April
It-Tnejn, 1 t’April
“Ta rġiel bħala għotjiet.”—Efes. 4:8.
Kif nistgħu nibbenefikaw mix-xogħol tal-anzjani? Nistgħu nimitaw il-fidi u l-eżempju tajjeb tagħhom, u nisimgħu mill-pariri li jagħtuna mill-Bibbja. (Ebr. 13:7, 17) L-anzjani jħobbuna u jriduna nersqu eqreb lejn Alla. Jekk jinnotaw li m’aħniex nattendu l-laqgħat jew qed nitilfu ż-żelu, huma se jipprovaw jgħinuna fil-pront. Huma jisimgħuna u mbagħad jagħtuna inkuraġġiment mill-qalb u pariri għaqlin mill-Bibbja. Tqisha int l-għajnuna tagħhom bħala evidenza li Ġeħova jħobbok? Ftakar li jistaʼ ma jkunx faċli għall-anzjani biex jagħtuna parir. Allura kif tistaʼ tagħmilhielhom iktar faċli? Kun umli, grat, u avviċinabbli. Qis l-għajnuna tagħhom bħala evidenza tal-imħabba t’Alla. Dan mhux se jkun taʼ benefiċċju għalik biss imma wkoll se jagħmel ix-xogħol tal-anzjani iktar pjaċevoli. w18.03 31 ¶15-16
It-Tlieta, 2 t’April
“Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.”—Prov. 27:11.
It-tfal kollha huma differenti. Mhux kollha jimmaturaw tal-istess età. Xi tfal jifhmu l-verità, jieħdu deċiżjonijiet għaqlin, u jkunu jridu jitgħammdu meta jkunu żgħar. Oħrajn għandhom mnejn ikunu lesti li jitgħammdu meta jikbru ftit ieħor. Ġenituri għaqlin ma jagħmlux pressjoni fuq uliedhom biex jitgħammdu. Minflok, jgħinu lil kull wieħed u waħda minnhom jagħmel progress bil-pass tiegħu. Il-ġenituri jifirħu meta wliedhom japplikaw l-iskrittura tal-lum. Imma għandhom jiftakru li l-mira tagħhom hi li jgħinu ’l uliedhom isiru dixxipli. B’dan f’moħħhom, għandhom jistaqsu lilhom infushom, ‘Ibni jew binti għandha biżżejjed għarfien biex tiddedika lilha nfisha lil Alla u titgħammed?’ w18.03 10 ¶6
L-Erbgħa, 3 t’April
“Għalkemm dak li ħalef jistaʼ jkun taʼ ħsara għalih, xorta ma jbiddlux.”—Salm 15:4.
Jekk aħna naċċettaw stedina, m’għandniex nikkanċellaw sakemm ma jkunx assolutament neċessarju li nagħmlu dan. Dak li stidinna jistaʼ jkun diġà pprepara għalina, u jekk nikkanċellaw, l-isforzi kollha tiegħu jkunu għalxejn. (Mt. 5:37) Xi nies jikkanċellaw stedina biex b’hekk jaċċettaw oħra li jħossu li hi aħjar. Ikun dan att taʼ mħabba u rispett? Irridu nkunu grati għal kwalunkwe ħaġa li dak li stidinna joffrilna. (Lq. 10:7) U jekk verament hemm bżonn li nikkanċellaw, ikun tajjeb li nuru mħabba u konsiderazzjoni billi ngħidulu malajr kemm jistaʼ jkun. Huwa importanti wkoll li nirrispettaw it-tradizzjonijiet lokali. F’xi kulturi, mistidnin mhux mistennijin jiġu milqugħin. Mentri f’oħrajn, ikun aħjar li wieħed jagħmel arranġament qabel ma jżur lil xi ħadd. F’xi kulturi, hu mistenni li l-mistidnin jirrifjutaw b’edukazzjoni l-ewwel jew it-tieni stedina. Imma f’oħrajn, tkun maledukazzjoni li wieħed ma jaċċettax l-ewwel stedina. Dejjem għandna nagħmlu l-almu tagħna biex nagħmlu ċert li dak li stidinna jkun kuntent li għamel dan. w18.03 20 ¶20-21
Il-Ħamis, 4 t’April
Irsistu lejn il-maturità.—Ebr. 6:1.
L-għarfien mill-Bibbja mhuwiex biżżejjed biex inkunu spiritwali. (1 Slat. 4:29, 30; 11:4-6) Allura, x’neħtieġu flimkien mal-għarfien mill-Bibbja? Jeħtieġ li nkomplu nsaħħu l-fidi tagħna. (Kol. 2:6, 7) Mod wieħed importanti hu billi jiġi studjat il-ktieb Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla. Dan se jgħinek tifhem kif tuża prinċipji Bibliċi f’ħajtek. Jekk diġà studjajt dan il-ktieb, hemm pubblikazzjonijiet oħrajn li tistaʼ tistudja biex jgħinuk issaħħaħ il-fidi tiegħek. (Kol. 1:23) Ukoll, hemm bżonn li nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu, u nitolbu lil Ġeħova jgħinna naraw kif nistgħu napplikawh. Meta nistudjaw u nimmeditaw, il-mira tagħna għandha tkun li niżviluppaw xewqa qawwija ħalli nogħġbu u nobdu lil Ġeħova. (Salm 40:8; 119:97) Ukoll, għandna bżonn inwarrbu dak kollu li jwaqqafna milli nikbru spiritwalment.—Titu 2:11, 12. w18.02 24 ¶7-9
Il-Ġimgħa, 5 t’April
Noè sar werriet tal-ġustizzja li tiġi permezz tal-fidi.—Ebr. 11:7.
Biex niżviluppaw fidi bħal dik taʼ Noè, għandna nistudjaw il-Kelma t’Alla sew, inħobbu dak li nitgħallmu, u nħallu dan l-għarfien jgħinna biex nagħmlu bidliet u għażliet tajbin f’ħajjitna. (1 Pt. 1:13-15) Imbagħad, il-fidi u l-għerf divin se jipproteġuna mill-qerq taʼ Satana u mill-influwenza taʼ din id-dinja. (2 Kor. 2:11) Ħafna nies fid-dinja jħobbu l-vjolenza u l-immoralità u jsegwu x-xewqat ħżiena tagħhom. (1 Ġw. 2:15, 16) Huma jinjoraw il-fatt li ninsabu qrib it-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar. Jekk ma jkollniex fidi b’saħħitha, nistgħu nibdew naħsbu b’dan il-mod ukoll. Tinsiex li meta Ġesù qabbel żmienna maʼ dak taʼ Noè, hu ma tkellimx dwar vjolenza jew immoralità imma dwar il-periklu li niġu aljenati milli naqdu lil Alla. (Mt. 24:36-39) Staqsi lilek innifsek: ‘Ħajti turi li tassew nafu lil Ġeħova? Il-fidi tiegħi timmotivani biex nagħmel dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb u biex ngħallem lil oħrajn dak li Alla jridhom jagħmlu?’ It-tweġibiet tiegħek għal dawn il-mistoqsijiet se jgħinuk tkun taf jekk int ukoll qigħedx timxi mal-Alla l-veru bħalma għamel Noè.—Ġen. 6:9. w18.02 11-12 ¶8-10
Is-Sibt, 6 t’April
“Nies bħal dawn aħrabhom.”—2 Tim. 3:5.
Ma nistgħux nevitaw għalkollox lil kull min għandu kwalitajiet ħżiena. Jistaʼ jkollna naħdmu magħhom, immorru l-iskola magħhom, jew ngħixu magħhom. Imma m’għandniex għalfejn naħsbu jew naġixxu bħalhom. X’jistaʼ jgħinna? Nistgħu nsaħħu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova billi nistudjaw il-Bibbja u nagħmluha maʼ dawk li huma determinati li jaqduh. Irridu wkoll ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova. Fittex għal opportunitajiet biex tagħti xhieda, u itlob lil Ġeħova biex jgħinek tgħid il-ħaġa t-tajba f’waqtha. Aħna għandna ngħidu lil oħrajn li aħna Xhieda taʼ Ġeħova. B’dal-mod, il-kondotta tajba tagħna se ġġib glorja lil Alla u mhux lilna nfusna. Ġeħova għallimna “nwarrbu dak kollu li hu kontra r-rieda t’Alla u x-xewqat tad-dinja u ngħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-sistema.” (Titu 2:11-14) Jekk nimitaw lil Ġeħova u nagħmlu dak li jrid hu, oħrajn se jinnotawna, u xi wħud jistgħu saħansitra jgħidu: “Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”—Żak. 8:23. w18.01 32 ¶17-18
Il-Ħadd, 7 t’April
“In-nies ikunu jħobbu lilhom infushom.”—2 Tim. 3:2.
Ifisser dan li hu ħażin li nħobbu lilna nfusna? Le, li nħobbu lilna nfusna hu normali u neċessarju. Ġeħova stess ħalaqna b’dal-mod. Ġesù qal: “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mk. 12:31) Fil-fatt, ma nistgħux inħobbu lil ħaddieħor jekk ma nħobbux lilna nfusna. Il-Bibbja tgħidilna wkoll: “L-irġiel . . . għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess. Min iħobb lil martu jħobb lilu nnifsu, għax ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.” (Efes. 5:28, 29) Għalhekk, jidher ċar li għandu jkollna xi ftit taʼ mħabba għalina nfusna. L-imħabba li n-nies ikollhom għalihom infushom, li naqraw dwarha fit-2 Timotju 3:2, hi egoista. Jekk xi ħadd iħobb lilu nnifsu żżejjed, hu jaħseb dwaru nnifsu iktar milli hemm bżonn. (Rum. 12:3) Hu jimpurtah iktar minnu nnifsu milli minn kwalunkwe persuna oħra. Meta l-affarijiet ma jmorrux sew, hu jwaħħal f’ħaddieħor minflok ma jieħu r-responsabbiltà hu. Nies bħal dawn mhumiex kuntenti verament. w18.01 22 ¶4-5
It-Tnejn, 8 t’April
“Uru li intom grati.”—Kol. 3:15.
Meta nistudjaw il-Bibbja, aħna nisimgħu lil Ġeħova, u meta nitolbu, aħna nitkellmu miegħu. M’għandniex inqisu t-talb sempliċement bħala drawwa jew xi ħaġa li ġġibilna l-fortuna u s-suċċess. It-talb hu komunikazzjoni reali mal-Ħallieq tagħna. Aħseb ftit: Ġeħova jrid jismaʼ dak li għandek x’tgħid! (Flp. 4:6) Għalhekk, meta għal xi raġuni tħossok ansjuż, il-Bibbja tgħidlek: “Ixħet toqlok fuq Ġeħova.” (Salm 55:22) Miljuni t’aħwa jistgħu jgħidulek li dan il-parir kien t’għajnuna għalihom. Dan jistaʼ jgħin lilek ukoll! Madankollu, aħna m’għandniex nitolbu biss meta rridu lil Ġeħova jgħinna. Xi drabi, tant ninkwetaw dwar il-problemi tagħna li ma nindunawx bl-affarijiet tajbin kollha li għandna. Allura pprova agħmel dan: Kull ġurnata, aħseb dwar minn tal-inqas tliet affarijiet li int grat għalihom, u mbagħad irringrazzja lil Ġeħova għalihom. w17.12 24 ¶10-11
It-Tlieta, 9 t’April
“Minn mindu kont tarbija ilek taf il-kitba qaddisa, li tistaʼ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni.”—2 Tim. 3:15.
Kull sena, eluf taʼ studenti tal-Bibbja jiddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u jitgħammdu. Ħafna huma wħud żgħar li trabbew fil-verità u għażlu l-aħjar tip taʼ ħajja. (Salm 1:1-3) Jekk int ġenitur Kristjan, wisq probabbli tħares ’il quddiem għall-ġurnata meta ibnek jew bintek titgħammed. (Qabbel it-3 Ġwanni 4.) Bħala ġenitur Kristjan, int trid lil ibnek jew bintek tkun taf il-kitba qaddisa, li llum tinkludi l-Iskrittura Ebrajka u l-Iskrittura Griega Kristjana. Anke tfal żgħar ħafna jistgħu jitgħallmu dwar in-nies u l-ġrajjiet tal-Bibbja. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova pprovdiet ħafna kotba, browxers, u vidjows li l-ġenituri jistgħu jużaw biex jgħinu lil uliedhom. Ibnek jew bintek għandha bżonn tkun taf x’hemm fil-Bibbja sabiex tibni relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova. w17.12 15 ¶1; 16 ¶4
L-Erbgħa, 10 t’April
“Ir-raġel hu l-kap taʼ martu.”—Efes. 5:23.
Forsi int oħt li r-raġel tiegħek ma jaqdix lil Ġeħova. X’se tagħmel jekk tħoss li ma jittrattakx kif suppost? Se ttejjeb is-sitwazzjoni billi targumenta dwar l-imġiba tiegħu? Anki jekk tirbaħ l-argument, se ġġiegħlu jkun irid jaqdi lil Ġeħova? Probabbilment le. Imma jekk turi rispett lejn l-irwol tiegħu bħala l-kap tal-familja, int tistaʼ tgħin lil familtek ikollha iktar paċi u se ġġib unur lil Ġeħova. L-eżempju tajjeb tiegħek jistaʼ saħansitra jġiegħel lir-raġel tiegħek ikun irid jaqdi lil Ġeħova, imbagħad it-tnejn li intom tkunu tistgħu tirbħu l-premju. (1 Pt. 3:1, 2) Forsi int ħu li l-mara tiegħek ma taqdix lil Ġeħova. X’tistaʼ tagħmel jekk tħoss li ma tirrispettakx? Se tqanqalha turik iktar rispett kieku kellek tgħajjat magħha biex turiha min jikkmanda? Dażgur li le! Alla jistenna li tkun raġel miżżewweġ li juri mħabba u li jimita lil Ġesù. Ġesù, il-kap tal-kongregazzjoni, dejjem juri paċenzja u mħabba. (Lq. 9:46-48) Jekk int timita lil Ġesù, maż-żmien martek tistaʼ tkun trid taqdi lil Ġeħova wkoll. w17.11 30-31 ¶13-14
Il-Ħamis, 11 t’April
“Dak li bena kollox hu Alla.”—Ebr. 3:4.
Nies li jirraġunaw bħalma tirraġuna d-dinja ma jagħtux kas il-prinċipji taʼ Ġeħova, u jekk ma noqogħdux attenti, l-ideat tagħhom jistgħu bil-mod il-mod idgħajfulna l-fiduċja tagħna fl-għerf t’Alla. Illum, ilkoll naraw u nisimgħu r-raġunar tad-dinja fuq it-televixin, l-internet, meta nkunu fuq il-post tax-xogħol, jew l-iskola. Nies li jirraġunaw bħad-dinja għandhom mnejn ma jkunux ħasbu fil-fond dwar jekk Alla jeżistix jew le u jistaʼ jkun li sempliċiment jieħdu pjaċir iħossu li għandhom il-libertà li jagħmlu li jridu. (Salm 10:4) Oħrajn jaħsbu li jidhru intelliġenti meta jgħidu, “Jistaʼ jkolli prinċipji tajbin mingħajr ma nemmen f’Alla.” Jagħmel sens li temmen li m’hemmx Ħallieq? Xi nies jitħawdu meta jipprovaw isibu t-tweġiba permezz tax-xjenza. Imma l-verità hi sempliċi. Tistaʼ dar sempliċiment tiġi mix-xejn? Dażgur li le! Kien hemm bżonn taʼ xi ħadd biex jibniha. w17.11 22 ¶2-4
Il-Ġimgħa, 12 t’April
“Ktieb it-tifkira beda jinkiteb quddiemu dwar dawk li għandhom il-biżaʼ taʼ Ġeħova u dwar dawk li jaħsbu fuq ismu.”—Mal. 3:16.
Għala hu importanti li aħna mmorru t-Tifkira? Waħda mir-raġunijiet li nattendu l-laqgħat hi għax dan hu mod kif inqimu lil Ġeħova. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova u Ġesù jinnotaw lil kull wieħed minna li jagħmel l-almu tiegħu biex jattendi l-iktar laqgħa importanti tas-sena. Aħna rridu li Ġeħova u Ġesù jarawna nattendu għat-Tifkira, sakemm ma jkunx assolutament impossibbli għalina li nkunu hemm. Meta dak li nagħmlu jagħti prova li l-laqgħat tagħna huma importanti għalina, se nagħtu lil Ġeħova raġuni oħra biex iżomm isimna fil-‘ktieb tat-tifkira.’ Dan il-ktieb jissejjaħ ukoll “il-ktieb tal-ħajja.” Fih hemm l-ismijiet taʼ dawk kollha li Ġeħova jrid li jiksbu l-ħajja taʼ dejjem. (Riv. 20:15) Fil-ġimgħat taʼ qabel it-Tifkira, nistgħu nqattgħu iktar ħin nitolbu u naħsbu bis-serjetà dwar kemm hi b’saħħitha r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova.—2 Kor. 13:5. w18.01 10 ¶4-5
Is-Sibt, 13 t’April
“Hu jrid jaħrab lejn waħda minn dawn il-bliet.”—Ġoż. 20:4.
Ladarba kien fil-belt tar-refuġju, il-maħrub kien protett. Ġeħova kien qal hekk dwar dawn il-bliet: “Iridu jservukom bħala refuġju.” (Ġoż. 20:2, 3) Ġeħova ma kienx jistenna li l-maħrub jerġaʼ jiġi ġġudikat għall-istess każ. Ukoll, dak li kellu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm ma kienx jitħalla jidħol fil-belt biex joqtlu. Meta l-maħrub kien ikun fil-belt, kellu l-protezzjoni taʼ Ġeħova. Hu ma kienx f’ħabs. Setaʼ jaħdem, jgħin lil oħrajn, u jaqdi lil Ġeħova fil-paċi. Iva, hu setaʼ jkollu ħajja ferħana u sodisfaċenti! Xi wħud mill-poplu t’Alla li għamlu dnubiet serji xorta jħossuhom ħatjin anke wara li jkunu nidmu. Xi wħud saħansitra jħossu li Ġeħova qatt mhu se jinsa verament dak li għamlu. Jekk tħossok b’dan il-mod, jekk jogħġbok kun ċert li meta Ġeħova jaħfirlek, hu jagħmel dan għalkollox. M’għandekx għalfejn tibqaʼ tħossok ħati. w17.11 11 ¶6; 12-13 ¶13-14
Il-Ħadd, 14 t’April
Ara! Kemm hu tajjeb u sabiħ li ngħammru flimkien f’unità!—Salm 133:1.
X’inhu mod wieħed li bih nistgħu nippromwovu l-unità? Hu billi naħsbu bis-serjetà dwar xi jfissru verament il-ħobż u l-inbid. Għandna nagħmlu dan qabel it-Tifkira u speċjalment f’dak il-lejl. (1 Kor. 11:23-25) Il-ħobż bla ħmira jirrappreżenta l-ġisem perfett li Ġesù ta bħala sagrifiċċju. L-inbid aħmar jirrappreżenta demmu. Imma mhux biżżejjed li sempliċement nifhmu dawn il-fatti bażiċi. Hemm bżonn li niftakru li s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa involva l-ikbar żewġ atti taʼ mħabba. Ġeħova ta lil Ibnu għalina, u Ġesù minn jeddu ta ħajtu għalina. Meta naħsbu dwar l-imħabba tagħhom, se niġu mqanqlin inħobbuhom. U l-imħabba li lkoll għandna għal Ġeħova se ssaħħaħ l-unità tagħna. w18.01 13 ¶11
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet wara nżul ix-xemx: 9 taʼ Nisan) Mattew 26:6-13
It-Tnejn, 15 t’April
“B’dan intweriet l-imħabba t’Alla għalina, għax Alla bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fid-dinja biex niksbu l-ħajja permezz tiegħu.”—1 Ġw. 4:9.
Ġeħova jħobbhom ħafna lill-bnedmin. Fil-fatt, tant aħna prezzjużi għalih li tana lil Ibnu biex ikun jistaʼ jkollna l-ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 3:16) Kieku Ġeħova ma jżommx il-wegħdi tiegħu għall-futur, Satana u opponenti oħrajn ikollhom raġun. Satana jsostni li Ġeħova hu giddieb li jċaħħad lill-bnedmin minn affarijiet tajbin u jmexxi b’mod inġust. Nies li jopponu jwaqqgħu għaċ-ċajt il-wegħdi taʼ Ġeħova u jgħidu: “Fejn hi din il-preżenza mwiegħda tiegħu? Għax minn dakinhar li missirijietna raqdu fil-mewt, kollox għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-bidu tal-ħolqien.” (2 Pt. 3:3, 4) Imma Ġeħova se jżomm kelmtu. Hu għamel ċert illi li tingħata prova tad-dritt tas-sovranità tiegħu jinkludi salvazzjoni għal bnedmin ubbidjenti. (Is. 55:10, 11) Is-sovranità taʼ Ġeħova hi mibnija fuq l-imħabba. Allura nistgħu nkunu ċerti li hu dejjem se jħobb u japprezza l-qaddejja leali tiegħu.—Eżo. 34:6. w17.06 16 ¶7
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 9 taʼ Nisan) Mattew 21:1-11, 14-17
It-Tlieta, 16 t’April
Alla ħabbna u bagħat lil Ibnu bħala sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.—1 Ġw. 4:10.
Minn dak il-waqt li Ġeħova wiegħed il-fidwa, bħalma hu mniżżel f’Ġenesi 3:15, kien bħallikieku dak is-sagrifiċċju kien diġà sar. Imbagħad, 4,000 sena wara, Ġeħova ta lill-Iben uniġenitu tiegħu għall-bnedmin. (Ġw. 3:16) Kemm aħna grati għall-imħabba taʼ Ġeħova! Nistgħu aħna nuru mħabba bla egoiżmu għalkemm imperfetti? Iva, nistgħu. Ġeħova ħalaqna fix-xbieha tiegħu, jiġifieri, bl-abbiltà li nimitawh. Mhux dejjem faċli nuru mħabba bla egoiżmu, iżda hu possibbli. Abel wera mħabba għal Alla meta mingħajr egoiżmu offra l-aħjar taʼ dak li kellu. (Ġen. 4:3, 4) Noè wera mħabba bla egoiżmu meta kompla jipprietka l-messaġġ t’Alla għal ħafna snin avolja n-nies ma semgħux. (2 Pt. 2:5) U Abraham wera li mħabbtu għal Alla kienet b’saħħitha iżjed minn kull ħaġa oħra billi kien lest li jissagrifika lill-iben maħbub tiegħu Iżakk. (Ġak. 2:21) L-istess bħal dawn l-irġiel leali, aħna wkoll irridu nuru mħabba, saħansitra meta ma jkunx faċli li nagħmlu dan. w17.10 4 ¶3-4
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 10 taʼ Nisan) Mattew 21:18, 19; 21:12, 13; Ġwanni 12:20-50
L-Erbgħa, 17 t’April
“Bħala qassis il-kbir m’għandniex wieħed li ma jistax jagħder id-dgħjufijiet tagħna, imma wieħed li ġie provat fl-aspetti kollha bħalna, imma baqaʼ mingħajr dnub.”—Ebr. 4:15.
B’Ġesù bħala l-Qassis il-Kbir tagħna, aħna għandna saħansitra iktar raġunijiet biex inkunu ċerti li “nsibu ħniena u qalb tajba mhix mistħoqqa għall-għajnuna f’waqtha.” (Ebr. 4:16) Għalhekk, jeħtieġ li jkollna fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Taħsibx li l-fidwa tapplika biss għan-nies inġenerali. B’fidi emmen li int tibbenefika minnha. (Gal. 2:20, 21) B’fidi emmen li permezz tal-fidwa, Ġeħova jaħfer id-dnubiet tiegħek. B’fidi emmen li l-fidwa tagħti lilek it-tama li tgħix għal dejjem. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù hu r-rigal għalik mingħand Ġeħova! U ladarba Ġeħova jkun ħafrilna dnubietna, m’għandniex għalfejn nibżgħu li se joqgħod ifakkarhomlna jew jiġġudikana għalihom. (Salm 103:8-12) Iva, jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li Ġeħova jaħfrilna. w17.11 13-14 ¶14-17
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 11 taʼ Nisan) Mattew 21:33-41; 22:15-22; 23:1-12; 24:1-3
Il-Ħamis, 18 t’April
Ma nitlobx għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li jpoġġu l-fidi fija permezz taʼ kelmithom; ħalli jkunu lkoll ħaġa waħda, bħalma int, Missier, f’unjoni miegħi.—Ġw. 17:20, 21.
Fil-lejl tal-ewwel Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, Ġesù qal talba speċjali. Fiha talab dwar l-unità prezzjuża li hu għandu maʼ Missieru. Ġesù talab ukoll biex id-dixxipli tiegħu jkunu magħqudin bl-istess mod. Ġeħova żgur li wieġeb din it-talba tal-għażiż Ibnu. Iktar minn kull laqgħa oħra, it-Tifkira turi b’mod ċar li x-Xhieda taʼ Ġeħova huma magħqudin. Dakinhar, mad-dinja kollha, miljuni taʼ nies minn bosta pajjiżi u b’kulur tal-ġilda differenti se jiltaqgħu flimkien u juru li jemmnu li Ġeħova bagħat lil Ibnu. F’xi postijiet, hi xi ħaġa stramba li nies minn razez differenti jkollhom laqgħat reliġjużi flimkien, jew jekk ikollhom, ikun hemm min iħoss li mhijiex xi ħaġa xierqa. Imma Ġeħova u Ġesù ma jħossuhomx hekk. Għalihom, l-unità tagħna fit-Tifkira hi xi ħaġa mill-isbaħ. Bħala poplu taʼ Ġeħova, m’aħniex mistagħġbin li aħna magħqudin b’dan il-mod. Ġeħova kien bassru dan.—Eżek. 37:15-17; Żak. 8:23. w18.01 11 ¶7-9
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 12 taʼ Nisan) Mattew 26:1-5, 14-16; Luqa 22:1-6
Data tat-Tifkira
wara nżul ix-xemx
Il-Ġimgħa, 19 t’April
“Il-ġebla li twarrbet mill-bennejja saret il-ġebla tax-xewka taʼ fuqnett.”—Salm 118:22.
“Il-bennejja” li warrbu l-Messija kienu l-mexxejja Lhud. Huma mhux biss injoraw lil Ġesù jew irrifjutaw li jaċċettawh bħala l-Kristu. Ħafna Lhud warrbuh billi insistew li Pilatu jagħtih is-sentenza għall-mewt. (Lq. 23:18-23) Iva, huma kienu wkoll responsabbli għall-mewt taʼ Ġesù. Jekk Ġesù ġie mwarrab u maqtul, kif setaʼ jsir “il-ġebla tax-xewka taʼ fuqnett”? Dan setaʼ jseħħ biss jekk jiġi rxoxtat. L-appostlu Pietru tkellem dwar “Ġesù Kristu n-Nazzarenu, li intom sammartuh maʼ zokk imma li Alla qajmu mill-imwiet.” Imbagħad hu qal: “Din hi ‘l-ġebla li intom il-bennejja ma stmajtuhiex u li saret il-ġebla tax-xewka taʼ fuqnett.’” (Atti 3:15; 4:5-11; 1 Pt. 2:5-7) Ladarba ġie rxoxtat, Ġesù sar l-uniku wieħed li ismu “ngħata lill-bnedmin u li bih nistgħu niġu salvati.”—Atti 4:12; Efes. 1:20. w17.12 10-11 ¶6-9
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 13 taʼ Nisan) Mattew 26:17-19; Luqa 22:7-13 (Ġrajjiet wara nżul ix-xemx: 14 taʼ Nisan) Mattew 26:20-56
Is-Sibt, 20 t’April
Ibqgħu xandru l-mewt tal-Mulej, sakemm jasal.—1 Kor. 11:26.
Meta Ġesù tkellem dwar it-tribulazzjoni l-kbira li daqt ġejja, hu qal: “Imbagħad jidher fis-sema s-sinjal taʼ Bin il-bniedem, . . . u jaraw lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab tas-sema b’qawwa u glorja kbira. U jibgħat lill-anġli tiegħu b’ħoss kbir taʼ trumbetta, u jiġbru flimkien il-magħżulin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf sa tarf tas-smewwiet.” (Mt. 24:29-31) Ġesù se ‘jiġbor flimkien il-magħżulin tiegħu’ meta jieħu fis-sema lill-Kristjani midlukin li jkun għad baqaʼ fuq l-art. Dan se jiġri wara li tkun bdiet it-tribulazzjoni l-kbira imma qabel il-gwerra t’Armageddon. F’dik il-gwerra, Ġesù, flimkien mal-144,000 kollha, se jiġġieled kontra s-slaten tal-art u jirbaħ. (Riv. 17:12-14) L-aħħar Tifkira li se nattendu se tkun dik taʼ qabel ma Ġesù ‘jiġi’ biex jiġbor lill-midlukin li jkun fadal fuq l-art. w18.01 14 ¶15
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 14 taʼ Nisan) Mattew 27:1, 2, 27-37
Il-Ħadd, 21 t’April
“Lil dan Ġesù Alla rxoxtah, u taʼ dan il-fatt aħna lkoll xhieda.”—Atti 2:32.
Ġesù jgħix fis-sema “għal dejjem taʼ dejjem.” (Rum. 6:9; Riv. 1:5, 18; Kol. 1:18; 1 Pt. 3:18) Hu kien wiegħed li l-appostli leali tiegħu kienu se jmexxu miegħu hemmhekk. (Lq. 22:28-30) Pawlu kiteb li “Kristu ġie mqajjem mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu fil-mewt.” Imbagħad, Pawlu qal li kien se jkun hemm oħrajn li kienu se jiġu rxoxtati u jmorru s-sema: “Kull wieħed skond kif imissu: Kristu l-ewwel frott; wara, dawk li huma tal-Kristu matul il-preżenza tiegħu.” (1 Kor. 15:20, 23) Il-kliem taʼ Pawlu jagħtina ħjiel dwar meta se jseħħ l-irxoxt fis-sema. Dan se jseħħ matul il-preżenza taʼ Kristu. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ilhom jagħtu prova mill-Bibbja li l-“preżenza” taʼ Kristu bdiet fl-1914. Aħna għadna qed ngħixu matul il-“preżenza” tiegħu, u t-tmiem taʼ dis-sistema mill-agħar hu qrib ħafna. w17.12 12-13 ¶11, 14-16
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 15 taʼ Nisan) Mattew 27:62-66 (Ġrajjiet wara nżul ix-xemx: 16 taʼ Nisan) Mattew 28:2-4
It-Tnejn, 22 t’April
“Jien—jien hu li qed infarraġkom.”—Is. 51:12.
Missierna mimli mħabba wkoll esperjenza t-telfa taʼ wħud maħbubin, bħall-qaddejja tiegħu Abraham, Iżakk, Ġakobb, Mosè, u s-Sultan David. (Num. 12:6-8; Mt. 22:31, 32; Atti 13:22) Il-Bibbja turina li Ġeħova tassew iħares ’il quddiem għall-ġurnata meta se jirxoxta lil dawn l-irġiel leali. (Ġob 14:14, 15) F’dak iż-żmien, dawn se jkunu ferħanin u jgawdu saħħa perfetta. Ġeħova esperjenza wkoll il-mewt tal-ewwel Iben imwieled tiegħu. Il-Bibbja tgħid li Ġesù kien il-wieħed li Alla kien ‘jgħożż b’mod speċjali.’ (Prov. 8:22, 30) Lanqas biss nistgħu nimmaġinaw in-niket li Ġeħova żgur ħass meta ra lil Ibnu jmut mewta agonizzanti. (Ġw. 5:20; 10:17) B’hekk, nistgħu nkunu assolutament ċerti li Ġeħova se jgħinna. Allura, dejjem għandna nħossuna liberi li nitolbu lilu u nesprimu l-uġigħ u n-niket kbir li għandna. Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova jifhem kif inħossuna u li jagħtina l-faraġ li għandna bżonn!—2 Kor. 1:3, 4. w17.07 10 ¶3-5
Qari mill-Bibbja għat-Tifkira: (Ġrajjiet matul il-jum: 16 taʼ Nisan) Mattew 28:1, 5-15
It-Tlieta, 23 t’April
“Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu.”—Ebr. 6:10.
Illum, miljuni taʼ nies huma ferħanin li jagħtu lil Ġeħova “l-affarijiet prezzjużi” tagħhom, bħall-ħin, l-enerġija u l-affarijiet materjali tagħhom. B’dan il-mod, huma jappoġġjaw it-tempju spiritwali kbir taʼ Ġeħova. (Prov. 3:9) Ġeħova qatt mhu se jinsa x-xogħol li nagħmlu u l-imħabba li nuruh. F’dawn l-aħħar jiem, il-poplu taʼ Ġeħova kien kapaċi jagħmel xogħol tajjeb ħafna. Dan kien possibbli minħabba l-barka taʼ Ġeħova u t-tmexxija taʼ Kristu. Aħna ferħanin li nagħmlu parti minn organizzazzjoni li hi stabbli, li tipprovdi protezzjoni, u li hi dejjiema. Allura apprezza postok fost il-poplu taʼ Ġeħova u ‘ismaʼ minn leħen Ġeħova Alla tiegħek.’ Imbagħad int tistaʼ tkun protett mis-Sultan u Qassis il-Kbir tagħna. Agħmel kulma tistaʼ biex tappoġġja l-qima vera. Ġeħova se jżommok fis-sigurtà matul il-bqija taʼ din is-sistema dinjija—u għal dejjem! w17.10 26 ¶18-19
L-Erbgħa, 24 t’April
“Agħmlu għalikom ħbieb permezz taʼ l-għana mhux ġust, sabiex meta jispiċċa, jilqgħukom fl-għamajjar taʼ dejjem.”—Lq. 16:9.
Fil-futur qarib, is-sistemi politiċi, reliġjużi, u kummerċjali li jagħmlu parti mis-sistema taʼ Satana se jispiċċaw. Il-profeti Eżekjel u Sofonija bassru li d-deheb u l-fidda, li minn dejjem kienu importanti għas-sistema kummerċjali, se jsiru bla valur. (Eżek. 7:19; Sof. 1:18) Kif inħossuna jekk naslu lejn l-aħħar taʼ ħajjitna f’did-dinja u nirrealizzaw li nkunu ssagrifikajna rikkezzi veri għal affarijiet materjali mhux ġusti tad-dinja? Nistgħu forsi nħossuna bħal raġel li ħadem ħajtu kollha biex iġemmaʼ ħafna flus, imma mbagħad isir jaf li l-flus huma foloz. (Prov. 18:11) L-affarijiet materjali taʼ did-dinja żgur se jispiċċaw. Allura titlifx l-opportunità biex tuża l-affarijiet materjali tiegħek biex tagħmel ħbieb fis-sema. Dak li nagħmlu għal Ġeħova u s-Saltna tiegħu se jagħmilna verament ferħanin. w17.07 7 ¶16
Il-Ħamis, 25 t’April
“Imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin, u ibqgħu mexjin bl-imħabba, bħalma l-Kristu wkoll ħabbkom u ta lilu nnifsu għalikom.”—Efes. 5:1, 2.
Xi Kristjani li għamlu dnub serju pprovaw iżommuh moħbi. Huma forsi jistħu jew ma jridux jiddiżappuntaw lil oħrajn. (Prov. 28:13) Iżda meta midneb jaħbi dnub ma jkunx qed juri mħabba għax dan ikun taʼ ħsara kemm għalih kif ukoll għal oħrajn. Kif? Ġeħova għandu mnejn ma jkomplix ibierek lill-kongregazzjoni bl-ispirtu qaddis tiegħu, u l-kongregazzjoni ma jkollhiex paċi. (Efes. 4:30) Allura jekk Kristjan jagħmel dnub serju, imħabba ġenwina se timmotivah ikellem lill-anzjani u jikseb l-għajnuna li għandu bżonn. (Ġak. 5:14, 15) Fost il-kwalitajiet kollha, l-imħabba hija l-ikbar waħda. (1 Kor. 13:13) Din tgħin lin-nies jaraw min huma s-segwaċi veri taʼ Ġesù u min tassew jimita lil Ġeħova, is-Sors tal-imħabba. Pawlu qal li kieku ma kellux l-imħabba, ma kien ikun xejn. (1 Kor. 13:2) Jalla kull wieħed u waħda minna jkompli juri mħabbtu, mhux biss “bil-kliem” imma wkoll “bl-għemil u l-verità.”—1 Ġw. 3:18. w17.10 8 ¶17-18
Il-Ġimgħa, 26 t’April
“Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.”—Atti 5:29.
Ġużeppi wera kuraġġ meta l-mara taʼ Potifar ittantatu biex jikkommetti immoralità sesswali. Hu żgur kien jaf li ħajtu setgħet tkun fil-periklu jekk jirrifjuta. Imma minflok ma ċeda, hu wera kuraġġ u bla telf taʼ żmien ħa azzjoni. (Ġen. 39:10, 12) Raħab hi eżempju ieħor taʼ kuraġġ. Meta spiji Iżraelin marru d-dar tagħha f’Ġeriko, hi b’kuraġġ ħbiet liż-żewġt irġiel u għenithom jaħarbu bla periklu. (Ġoż. 2:4, 5, 9, 12-16) Meta s-Sadduċej ipprovaw iwaqqfu l-appostli leali, li kienu raw il-kuraġġ li kellu Ġesù, l-appostli baqgħu jgħallmu dwar Ġesù. (Atti 5:17, 18, 27-29) Ġużeppi, Raħab, Ġesù, u l-appostli kienu determinati jagħmlu dak li hu tajjeb. Huma wrew kuraġġ, mhux għax kienu kunfidenti fl-abbiltajiet tagħhom stess, imma għax straħu fuq Ġeħova. Meta xi drabi jkollna bżonn il-kuraġġ, aħna wkoll għandna nistrieħu fuq Ġeħova, u mhux fuqna nfusna.—2 Tim. 1:7. w17.09 28 ¶6-9
Is-Sibt, 27 t’April
“Inżgħu l-personalità l-qadima bid-drawwiet tagħha.”—Kol. 3:9.
Huwa impossibbli li ninżgħu l-personalità l-qadima waħedna. Nies li neżgħu l-personalità l-qadima spiss kellhom jiġġieldu ġlieda kbira biex ibiddlu l-istil taʼ ħajja tagħhom. Kienu l-qawwa tal-Kelma t’Alla u l-ispirtu qaddis tiegħu li għenuhom. (Lq. 11:13; Ebr. 4:12) Biex nibbenefikaw minn din il-qawwa, irridu naqraw il-Bibbja kuljum, nimmeditaw fuqha, u nitolbu kontinwament għall-għerf u s-saħħa biex napplikaw dak li nitgħallmu. (Ġoż. 1:8; Salm 119:97; 1 Tess. 5:17) Aħna nibbenefikaw ukoll mill-Kelma t’Alla u l-ispirtu qaddis tiegħu meta nippreparaw u nattendu għal-laqgħat. (Ebr. 10:24, 25) U rridu nagħmlu użu tajjeb mill-ħafna provvedimenti li tagħtina l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, bħar-rivisti tagħna, il-JW Broadcasting, il-JW Library, u l-jw.org. (Lq. 12:42) Filwaqt li kull Kristjan għandu jinżaʼ l-personalità l-qadima, hemm affarijiet oħra li hemm bżonn jagħmel sabiex jogħġob lil Ġeħova. Jeħtieġ li nilbsu l-personalità l-ġdida.—Kol. 3:10. w17.08 20 ¶16-17
Il-Ħadd, 28 t’April
“Min-naħa tiegħi, fil-qalb tajba bl-imħabba tiegħek fdajt; ħa tifraħ qalbi bis-salvazzjoni tiegħek.”—Salm 13:5.
Is-Sultan David sofra ħafna inġustizzji. Ġeħova dilek lil David biex ikun is-sultan taʼ Iżrael meta kien żgħir. Imma David kellu jistenna 15-il sena qabel ma sar sultan saħansitra tat-tribù tiegħu stess. (2 Sam. 2:3, 4) Matul ftit minn dan iż-żmien, David kellu jaħrab u jistaħba mis-Sultan Sawl, li kien qed jipprova joqtlu. B’hekk, David ma kellux dar tiegħu. Kellu joqgħod f’pajjiż barrani jew f’għerien fix-xagħri. Fl-aħħar, Sawl inqatel f’battalja. Iżda David xorta kellu jistenna madwar sebaʼ snin oħra sakemm fl-aħħar sar sultan tal-ġens kollu taʼ Iżrael. (2 Sam. 5:4, 5) David għala kien lest jistenna bil-paċenzja? Hu kien jaf li Ġeħova kien iħobbu u li dejjem kien se jkun leali lejh. Hu ħaseb dwar id-drabi meta Ġeħova kien għenu fil-passat, u ħares ’il quddiem għaż-żmien meta Ġeħova kien se jtemm il-provi tiegħu. (Salm 13:6) David kien jaf li l-barkiet taʼ Ġeħova kienu taʼ min jistenna għalihom. w17.08 7 ¶14-15
It-Tnejn, 29 t’April
“Alla mhux parzjali.”—Atti 10:34.
Maż-żmien, il-lingwi jinbidlu. Ċertu kliem u espressjonijiet jistgħu jibdew ifissru xi ħaġa totalment differenti milli kienu jfissru qabel. Dan hu minnu wkoll fil-każ taʼ lingwi antiki. L-Ebrajk u l-Grieg li n-nies jużaw illum huma differenti mill-Ebrajk u l-Grieg li bihom ġiet miktuba l-Bibbja. Il-maġġoranza tan-nies ma jistgħux jifhmu l-Bibbja bil-lingwi antiki li ġiet miktuba bihom, allura jkollhom bżonn traduzzjoni. Xi wħud ħasbu li kieku tgħallmu l-Ebrajk u l-Grieg antik, kienu jkunu jistgħu jifhmu l-Bibbja aħjar. Imma dan jistaʼ ma jgħinhomx daqskemm jaħsbu. Aħna grati ħafna li l-Bibbja jew partijiet minnha ġew tradotti b’iktar minn 3,200 lingwa. Biċ-ċar, Ġeħova jixtieq li nies minn “kull ġens u tribù u lsien” jibbenefikaw mill-Kelma tiegħu. (Riv. 14:6) Dan bla dubju jġegħelna nħossuna saħansitra eqreb lejn Alla tagħna, li hu kollu mħabba u imparzjali. w17.09 16 ¶4
It-Tlieta, 30 t’April
“Kulmin iżomm lura dak li jkun se jgħid għandu l-għarfien, u bniedem taʼ dixxerniment iżomm spirtu kalm.”—Prov. 17:27.
Forsi għandek qraba li huma maqtugħin mis-sħubija. Jekk dan hu l-każ, se jkollok bżonn tikkontrolla s-sentimenti tiegħek biex tevita kuntatt bla bżonn magħhom. Dan se jkun iżjed faċli jekk tiftakar li tkun qed timita l-eżempju taʼ Ġeħova u tagħmel dak li jikkmandak. Aħna nibbenefikaw ukoll mill-eżempju tas-Sultan David. Meta Sawl u Simgħi pprovokawh, David ma rrabjax jew uża l-qawwa tiegħu kontrihom. (1 Sam. 26:9-11; 2 Sam. 16:5-10) Madankollu, David mhux dejjem kellu kontroll fuqu nnifsu. Dan nafuh minn dak li naqraw dwar id-dnub tiegħu maʼ Bat-seba u r-reazzjoni tiegħu għar-regħba taʼ Nabal. (1 Sam. 25:10-13; 2 Sam. 11:2-4) Aħna nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet taʼ siwi mingħand David. L-ewwel, indokraturi fost il-poplu t’Alla jeħtieġu b’mod speċjali r-rażan biex ma jużawx ħażin l-awtorità tagħhom. It-tieni, ħadd m’għandu jkun kunfidenti żżejjed, billi jaħseb li qatt mhu se jċedi għat-tentazzjoni.—1 Kor. 10:12. w17.09 6 ¶12-13