LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es19 pp. 26-36
  • Marzu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Marzu
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
  • Sottitli
  • Il-​Ġimgħa, 1 taʼ Marzu
  • Is-​Sibt, 2 taʼ Marzu
  • Il-​Ħadd, 3 taʼ Marzu
  • It-​Tnejn, 4 taʼ Marzu
  • It-​Tlieta, 5 taʼ Marzu
  • L-​Erbgħa, 6 taʼ Marzu
  • Il-​Ħamis, 7 taʼ Marzu
  • Il-​Ġimgħa, 8 taʼ Marzu
  • Is-​Sibt, 9 taʼ Marzu
  • Il-​Ħadd, 10 taʼ Marzu
  • It-​Tnejn, 11 taʼ Marzu
  • It-​Tlieta, 12 taʼ Marzu
  • L-​Erbgħa, 13 taʼ Marzu
  • Il-​Ħamis, 14 taʼ Marzu
  • Il-​Ġimgħa, 15 taʼ Marzu
  • Is-​Sibt, 16 taʼ Marzu
  • Il-​Ħadd, 17 taʼ Marzu
  • It-​Tnejn, 18 taʼ Marzu
  • It-​Tlieta, 19 taʼ Marzu
  • L-​Erbgħa, 20 taʼ Marzu
  • Il-​Ħamis, 21 taʼ Marzu
  • Il-​Ġimgħa, 22 taʼ Marzu
  • Is-​Sibt, 23 taʼ Marzu
  • Il-​Ħadd, 24 taʼ Marzu
  • It-​Tnejn, 25 taʼ Marzu
  • It-​Tlieta, 26 taʼ Marzu
  • L-​Erbgħa, 27 taʼ Marzu
  • Il-​Ħamis, 28 taʼ Marzu
  • Il-​Ġimgħa, 29 taʼ Marzu
  • Is-​Sibt, 30 taʼ Marzu
  • Il-​Ħadd, 31 taʼ Marzu
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
es19 pp. 26-36

Marzu

Il-​Ġimgħa, 1 taʼ Marzu

B’umiltà qisu lill-​oħrajn superjuri għalikom.—Flp. 2:3.

Hemm xi ħadd li jirritak fil-​kongregazzjoni tiegħek? Dawn is-​sentimenti negattivi mhumiex se jinbidlu jekk ma tipprovax tegħlibhom. Il-​Bibbja tgħid li jekk tkun ospitabbli, int tistaʼ ttejjeb ir-​relazzjoni tiegħek m’oħrajn, saħansitra mal-​għedewwa tiegħek. (Prov. 25:21, 22) Jekk tistieden lil xi ħadd għandek, forsi tkun tistaʼ tegħleb sentimenti negattivi u jkollok iktar paċi fir-​relazzjoni tiegħek miegħu. Tistaʼ tibda tara fih l-​istess kwalitajiet tajbin li ra Ġeħova meta ġibdu lejn il-​verità. (Ġw. 6:44) Meta l-​imħabba tqanqlek biex tistieden lil xi ħadd li hu stess ma jistenniex li tistiednu, dan jistaʼ jkun il-​bidu taʼ ħbiberija tajba. Kif tistaʼ tagħmel ċert li l-​imħabba tkun ir-​raġuni vera talli tagħmel dan? Mod wieħed hu billi tapplika l-​parir fl-​iskrittura tal-​lum. Irridu naħsbu f’modi kif ħutna huma superjuri għalina. Forsi nistgħu nitgħallmu mill-​fidi, il-​paċenzja, jew xi kwalità Kristjana oħra li għandhom. Li naħsbu dwar il-​kwalitajiet tajbin tagħhom se jsaħħaħ l-​imħabba tagħna għalihom u se jagħmilha iktar faċli li nkunu ospitabbli. w18.03 19 ¶18-19

Is-​Sibt, 2 taʼ Marzu

Ġeħova ma jixtieqx li xi ħadd jinqered.—2 Pt. 3:9.

Għal xi ġenituri, waħda mill-​iktar provi diffiċli tal-​ubbidjenza tiġi meta binhom jew binthom tinqataʼ mis-​sħubija. Oħt li bintha kienet maqtugħa mis-​sħubija u telqet mid-​dar tammetti: “Jien ipprovajt insib xi ħaġa fil-​pubblikazzjonijiet tagħna li biha stajt niġġustifika lili nnifsi ħalli nkun nistaʼ nqattaʼ ħin maʼ binti u n-​neputija tiegħi.” Imma żewġha b’qalb tajba għenha tifhem li huma ma kinux iktar responsabbli għal binthom u li kellhom bżonn ikunu leali lejn Ġeħova. Xi snin wara, it-​tifla ġiet aċċettata lura. L-​omm tgħid: “Hi tirrispettana ħafna għax taf li obdejna lil Alla.” Jekk ibnek jew bintek ġiet maqtugħa mis-​sħubija, se ‘tafda f’Ġeħova b’qalbek kollha’ u ma “tistrieħx fuq fehmtek stess”? (Prov. 3:5, 6) Allura ġenituri, komplu kunu fiduċjużi li d-​dixxiplina u l-​gwida taʼ Ġeħova huma tajbin, anke meta li tobdu jkun taʼ wġigħ. Isimgħu mid-​dixxiplina t’Alla, u tmorrux kontriha. w18.03 30 ¶12-13

Il-​Ħadd, 3 taʼ Marzu

“Morru u agħmlu dixxipli min-​nies.”—Mt. 28:19.

Il-​Bibbja ma tgħidx li persuna għandha titgħammed taʼ xi età speċifika. Bil-​lingwa Griega, il-​kelma għal “agħmlu dixxipli” użata f’​Mattew 28:19 tfisser li tgħallem lil xi ħadd bil-​mira li tgħinu jsir student, jew dixxiplu. Dixxiplu hu wieħed li jitgħallem u jifhem x’għallem Ġesù u li jrid jobdih. Allura, minn meta jitwieldu wliedhom, il-​ġenituri għandhom jgħallmuhom bil-​mira li jgħinuhom jiddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u jsiru dixxipli taʼ Kristu. M’għandniex xi ngħidu, it-​trabi ma jikkwalifikawx għall-​magħmudija. Xorta waħda, il-​Bibbja turi li anke tfal żgħar kapaċi jifhmu u jħobbu l-​verità tal-​Bibbja. Pereżempju, Timotju kien dixxiplu li ddeċieda li jaqdi lil Ġeħova meta kien għadu żgħir. Hu kellu fidi b’saħħitha ħafna. (2 Tim. 1:5; 3:14, 15) Setaʼ kellu ftit inqas jew ftit iktar minn 20 sena meta kkwalifika biex jirċievi inkarigi speċjali fil-​kongregazzjoni.—Atti 16:1-3. w18.03 10 ¶4-5

It-​Tnejn, 4 taʼ Marzu

Iġġeddu fil-​forza li qed tqanqal lil moħħkom.—Efes. 4:23.

Meta bdejna naqdu lil Alla, għamilna bidliet li effettwaw kull aspett taʼ ħajjitna. Dan il-​proċess ma waqafx meta tgħammidna. Peress li m’aħniex perfetti, jeħtieġ inkomplu nagħmlu bidliet. (Flp. 3:12, 13) Kemm jekk aħna kbar u kemm jekk żgħar, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Ninnota li qed insir iktar spiritwali? Qiegħed insir iktar bħal Kristu? L-​attitudni tiegħi u l-​mod kif inġib ruħi fil-​laqgħat x’juru dwari? Dak li nitkellem fuqu x’juri dwar dak li verament irrid f’ħajti? Id-​drawwiet tal-​istudju tiegħi, l-​ilbies u d-​dehra tiegħi, u l-​mod kif nirreaġixxi għall-​pariri x’juru dwari? Kif nirreaġixxi meta niġi ttantat nagħmel xi ħaġa ħażina? Sirt jien Kristjan matur?’ (Efes. 4:13) Dawn il-​mistoqsijiet jistgħu jgħinuna naraw kemm sirna spiritwali. w18.02 23 ¶4-5

It-​Tlieta, 5 taʼ Marzu

“Hieni l-​poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova!”—Salm 144:15.

Aħna qed ngħixu fi żmien li hu differenti minn kwalunkwe żmien ieħor fl-​istorja umana. Ġeħova qed jiġbor folla kbira “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien,” eżatt bħalma bassret il-​Bibbja. Din il-​folla hi “ġens setgħan” taʼ iktar minn tmien miljun persuna ferħana li qed ‘jagħtu servizz sagru lil Alla lejl u nhar.’ (Riv. 7:9, 15; Is. 60:22) Qatt qabel ma kien hawn daqstant nies li saru jħobbu lil Alla u lill-​bnedmin sħabhom. Madankollu, il-​Bibbja bassret ukoll li fi żmienna, nies li mhumiex ħbieb t’Alla se jkollhom tip taʼ mħabba gwidata b’mod ħażin u hi egoista. L-​appostlu Pawlu kiteb li fl-​aħħar jiem, in-​nies kienu se “jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus” u “jħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” (2 Tim. 3:1-4) Hemm baħar jaqsam bejn dit-​tip taʼ mħabba egoista u l-​imħabba għal Alla. L-​imħabba egoista toħloq dinja egoista u tagħmel il-​ħajja diffiċli għal kulħadd. w18.01 21 ¶1-2

L-​Erbgħa, 6 taʼ Marzu

“Dawk li qed ifittxu lil Ġeħova jistgħu jifhmu kollox.”—Prov. 28:5.

Peress li Noè tgħallem dwar Ġeħova, hu żviluppa l-​fidi u l-​għerf divin. Dan ipproteġieh, speċjalment milli jagħmel kwalunkwe ħaġa li setgħet tnikket lil Ġeħova. Dan kif? Noè ried ikun il-​ħabib t’Alla, allura ma kienx ħabib maʼ dawk li ma kellhomx fidi f’Ġeħova u li ċaħduh. Kuntrarju għalihom, Noè ma ġiex imqarraq mid-​demonji li kienu ġew fuq l-​art. In-​nies kienu impressjonati bid-​demonji setgħanin u forsi saħansitra pprovaw iqimuhom. (Ġen. 6:1-4, 9) Ukoll, Noè kien jaf li Ġeħova ried lill-​bnedmin ikollhom it-​tfal u jimlew l-​art. (Ġen. 1:27, 28) Allura, meta d-​demonji ħadu nisa għalihom u kellhom it-​tfal minnhom, Noè kien jaf li dan kien ħażin. Dan sar saħansitra iktar ċar meta dawn it-​tfal kibru iżjed mit-​tfal l-​oħra kollha u saru iktar b’saħħithom minnhom. Fl-​aħħar, Ġeħova qal lil Noè li kien se jġib dulluvju u jeqred lin-​nies mill-​agħar kollha. Minħabba li Noè kellu fidi fit-​twissija taʼ Ġeħova, hu bena arka, u b’hekk salva flimkien maʼ familtu.—Ebr. 11:7. w18.02 11 ¶8

Il-​Ħamis, 7 taʼ Marzu

“Bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla jien dak li jien.”—1 Kor. 15:10.

Jekk għamilt dnub serju, Ġeħova lest li jaħfirlek. Hu jrid jgħinek tirranġa r-​relazzjoni tiegħek miegħu. Iżda int trid taċċetta l-​għajnuna li hu jipprovdi permezz tal-​anzjani. (Prov. 24:16; Ġak. 5:13-15) Għalhekk, toqgħodx tistenna! Il-​ħajja taʼ dejjem tiegħek tiddependi minn dan. Imma ejja ngħidu li minkejja li d-​dnub ilu li nħafirlek int xorta għadek tħossok ħati. X’għandek tagħmel? Kien hemm drabi meta l-​appostlu Pawlu kien skuraġġit minħabba dnubiet li għamel fil-​passat. Hu qal: “Jien l-​inqas wieħed mill-​appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għax ippersegwitajt il-​kongregazzjoni t’Alla.” (1 Kor. 15:9) Ġeħova kien jaf li Pawlu kien imperfett imma hu aċċettah minkejja l-​iżbalji tal-​passat tiegħu. Hu ried li Pawlu jkun ċert minn dan. Jekk int verament jiddispjaċik għal dak li għamilt u tkellimt maʼ Ġeħova dwaru, u jekk hemm bżonn mal-​anzjani, Ġeħova żgur se jaħfirlek. Emmen li Ġeħova ħafirlek, u aċċetta l-​maħfra tiegħu!—Is. 55:6, 7. w18.01 7-8 ¶17-18

Il-​Ġimgħa, 8 taʼ Marzu

“Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġak. 4:8.

Sabiex inkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova, jeħtieġ li nisimgħuh u nkellmuh. Il-​mod prinċipali kif nisimgħu lil Ġeħova hu billi nistudjaw il-​Bibbja. Dan jinkludi l-​qari u l-​meditazzjoni fuq il-​Kelma t’Alla u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja. Imma l-​istudju tal-​Bibbja mhuwiex bħal li tkun taf bl-​amment fatti bħalma forsi tagħmel għal xi eżami tal-​iskola. Pjuttost, dan qisu vjaġġ eċċitanti fejn tesplora u tiskopri affarijiet ġodda dwar Ġeħova. Int se tersaq qrib lejn Alla u hu se jersaq qrib lejk ukoll. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tipprovdi ħafna għodod li jistgħu jgħinuk fl-​istudju tiegħek. Pereżempju, fuq jw.org/mt, tistaʼ ssib il-​gwidi għall-​istudju “Il-​Bibbja X’Tgħallem?” Dawn jistgħu jgħinuk tibni l-​fidi tiegħek.—Salm 119:105. w17.12 23 ¶8-9

Is-​Sibt, 9 taʼ Marzu

“Ma se jagħmlu ebda ħsara jew ħerba fuq il-​muntanja qaddisa kollha tiegħi.”—Is. 11:9.

Għala kien se jkollhom il-​paċi? Il-​profezija tkompli: “Għax l-​art se tkun mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova.” L-​annimali ma jistgħux jitgħallmu dwar Ġeħova, allura b’mod simboliku, din il-​profezija tirreferi għall-​bidliet li n-​nies jagħmlu fil-​personalità tagħhom. (Is. 11:6, 7) Ħafna minn ħutna li darba kienu feroċi bħal-​lupu issa qed jgħixu fil-​paċi m’oħrajn. Int tistaʼ taqra xi ftit mill-​esperjenzi tagħhom fis-​serje “Il-​Bibbja tbiddel il-​ħajjiet,” li nsibu fuq jw.org/mt. Fost il-​poplu taʼ Ġeħova hemm ħafna li qabel kienu feroċi imma issa ‘libsu l-​personalità l-​ġdida li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla fil-​ġustizzja u l-​lealtà vera.’ (Efes. 4:23, 24) Meta n-​nies jitgħallmu dwar Alla, huma jirrealizzaw li għandhom bżonn jimxu mal-​livelli tiegħu. Dan jgħinhom jagħmlu bidliet f’dak li jemmnu, fil-​mod kif jaħsbu, u f’dak li jagħmlu. Dawn il-​bidliet mhumiex faċli, imma l-​ispirtu t’Alla se jgħin lil dawk li verament iridu jogħġbuh. w18.01 31 ¶15-16

Il-​Ħadd, 10 taʼ Marzu

Kull wieħed għad jingħata l-​ħajja skond kif imissu.—1 Kor. 15:23.

Il-​Bibbja tgħid li dawk li jmorru s-​sema jiġu rxoxtati “kull wieħed skond kif imissu.” Allura nistgħu nafdaw li anki l-​irxoxt fuq l-​art se jseħħ f’ordni, jew ikun organizzat. Dan jistaʼ jġegħelna nistaqsu: Dawk li m’ilhomx li mietu se jiġu rxoxtati ftit wara li tibda t-​Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu u jintlaqgħu lura mill-​maħbubin tagħhom li jafuhom? Se jiġu lura qabel oħrajn l-​irġiel leali mill-​passat li kienu mexxejja tas-​sengħa biex jgħinu ħalli jorganizzaw lin-​nies t’Alla fid-​dinja l-​ġdida? X’se jiġri min-​nies li qatt ma qdew lil Ġeħova? Meta u fejn se jiġu rxoxtati? Hemm ħafna mistoqsijiet li nistgħu nistaqsu. Imma m’għandniex għalfejn noqogħdu ninkwetaw dwar dawn l-​affarijiet issa. Ikun aħjar li sempliċiment nistennew u naraw kif Ġeħova se jieħu ħsieb dawn l-​affarijiet. Sadattant, aħna għandna nsaħħu l-​fidi tagħna f’Ġeħova. Permezz taʼ Ġesù, Hu wegħedna li l-​mejtin qegħdin fil-​memorja Tiegħu u li huma se jerġgħu jgħixu.—Ġw. 5:28, 29; 11:23. w17.12 14 ¶20-21

It-​Tnejn, 11 taʼ Marzu

“Intom nisa miżżewġin, kunu sottomessi lejn żwieġkom bħalma jixraq fil-​Mulej. Intom irġiel miżżewġin, ibqgħu ħobbu lin-​nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom. Intom tfal, obdu lill-​ġenituri tagħkom f’kollox.”—Kol. 3:18-20.

Tistaʼ tara kif dan il-​parir jistaʼ jgħin lil familtek? Ġeħova jgħallimhom dan lill-​irġiel miżżewġin: “Ibqgħu ħobbu lin-​nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom.” Raġel miżżewweġ li jħobb lil martu jonoraha. Kif? Hu jismaʼ l-​opinjonijiet tagħha u juriha li dak li tgħid hu importanti għalih. (1 Pt. 3:7) Għalkemm ma jistax jagħmel dejjem dak li titolbu, li jismagħha jistaʼ jgħinu jieħu deċiżjonijiet aħjar. (Prov. 15:22) Raġel miżżewweġ li jħobb lil martu ma jisforzahiex biex tirrispettah. Anzi, hu jipprova jikseb ir-​rispett tagħha. Meta raġel miżżewweġ iħobb lil martu u lil uliedu, hemm iktar ċans li jkunu kuntenti waqt li jaqdu lil Ġeħova u li jirbħu l-​premju tal-​ħajja. w17.11 30 ¶12; 31 ¶15

It-​Tlieta, 12 taʼ Marzu

Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ tad-​dinja.—Kol. 2:8.

Waqt li l-​appostlu Pawlu kien priġunier f’Ruma madwar is-​snin 60 u 61, hu kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Kolossi. Hu spjegalhom għala kellhom bżonn ikollhom ‘l-​abbiltà mogħtija mill-​ispirtu t’Alla biex jifhmu b’mod sħiħ,’ jiġifieri, l-​abbiltà li jaraw l-​affarijiet kif jarahom Ġeħova. (Kol. 1:9) Pawlu qal: “Dan qed ngħidu biex ebda bniedem ma jidħaq bikom b’argumenti konvinċenti. Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-​tradizzjoni tal-​bnedmin, skond l-​affarijiet elementari tad-​dinja u mhux skond Kristu.” (Kol. 2:4, 8) Imbagħad, Pawlu spjega għala xi ideat popolari huma ħżiena u għala xi nies jogħġbuhom dawn l-​ideat. Pereżempju, xi ideat minn dawn jistgħu jġiegħlu lin-​nies jaħsbu li huma aħjar jew iktar għorrief minn oħrajn. Għalhekk, Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu biex jgħin lill-​aħwa jevitaw raġunar tad-​dinja u ma jagħmlux prattiki ħżiena.—Kol. 2:16, 17, 23. w17.11 21 ¶1

L-​Erbgħa, 13 taʼ Marzu

“Jekk idek jew sieqek qed tfixklek, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek.”—Mt. 18:8.

Kristjan x’għandu mnejn ikollu bżonn iċedi sabiex ikompli jintwera ħniena minn Ġeħova? Hu għandu jkun lest li jċedi saħansitra affarijiet li jieħu gost jagħmel jekk dawn jistgħu jġegħluh jidneb. (Mt. 18:9) Pereżempju, jekk sħabek jinfluwenzawk biex tagħmel affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova, se tieqaf tagħmilha magħhom? Jekk issibha diffiċli tikkontrolla kemm tixrob alkoħol, se tevita sitwazzjonijiet li jistgħu jwaqqgħuk biex tixrob iżżejjed? Jekk issibha diffiċli tikkontrolla xewqat immorali sesswalment, se tevita films, websajts, jew kwalunkwe ħaġa oħra li tistaʼ ġġiegħlek ikollok ħsibijiet mhux nodfa? Ftakar, kull sagrifiċċju li nagħmlu biex nobdu l-​liġijiet taʼ Ġeħova hu taʼ min jagħmlu. M’hemm xejn agħar milli tħoss li Ġeħova abbandunak. U m’hemm xejn aħjar milli tħoss il-​“qalb tajba bl-​imħabba,” jew l-​imħabba leali, taʼ Ġeħova “għal żmien indefinit.”—Is. 54:7, 8. w17.11 12 ¶12

Il-​Ħamis, 14 taʼ Marzu

Din hi s-​saħta li ħierġa, għax kulmin qed jisraq inħeles mill-​kastig.—Żak. 5:3.

Innotajt li Żakkarija 5:4 jgħid li s-​saħta kienet se “tidħol f’dar il-​ħalliel” u li kienet se “tgħammar f’nofs daru u teqridha”? Allura, Ġeħova jistaʼ jikxef u jiġġudika kwalunkwe mġiba ħażina fost il-​poplu tiegħu. Anke jekk persuna li tisraq tistaʼ taħbi dak li qed tagħmel mill-​pulizija, l-​imgħallem, l-​anzjani, jew il-​ġenituri, din ma tistax taħbi minn Ġeħova. Alla se jagħmel ċert li kull tip taʼ serq jinkixef. (Ebr. 4:13) Aħna nieħdu gost ħafna nkunu maʼ nies li jagħmlu l-​almu tagħhom biex ikunu onesti “f’kollox”! (Ebr. 13:18) Kull tip taʼ serq iweġġaʼ lil Ġeħova. Huwa unur għalina li nafu u nobdu l-​prinċipji taʼ Ġeħova dwar x’inhu tajjeb u ħażin u li ngħixu b’mod li ma jġibx diżunur fuq ismu. Billi nagħmlu dan aħna se nevitaw il-​ġudizzju taʼ Ġeħova kontra nies li ma jobduhx. w17.10 16-17 ¶6-7

Il-​Ġimgħa, 15 taʼ Marzu

Agħmlu ħilitkom biex bil-​ħeġġa kollha tħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu fir-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi.—Efes. 4:3.

Il-​paċi fost l-​aħwa hija prezzjuża ferm. Anke jekk inħossu li ġejna mifhumin ħażin jew trattati inġustament, għandna nagħmlu kulma nistgħu biex nagħmlu paċi. (Rum. 12:17, 18) Jekk weġġajna s-​sentimenti taʼ xi ħadd, sempliċement ikollna bżonn nitolbu skuża. Imma għandna nkunu sinċieri. Il-​paċi hi speċjalment importanti fiż-​żwieġ. Ikun ħażin li raġel u mara miżżewġin jaġixxu bħallikieku jħobbu lil xulxin quddiem oħrajn filwaqt li jirrifjutaw li jkellmu lil xulxin fil-​privat, jgħidu affarijiet li jweġġgħu lil xulxin, jew saħansitra jkunu vjolenti. Ukoll, għandna nkunu lesti naħfru mill-​qalb. Jekk xi ħadd iweġġagħna, aħna naħfrulu u neħilsu mis-​sentimenti mweġġgħin tagħna. Għandna nagħmlu dan anke jekk ma jirrealizzax li weġġagħna. Sabiex naħfru ġenwinament, m’għandniex nibqgħu naħsbu dwar dak li għamlet il-​persuna. L-​imħabba “ma żżommx kont tal-​ħsara.” (1 Kor. 13:4, 5) Fil-​fatt, jekk inżommu f’qalbna kontra xi ħadd, nistgħu nagħmlu l-​ħsara lir-​relazzjoni tagħna maʼ ħuna jew oħtna kif ukoll maʼ Ġeħova.—Mt. 6:14, 15. w17.10 7 ¶14-15

Is-​Sibt, 16 taʼ Marzu

“Intom se jkollkom tkunu tafu li Ġeħova taʼ l-​armati bagħatni għandkom.”—Żak. 6:15.

Il-​messaġġ taʼ Żakkarija kif affettwa lil-​Lhud dak iż-​żmien? Ġeħova kien wiegħed li jgħinhom u jipproteġihom ħalli jkunu jistgħu jlestu t-​tempju. Din il-​wegħda tathom tama. Imma xorta setgħu tħassbu dwar kif dax-​xogħol kollu setaʼ jsir bi ftit nies biss. Allura Żakkarija qalilhom xi ħaġa li kienet se tneħħilhom il-​biżaʼ u d-​dubji li kellhom. Flimkien maʼ wħud bħal Ħeldaj, Tobijah, u Ġedaja li kienu marru biex jgħinuhom, Ġeħova qal li ħafna oħrajn kienu wkoll se “jiġu u jieħdu sehem fil-​bini tat-​tempju taʼ Ġeħova.” Il-​Lhud kienu ċerti li Ġeħova qed jappoġġja x-​xogħol tagħhom. B’kuraġġ reġgħu komplew jibnu t-​tempju, avolja s-​sultan Persjan kien għamel projbizzjoni uffiċjali fuq ix-​xogħol. Din il-​projbizzjoni kienet bħal ostaklu enormi, imma wara ftit Ġeħova neħħihulhom. Fl-​aħħar, it-​tempju tlesta fis-​sena 515 QK. (Esd. 6:22; Żak. 4:6, 7) Madankollu, dan il-​kliem taʼ Ġeħova ddeskriva wkoll xi ħaġa bil-​wisq ikbar li qed tiġri fi żmienna. w17.10 26 ¶17

Il-​Ħadd, 17 taʼ Marzu

Kun kuraġġuż u aġixxi.—1 Kron. 28:20.

Salamun ingħata inkarigu speċjali. Ġeħova għażlu biex jieħu ħsieb il-​bini tat-​tempju f’Ġerusalemm, wieħed mill-​iktar proġetti taʼ kostruzzjoni importanti li qatt kien hawn! It-​tempju kien se jkun ‘grandjuż b’mod straordinarju,’ u kellu jkun magħruf għall-​ġmiel tiegħu. Iktar importanti minn hekk, kellu jkun “id-​dar taʼ Ġeħova, l-​Alla l-​veru.” (1 Kron. 22:1, 5, 9-​11) Is-​Sultan David kien fiduċjuż li Alla kien se jappoġġja lil Salamun. Imma Salamun kien “żagħżugħ u bla esperjenza.” Kien hu se jkollu l-​kuraġġ jaċċetta l-​inkarigu biex jibni t-​tempju? Jew kien se jħalli l-​fatt li kien żagħżugħ u bla esperjenza jwaqqfu milli jagħmel dan? Biex jirnexxi, Salamun kien se jkollu bżonn ikun kuraġġuż u jaġixxi. Kieku Salamun ma weriex kuraġġ, il-​biżaʼ setgħet tipparalizzah, jiġifieri, twaqqfu milli saħansitra jibda x-​xogħol. U dan kien ikun agħar milli kieku ma rnexxilux iwettaq l-​inkarigu. Bħal Salamun, aħna għandna bżonn l-​għajnuna mingħand Ġeħova sabiex inkunu kuraġġużi u nagħmlu x-​xogħol li jagħtina. w17.09 27 ¶1-2; 28 ¶4-5

It-​Tnejn, 18 taʼ Marzu

“Il-​kelma t’Alla tagħna, din tibqaʼ għal dejjem.”—Is. 40:8.

Kif kienet tkun ħajtek kieku ma kellekx il-​Bibbja? Ma kienx ikollok pariri għaqlin biex jiggwidawk kuljum. Ma kontx tkun taf il-​verità dwar Alla, il-​ħajja, jew il-​futur. U ma kien ikollok l-​ebda idea taʼ dak li Ġeħova għamel għall-​bnedmin fil-​passat. Aħna ferħanin ħafna li m’aħniex f’din is-​sitwazzjoni miżerabbli. Ġeħova tana l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Hu wiegħed li l-​messaġġ tagħha se jibqaʼ għal dejjem. L-​appostlu Pietru kkwota Isaija 40:8. Dan il-​vers ma jirreferix speċifikament għall-​Bibbja, però jirreferi għall-​messaġġ tal-​Bibbja. (1 Pt. 1:24, 25) Matul is-​sekli, xi nies ħadmu iebes biex jittraduċu l-​Bibbja u jagħmluha disponibbli, minkejja oppożizzjoni kbira u diffikultajiet. Ġeħova jixtieq lil kemm jistaʼ jkun nies “jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.”—1 Tim. 2:3, 4. w17.09 15 ¶1-2

It-​Tlieta, 19 taʼ Marzu

“Int martu. Allura, kif nistaʼ jien nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?”—Ġen. 39:9.

Xi ħaġa simili għal dak li ġara lil Ġużeppi tiġri lil ħafna Kristjani żgħażagħ illum. (Ġen. 39:7) Eżempju wieħed hu taʼ Kimberly. L-​istudenti tal-​klassi tagħha spiss kienu jiftaħru dwar li jkollhom x’jaqsmu sesswalment maʼ xi ħadd fi tmiem il-​ġimgħa. Kimberly ma kienx ikollha stejjer bħal dawn x’tirrakkonta. Hi tammetti illi li tkun differenti kultant ġegħelha tħossha “abbandunata u waħedha” u li l-​istudenti tal-​klassi tagħha ħasbu li kienet stupida għax ma kinitx toħroġ mal-​ġuvintur. Imma Kimberly kienet attwalment għaqlija li ma tagħmilx dan. Hi kienet taf li t-​tentazzjoni biex ikollok x’taqsam sesswalment maʼ xi ħadd tistaʼ tkun veru qawwija meta tkun żagħżugħ. (2 Tim. 2:22) Studenti oħrajn ħafna drabi kienu jistaqsu jekk kinitx għadha verġni. Dan taha l-​opportunità biex tispjega għala għażlet li ma jkollhiex relazzjonijiet sesswali. Aħna kburin bi Kristjani żgħażagħ li huma determinati li jirreżistu l-​pressjoni biex jieħdu sehem fl-​immoralità sesswali, u Ġeħova hu kburi bihom ukoll! w17.09 5 ¶8, 10

L-​Erbgħa, 20 taʼ Marzu

“Titbaqbaqx, u b’hekk tagħmel il-​ħażen.”—Salm 37:8.

Nies li jirrabjaw malajr spiss jgħidu affarijiet koroh u jgħajru lil oħrajn. Meta jiġri dan, il-​familja tagħhom kollha tbati. Għalhekk, il-​Bibbja twissina biex nevitaw ir-​rabja, it-​tgħajjir, u t-​twerżiq. (Efes. 4:31) Ħafna drabi dawn l-​affarijiet iwasslu għal atti vjolenti. Illum, ħafna nies fid-​dinja jaħsbu li mġiba taʼ rabja u vjolenti hija normali. Imma li nġibu ruħna b’dal-​mod fil-​fatt iġib diżunur lill-​Ħallieq tagħna. Ħafna minn ħutna kellhom jibdlu l-​imġiba tagħhom u jilbsu l-​personalità l-​ġdida. (Kol. 3:8-10) Il-​gideb hu parti oħra mill-​personalità l-​qadima. Pereżempju, ħafna nies jigdbu biex jevitaw li jħallsu t-​taxxa jew biex jevitaw li jieħdu responsabbiltà għall-​iżbalji tagħhom. Imma Ġeħova hu “l-​Alla tal-​verità.” (Salm 31:5) Għalhekk, hu jistenna li l-​qaddejja kollha tiegħu ‘jgħidu l-​verità’ u ma ‘jigdbux.’ (Efes. 4:25; Kol. 3:9) Biċ-​ċar, aħna għandna ngħidu l-​verità anki jekk dan ikun imbarazzanti jew diffiċli.—Prov. 6:16-​19. w17.08 16 ¶3, 5; 18-19 ¶12-13; 20 ¶15

Il-​Ħamis, 21 taʼ Marzu

“B’ħeffa kbira tiġri kelmtu.”—Salm 147:15.

Illum, Ġeħova jiggwidana permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Is-​salmista qal li l-​kelma taʼ Ġeħova tiġri b’ħeffa kbira biex tgħinna. Alla jiggwidana bil-​mod it-​tajjeb u fil-​ħin xieraq. Aħseb dwar kif int tibbenefika mill-​Bibbja, il-​pubblikazzjonijiet tal-​“ilsir leali u għaqli,” il-​JW Broadcasting, il-​jw.org, l-​anzjani, u ħutek irġiel u nisa. (Mt. 24:45) Rajt fil-​ħajja tiegħek kemm Ġeħova hu ħafif biex jiggwidak? Is-​salmista kien jaf li Ġeħova kien għażel il-​ġens taʼ Iżrael tal-​qedem biex ikun il-​poplu tiegħu mill-​ġnus kollha tal-​art. Kien l-​uniku nazzjon li ġie mogħti l-​“kelma” t’Alla u ‘r-​regolamenti tiegħu.’ (Salm 147:19, 20) Illum, għandna l-​unur kbir taʼ li nissejħu bl-​isem t’Alla. Aħna grati li nafuh, li għandna l-​Kelma tiegħu tiggwidana, u li jistaʼ jkollna relazzjoni mill-​qrib miegħu. Bħall-​kittieb taʼ Salm 147, għandek ħafna raġunijiet biex ‘tfaħħar lil Jah’ u biex tinkuraġġixxi lil oħrajn jagħmlu l-​istess. w17.07 19-20 ¶15-16, 18

Il-​Ġimgħa, 22 taʼ Marzu

“Ebda raġel li jaqdi bħala suldat ma jinvolvi ruħu fin-​negozju tal-​ħajja ċivili, sabiex jikseb l-​approvazzjoni taʼ min ingaġġah bħala suldat.”—2 Tim. 2:4.

Is-​segwaċi taʼ Ġesù llum, inkluż l-​iktar minn miljun qaddej full-​time, jagħmlu kulma jistgħu biex japplikaw il-​parir taʼ Pawlu msemmi hawn fuq. Huma jirreżistu reklami taʼ tentazzjoni taʼ did-​dinja rgħiba. Huma jiftakru l-​prinċipju: “Min jissellef hu l-​qaddej taʼ min isellfu.” (Prov. 22:7) Satana jridna nużaw il-​ħin u l-​enerġija kollha tagħna sabiex naħdmu għad-​dinja kummerċjali tiegħu. Xi wħud jissellfu ammonti kbar taʼ flus biex ikollhom dar, karozza, edukazzjoni, jew saħansitra biex iħallsu tieġ. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nispiċċaw bid-​dejn għal ħafna snin. Aħna nuru l-​għaqal tal-​moħħ meta nissimplifikaw ħajjitna, nevitaw id-​dejn, u nonfqu inqas flus. B’dan il-​mod, minflok ma nkunu skjavi tad-​dinja kummerċjali tal-​lum, se nkunu ħielsa biex naqdu lil Alla.—1 Tim. 6:10. w17.07 6 ¶13

Is-​Sibt, 23 taʼ Marzu

“L-​ordnijiet kollha rigward kull ħaġa qisthom bħala tajbin; kull mogħdija falza jien bgħadtha.”—Salm 119:128.

Aħseb għala Ġeħova għandu d-​dritt li jmexxi l-​univers. Hu juża l-​awtorità tiegħu b’mod perfettament ġust. Hu jgħidilna: “Jien Ġeħova, Dak li juri l-​qalb tajba bl-​imħabba, il-​ġustizzja u s-​sewwa fuq l-​art; għax b’dawn l-​affarijiet nitgħaxxaq.” (Ġer. 9:24) Ġeħova m’għandux bżonn liġijiet tal-​bnedmin biex jgħinuh jiddeċiedi x’inhu tajjeb. Minflok, hu jistabbilixxi livelli għal dak li hu tajjeb. U skont il-​ġustizzja perfetta tiegħu, Ġeħova ta liġijiet lill-​bnedmin. Is-​salmista qal: “Fuq is-​sewwa u l-​ġudizzju hu stabbilit it-​tron tiegħek.” Allura kull liġi, prinċipju, u deċiżjoni li tiġi mingħand Ġeħova hi tajba. (Salm 89:14) Satana jsostni li Ġeħova mhux Mexxej ġust. Madankollu, Satana ma jistax iġib ġustizzja lid-​dinja. w17.06 22 ¶5

Il-​Ħadd, 24 taʼ Marzu

O Mulej Sovran Ġeħova, kliemek verità.—2 Sam. 7:28.

Ġeħova hu s-​Sors tal-​verità. (Salm 31:5) U bħala Missier ġeneruż, hu jrid jaqsam dawn il-​veritajiet magħna. Mindu smajna dwar il-​verità, aħna tgħallimna ħafna minn dawn il-​veritajiet permezz tal-​qari tal-​Kelma tiegħu u tal-​pubblikazzjonijiet tagħna u billi attendejna l-​konvenzjonijiet, l-​assembleat, u l-​laqgħat taʼ kull ġimgħa. Hekk kif inġemmgħu iktar u iktar veritajiet, aħna se jkollna dak li Ġesù sejjaħlu “teżor maħżun” taʼ veritajiet “ġodda u qodma.” (Mt. 13:52) Ġeħova se jgħinna nimlew il-​maħżen tat-​teżori tagħna jekk infittxu għal veritajiet l-​istess bħalma nfittxu għal teżori moħbijin. (Prov. 2:4-7) Dan kif se nagħmluh? Hemm bżonn li nistudjaw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna regolarment u nagħmlu riċerka bir-​reqqa. Dan se jgħinna nsiru nafu veritajiet “ġodda” li ma konniex nafu qabel. (Ġoż. 1:8, 9; Salm 1:2, 3) Aħna rridu nkunu ħerqana biex inkomplu nfittxu għal ħafna iktar veritajiet. w17.06 12-13 ¶13-14

It-​Tnejn, 25 taʼ Marzu

“Issejħuli u tiġu titolbuni, u jien nismagħkom.”—Ġer. 29:12.

Ħu żagħżugħ single kien qed jaħseb dwar l-​1 Korintin 7:28, li jgħid li dawk li jiżżewġu se “jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.” Il-​ħu tkellem m’anzjan miżżewweġ ikbar minnu u staqsieh: “X’inhi din it-​‘tribulazzjoni,’ u x’għandi nagħmel dwarha jekk niżżewweġ?” Qabel ma wieġbu, l-​anzjan qal liż-​żagħżugħ biex jaħseb dwar ħaġa oħra li kiteb l-​appostlu Pawlu: Ġeħova hu “l-​Alla taʼ kull faraġ, li jfarraġna fit-​tribulazzjoni [jew provi] kollha tagħna.” (2 Kor. 1:3, 4) Aħna nafu li Ġeħova, Missierna, iħobbna, u jfarraġna meta jkollna d-​diffikultajiet. Forsi tiftakar xi drabi meta Ġeħova saħħek u ggwidak permezz tal-​Kelma tiegħu. Nistgħu nkunu ċerti li hu jixtieq l-​aħjar għalina, bħalma xtaq lill-​qaddejja tiegħu tal-​passat.—Ġer. 29:11. w17.06 3 ¶1-2

It-​Tlieta, 26 taʼ Marzu

“Ġeħova qed iħares lir-​residenti barranin.”—Salm 146:9.

Ħutna r-​refuġjati m’għandhomx bżonn biss ikel u ħwejjeġ. Huma għandhom bżonn ukoll appoġġ emozzjonali u inkuraġġiment mill-​Bibbja. (Mt. 4:4) L-​anzjani jistgħu jgħinu billi jipprovdu letteratura bil-​lingwa tagħhom u billi jgħinuhom jikkuntattjaw aħwa li jitkellmu bil-​lingwa tagħhom. Dan hu importanti ferm għaliex ħafna refuġjati ġew sforzati jħallu warajhom kull ħaġa li kienu familjari magħha. Huma qed jimmissjaw il-​familja, il-​komunità, u l-​kongregazzjoni. Hemm bżonn iħossu l-​imħabba u l-​mogħdrija taʼ Ġeħova fost il-​Kristjani sħabhom. Jekk ma jħossux dan, ir-​refuġjati għandhom mnejn ifittxu l-​għajnuna mingħand oħrajn li huma mill-​istess pajjiż tagħhom però li ma jaqdux lil Ġeħova. (1 Kor. 15:33) Meta ngħinuhom iħossuhom parti mill-​kongregazzjoni, se nkunu qed naħdmu flimkien maʼ Ġeħova biex nipproteġu “lir-​residenti barranin.” Jistaʼ jkun li r-​refuġjati ma jistgħux imorru lura d-​dar sakemm dawk li ppersegwitawhom ikunu għadhom qed imexxu l-​pajjiż. Ukoll, ħafna għaddew minn trawma. Staqsi lilek innifsek, ‘Jekk nesperjenza wġigħ bħal dan, kif nixtieq li niġi ttrattat?’—Mt. 7:12. w17.05 7 ¶15-16

L-​Erbgħa, 27 taʼ Marzu

“Tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira min-​nies.”—Mt. 24:12.

La aħna qed ngħixu fis-​sistema mill-​agħar taʼ Satana, hemm ħafna raġunijiet għal xiex kultant inħossuna skuraġġiti. (1 Ġw. 5:19) Imma jekk inħallu lilna nfusna nsiru skuraġġiti żżejjed, il-​fidi tagħna tistaʼ tiddgħajjef u mħabbitna għal Alla tistaʼ tibred. Pereżempju, aħna nistgħu niffaċċjaw problemi minħabba età avanzata, saħħa batuta, jew problemi finanzjarji. Jew nistgħu nħossuna mnikktin għax ma nistgħux nagħmlu ċerti affarijiet tajjeb daqskemm nixtiequ. Nistgħu nkunu diżappuntati minħabba li xi affarijiet fil-​ħajja ma ġrawx kif xtaqna. Minkejja l-​isfidi li niffaċċjaw, qatt m’għandna nħossuna li Ġeħova telaqna waħedna. Aħseb fil-​kliem taʼ faraġ li nsibu f’​Salm 136:23: “Meta konna f’qagħda baxxa ftakar fina: għax il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu hi għal dejjem.” Aħna nistgħu nserrħu moħħna li Ġeħova jismaʼ “t-​talb bil-​ħrara” tagħna għall-​għajnuna u se jwieġbu.—Salm 116:1; 136:24-26. w17.05 17 ¶8

Il-​Ħamis, 28 taʼ Marzu

“Jekk ma taħfrux lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, lanqas Missierkom ma se jaħfer in-​nuqqasijiet tagħkom.”—Mt. 6:15.

Bħalma turi Galatin 2:11-14, Pietru beda jibżaʼ mill-​bniedem. (Prov. 29:25) Pietru kien jaf kif Ġeħova kien iħossu dwar il-​Ġentili. Xorta waħda, hu beżaʼ li l-​Kristjani Lhud ċirkonċiżi li ġew iżuru minn Ġerusalemm kienu se jirrispettawh inqas talli jassoċja maʼ Kristjani Ġentili. L-​appostlu Pawlu qal lil Pietru li kien qed jaġixxi taʼ ipokrita. (Atti 15:12; Gal. 2:13) Pietru kien umli u aċċetta l-​korrezzjoni taʼ Pawlu. L-​Iskrittura ma ssemmix li Pietru tilef xi wieħed mill-​inkarigi li kellu. Fil-​fatt, iktar tard Pietru ġie mnebbaħ biex jikteb żewġ ittri li saru parti mill-​Bibbja. Ġesù, li hu l-​kap tal-​kongregazzjoni, kompla jużah. (Efes. 1:22) L-​aħwa rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni kellhom l-​opportunità jimitaw lil Ġesù u lil Missieru billi jaħfru lil Pietru. Nittamaw li ħadd ma ħalla żball taʼ raġel imperfett ifixklu. w17.04 25-26 ¶16-18

Il-​Ġimgħa, 29 taʼ Marzu

Billi għamel irmied il-​bliet taʼ Sodoma u Gomorra, Alla kkundannahom, u b’hekk lill-​bnedmin bla devozzjoni lejn Alla ħallielhom mudell taʼ dak li għandu jiġri.—2 Pt. 2:6.

Ġeħova qered dak ir-​reġjun kollu biex itemm l-​affarijiet mill-​agħar li kienu qed jiġru hemm. Imma kien ukoll qed ‘iħalli mudell’ għan-​nies mill-​agħar illum. L-​istess bħalma Ġeħova temm l-​attivitajiet kollha immorali dak iż-​żmien, hu se jtemmhom ukoll illum meta jeqred din is-​sistema preżenti. X’se jkun hemm minflok l-​attivitajiet ħżiena? Fid-​dinja l-​ġdida se jkollna ħafna x’nagħmlu b’attivitajiet li jġibulna l-​ferħ. Pereżempju, se nibdlu l-​art f’ġenna u nibnu djar għalina u għal dawk li nħobbu. Ukoll, se nilqgħu lura għall-​ħajja miljuni taʼ wħud irxoxtati u ngħallmuhom dwar Ġeħova u dak kollu li għamel għall-​bnedmin. (Is. 65:21, 22; Atti 24:15) F’dak iż-​żmien, se nkunu medhijin b’attivitajiet li jferrħuna u jġibu tifħir lil Ġeħova! w17.04 13 ¶11-12

Is-​Sibt, 30 taʼ Marzu

Min joħroġ mill-​bieb taʼ dari jrid isir taʼ Ġeħova.—Mħ. 11:31.

Meta Ġefta għamel din il-​wegħda, probabbilment hu kien jaf li bintu setgħet tkun l-​ewwel persuna li tiġi tiltaqaʼ miegħu. Imma kienx jaf jew le, li jżomm il-​wegħda tiegħu maʼ Ġeħova ma kienx faċli, la għal Ġefta u lanqas għal bintu. Meta Ġefta raha, qalbu nqasmet. Bintu telqet “u bkiet il-​verġinità tagħha.” Għala? Ġefta ma kellux iben, u issa l-​unika bint li kellu qatt ma kienet se tiżżewweġ u jkollha t-​tfal. L-​isem tal-​familja taʼ Ġefta kien se jispiċċa. Iżda kemm Ġefta kif ukoll bintu rrealizzaw li xi ħaġa iktar importanti mis-​sentimenti tagħhom kienet involuta. Ġefta qal: “Jien ftaħt fommi lil Ġeħova, u ma nistax nerġaʼ lura.” Bintu qalet: “Agħmel miegħi skond kif ħareġ minn fommok.” (Mħ. 11:35-39) Ġefta u bintu kienu nies leali li qatt ma kien se jgħaddilhom minn moħħhom li jiksru wegħda li jkunu għamlu lil Alla, anke jekk kienet diffiċli ħafna għalihom li jżommuha.—Dt. 23:21, 23; Salm 15:4. w17.04 4 ¶5-6

Il-​Ħadd, 31 taʼ Marzu

“Jien se nistenna b’attitudni xierqa.”—Mik. 7:7.

Ġużeppi kien vittma taʼ xi inġustizzji tal-​biżaʼ. L-​ewwel, ħutu bigħuh bħala lsir meta kellu madwar 17-​il sena. Imbagħad, b’mod falz ġie akkużat li pprova jistupra lill-​mara taʼ sidu u spiċċa l-​ħabs. (Ġen. 39:11-20; Salm 105:17, 18) Għalkemm Ġużeppi kien qaddej leali t’Alla, jidher li kien iktar ikkastigat milli mbierek. Imma wara 13-​il sena, kollox inbidel. Ġużeppi nħeles mill-​ħabs u sar it-​tieni mexxej l-​iktar setgħan fl-​Eġittu. (Ġen. 41:14, 37-43; Atti 7:9, 10) Imtela bir-​rabja Ġużeppi minħabba dawn l-​inġustizzji? Ħass hu li Ġeħova kien abbandunah? Le. Ġużeppi stenna bil-​paċenzja. X’għenu? Kienet il-​fidi tiegħu f’Ġeħova. Hu fehem li Ġeħova kien qed jieħu ħsieb il-​kwistjoni. Naraw dan minn dak li qal lil ħutu: “Intom kellkom f’moħħkom li tagħmluli d-​deni. Alla kellu f’moħħu li jagħmel il-​ġid bl-​iskop li jaġixxi, bħal f’dan il-​jum, biex iżomm ħajjin ħafna nies.” (Ġen. 50:19, 20) Ġużeppi kien jaf li l-​barkiet mingħand Ġeħova kienu taʼ min jistenna għalihom. w17.08 4 ¶6; 6 ¶12-13

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja