettqu qabel ma miet. Imma immaġina ftit il-​ferħ t’Abraham meta jiġi rxoxtat lura f’art magħmula ġenna. Hu se jkun sorpriż meta jaqra dwar l-​istorja taʼ ħajtu u familtu f’ħafna partijiet tal-​Bibbja. Immaġina ftit kemm se jkun ferħan meta jsir jaf bl-​irwol importanti ħafna li kellu fit-​twettiq tal-​iskop taʼ Ġeħova, dak dwar il-​Messija mwiegħed! Nistgħu nkunu ċerti li se jħoss li dawk il-​barkiet kienu taʼ min jistenna għalihom. w17.08 6 ¶10-11

Il-​Ġimgħa, 22 taʼ Frar

Mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol in-​nuqqas taʼ ndafa.—Kol. 3:5.

Fil-​Bibbja “n-​nuqqas taʼ ndafa” jinkludi ħafna iktar mill-​immoralità sesswali. Jistaʼ jirreferi għal affarijiet bħat-​tipjip jew ċajt doppju sens. (2 Kor. 7:1; Efes. 5:3, 4) Jistaʼ jirreferi wkoll għal affarijiet ħżiena li xi ħadd jistaʼ jagħmel meta jkun waħdu, bħal li jaqra kotba li jqanqluh sesswalment jew li jara l-​pornografija. Dawn l-​affarijiet jistgħu jwasslu għad-​drawwa mhux nadifa tal-​masturbazzjoni. Nies li jaraw il-​pornografija b’mod regolari jibda jkollhom “aptit sesswali” mhux kontrollat u hemm ċans li jibdew jiddependu mis-​sess. Riċerkaturi nnotaw li x-​xewqa irreżistibbli għall-​pornografija hi simili għal dik tal-​alkoħol u d-​droga. Allura m’għandux ikun taʼ sorpriża li d-​drawwa li wieħed jara l-​pornografija ġġib magħha riżultati taʼ ħsara. Dawn jistgħu jinkludu sentimenti kbar taʼ mistħija, li wieħed ikun inqas produttiv fuq ix-​xogħol, familji mhux kuntenti, divorzju, u saħansitra suwiċidji. w17.08 17 ¶8-9

Is-​Sibt, 23 taʼ Frar

“Hu saħħaħ l-​istaneg taʼ bwiebek; bierek lil uliedek f’nofsok. Hu jqiegħed il-​paċi fit-​territorju tiegħek.”—Salm 147:13, 14.

Meta l-​Iżraelin marru lura Ġerusalemm, is-​salmista ħaseb dwar kemm Ġeħova kien qed jgħinhom. Is-​salmista kanta dwar Ġeħova dak li nsibu fil-​vers tal-​lum. Il-​fatt li Ġeħova kien se jsaħħaħ il-​bibien tal-​belt ġiegħel lis-​salmista jħossu fis-​sigurtà. Dan assigurah li Ġeħova kien se jipproteġi lin-​nies tiegħu. Għandek mnejn tħossok ansjuż minħabba l-​problemi tiegħek, imma Ġeħova jistaʼ jagħtik l-​għerf biex tkampa magħhom. Is-​salmista qal li Alla “jibgħat il-​kmand tiegħu lejn l-​art; b’ħeffa kbira tiġri kelmtu.” Imbagħad is-​salmista semma l-​borra, il-​ġlata, u s-​silġ u staqsa: “Min jiflaħha l-​kesħa tiegħu?” Imbagħad hu qal li Ġeħova “jibgħat kelmtu u jdewwibhom.” (Salm 147:15-18) Alla tagħna, li jaf kollox u jistaʼ jagħmel kollox, li jikkontrolla s-​silġ u l-​borra, żgur li jistaʼ jgħinek tegħleb kwalunkwe problema. w17.07 19 ¶14-15

Il-​Ħadd, 24 taʼ Frar

“Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha.”—Riv. 4:11.

Il-​mod kif imexxi Ġeħova hu l-​aħjar u hu jistħoqqlu l-​appoġġ tagħna b’qalb sħiħa. Għala? Għax Ġeħova ħalaq l-​affarijiet kollha, allura hu għandu d-​dritt li jmexxi fuq kulħadd, kemm jekk fuq l-​art kif ukoll fis-​sema. Satana ma ħalaq xejn. Allura m’għandu l-​ebda dritt biex imexxi l-​univers. Kemm Satana kif ukoll l-​ewwel koppja umana kienu insolenti meta rribellaw kontra s-​sovranità taʼ Ġeħova. (Ġer. 10:23) Il-​libertà tal-​għażla li kellhom tathom id-​dritt li jiċħdu t-​tmexxija taʼ Ġeħova? Le. Il-​libertà tal-​għażla tagħti d-​dritt lil xi ħadd biex jagħmel għażliet u jieħu deċiżjonijiet imma mhux id-​dritt biex jirribella kontra l-​Ħallieq, Ġeħova. Biċ-​ċar, ir-​ribell kontra Alla hu użu ħażin tal-​libertà tal-​għażla. Bħala bnedmin, għandna bżonn it-​tmexxija u l-​gwida taʼ Ġeħova. w17.06 21-22 ¶2-4

It-​Tnejn, 25 taʼ Frar

“Dment li ntemm il-​korsa tiegħi u l-​ministeru.”—Atti 20:24.

Jekk ngħożżu l-​ministeru tagħna, se nkunu bħall-​appostlu Pawlu u nkomplu nippritkaw anki meta niġu ppersegwitati. (Atti 14:19-​22) Pereżempju, bejn is-​snin 1930 u 1944, ħutna fl-​Istati Uniti ġew ippersegwitati bl-​aħrax. Imma xorta baqgħu jippritkaw. Meta l-​awtoritajiet ipprovaw iwaqqfuhom, ħutna marru l-​qorti u rebħu ħafna każijiet. Fl-​1943, Ħuna Knorr semma wieħed mill-​każijiet li rbaħna fil-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti. Hu qal li kieku l-​aħwa ma komplewx jippritkaw, ma kien ikun hemm l-​ebda każ li kellu jinġieb quddiem dik il-​Qorti. Iva, imħabbitna għall-​ministeru mhux se tħalli l-​persekuzzjoni twaqqafna milli nippritkaw. Meta ngħożżu l-​ministeru tagħna, mhux se nkunu moħħna biss fis-​sigħat li niktbu fuq ir-​report. Aħna se nagħmlu kulma nistgħu biex nagħtu “xiehda bir-​reqqa dwar l-​aħbar tajba.”—2 Tim. 4:5. w17.06 12 ¶11-12

It-​Tlieta, 26 taʼ Frar

“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.”—Mt. 22:37.

Imħabbitna għal Alla tgħinna nobdu l-​kmandamenti tiegħu, nissaportu, u nobogħdu dak li hu ħażin. (Salm 97:10) Imma Satana u d-​dinja tiegħu jipprovaw idgħajfu u jeqirdu l-​imħabba li għandna għal Alla. Id-​dinja għandha ħarsa mċajpra tal-​imħabba. Minflok ma jħobbu lil Alla, ħafna nies “iħobbu lilhom infushom.” (2 Tim. 3:2) Huma jiffokaw fuq “ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja.” (1 Ġw. 2:16) L-​appostlu Pawlu wissa dwar x’jistaʼ jiġri jekk nogħġbu lilna nfusna l-​ewwel. Hu qal: “Li tkun moħħok fil-​laħam ifisser mewt.” Għala? Għaliex min jagħmel dan attwalment isir l-​għadu t’Alla. (Rum. 8:6, 7) Nies li ħajjithom kollha jiffokaw fuq li jagħmlu l-​flus jew li jissodisfaw xewqat sesswali jispiċċaw diżappuntati għall-​aħħar.—1 Kor. 6:18; 1 Tim. 6:9, 10. w17.05 16 ¶5-​6

L-​Erbgħa, 27 taʼ Frar

“Min ma jridx jaħdem, ma jikolx.”—2 Tess. 3:10.

Aħwa li huma refuġjati ma jkunux iridu jippretendu żżejjed, imma juru li huma grati għal dak li oħrajn jagħmlu magħhom. B’hekk, l-​aħwa li jkunu qed jaqsmu m’oħrajn se jħossuhom ferħanin. Madankollu, hu importanti li eventwalment ir-​refuġjati jipprovaw jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom stess. Dan se jgħinhom jibqaʼ jkollhom rispett lejhom infushom u jkollhom relazzjoni tajba maʼ ħuthom. (2 Tess. 3:7-9) Xorta waħda, ir-​refuġjati għandhom bżonnha l-​għajnuna tagħna. Dan ma jirrikjedix ħafna flus. L-​iktar li għandhom bżonn hu l-​ħin u l-​imħabba tagħna. Pereżempju, tistaʼ turihom kif jużaw tal-​linja jew kif jixtru ikel sustanzjuż li mhuwiex għali. Tistaʼ turihom ukoll minn fejn jistgħu jsibu għodod jew apparati biex jaqilgħu xi ħaġa tal-​flus b’mod regolari. Iktar importanti minn hekk, tistaʼ tgħinhom isiru parti mill-​kongregazzjoni l-​ġdida tagħhom. Jekk inhu possibbli, offrilhom li tgħaddi għalihom għal-​laqgħat. Tistaʼ wkoll tispjegalhom l-​aħjar mod taʼ kif jagħtu xhieda lin-​nies fit-​territorju u taħdem magħhom fil-​ministeru. w17.05 5-​6 ¶11-12

Il-​Ħamis, 28 taʼ Frar

“Ifformaw xenqa għall-​ħalib safi tal-​kelma, sabiex permezz tiegħu tikbru għas-​salvazzjoni.”—1 Pt. 2:2.

Ħafna nies tant huma ffokati fuq ix-​xewqat u l-​pjaċiri tagħhom stess li jsibuha diffiċli jkollhom ħarsa bilanċjata tal-​affarijiet materjali. (1 Kor. 2:14) Minħabba li ma jkunux qed jaħsbu ċar, jistaʼ jkun diffiċli għalihom li jaraw id-​differenza bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. (Ebr. 5:11-​14) Ix-​xewqa tagħhom għal affarijiet materjali tistaʼ ssir iktar u iktar b’saħħitha. U iktar ma jkollhom, iktar iridu. (Ekk. 5:10) Imma hemm xi ħaġa li nistgħu nagħmlu biex niġġieldu kontra dan il-​mod taʼ ħsieb. Il-​qari regolari tal-​Kelma t’Alla se jsaħħaħna biex inkunu nistgħu nirreżistu l-​materjaliżmu. Ġesù mmedita fuq l-​għerf taʼ Ġeħova, u dan għenu jirreżisti t-​tentazzjonijiet tax-​Xitan. (Mt. 4:8-​10) Illum, ukoll, jekk irridu nirreżistu l-​materjaliżmu, għandna bżonn inpoġġu fil-​prattika l-​għerf taʼ Ġeħova f’ħajjitna. Dan se juri lil Ġesù li nħobbuh iktar mill-​affarijiet materjali. w17.05 26 ¶17

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja