Mejju
L-Erbgħa, 1 taʼ Mejju
“Aqbad sew mad-dixxiplina; titlaqhiex. Ħarisha, għax hi ħajtek.”—Prov. 4:13.
Id-dixxiplina tistaʼ tkun taʼ wġigħ, imma r-riżultati taʼ li nirrifjutaw id-dixxiplina t’Alla huma taʼ wġigħ saħansitra iktar. (Ebr. 12:11) Aħna nistgħu nitgħallmu mill-eżempju ħażin taʼ Kajjin. Meta Alla ra li Kajjin kien jobgħod lil ħuh u ried joqtlu, hu wissieh: “Għala int mgħaddab għall-aħħar u qarrast wiċċek? Jekk iddur biex tagħmel it-tajjeb, ma tiġix milqugħ? Imma jekk ma ddurx biex tagħmel it-tajjeb, hemm id-dnub lest għalik wara biebek, u hu mlebleb għalik; u se trażżnu int, min-naħa tiegħek?” (Ġen. 4:6, 7) Kajjin irrifjuta d-dixxiplina taʼ Ġeħova, qatel lil ħuh, u sofra konsegwenzi tal-biżaʼ għal għomru. (Ġen. 4:11, 12) Li kieku Kajjin sema’ minn Alla, ma kienx jesperjenza daqstant uġigħ. Ġeħova ma jridniex insofru wġigħ bla bżonn bħal dan! (Is. 48:17, 18) Allura ejja ‘nisimgħu mid-dixxiplina u nsiru għorrief.’—Prov. 8:33. w18.03 32 ¶18-20
Il-Ħamis, 2 taʼ Mejju
“Jien, Danjel, indunajt mill-kotba bl-għadd tas-snin.”—Dan. 9:2.
Il-ġenituri taʼ Danjel żgur li għallmuh iħobb lil Ġeħova u lil Kelmtu. U Danjel għamel dan tul ħajtu kollha. Anke meta xjaħ, xorta waħda studja l-Iskrittura sewwa. Danjel kien jaf lil Ġeħova tajjeb ħafna. Kien jaf ukoll dak kollu li Ġeħova kien għamel għall-Iżraelin. Dan nistgħu narawh mit-talba umli u sinċiera tiegħu li nsibu f’Danjel 9:3-19. Aqra din it-talba, u aħseb sew dwarha. Ma kienx faċli għal Lhudi leali biex jaqdi lil Alla fil-belt pagana taʼ Babilonja. Pereżempju, Ġeħova qal lil-Lhud: “Fittxu l-paċi tal-belt li eżiljajtkom fiha.” (Ġer. 29:7) Madankollu, hu kien ikkmandahom ukoll biex iqimu lilu biss b’qalbhom kollha. (Eżo. 34:14) Danjel kif setaʼ jobdi ż-żewġ kmandi? L-għerf divin għen lil Danjel ikun jaf li kellu jobdi lil Ġeħova l-ewwel, imbagħad lil mexxejja umani. Mijiet taʼ snin wara, Ġesù għallem l-istess prinċipju.—Lq. 20:25. w18.02 12 ¶11-12
Il-Ġimgħa, 3 taʼ Mejju
Agħmel marka fuq ġbinhom.—Eżek. 9:4.
Għaddej int minn żminijiet diffiċli minħabba li tinsab marid, għandek problemi finanzjarji, jew qed tiġi ppersegwitat? Issibha kultant bi tqila li tibqaʼ ferħan fis-servizz tiegħek lil Ġeħova? Jekk dan hu l-mod kif tħossok, tistaʼ tiġi inkuraġġit billi teżamina l-eżempji taʼ Noè, Danjel, u Ġob. Dawn l-irġiel kienu imperfetti u kellhom l-istess tipi taʼ sfidi li għandna aħna llum. Kultant, anke ħajjithom stess kienet fil-periklu. Iżda huma baqgħu leali lejn Ġeħova, u hu qieshom bħala eżempji taʼ fidi u ubbidjenza. (Eżek. 14:12-14) Eżekjel kiteb il-kliem tal-iskrittura tal-lum, f’Babilonja fis-sena 612 QK. (Eżek. 1:1; 8:1) Dan kien ftit qabel ma nqerdet Ġerusalemm fis-sena 607 QK. Kienu biss ftit in-nies f’Ġerusalemm li kellhom kwalitajiet bħal taʼ Noè, Danjel, u Ġob, u b’hekk salvaw. (Eżek. 9:1-5) Bl-istess mod illum, huma biss in-nies li Ġeħova jqishom bla ħtija bħalhom li se jsalvaw fit-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar.—Riv. 7:9, 14. w18.02 3-4 ¶1-3
Is-Sibt, 4 taʼ Mejju
“Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek.”—Ekk. 12:1.
Jekk int żagħżugħ, staqsi lilek innifsek: ‘Immur jien il-laqgħat u s-servizz tal-għalqa sempliċement għax iriduni l-ġenituri? Jew għax għandi relazzjoni persunali m’Alla?’ M’għandniex xi ngħidu, ilkoll għandu jkollna miri spiritwali, kemm jekk aħna kbar u kemm jekk żgħar. Dawn il-miri se jgħinuna nsiru iktar b’saħħitna spiritwalment. (Ekk. 12:13) Wara li naraw fejn nistgħu nitjiebu, ikollna bżonn nibdew nagħmlu l-bidliet. Dan tant hu importanti li jistaʼ jfisser ħajja jew mewt għalina. (Rum. 8:6-8) Ġeħova ma jistenniex li nkunu perfetti, u hu jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinna. Imma min-naħa tagħna xorta hemm bżonn li naħdmu iebes. Għalkemm li nistudjaw il-Bibbja jistaʼ jkun pjaċevoli, m’għandniex nistennew li l-Bibbja tkun divertenti bħalma jistaʼ jkun xi rumanz. Għandna bżonn naħdmu biex insibu veritajiet prezzjużi li se jgħinuna. w18.02 24-25 ¶10-11
Il-Ħadd, 5 taʼ Mejju
“Għala qed titnikker? Qum, tgħammed.”—Atti 22:16.
Persuna m’għandhiex għalfejn tkun taf kull dettall taʼ kull tagħlim Bibliku qabel tkun tistaʼ tiddedika ruħha u titgħammed. Kull dixxiplu taʼ Kristu għandu jibqaʼ jitgħallem anke wara li jitgħammed. (Kol. 1:9, 10) Mela wieħed kemm għandu bżonn ikun jaf qabel ikun jistaʼ jitgħammed? L-esperjenza taʼ waħda familja mill-passat tistaʼ tgħinna. (Atti 16:25-33) Fis-sena 50, Pawlu mar il-belt taʼ Filippi fit-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu. Waqt li kien hemm, hu u Sila ġew akkużati b’mod falz, arrestati, u mitfugħin il-ħabs. Matul il-lejl, kien hemm terremot qawwi li fetaħ il-bibien kollha tal-ħabs. Il-kalzrier, jew il-gwardjan tal-ħabs, ħaseb li l-priġunieri kollha kienu ħarbu, u ried joqtol lilu nnifsu. Imma Pawlu waqqfu. Imbagħad Pawlu u Sila għallmu lill-gwardjan tal-ħabs u lill-familja tiegħu l-verità dwar Ġesù. Huma emmnu l-affarijiet li tgħallmu dwar Ġesù u rrealizzaw kemm kien importanti li jobduh. Allura tgħammdu minnufih. w18.03 11 ¶7-8
It-Tnejn, 6 taʼ Mejju
“Hieni l-poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova!”—Salm 144:15.
Ġeħova hu Alla hieni, u n-nies tiegħu jirriflettu din il-kwalità. Ukoll, b’kuntrast għal dawk li jħobbu wisq lilhom infushom u li jaħsbu biss f’dak li jistgħu jirċievu, il-qaddejja taʼ Ġeħova huma kuntenti għax huma jagħtu milli għandhom lil oħrajn. (Atti 20:35; 2 Tim. 3:2) Kif nistgħu nkunu nafu jekk l-imħabba li għandna għalina nfusna hix qed issir iktar b’saħħitha mill-imħabba tagħna għal Alla? Aħseb dwar dan il-parir għaqli: ‘Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà qisu lill-oħrajn superjuri għalikom. Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.’ (Flp. 2:3, 4) Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ‘Napplikah jien dan il-parir? Infittex għal modi kif nistaʼ ngħin lil oħrajn fil-kongregazzjoni u fil-ministeru tal-għalqa?’ Mhuwiex dejjem faċli li nagħtu mill-ħin u l-enerġija tagħna. Dan jistaʼ jirrikjedi li jkollna naħdmu iebes u nċedu xi affarijiet li nieħdu pjaċir nagħmlu. Imma xejn ma jistaʼ jagħmilna iktar ferħanin milli nkunu nafu li s-Sovran tal-univers hu kuntent bina! w18.01 22-23 ¶6-7
It-Tlieta, 7 taʼ Mejju
“Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-fidi.”—2 Kor. 13:5.
Kif nistgħu nagħmlu dan? Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Nemmen verament li din hi l-unika organizzazzjoni li Ġeħova għażel biex jagħmel ir-rieda tiegħu? Qed nagħmel l-aħjar li nistaʼ biex nipprietka u ngħallem l-aħbar tajba? Dak li nagħmel, juri li jien verament nemmen li qed ngħixu fl-aħħar jiem u li dalwaqt se tispiċċa l-ħakma taʼ Satana? Il-fiduċja tiegħi f’Ġeħova u Ġesù hi b’saħħitha bħal meta bdejt naqdi lil Ġeħova?’ (Mt. 24:14; 2 Tim. 3:1; Ebr. 3:14) Li naħsbu dwar it-tweġibiet taʼ dawn il-mistoqsijiet se jgħinna biex ‘nibqgħu ngħarblu’ x’aħna. Mod wieħed kif tistaʼ tipprepara għat-Tifkira hu billi taqra u taħseb dwar artikli li jispjegaw għala din il-ġrajja hi daqstant importanti. (Ġw. 3:16; 17:3) L-uniku mod biex aħna nirċievu l-ħajja taʼ dejjem hu billi nsiru nafu lil Ġeħova u billi jkollna fidi f’Ibnu, Ġesù. Biex nippreparaw għat-Tifkira, aħna nistgħu nagħżlu li nistudjaw affarijiet li jgħinuna nersqu eqreb tagħhom. w18.01 10 ¶5-6
L-Erbgħa, 8 taʼ Mejju
“Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux il-Missier.”—Ġw. 6:44.
Meta taqra l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna u tattendi l-laqgħat tagħna, int titgħallem kif Alla għen lil oħrajn biex jibqgħu leali. Imma hekk kif ir-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova tissaħħaħ iktar, ikollok bżonn tara kif Ġeħova qed jgħin lilek. Int kif esperjenzajt b’mod persunali li Ġeħova hu tajjeb? Hemm mod wieħed kif il-Kristjani kollha daqu t-tjubija taʼ Ġeħova. Dan hu billi kull wieħed u waħda minna ġie mistieden jersaq qrib lejh u lejn Ibnu. Tħoss int li Ġeħova ġibed lilek lejh? Jew taħseb, ‘Ġeħova ġibed lill-ġenituri tiegħi lejh u jien sempliċement qed nimxi warajhom’? Ftakar li meta ddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova u tgħammidt, int imbagħad kellek ir-relazzjoni speċjali tiegħek stess miegħu. Il-Bibbja tgħidilna: “Jekk xi ħadd iħobb lil Alla, Alla jkun jafu lil dan.” (1 Kor. 8:3) Dejjem għożż il-post li Ġeħova tak fl-organizzazzjoni tiegħu. w17.12 24-25 ¶12-13
Il-Ħamis, 9 taʼ Mejju
“Ġeħova jiddixxiplina lil min iħobb.”—Ebr. 12:6.
Meta tismaʼ l-kelma “dixxiplina” forsi taħseb f’kastig, imma d-dixxiplina hi ħafna iktar minn dan. Il-Bibbja tgħid li d-dixxiplina hi taʼ ġid għalina u xi drabi ssemmiha flimkien mal-għarfien, l-għerf, l-imħabba, u l-ħajja. (Prov. 1:2-7; 4:11-13) Dan għaliex id-dixxiplina t’Alla hi espressjoni taʼ mħabbtu għalina u tax-xewqa tiegħu li aħna ngħixu għal dejjem. (Ebr. 12:6) Għalkemm id-dixxiplina t’Alla kultant tinkludi kastig, din qatt ma tkun kiefra jew taʼ ħsara. Fil-fatt, l-iktar tifsira importanti tal-kelma “dixxiplina” tinvolvi edukazzjoni, bħall-edukazzjoni li ġenitur jagħti lil iben jew bint li jħobb. Bħala Kristjani, aħna parti mid-dar t’Alla. (1 Tim. 3:15) Missierna, Ġeħova, għandu d-dritt li jiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin u li jiddixxiplinana meta ma nobduhx. Iżjed minn hekk, jekk dak li nagħmlu jġib konsegwenzi xejn sbieħ, aħna niġu mfakkrin kemm hu importanti li nobdu minn Missierna tas-sema. Dan ukoll hu parti mid-dixxiplina bi mħabba tiegħu.—Gal. 6:7. w18.03 21 ¶1; 22 ¶3
Il-Ġimgħa, 10 taʼ Mejju
“Kulmin iżomm lura dak li jkun se jgħid għandu l-għarfien, u bniedem taʼ dixxerniment iżomm spirtu kalm.”—Prov. 17:27.
Forsi int żagħżugħ jew żagħżugħa u tħoss li l-ġenituri tiegħek ma jifhmukx jew li qed iżommulek wisq. Dan tant jistaʼ jirritak li saħansitra tiddubita jekk tridx taqdi lil Ġeħova. Imma jekk titlaq lil Ġeħova, int se tinduna li ħadd fid-dinja ma jħobbok daqskemm iħobbuk il-ġenituri Kristjani u ħutek fil-kongregazzjoni. Aħseb dwar dan: Kieku l-ġenituri qatt ma kkoreġewk, kif se tkun taf jekk jimpurtahomx minnek verament? (Ebr. 12:8) Veru, huma mhumiex perfetti, allura l-mod kif jiddixxiplinawk jistaʼ jirritak. Imma tiffokax fuq dan. Minflok, ipprova ifhem ir-raġuni għal dak li jgħidu u jagħmlu. Ibqaʼ kalm, u agħmel l-almu tiegħek biex ma tagħmilhomx bi kbar. Agħmilha l-mira tiegħek li ssir persuna matura li taċċetta parir u li titgħallem minnu mingħajr ma tinkwieta żżejjed dwar kif ġie mogħti.—Prov. 1:8. w17.11 32 ¶16-17
Is-Sibt, 11 taʼ Mejju
“Int tlaqt l-imħabba li kellek fil-bidu.”—Riv. 2:4.
Jistaʼ jkun li rajt lil xi żgħażagħ jitgħammdu imma iktar tard jibdew jiddubitaw jekk li jgħixu skont il-livelli t’Alla huwiex verament tajjeb għalihom. Xi wħud saħansitra telqu mill-verità. Allura, int għandek mnejn tkun inkwetat li t-tifel jew it-tifla tiegħek tibda taqdi lil Ġeħova imma mbagħad titlef l-imħabba li kellha għall-verità. Kif tistaʼ tgħin lit-tifel jew it-tifla tiegħek iżżomm imħabbitha b’saħħitha u ‘tikber għas-salvazzjoni’? (1 Pt. 2:2) It-tweġiba qiegħda f’dak li Pawlu kiteb lil Timotju: “Kompli f’dak li tgħallimt u li emmint għax sirt konvint li hu minnu, billi taf mingħand min tgħallimtu. Għax minn mindu kont tarbija ilek taf il-kitba qaddisa [l-Iskrittura Ebrajka], li tistaʼ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.” (2 Tim. 3:14, 15) Innota li Pawlu qal li Timotju (1) kien jaf il-kitba qaddisa, (2) emmen għax sar konvint li dak li tgħallem kien minnu, u (3) sar għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. w17.12 15-16 ¶2-3
Il-Ħadd, 12 taʼ Mejju
“Il-qaddejja tiegħi se jgħajtu bil-ferħ minħabba l-kundizzjoni tajba taʼ qalbhom, imma intom se tgħajtu bl-uġigħ taʼ qalb.”—Is. 65:14.
Ħafna reliġjonijiet jgħallmu dwar in-nar tal-infern, iġiegħlu n-nies jagħtu l-flus, jew jappoġġjaw il-politikanti. Mhix taʼ sorpriża li iktar u iktar nies jgħidu li huma kuntenti mingħajr reliġjon! Huma forsi jgħidu affarijiet bħal, “Jien jimpurtani minn Alla, imma ma rridx inkun parti minn reliġjon.” Huwa minnu li persuna tistaʼ tkun kuntenta mingħajr reliġjon falza. Imma ħadd ma jistaʼ jkun kuntent verament sakemm ma jkunx ħabib taʼ Ġeħova, “l-Alla l-hieni.” (1 Tim. 1:11) Kull ħaġa li Ġeħova jagħmel tgħin lil oħrajn. Bħala l-qaddejja tiegħu, aħna ferħanin għax anki aħna nfittxu modi kif ngħinu lil oħrajn. (Atti 20:35) Pereżempju, aħseb dwar kif il-qima vera tistaʼ tgħin familja tkun ferħana. Aħna nitgħallmu nirrispettaw u nkunu leali lejn is-sieħeb jew is-sieħba tagħna fiż-żwieġ, inrabbu tfal li juru rispett, u jkollna mħabba ġenwina għall-membri tal-familja tagħna. Il-qima vera tgħin lin-nies taʼ Ġeħova jaħdmu flimkien fil-paċi fil-kongregazzjoni u juru mħabba maʼ ħuthom. w17.11 22-23 ¶6-7
It-Tnejn, 13 taʼ Mejju
“Bniedem miżerabbli li jien!”—Rum. 7:24.
Ħafna mill-qaddejja leali t’Alla jħossuhom skuraġġiti u mnikktin bħalma ħassu Pawlu. Għala? Għax għalkemm irridu nogħġbu lil Ġeħova, ilkoll kemm aħna writna d-dnub u l-imperfezzjoni. Allura, għandna mnejn inħossuna skuraġġiti meta ma jirnexxilniex nogħġbuh. Xi Kristjani li għamlu dnub serju saħansitra ħassew li Ġeħova qatt ma jistaʼ jaħfrilhom. L-Iskrittura tassigurana li jekk nistkennu f’Ġeħova, m’għandniex għalfejn inħossuna maħkumin mill-ħtija. (Salm 34:22) Wara li Pawlu qal li ħassu “miżerabbli” għax ma setax jobdi lil Ġeħova perfettament, hu qal: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna!” (Rum. 7:25) X’ried ifisser? Għalkemm Pawlu kien qed jiġġieled kontra xewqat midinba u kien dineb fil-passat, hu kien nidem. Allura kien fiduċjuż li Ġeħova kien ħafirlu permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Peress li Ġesù ħallas il-fidwa, aħna jistaʼ jkollna kuxjenza nadifa u paċi ġewwinija. (Ebr. 9:13, 14) Bħala l-Qassis il-Kbir tagħna, Ġesù “jistaʼ wkoll isalva għalkollox lil dawk li qed jersqu lejn Alla permezz tiegħu, għax hu dejjem ħaj biex jitlob bil-ħniena għalihom.”—Ebr. 7:24, 25. w17.11 9 ¶1-2; 14 ¶15
It-Tlieta, 14 taʼ Mejju
“Agħmlu wegħdi lil Ġeħova Alla tagħkom u rodduhom.”—Salm 76:11.
Kif nistgħu nżommu l-wegħda tad-dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova? “Jum wara l-ieħor” aħna jkollna provi żgħar u kbar. Aħna nuru kemm ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova hi b’saħħitha bil-mod kif naġixxu waqt dawn il-provi. (Salm 61:8) Pereżempju, x’se tagħmel jekk xi ħadd fuq ix-xogħol jew l-iskola jibda jifflertja miegħek, jew, juri interess romantiku fik? Se turi li trid tobdi lil Ġeħova billi tirrifjuta l-attenzjoni? (Prov. 23:26) Jew xi ngħidu jekk int l-uniku Xhud fil-familja tiegħek? Titlob lil Ġeħova ħalli jgħinek tkompli taġixxi bħala Kristjan? Tkun f’liema sitwazzjoni tkun, tirringrazzja lil Ġeħova kuljum għall-imħabba u l-gwida tiegħu? Qiegħed twarrab ħin biex taqra l-Bibbja kuljum? Sa ċertu punt, aħna wegħedna li nagħmlu dawn l-affarijiet meta ddedikajna ruħna lil Ġeħova. Meta nobduh u nagħtuh l-aħjar tagħna, aħna nuru lil Ġeħova li nħobbuh u li aħna tiegħu. Il-qima tagħna hi l-mod taʼ kif ngħixu ħajjitna. w17.10 18 ¶11-12
L-Erbgħa, 15 taʼ Mejju
Tajjeb li ngħannu tifħir lil Alla tagħna.—Salm 147:1.
Awtur tal-kanzunetti famuż darba qal: “Il-kliem iġiegħlek taħseb. Il-mużika ġġiegħlek tħoss. Imma l-kliem mal-mużika jmissulek qalbek.” L-għanjiet tagħna jesprimu tifħir u mħabba għal Missierna tas-sema, Ġeħova. Huma jġegħluna nħossuna eqreb lejh. Mela, huwa faċli nifhmu għala l-kant għandu rwol tant importanti fil-qima pura, kemm jekk inkantaw waħedna u kemm jekk flimkien maʼ ħutna. Iżda, kif tħossok dwar li tkanta b’leħen għoli mal-kongregazzjoni? Tistħi tagħmel dan? F’xi kulturi, l-irġiel għandhom mnejn iħossuhom skomdi jkantaw quddiem oħrajn. Din l-attitudni jistaʼ jkollha effett negattiv fuq il-kongregazzjoni kollha, speċjalment jekk l-anzjani jżommu lura milli jkantaw jew jekk ikunu medhijin f’attivitajiet oħra matul l-għanjiet. (Salm 30:12) Il-kant huwa parti mill-qima tagħna lil Ġeħova. Allura, żgur li ma rridux noħorġu minn postna waqt l-għanja jew nitilfu dik il-parti tal-laqgħa. w17.11 3 ¶1-3
Il-Ħamis, 16 taʼ Mejju
“Taħsbux li ġejt inġib il-paċi fuq l-art; ma ġejtx inġib il-paċi, imma sejf.”—Mt. 10:34.
Ilkoll kemm aħna rridu li jkollna l-paċi f’ħajjitna, u rridu nevitaw l-ansjetà. Allura aħna grati ferm li Ġeħova jagħtina “l-paċi t’Alla.” Din il-paċi hija kalma li tistaʼ tipproteġina minn ħsibijiet u sentimenti li jinkwetawna. (Flp. 4:6, 7) Peress li ddedikajna lilna nfusna lil Ġeħova, aħna għandna wkoll “il-paċi m’Alla.” Dan ifisser li għandna relazzjoni tajba miegħu. (Rum. 5:1) Madankollu, għad mhuwiex iż-żmien għal Alla biex iġib paċi sħiħa fuq l-art. Aħna qed ngħixu fl-aħħar jiem, allura hemm ħafna problemi li jistgħu jagħmluna ansjużi. Aħna mdawrin b’nies vjolenti. (2 Tim. 3:1-4) Ukoll, ikollna niġġieldu kontra Satana u t-tagħlim falz li jxerred. (2 Kor. 10:4, 5) Iżda, dak li jistaʼ jġib l-ikbar ansjetà hu l-oppożizzjoni mill-qraba li ma jaqdux lil Ġeħova. Uħud minnhom għandhom mnejn iwaqqgħu t-twemmin tagħna għaċ-ċajt jew jakkużawna li nifirdu l-familja. Huma saħansitra għandhom mnejn jgħidu li ma nistgħux nibqgħu nagħmlu parti mill-familja jekk ma niqfux naqdu lil Ġeħova. w17.10 9 ¶1-2
Il-Ġimgħa, 17 taʼ Mejju
“Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu moħħni fiha.”—Salm 119:97.
Il-fatt li l-lingwi jinbidlu jeffettwa wkoll it-traduzzjonijiet tal-Bibbja. Traduzzjoni li kienet faċli biex tinqara meta kienet għadha kemm ġiet ippubblikata tistaʼ ma tibqax daqshekk ċara maż-żmien. Eżempju taʼ dan hi l-Bibbja King James Version, li ġiet ippubblikata fl-1611. Din saret waħda mill-iktar Bibbji popolari bl-Ingliż. Il-kliem użat fiha saħansitra effettwa l-lingwa Ingliża. Meta l-King James Version kienet għadha kif ħarġet, il-kliem Ingliż li użat instemaʼ modern. Imma hekk kif għadda ż-żmien, xi ftit minn dan il-kliem beda jinstemaʼ antikwat, u llum hu diffiċli biex jinftiehem. L-istess ħaġa ġrat fl-ewwel traduzzjonijiet tal-Bibbja b’lingwi oħra. Għalhekk, aħna grati immens li għandna t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa, li tuża lingwa moderna. Dit-traduzzjoni sħiħa jew partijiet minnha huma disponibbli b’iktar minn 150 lingwa. Dan ifisser li l-maġġoranza tan-nies fid-dinja issa jistgħu jaqraw dit-traduzzjoni bil-lingwa tagħhom stess. Il-kliem modern u ċar li tuża jagħmilha faċli biex il-messaġġ t’Alla jilħqilna qalbna. w17.09 16-17 ¶5-6
Is-Sibt, 18 taʼ Mejju
“Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi.”—Prov. 27:11.
Iż-żgħażagħ għandhom deċiżjonijiet importanti x’jieħdu. Għandhom bżonn il-kuraġġ biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin bħal min se jkunu l-ħbieb tagħhom, x’divertiment se jagħżlu, kif se jibqgħu nodfa moralment, u meta se jitgħammdu. Għandhom bżonn kuraġġ bħal dan għax huma qed jagħmlu l-kontra taʼ dak li jrid Satana, il-wieħed li jgħajjar lil Alla. Deċiżjoni importanti li ż-żgħażagħ għandhom jieħdu hi dwar liema miri se jagħmlu. F’xi pajjiżi, iż-żgħażagħ għandhom pressjoni biex jiffokaw fuq edukazzjoni għolja u li jkollhom impjieg b’paga tajba ħafna. F’pajjiżi oħra, is-sitwazzjoni ekonomika hi diffiċli, u ż-żgħażagħ jistgħu jħossu li għandhom jiffokaw l-iktar fuq li jaħdmu ħalli jgħinu l-familji tagħhom. Meta ż-żgħażagħ b’kuraġġ jagħmlu miri fis-servizz taʼ Ġeħova u jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjithom, hu se jberikhom. Hu se jgħinhom jipprovdu għall-bżonnijiet taʼ familthom. Fl-ewwel seklu, iż-żagħżugħ Timotju ffoka ħajtu fuq li jaqdi lil Alla, u int tistaʼ tagħmel l-istess.—Flp. 2:19-22. w17.09 29 ¶10-12
Il-Ħadd, 19 taʼ Mejju
Dan il-ktieb tal-liġi m’għandux jitbiegħed minn fommok, u trid tieħu ħsieb tagħmel skond kulma hemm miktub fih; għax imbagħad se tirnexxi fi triqtek u mbagħad se taġixxi bl-għerf.—Ġoż. 1:8.
Studju tal-Bibbja regolari u bir-reqqa jistaʼ jgħin lill-Kristjani jiżviluppaw ir-rażan. Kif? Aħna tgħallimna li l-Bibbja fiha eżempji li juru l-benefiċċji meta jkollna r-rażan u l-konsegwenzi meta ma jkollniex. Ġeħova ra li dawn l-eżempji jinkitbu għal raġuni. (Rum. 15:4) Se nkunu għaqlin li naqraw, nistudjaw, u naħsbu sew dwarhom. Ipprova ifhem kif jistgħu jkunu taʼ ġid għalik u għall-familja tiegħek. Itlob lil Ġeħova jgħinek biex tapplika l-pariri mill-Kelma tiegħu. Jekk tirrealizza li m’għandekx biżżejjed rażan f’xi ħaġa, ammetti. Imbagħad itlob dwarha, u aħdem bis-sħiħ biex tara kif tistaʼ titjieb. (Ġak. 1:5) Agħmel riċerka fil-pubblikazzjonijiet tagħna sabiex issib pariri prattiċi li jistgħu jgħinuk. w17.09 7-8 ¶15-16
It-Tnejn, 20 taʼ Mejju
“Ilbsu l-personalità l-ġdida.”—Kol. 3:10.
Fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa nsibu l-espressjoni “l-personalità l-ġdida” darbtejn. Din tirreferi għal personalità li hi ‘maħluqa skond ir-rieda t’Alla.’ (Efes. 4:24) Huwa possibbli għalina li nilbsu din il-personalità l-ġdida? Iva. Ġeħova ħalaq lill-bnedmin fix-xbieha tiegħu, u għalhekk aħna nistgħu nimitaw il-kwalitajiet sbieħ tiegħu. (Ġen. 1:26, 27; Efes. 5:1) Pawlu spjega li l-imparzjalità hi parti importanti mill-personalità l-ġdida. Hu qal: “La hemm Grieg u lanqas Lhudi, la ċirkonċiż u lanqas m’huwiex, la barrani, la Skita, la lsir u lanqas ħieles.” Fil-kongregazzjoni, ħadd m’għandu jħossu aħjar minn oħrajn minħabba r-razza, in-nazzjonalità, jew l-istat soċjali tiegħu. Għala? Għax bħala s-segwaċi taʼ Kristu, aħna “lkoll persuna waħda.” (Kol. 3:11; Gal. 3:28) Meta nilbsu l-personalità l-ġdida, aħna nittrattaw lil kulħadd bir-rispett u l-unur, hi x’inhi r-razza jew it-trobbija tagħhom.—Rum. 2:11. w17.08 21 ¶1; 22 ¶3-4
It-Tlieta, 21 taʼ Mejju
“Ġeħova se jibqaʼ jistenna.”—Is. 30:18.
Ġeħova ma talabniex nagħmlu xi ħaġa li hu stess mhux lest li jagħmel. Hu ħalla l-aqwa eżempju taʼ li tkun lest tistenna. (2 Pt. 3:9) Pereżempju, eluf taʼ snin ilu fil-ġnien tal-Għeden, Ġeħova ġie akkużat li kien inġust minn Satana. Ġeħova qed “jibqaʼ jistenna” għaż-żmien meta ismu se jkun imqaddes għalkollox. Ir-riżultat se jkun barkiet meraviljużi għal dawk li qed “jibqgħu jistennewh” bil-ħerqa. (Is. 30:18) Anke Ġesù kien lest jistenna. Meta kien fuq l-art, hu baqaʼ leali sal-mewt. Fis-sena 33, hu ppreżenta l-valur tas-sagrifiċċju tiegħu lil Ġeħova fis-sema. Imma kellu jistenna sal-1914 biex jibda jsaltan bħala Sultan. (Atti 2:33-35; Ebr. 10:12, 13) Minkejja dan, Ġesù xorta se jkollu jistenna sat-tmiem tat-Tmexxija taʼ Elf Sena tiegħu sakemm l-għedewwa kollha tiegħu jinqerdu. (1 Kor. 15:25) Dan hu żmien twil ħafna taʼ stennija. Madankollu, il-barkiet se jkunu taʼ min jistenna għalihom. w17.08 7 ¶16-17
L-Erbgħa, 22 taʼ Mejju
Alla jfarraġna fit-tribulazzjoni kollha tagħna.—2 Kor. 1:3, 4.
“Għal kważi sena wara l-mewt tat-tifel tagħna, ħassejna wġigħ kbir ħafna,” qalet Susi. Wara li ħu f’daqqa waħda mititlu martu, hu qal li esperjenza “wġigħ fiżiku li ma tistax tiddeskrivih.” B’dispjaċir, ħafna nies jesperjenzaw dan it-tip taʼ wġigħ. Illum, fil-kongregazzjoni Kristjana, ħafna minn ħutna ma stennewx li l-maħbubin tagħhom se jmutu qabel Armageddon. Forsi xi ħadd li int tħobb miet, jew inkella taf b’persuna li qed titnikket minħabba l-mewt taʼ xi ħadd maħbub. Jekk inhu hekk, forsi tistaqsi, ‘Persuna li għadha kemm tilfet lil xi ħadd fil-mewt kif tistaʼ ssib faraġ?’ Xi nies jgħidu li ż-żmien ifejjaq kollox. Imma huwa dan dejjem minnu? Waħda armla qalet, “Sibtha iktar eżatta li tgħid li hu dak li wieħed jagħmel bil-ħin tiegħu li jgħinu jfiq.” Ġerħa għandha bżonn il-ħin u l-attenzjoni tenera sabiex tfiq. B’mod simili, hemm bżonn il-ħin u l-attenzjoni tenera biex infejqu wġigħ emozzjonali. w17.07 9-10 ¶1-3
Il-Ħamis, 23 taʼ Mejju
“Tgħaxxaq b’Ġeħova bil-kbir, u hu jagħtik dak li tixtieq qalbek.”—Salm 37:4.
Ġeħova xi pjanijiet jissuġġerilek? Biex tkun ferħan, għandek bżonn tkun taf lil Ġeħova u taqdih. Dan hu l-mod kif Ġeħova ħalaq lill-bnedmin. (Salm 128:1; Mt. 5:3) L-annimali sempliċement jieklu, jixorbu, u jkollhom il-frieħ. Iżda Ġeħova jridek tippjana ħajtek b’tali mod li din tkun taʼ ferħ u sinifikanti. Il-Ħallieq tiegħek hu “l-Alla taʼ l-imħabba,” “l-Alla l-hieni,” li għamel il-bnedmin “fix-xbieha tiegħu.” (2 Kor. 13:11; 1 Tim. 1:11; Ġen. 1:27) Int se tkun ferħan meta timita lil Alla tagħna taʼ mħabba. Il-Bibbja tgħid: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) M’esperjenzajtux dan int stess? Din hi verità bażika dwar il-ħajja. Allura Ġeħova jridek tagħmel il-pjanijiet tiegħek għall-futur ibbażati fuq l-imħabba għal oħrajn u għalih.—Mt. 22:36-39. w17.07 22 ¶3
Il-Ġimgħa, 24 taʼ Mejju
“Ġeħova mhux se jżomm lura xi ħaġa tajba minn dawk li jimxu mingħajr nuqqas.”—Salm 84:11.
Alla jittrattana b’dinjità u rispett. Hu jieħu ħsiebna aħjar milli aħna nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna. Ġeħova jħobb lin-nies kollha tiegħu bħala grupp. Imma hu wkoll interessat ħafna f’kull persuna. Aħseb x’ġara fiż-żminijiet tal-qedem. Għal madwar tliet mitt sena, Ġeħova uża mħallfin biex jiggwidaw lill-ġens tiegħu u jrebbaħhom fuq l-għedewwa tagħhom. Imma matul daż-żmien kollu, Ġeħova xorta ta kas nies individwalment. Waħda minn dawn kienet mara jisimha Rut. Ma kinitx Iżraelija, u kienet ċediet ħafna affarijiet biex issir aduratriċi taʼ Ġeħova. Hu ppremjaha b’raġel u iben. Imma iżjed minn hekk, it-tifel taʼ Rut sar wieħed mid-dixxendenti li wasslu għall-Messija. Ġeħova wkoll ra li tinkiteb l-istorja taʼ Rut fil-Bibbja, ktieb li ssemma għaliha. Kif taħseb li se tħossha Rut meta tiġi lura għall-ħajja u ssir taf dwar dawn l-affarijiet?—Rut 4:13; Mt. 1:5, 16. w17.06 23 ¶8-9
Is-Sibt, 25 taʼ Mejju
L-ispirtu qaddis ifakkarkom kulma għedtilkom.—Ġw. 14:26.
Fl-1970, ħu jismu Peter kellu 19-il sena u kien għadu kif beda jaqdi f’Betel fil-Brittanja. Hu kien qed jipprietka minn dar għal dar u ltaqaʼ maʼ raġel bid-daqna li kellu madwar 50 sena. Hu staqsa lir-raġel jekk xtaqx jifhem il-Bibbja. Ir-raġel kien rabbi Lhudi, u kien ixxokkjat li raġel żagħżugħ ħaseb li setaʼ jgħallmu l-Bibbja. Biex jittestja lil Peter, ir-rabbi staqsieh, “Allura, ibni, b’liema lingwa ġie miktub il-ktieb taʼ Danjel?” Peter qal, “Parti minnu ġie miktub bl-Aramajk.” Peter jiftakar, “Ir-rabbi kien sorpriż li kont naf it-tweġiba—imma mhux sorpriż daqskemm kont jien! Kif kont naf it-tweġiba? Meta mort id-dar u ċċekkjajt ir-rivisti tat-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! tax-xhur taʼ qabel, sibt artiklu li spjega li Danjel ġie miktub bl-Aramajk.” (Dan. 2:4, nota taʼ taħt) Iva, l-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna niftakru informazzjoni li nkunu qrajna.—Lq. 12:11, 12; 21:13-15. w17.06 13 ¶17
Il-Ħadd, 26 taʼ Mejju
“Dawk li jiżżewġu jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.”—1 Kor. 7:28.
Aħseb dwar kif mara u raġel miżżewġin jistgħu jħossuhom meta jsiru jafu li se jkollhom tarbija. Għalkemm jistgħu jkunu kuntenti ħafna, normalment ikunu ansjużi wkoll. Jistgħu jitħassbu jekk hux se jmur kollox sew fit-tqala, u forsi jinkwetaw dwar is-saħħa tat-tarbija. Huma jafu wkoll li se jiżdiedu l-ispejjeż. Wara li t-tarbija titwieled, il-koppja se jkollha bżonn tagħmel aġġustamenti oħra. L-omm x’aktarx tibda tqattaʼ l-biċċa l-kbira mill-ħin tagħha tieħu ħsieb it-tarbija. B’hekk, ir-raġel u l-mara abbli ma jkunux jistgħu jagħtu l-istess attenzjoni lil xulxin bħal qabel. Ukoll, il-missier se jkollu iktar responsabbiltajiet. Hu jrid jagħmel ċert li kemm martu u kemm it-tarbija jkollhom dak li jeħtieġu. Xi koppji miżżewġin għandhom tribulazzjoni differenti. Huma jixtiequ ħafna li jkollhom it-tfal, imma ma jistgħux. Meta l-mara ma tinqabadx tqila, hi tistaʼ tħoss uġigħ emozzjonali kbir. w17.06 3 ¶1; 4 ¶5-6
It-Tnejn, 27 taʼ Mejju
“Kemm hu ħelu għall-palat tiegħi dak li għedt int, iktar ħelu mill-għasel għal fommi!”—Salm 119:103.
Bħala Kristjani, aħna nħobbu l-verità. Huwa fil-Kelma t’Alla li aħna nsibu l-verità. Ġesù qal lil Missieru: “Kelmtek hi l-verità.” (Ġw. 17:17) Sabiex inħobbu l-verità tal-Bibbja għandna nkunu nafu x’hemm fil-Bibbja. (Kol. 1:10) Imma jinvolvi iktar minn hekk. Innota kif il-kittieb taʼ Salm 119 jgħinna nifhmu x’għandna bżonn nagħmlu. (Salm 119:97-100) Matul il-ġurnata, ikollna bżonn nimmeditaw, jew naħsbu fil-fond, dwar dak li naqraw fil-Bibbja. Hekk kif nimmeditaw fuq il-benefiċċju taʼ li napplikaw il-verità Biblika f’ħajjitna stess, aħna se nħobbuha iktar u iktar. Ukoll, il-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja li tipprepara l-organizzazzjoni t’Alla huma bħal ikel delizzjuż. Meta nieklu ikel li jogħġobna, inkunu rridu nieħdu l-ħin biex nieħdu pjaċir bih. B’mod simili, aħna rridu nieħdu l-ħin tagħna biex nistudjaw. Imbagħad tassew li se nieħdu pjaċir bil-“kliem pjaċevoli” tal-verità, u se jkun eħfef biex niftakru dak li naqraw u nużawh biex ngħinu lil oħrajn.—Ekk. 12:10. w17.05 18 ¶11-12
It-Tlieta, 28 taʼ Mejju
“Alla tassew qiegħed fostkom.”—1 Kor. 14:25.
Aħna rridu ngħinu lin-nies li qed isofru, anki lil dawk li ma jaqdux lil Ġeħova. (Lq. 10:33-37) L-aħjar mod kif ngħinuhom hu billi ngħallmuhom dwar l-aħbar tajba. Anzjan li għen lil ħafna refuġjati qal li hu importanti li ngħidulhom mill-ewwel li aħna Xhieda taʼ Ġeħova. Għandna ngħidulhom li aħna qegħdin hemm primarjament biex ngħinuhom jifhmu t-tama meraviljuża li toffri l-Bibbja iktar milli biex nipprovdulhom għajnuna materjali. Meta nuru mħabba ġenwina mar-“residenti barranin,” dan iġib riżultati tajbin. (Salm 146:9) Meta r-raġel taʼ oħt jisimha Alganesh miet, hi ħarbet mill-Eritrea mas-sitt itfal żgħar tagħha minħabba l-persekuzzjoni. Huma kellhom jivvjaġġaw għal tmint ijiem biex jaqsmu d-deżert. Fl-aħħar, wara vjaġġ li ħalliehom għajjenin mejta, huma waslu s-Sudan. “L-aħwa hemmhekk ittrattawna bħal tal-familja, ipprovdewlna ikel, ħwejjeġ, post għall-kenn, u trasport,” tgħid hi. “Min kien se jkun lest li jilqaʼ lill-istranġieri f’daru sempliċement għax jaqdu lill-istess Alla? Ħadd ħlief ix-Xhieda taʼ Ġeħova!”—Ġw. 13:35. w17.05 8 ¶17, 19-20
L-Erbgħa, 29 taʼ Mejju
“Intom m’għedtux il-verità dwari, bħalma għamel il-qaddej tiegħi Ġob.”—Ġob 42:8.
Ħafna snin ilu, tlett irġiel marru jkellmu lil qaddej leali t’Alla jismu Ġob. Wieħed mill-irġiel, Elifaż it-Temani, staqsa lil Ġob xi mistoqsijiet interessanti: “Jistaʼ raġel b’saħħtu jkun utli għal Alla, li xi ħadd li għandu d-dehen ikun utli għalih? Se jitgħaxxaq Dak li Jistaʼ Kollox għax int ġust, jew jikseb xi ħaġa għax int tagħmel triqtek bla ħtija?” (Ġob 22:1-3) Elifaż bla dubju ħaseb li t-tweġiba kienet le. Bildad is-Suħi, raġel ieħor mit-tlieta, imbagħad żied jgħid li huwa impossibbli għall-bnedmin li jkunu kkunsidrati ġusti minn Alla. (Ġob 25:4) Elifaż u Bildad ipprovaw iġiegħlu lil Ġob iħoss li l-isforzi tiegħu biex jaqdi lil Ġeħova ma kienu jiswew xejn. Dawn l-irġiel riedu lil Ġob jemmen li għal Alla m’aħniex taʼ valur iktar mill-kamla, dudu, jew ħanex. (Ġob 4:19; 25:6) Ġeħova qal lil Elifaż, Bildad, u t-tielet raġel, Sofar, li kienu qed jigdbu. Imbagħad Alla qal li kien ferħan b’Ġob u sejjaħlu “l-qaddej tiegħi.” (Ġob 42:7) Allura nistgħu nkunu ċerti li bnedmin imperfetti jistgħu ‘jkunu utli għal Alla.’ w17.04 27 ¶1-2
Il-Ħamis, 30 taʼ Mejju
“Bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.”—Salm 37:11.
Tant ilna ngħixu b’kundizzjonijiet ħżiena li għandna mnejn lanqas nindunaw kemm iġibulna stress. Biex nagħtu eżempju, nies li joqogħdu fi triq traffikuża għandhom mnejn ma jibqgħux jagħtu kas il-ħsejjes. U nies li joqogħdu viċin miżbla jistgħu ma jagħtux kas ir-riħa iżjed. Imma meta Ġeħova jneħħi l-kundizzjonijiet ħżiena kollha, se jkollna serħan taʼ veru! X’se jieħu post l-istress kollu li nħossu llum? Innota l-wegħda fl-iskrittura tal-lum. Kemm ifarraġna li nkunu nafu li dan hu li jrid Ġeħova għalina! Matul dawn iż-żminijiet stressanti, agħmel kulma tistaʼ biex tibqaʼ qrib Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. It-tama tiegħek għall-futur hi prezzjuża, allura aħseb fil-fond dwarha, agħmel ċert li tkun reali għalik, u aqsamha m’oħrajn. (1 Tim. 4:15, 16; 1 Pt. 3:15) B’dan il-mod, tistaʼ tkun ċert li meta din is-sistema tispiċċa, int se tibqaʼ ħaj u tkun ferħan għal dejjem! w17.04 14 ¶16-17
Il-Ġimgħa, 31 taʼ Mejju
“Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.”—Ġak. 3:2.
Mhuwiex diffiċli biex inkunu nafuh dan, imma x’se nagħmlu meta aħna stess niġu affettwati bl-imperfezzjonijiet taʼ xi ħu? Se nimitaw is-sens taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova? Pereżempju, kif se tirreaġixxi jekk anzjan jagħmel kumment li jidher li hu preġudikat? Jekk anzjan jgħid xi ħaġa bla ma jaħsibha li biha joffendik jew iweġġgħek, se tħalli dan ifixklek? Minflok ma tirraġuna mill-ewwel li dan il-ħu ma jistħoqqlux ikun anzjan, se tistenna bil-paċenzja u tistrieħ fuq Ġesù, il-kap tal-kongregazzjoni? Iktar milli tiffoka fuq l-iżball, se tiftakar fil-ħafna snin taʼ servizz leali tal-ħu? Jekk ħu li dineb kontrik ikompli jaqdi bħala anzjan jew saħansitra jirċievi iktar inkarigi, se tkun ferħan għalih? Jekk int lest li taħfer, se tkun qed turi li qed timita s-sens taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova.—Mt. 6:14, 15. w17.04 26 ¶18