Ġunju
Is-Sibt, 1 taʼ Ġunju
“Alla hu mħabba.”—1 Ġw. 4:16.
Ġeħova jikkoreġina, jedukana, u jħarriġna għax iħobbna. Hu jridna nibqgħu qrib tiegħu u ngħixu għal dejjem. Xi drabi, id-dixxiplina tinvolvi iktar minn parir. Jekk xi ħadd ikun dineb serjament, ma jibqax jikkwalifika għal ċerti inkarigi fil-kongregazzjoni. Anke meta jiġri dan, id-dixxiplina turi l-imħabba t’Alla għalih. Pereżempju, din tistaʼ tgħinu jara kemm hu importanti li jqattaʼ iktar ħin jistudja l-Bibbja, jimmedita, u jitlob. Li jagħmel dawn l-affarijiet jistaʼ jgħin ir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova tissaħħaħ. (Salm 19:7) Hekk kif jgħaddi ż-żmien, hu jistaʼ jerġaʼ jingħata r-responsabbiltajiet jew l-inkarigi li tilef. Anke meta xi ħadd jiġi maqtugħ mis-sħubija, dan juri l-imħabba taʼ Ġeħova għax b’hekk il-kongregazzjoni tiġi protetta minn influwenza ħażina. (1 Kor. 5:6, 7, 11) U peress li d-dixxiplina t’Alla dejjem ġusta, din tgħin lil min ikun maqtugħ mis-sħubija biex jifhem kemm hu serju d-dnub tiegħu. Dan jistaʼ jwasslu biex jindem.—Atti 3:19. w18.03 22-23 ¶5-6
Il-Ħadd, 2 taʼ Ġunju
“Hu u n-nies kollha taʼ daru tgħammdu bla dewmien.”—Atti 16:33.
Il-gwardjan tal-ħabs ma kienx jaf il-Kelma t’Alla. Allura, biex isir Kristjan kellu jitgħallem veritajiet bażiċi mill-Bibbja, jifhem dak li Ġeħova jirrikjedi mill-qaddejja tiegħu, u jkun irid jobdi t-tagħlim taʼ Ġesù. Dak li tgħallem f’dak iż-żmien qasir għenu jkun irid jitgħammed. (Atti 16:25-33) Bla dubju, hu kellu jkompli jitgħallem iktar wara li tgħammed. Allura, meta ibnek jew bintek tgħidlek li trid titgħammed għax tħobb lil Ġeħova u trid tobdih, x’tistaʼ tagħmel? Int tistaʼ tħalliha tkellem lill-anzjani biex ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk tikkwalifikax għall-magħmudija. Bħall-Kristjani mgħammdin kollha, hi se tkompli titgħallem dwar Ġeħova sakemm iddum ħajja, saħansitra għal dejjem.—Rum. 11:33, 34. w18.03 11 ¶8-9
It-Tnejn, 3 taʼ Ġunju
Ħa jkollkom l-istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù.—Rum. 15:5.
Meta nagħmlu l-isforz biex nikbru spiritwalment, l-ispirtu qaddis se jgħinna nbiddlu l-mod kif naħsbu. Maż-żmien, nistgħu nitgħallmu naħsbu kif kien jaħseb Kristu. L-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna neħilsu minn xewqat ħżiena u niżviluppaw kwalitajiet li jogħġbu lil Alla. Jekk aħna naħsbu bħalma kien jaħseb Kristu, dan se jeffettwa kif inġibu ruħna fuq ix-xogħol jew fl-iskola, kif nitkellmu, u kif nieħdu deċiżjonijiet kuljum. Id-deċiżjonijiet tagħna se juru li qed nipprovaw nimitaw lil Kristu. Peress li moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali, ma rridu xejn iħassrilna r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Meta niġu ttantati biex nagħmlu xi ħaġa ħażina, l-ispiritwalità tagħna se tgħinna nirreżistu t-tentazzjoni. Qabel ma nieħdu deċiżjoni, aħna nieqfu u nistaqsu lilna nfusna: ‘Liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuni? Kieku Kristu x’jagħmel f’din is-sitwazzjoni? Liema deċiżjoni se togħġob lil Ġeħova? w18.02 26 ¶12, 14
It-Tlieta, 4 taʼ Ġunju
“Noè kien approvat f’għajnejn Ġeħova.”—Ġen. 6:8.
Fi żmien Enok, il-bużnannu taʼ Noè, in-nies diġà kienu ħafna mill-agħar. Huma qalu “kliem li jkexkex” dwar Ġeħova. (Ġuda 14, 15) Id-dinja mbagħad saret iżjed u iżjed vjolenti. Sa żmien Noè, l-art “imtliet bil-vjolenza.” Anġli mill-agħar ġew fuq l-art, għamlu iġsma umani għalihom infushom, u żżewġu nisa. Uliedhom subien kienu krudili u vjolenti. (Ġen. 6:2-4, 11, 12) Imma kulħadd setaʼ jara li Noè kien differenti. Għall-kuntrarju tan-nies madwaru, hu għamel it-tajjeb. “Noè mexa maʼ l-Alla l-veru.” (Ġen. 6:9) Dan il-kliem x’jgħidilna dwar Noè? L-ewwel, aħseb dwar kemm Noè dam jaqdi lil Ġeħova b’lealtà f’dik id-dinja mill-agħar qabel ġie d-Dulluvju. Ma kienx sempliċement għal 70 jew 80 sena iżda għal kważi 600 sena! (Ġen. 7:11) It-tieni, ftakar li ma kellux kongregazzjoni biex tgħinu u tinkuraġġih bħalma aħna għandna llum. Jidher li lanqas ħutu ma appoġġjawh. w18.02 4 ¶4-5
L-Erbgħa, 5 taʼ Ġunju
In-nies ikunu jħobbu l-flus.—2 Tim. 3:2.
Xi ħadd li jħobb il-flus qatt ma jħoss li għandu biżżejjed. Dan dejjem ikun irid iktar u jqattaʼ ħajtu jipprova jieħu dak li jrid. Dan iġiblu “ħafna weġgħat.” (1 Tim. 6:9, 10; Ekk. 5:10) Ovvjament, ilkoll għandna bżonn il-flus. Dawn jipprovdu ammont taʼ protezzjoni. (Ekk. 7:12) Imma nistgħu aħna nkunu verament kuntenti jekk il-flus iservuna biss għall-bżonnijiet bażiċi tagħna? Iva! (Ekk. 5:12) Agur bin Ġaki kiteb: “Tagħtinix faqar u lanqas rikkezzi. Ħallini niekol l-ikel li neħtieġ.” Huwa faċli li nifhmu għala dan ir-raġel ma riedx ikun fqir iżżejjed. Hu qal li ma riedx li tiġih it-tentazzjoni biex jisraq għax is-serq iġib diżunur lil Alla. Imma għala ma riedx ikun sinjur? Hu kiteb: “Sabiex ma nixbax u nispiċċa niċħdek u ngħid: ‘Min hu Ġeħova?’” (Prov. 30:8, 9) Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-flus.”—Mt. 6:24. w18.01 24 ¶9-11
Il-Ħamis, 6 taʼ Ġunju
“Hekk ukoll jagħmlilkom Missieri tas-sema jekk ma taħfrux minn qalbkom kull wieħed lil ħuh.”—Mt. 18:35.
X’inhu mod wieħed li bih nistgħu nippromwovu l-unità? Li naħfru lil xulxin mill-qalb. Meta nagħmlu hekk, nuru li aħna grati li Ġeħova jaħfrilna dnubietna minħabba s-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Biex juri kemm hu importanti li naħfru, Ġesù qal storja dwar sultan u l-ilsiera tiegħu. Jekk jogħġbok aqra Mattew 18:23-34 u saqsi lilek innifsek: ‘Nitqanqal jien biex nagħmel dak li Ġesù għallem? Nuri paċenzja u ħniena maʼ ħuti? Lest li naħfer lil dawk li weġġgħuni?’ Veru, xi dnubiet huma iktar gravi minn oħrajn. U bħala bnedmin imperfetti, xi kultant insibuha bi tqila biex naħfru xi dnubiet. Imma l-istorja taʼ Ġesù tgħallimna xi jridna nagħmlu Ġeħova. Ġesù għamilha ċara li Ġeħova ma jaħfrilniex jekk ma naħfrux lil ħutna meta jkun verament iddispjaċiehom. Din żgur li hi xi ħaġa taʼ min jaħseb dwarha bis-serjetà. Biex nipproteġu u nżommu l-unità prezzjuża tagħna, hemm bżonn li naħfru lil oħrajn bħalma għallimna Ġesù. w18.01 13 ¶12
Il-Ġimgħa, 7 taʼ Ġunju
“Kulmin jitlob lil xi alla jew bniedem fi żmien tletin jum ħlief lilek, O sultan, għandu jiġi mitfugħ fil-ħofra taʼ l-iljuni.”—Dan. 6:7.
Għalkemm kien taʼ periklu, Danjel baqaʼ jitlob fejn in-nies setgħu jarawh, għax ma riedx li huma jaħsbu li ma baqax jaqdi lil Ġeħova. Ġeħova bierek id-deċiżjoni kuraġġuża u leali taʼ Danjel. Hu għamel miraklu u salva lil Danjel milli jinqatel mill-iljuni. B’hekk, in-nies fl-Imperu Medo-Persjan kollu tgħallmu dwar Ġeħova! (Dan. 6:25-27) Kif nistgħu niżviluppaw fidi bħal dik taʼ Danjel? Sabiex niksbu fidi b’saħħitha, mhux biżżejjed li sempliċement naqraw il-Kelma t’Alla. Għandna bżonn nifhmuha. (Mt. 13:23) Aħna rridu nkunu nafu kif Ġeħova jaħseb u jħossu dwar l-affarijiet. Allura hemm bżonn li naħsbu fil-fond dwar dak li naqraw. Huwa wkoll importanti ħafna li nitolbu spiss, speċjalment meta jkollna d-diffikultajiet. Meta nitolbu bil-fidi għall-għerf u s-saħħa, Ġeħova se jagħtihomlna b’mod ġeneruż.—Ġak. 1:5. w18.02 12 ¶13-15
Is-Sibt, 8 taʼ Ġunju
“Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb.”—Salm 34:8.
Anke bħala qaddej żagħżugħ mgħammed t’Alla, int tistaʼ dduq it-tjubija taʼ Ġeħova billi tesperjenza l-appoġġ tiegħu hekk kif titkellem dwar il-fidi tiegħek m’oħrajn, kemm jekk fuq is-servizz tal-għalqa u kemm jekk l-iskola. Jistaʼ jkun diffiċli tagħti xhieda lil dawk fl-iskola. Int forsi tinkwieta dwar kif se jirreaġixxu. U dan jistaʼ jkun speċjalment taʼ sfida meta tispjega t-twemmin tiegħek quddiem grupp kbir. X’jistaʼ jgħinek? Aħseb dwar għala temmen dak li temmen. Int tistaʼ tagħmel użu tajjeb mill-gwidi għall-istudju fuq jw.org/mt. Dawn jistgħu jgħinuk taħseb dwar dak li temmen, għala temmnu, u kif tistaʼ tispjegah lil ħaddieħor. Meta tkun verament konvint u tkun ippreparajt sew, int se tkun trid tagħti xhieda dwar Ġeħova.—Ġer. 20:8, 9. w17.12 24 ¶12; 25 ¶14-15
Il-Ħadd, 9 taʼ Ġunju
“Kompli f’dak li tgħallimt u li emmint għax sirt konvint li hu minnu.”—2 Tim. 3:14.
Mhux biżżejjed li tgħallem lil uliedek dwar in-nies u l-ġrajjiet tal-Bibbja. Ftakar li Timotju, apparti li tgħallem, ‘emmen għax sar konvint li hu minnu.’ Il-frażi Griega li Pawlu uża hawnhekk tfisser “li tkun żgurat minn” jew “li tkun persważ u ċert mill-verità taʼ xi ħaġa.” Timotju kien jaf l-Iskrittura Ebrajka ‘minn mindu kien tarbija,’ jiġifieri, minn meta kien żgħir ħafna. Iktar tard, hu sar konvint li Ġesù kien il-Messija. Int kif tistaʼ tgħin lil uliedek jibnu fidi bħalma għamel Timotju, ħalli anke huma ‘jemmnu għax isiru konvinti li hu minnu’? L-ewwel, kun paċenzjuż. Jieħu ż-żmien biex tinbena fidi b’saħħitha. U l-fatt li int temmen xi ħaġa ma jfissirx li wliedek awtomatikament se jemmnuha wkoll. Kull tifel u tifla għandu bżonn juża “l-qawwa tar-raġuni” tiegħu stess biex jibni fidi fil-Bibbja. (Rum. 12:1) Bħala ġenitur, tistaʼ tagħmel ħafna biex tgħin lil uliedek isaħħu l-fidi tagħhom, speċjalment meta jistaqsu l-mistoqsijiet. w17.12 16 ¶3, 5-6
It-Tnejn, 10 taʼ Ġunju
“Naf li jqum fl-irxoxt fl-aħħar jum.”—Ġw. 11:24.
Marta, ħabiba kbira u segwaċi taʼ Ġesù, kienet tinsab imnikkta. Ħuha Lazzru kien miet. Kien hemm xi ħaġa li setgħet tfarraġha? Iva. Ġesù wegħedha: “Ħuk iqum.” (Ġw. 11:20-23) Marta kienet ċerta li kien se jkun hemm irxoxt fil-futur. Imma mbagħad, Ġesù wettaq miraklu. Hu rxoxta lil Lazzru dakinhar stess. M’għandna l-ebda raġuni għala nistennew li Ġesù jew Missieru se jqajmu l-maħbubin mejtin tagħna issa stess. Imma tinsab int ċert daqskemm kienet Marta li se jkun hemm irxoxt għall-maħbubin tiegħek fil-futur? Forsi int tlift lir-raġel jew mara tiegħek, lil ommok, missierek, nannu jew nanna maħbuba, jew saħansitra tifel jew tifla prezzjuża. Għandek sebaʼ mitt sena sakemm tgħannaq lil dan ix-xi ħadd għażiż, titkellem, u tidħaq miegħu. B’ferħ, bħal Marta, int għandek raġunijiet tajbin biex tgħid, ‘Naf li l-maħbub tiegħi se jqum fl-irxoxt.’ Madankollu, kull Kristjan jagħmel tajjeb li jaħseb dwar ir-raġunijiet għala nistgħu nkunu daqshekk konvinti. w17.12 3 ¶1-2
It-Tlieta, 11 taʼ Ġunju
“Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla tiegħi, u l-liġi tiegħek qiegħda fil-ġewwieni tiegħi.”—Salm 40:8.
Ġesù ħabbha l-Liġi Mosajka. Dan mhux taʼ sorpriża għalina, għax il-Liġi kienet ġejja mingħand Missieru, Ġeħova, l-iktar Persuna importanti fil-ħajja taʼ Ġesù, kif naraw fl-iskrittura tal-lum. B’dak li qal u għamel, Ġesù ta prova li l-Liġi t’Alla kienet perfetta, taʼ benefiċċju, u żgur li kellha titwettaq. (Mt. 5:17-19) Ġesù żgur li ħassu mdejjaq meta ra l-iskribi u l-Fariżej japplikaw il-liġi taʼ Missieru b’mod ħażin billi jagħmluha tidher mhux raġunevoli. Hu qalilhom: “[Intom] tagħtu l-għexur tan-nagħniegħ u l-bużbież u l-kemmun.” Dan ifisser li huma kienu attenti ħafna li jobdu l-iċken dettalji tal-Liġi. Allura x’kienet il-problema? Ġesù spjega: “Imma injorajtu l-affarijiet li huma iktar importanti fil-Liġi, jiġifieri, il-ġustizzja u l-ħniena u l-fedeltà.” (Mt. 23:23) Il-Fariżej ma rawx x’kienet tfisser il-Liġi, u ħasbu li kienu aħjar minn oħrajn. Imma Ġesù fehem x’kien il-mottiv wara l-Liġi u x’kien juri kull kmandament dwar Ġeħova. w17.11 15 ¶1-2
L-Erbgħa, 12 taʼ Ġunju
“Dan hu li jrid Alla, li titqaddsu, li titbiegħdu miż-żína.”—1 Tess. 4:3.
In-nies forsi jistaqsu: “Għaliex int daqshekk strett miegħek innifsek? Gawdi naqra l-ħajja.” Imma l-Kelma t’Alla tipprojbixxi l-immoralità sesswali. (1 Tess. 4:4-8) Ġeħova għandu d-dritt jagħmel il-liġijiet għalina għax hu l-wieħed li ħalaqna. Hu jgħid li r-relazzjonijiet sesswali jistgħu jsiru biss bejn raġel u mara li huma miżżewġin lil xulxin. Ġeħova jagħtina l-liġijiet għax iħobbna. Hu jaf li jekk insegwuhom, ħajjitna se tkun aħjar. Familja li tobdi l-liġijiet t’Alla se jkollha iktar imħabba u rispett u se tħossha fis-sigurtà. Imma Alla se jikkastiga lil dawk li jafu l-liġi tiegħu u ma jobduhiex. (Ebr. 13:4) Il-Bibbja tgħallimna kif nevitaw l-immoralità sesswali. Mod wieħed kif nagħmlu dan hu billi nikkontrollaw lejn xiex inħarsu. (Mt. 5:28, 29) Għalhekk, irridu nevitaw il-pornografija u l-mużika immorali.—Efes. 5:3-5. w17.11 23 ¶9-10
Il-Ħamis, 13 taʼ Ġunju
“Tajjeb li ngħannu lil Alla tagħna.”—Salm 147:1.
Matul l-istorja, aduraturi taʼ Ġeħova użaw il-mużika biex ifaħħruh. Taʼ interess, meta l-Iżraelin kienu leali lejn Ġeħova, il-kant kien parti importanti mill-qima tagħhom. Pereżempju, meta David għamel il-preparazzjonijiet għat-tempju, hu organizza 4,000 Levita biex ifaħħru lil Ġeħova bil-mużika. Minn dawn, 288 kienu “mħarrġin fil-kant lil Ġeħova, ilkoll esperti.” (1 Kron. 23:5; 25:7) Il-mużika u l-kant kienu parti importanti wkoll mid-dedikazzjoni tat-tempju. Il-Bibbja tgħidilna: “U ġara li malli t-trumbettieri u l-għannejja bħala ħaġa waħda bdew isemmgħu ħoss wieħed biex ifaħħru u jirringrazzjaw lil Ġeħova, u malli bdew jinstemgħu t-trumbetti u ċ-ċimbali u l-istrumenti li jakkumpanjaw il-kant u t-tifħir lil Ġeħova, . . . il-glorja taʼ Ġeħova mliet id-dar taʼ l-Alla l-veru.” Immaġina kemm din l-okkażjoni żgur li saħħet il-fidi tal-Iżraelin!—2 Kron. 5:13, 14; 7:6. w17.11 4 ¶4-5
Il-Ġimgħa, 14 taʼ Ġunju
“Taħsbux li ġejt inġib il-paċi fuq l-art; ma ġejtx inġib il-paċi, imma sejf.”—Mt. 10:34.
Ġesù kien jaf li mhux kulħadd kien se jaċċetta t-tagħlim tiegħu. Kien jaf ukoll li d-dixxipli tiegħu kien se jkollhom bżonn il-kuraġġ minħabba li xi wħud kienu se jopponuhom. L-iskop taʼ Ġesù kien li jgħallem il-verità dwar Alla lin-nies u mhux li jifred il-familji. (Ġw. 18:37) Imma d-dixxipli tiegħu kellhom bżonn ikunu jafu li mhux dejjem kien se jkun faċli li jsegwuh, speċjalment jekk ħbiebhom tal-qalb jew membri tal-familja ma kinux se jaċċettaw il-verità. Sabiex jogħġbuh, id-dixxipli taʼ Ġesù ssaportew meta l-familji tagħhom waqqgħuhom għaċ-ċajt jew saħansitra ċaħduhom. Imma huma kisbu bil-wisq iżjed milli tilfu. (Mk. 10:29, 30) Anke jekk dawk li jiġu minna jopponuna minħabba li nqimu lil Ġeħova, aħna xorta waħda nħobbuhom. Madankollu, għandna niftakru li mħabbitna għal Alla u Kristu jeħtieġ li tkun iktar b’saħħitha mill-imħabba li għandna għal kwalunkwe persuna oħra. (Mt. 10:37) Ukoll, irridu nkunu konxji li Satana jistaʼ juża l-imħabba tagħna għall-familja biex iġegħelna nkunu żleali lejn Ġeħova. w17.10 10 ¶3-6
Is-Sibt, 15 taʼ Ġunju
Hu tefaʼ l-Ħażen lura f’nofs l-efa, u wara dan tefaʼ l-biċċa ċomb tqila fuq fomm l-efa.—Żak. 5:8.
Din il-viżjoni tagħtina fiduċja li Ġeħova ma jippermetti l-ebda ħażen fost il-poplu tiegħu. Jekk Ġeħova jara xi ħaġa ħażina, hu se jneħħiha bla telf taʼ żmien. (1 Kor. 5:13) L-anġlu wera dan meta fil-pront tefa’ l-għatu tqil fuq il-qoffa. Allura, din il-viżjoni tat garanzija lill-Iżraelin li għexu fi żmien Żakkarija, li Ġeħova kien se jżomm il-qima tiegħu nadifa. Din il-viżjoni wkoll fakkret lil-Lhud li anke huma kellhom ir-responsabbiltà biex iżommu l-qima tagħhom nadifa. Il-ħażen ma jistax u mhux se jitħalla fost il-poplu t’Alla. Illum, Ġeħova daħħalna fl-organizzazzjoni nadifa tiegħu, fejn inħossu l-imħabba u l-protezzjoni tiegħu. Kull wieħed u waħda minna għandu r-responsabbiltà li jgħin ħalli tinżamm nadifa. Il-ħażen m’għandux jeżisti fost il-poplu taʼ Ġeħova. w17.10 19 ¶14-15; 20 ¶17-18
Il-Ħadd, 16 taʼ Ġunju
“Il-liġi tiegħek ħabbejt jien.”—Salm 119:163.
L-ewwel 39 ktieb tal-Bibbja nkitbu mil-Lhud, jew l-Iżraelin. Huma kienu l-ewwel li ġew “fdati bid-dikjarazzjonijiet sagri t’Alla.” (Rum. 3:1, 2) Oriġinarjament, huma kitbu dawn il-kotba bl-Ebrajk jew bl-Aramajk. Imma sat-tielet seklu qabel Kristu (QK), ħafna Lhud ma kinux għadhom jifhmu l-Ebrajk. Għaliex? Meta Alessandru l-Kbir għeleb parti kbira mid-dinja, l-Imperu Grieg infirex. B’hekk, il-Grieg sar il-lingwa komuni fil-postijiet immexxijin mill-Greċja, u ħafna nies bdew jitkellmu l-Grieg minflok il-lingwa tagħhom. (Dan. 8:5-7, 20, 21) Dan inkluda lil ħafna Lhud, allura sar diffiċli għalihom li jifhmu l-Bibbja bl-Ebrajk. X’kienet is-soluzzjoni? Traduzzjoni tal-Bibbja mill-Ebrajk għall-Grieg li tlestiet fit-tieni seklu QK. Dit-traduzzjoni saret magħrufa bħala s-Settanta Griega. Din hi l-ewwel traduzzjoni magħrufa tal-Iskrittura Ebrajka sħiħa. w17.09 17 ¶7-9
It-Tnejn, 17 taʼ Ġunju
“Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.”—Ebr. 13:5.
L-imgħallem tiegħek forsi jistaqsik b’mod regulari biex taħdem overtime fi ġranet li tkun diġà warrabt għall-qima bħala familja, għas-servizz tal-għalqa, u għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Għandek bżonn il-kuraġġ biex lill-imgħallem tgħidlu le u biex tagħti eżempju tajjeb lil uliedek. Ukoll, jeħtieġ il-kuraġġ sabiex ngħinu lil uliedna jagħmlu miri fis-servizz taʼ Ġeħova u jilħquhom. Pereżempju, xi ġenituri għandhom mnejn jibżgħu jinkuraġġixxu lil uliedhom biex jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier il-karriera tagħhom, biex jaqdu fejn il-bżonn hu akbar, biex jaqdu f’Betel, jew biex jgħinu fil-kostruzzjoni tas-Swali tas-Saltna u Swali tal-Assembleat. Forsi jibżgħu li wliedhom mhux se jkunu jistgħu jieħdu ħsiebhom meta jixjieħu. Madankollu, ġenituri għaqlin juru kuraġġ u għandhom fiduċja li Ġeħova se jżomm il-wegħdi tiegħu. (Salm 37:25) Ġenituri li juru kuraġġ bħal dan u jistrieħu fuq Ġeħova jgħinu lil uliedhom jagħmlu l-istess.—1 Sam. 1:27, 28; 2 Tim. 3:14, 15. w17.09 30 ¶14-15
It-Tlieta, 18 taʼ Ġunju
Il-frott taʼ l-ispirtu hu r-rażan.—Gal. 5:22, 23.
Kif tistaʼ tgħin lil uliedek jiżviluppaw ir-rażan? Il-ġenituri jafu li wliedhom ma twildux b’din il-kwalità. Allura għandhom bżonn jgħallmuhom kwalitajiet tajbin bl-eżempju tagħhom. (Efes. 6:4) Jekk tara li t-tfal tiegħek ma jikkontrollawx lilhom infushom, staqsi lilek innifsek jekk intix tagħtihom eżempju tajjeb. Int tistaʼ tkun taʼ eżempju għalihom billi tkun regulari fil-ministeru tal-għalqa, billi tattendi l-laqgħat, u billi tikkonduċi l-qima bħala familja. U tibżax tgħid le lit-tfal tiegħek meta jkun hemm bżonn! Ġeħova poġġa limiti għal Adam u Eva. Dawn il-limiti setgħu għenuhom jitgħallmu r-rispett lejn l-awtorità taʼ Ġeħova. Bl-istess mod, meta l-ġenituri jiddixxiplinaw lil uliedhom u jagħtuhom eżempju tajjeb, uliedhom se jirrispettaw l-awtorità tal-ġenituri, u dan se jgħin lit-tfal jitgħallmu jikkontrollaw lilhom infushom. L-imħabba għall-awtorità t’Alla u r-rispett għal-livelli tiegħu huma fost l-iktar affarijiet prezzjużi li tistaʼ tgħin lit-tfal tiegħek ikollhom.—Prov. 1:5, 7, 8. w17.09 8 ¶17
L-Erbgħa, 19 taʼ Ġunju
M’għandux ikun hemm firda fil-ġisem, imma l-membri tiegħu jieħdu ħsieb xulxin bl-istess mod.—1 Kor. 12:25.
Sakemm id-dinja taʼ Satana tiġi fi tmiemha, in-nies taʼ Ġeħova se jkollhom il-provi. Nuqqas taʼ xogħol, mard serju, persekuzzjoni, diżastri naturali, telf t’affarijiet materjali minħabba l-kriminalità, jew xi tbatija oħra tistaʼ taffettwana lkoll. Biex ngħinu lil xulxin waqt il-provi, hemm bżonn li jkollna mogħdrija vera. Mogħdrija tenera se tqanqalna nittrattaw lil oħrajn b’qalb tajba. (Efes. 4:32) Dawn il-kwalitajiet huma parti mill-personalità l-ġdida li se jgħinuna nimitaw lil Alla u nfarrġu lil oħrajn. (2 Kor. 1:3, 4) Kif nistgħu nuru iktar qalb tajba maʼ dawk fil-kongregazzjoni tagħna li ġew minn pajjiż ieħor jew li huma żvantaġġati? Aħna rridu nilqgħuhom, insiru ħbieb tagħhom, u ngħinuhom jaraw li għandna bżonnhom fil-kongregazzjoni. (1 Kor. 12:22) Ukoll, ħafna Xhieda jħossu għall-immigranti u jipprovaw jitgħallmu l-lingwa tagħhom. (1 Kor. 9:23) L-isforzi tagħhom ġabu riżultati tajbin. w17.08 23 ¶7-9
Il-Ħamis, 20 taʼ Ġunju
Ġeħova huwa sehmi. Għalhekk se nistennieh b’attitudni xierqa.—Lam. 3:24.
Ġeħova jridna nkunu paċenzjużi, lesti nistennew. X’se jgħinna nagħmlu dan? Għandna bżonn nitolbu għall-ispirtu qaddis t’Alla. Ftakar, il-paċenzja tiġi mill-ispirtu qaddis t’Alla. (Efes. 3:16; 6:18; 1 Tess. 5:17-19) Allura itlob bil-ħerqa lil Ġeħova biex jgħinek tissaporti bil-paċenzja! Ftakar ukoll li kienu l-fidi u l-fiduċja li kellhom Abraham, Ġużeppi, u David li għenuhom biex jistennew bil-paċenzja t-twettiq tal-wegħdi taʼ Ġeħova. Huma ma ħasbux biss fihom infushom u f’dak li riedu. Meta naħsbu dwar kemm l-affarijiet marru tajjeb għalihom, aħna wkoll se niġu inkuraġġiti nistennew b’attitudni xierqa. Allura, minkejja li forsi niġġieldu kontra l-provi, aħna determinati li nistennew “b’attitudni xierqa.” Xi drabi nistgħu nistaqsu: “Sakemm, O Ġeħova?” (Is. 6:11) Imma bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla, aħna nistgħu nimitaw lill-profeta Ġeremija u ngħidu bħalu, bħalma hemm miktub fl-iskrittura tal-lum. w17.08 8 ¶18-20
Il-Ġimgħa, 21 taʼ Ġunju
“Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla tiegħi.”—Salm 40:8.
Meta Ġesù kien għadu tifel, x’aktarx kien jilgħab u jieħu gost. Bħalma tgħid il-Kelma t’Alla, hemm “żmien li tidħaq” u “żmien li taqbeż ’l hemm u ’l hawn.” (Ekk. 3:4) Ukoll, Ġesù resaq qrib Ġeħova billi studja l-Iskrittura. Meta kellu 12-il sena, l-għalliema fit-tempju stagħġbu “b’kemm kien jifhem u bit-tweġibiet tiegħu.” (Lq. 2:42, 46, 47) Meta Ġesù sar adult, li jagħmel dak li Alla talab minnu għamlu ferħan. Pereżempju, Alla riedu ‘jxandar aħbar tajba lill-foqra’ u “l-għoti tad-dawl lill-għomja.” (Lq. 4:18) Ġesù ħa pjaċir jgħallem lin-nies dwar Missieru. (Lq. 10:21) Darba, wara li kellem lil waħda mara dwar il-qima vera, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.” (Ġw. 4:31-34) Ġesù kien ferħan għax wera mħabba għal Alla u għal oħrajn. Jekk int tagħmel l-istess, se tkun ferħan ukoll. w17.07 22 ¶4-5
Is-Sibt, 22 taʼ Ġunju
Il-paċi t’Alla tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.—Flp. 4:7.
Meta kien fuq l-art, Ġesù imita perfettament il-kwalitajiet sbieħ taʼ Missieru b’dak li qal u għamel. (Ġw. 5:19) Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-art biex ifarraġ “lil dawk b’qalbhom maqsuma” u “lill-imnikktin kollha.” (Is. 61:1, 2; Lq. 4:17-21) In-nies kienu jafu li Ġesù fehem it-tbatijiet tagħhom u li verament ried jgħinhom. (Ebr. 2:17) Il-Bibbja tagħmilha ċara li Ġesù ma nbidilx. Din tgħid: “Ġesù Kristu hu l-istess il-bieraħ u llum, u għal dejjem.” (Ebr. 13:8) Hu msejjaħ “l-Aġent Ewlieni tal-ħajja” għax jagħmilha possibbli għalina li ngħixu għal dejjem. Ukoll, Ġesù jifhem in-niket b’mod persunali u “jistaʼ jidħol għal dawk li qed jiġu provati.” (Atti 3:15; Ebr. 2:10, 18) Ġesù għadu jiġi effettwat meta oħrajn ikunu muġugħin. Hu jifhem in-niket tagħhom, u jistaʼ jagħtihom il-faraġ ‘f’waqtu.’—Ebr. 4:15, 16. w17.07 10 ¶6-7; 11 ¶10
Il-Ħadd, 23 taʼ Ġunju
“Fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tkun qalbkom ukoll.”—Lq. 12:34.
Irridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn biex ma nħallux lil Satana u did-dinja jdgħajfulna mħabbitna għat-teżori spiritwali. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu niġu aljenati minn affarijiet bħal ċans għal xogħol b’paga għolja, il-ħolma li ngħixu ħajja lussuża, jew ix-xewqa biex niftaħru bl-affarijiet materjali li għandna. L-appostlu Ġwanni jfakkarna li din id-dinja u kulma fiha dalwaqt se jgħaddu. (1 Ġw. 2:15-17) Huwa għalhekk li għandna nibqgħu nkunu grati għat-teżori spiritwali tagħna u nipproteġuhom. Kun lest li titlaq kull ħaġa li tistaʼ ddgħajjiflek l-imħabba li għandek għas-Saltna t’Alla. Kun determinat li tipprietka biż-żelu, u qatt titlef imħabbtek għall-ministeru. Kompli fittex għal veritajiet Bibliċi. Hekk kif tagħmel dan, int se taħżen “teżor fis-smewwiet . . . fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tiekol.”—Lq. 12:33. w17.06 14 ¶19-20
It-Tnejn, 24 taʼ Ġunju
“Jum wieħed fil-btieħi tiegħek aħjar minn elf band’oħra.”—Salm 84:10.
It-tmexxija taʼ Ġeħova mhijiex kiefra. Pjuttost, dawk li jobduh iħossuhom liberi u ferħanin. (2 Kor. 3:17) Dwar Ġeħova, David qal: “Dinjità u glorja hemm quddiemu, saħħa u ferħ hemm f’postu.” (1 Kron. 16:7, 27) Is-salmista Etan kiteb: “Henjin in-nies li jafu x’inhu l-għajat ferrieħi. O Ġeħova, fid-dawl taʼ wiċċek jibqgħu mexjin. Minħabba ismek jifirħu l-jum kollu u bis-sewwa tiegħek jitgħollew.” (Salm 89:15, 16) Iktar ma nimmeditaw fuq it-tjubija taʼ Ġeħova, iktar insiru konvinti li t-tmexxija tiegħu hi l-aħjar. Bħala d-Disinjatur u l-Ħallieq tagħna kollu mħabba, hu jaf eżattament x’jagħmilna ferħanin. B’mod ġeneruż jagħtina bil-wisq iżjed milli għandna bżonn. Kulma Ġeħova jitlobna nagħmlu hu għall-ġid tagħna stess. Anke jekk ikollna nagħmlu sagrifiċċji, dejjem se nkunu ferħanin jekk nobdu lil Ġeħova.—Is. 48:17. w17.06 23-24 ¶10-11
It-Tlieta, 25 taʼ Ġunju
“L-istennija mtawla qed tmarrad il-qalb.”—Prov. 13:12.
Ikkunsidra l-eżempju taʼ oħt fl-Ingilterra li minn dejjem xtaqet it-tfal. Meta rrealizzat li ma setax ikollha tfal f’din is-sistema, ħaditha bi kbira ħafna. Imbagħad hi u r-raġel tagħha ddeċidew li jadottaw tifel jew tifla. Imma xorta ħassitha mnikkta għal xi żmien. Hi qalet, “Kont naf illi li nadotta ma kienx se jkun l-istess bħal li nwelled it-tarbija tiegħi stess.” Il-Bibbja tgħid li mara “tinżamm salva billi tiled it-tfal.” (1 Tim. 2:15) Imma dan ma jfissirx li hi se jkollha l-ħajja taʼ dejjem sempliċement għax għandha t-tfal. Allura, xi jfisser dal-vers? Omm ikollha ħafna x’tagħmel biex tieħu ħsieb it-tfal u d-dar. Dan jistaʼ jgħinha tevita affarijiet bħal li tgħid fuq in-nies jew li tindaħal fl-affarijiet t’oħrajn.—1 Tim. 5:13. w17.06 4-5 ¶6-8
L-Erbgħa, 26 taʼ Ġunju
X’tagħtih lil Alla, jew x’jirċievi minn idek stess?—Ġob 35:7.
Kien Eliħu qed jipprova jgħid li l-isforzi tagħna biex naqdu lil Alla ma jiswew xejn? Le. Ġeħova ma kkoreġiex lil Eliħu, bħalma kien għamel lill-irġiel l-oħra. Eliħu kien qed joħroġ punt differenti. Kien qed jgħid li Ġeħova m’għandux bżonn lilna biex naqduh. Ġeħova hu komplut. M’hemm xejn li aħna nistgħu nagħmlu li se jagħmlu iktar sinjur jew b’saħħtu. Fil-fatt, kwalunkwe kwalità jew abbiltà tajba li għandna ġejja mingħand Alla, u hu jinnota kif nużawha. Meta nuru mħabba leali lejn dawk li jqimu lil Ġeħova, hu jqis dawn l-azzjonijiet bħallikieku saru miegħu persunalment. Fi Proverbji 19:17 naqraw: “Min iħenn għall-batut ikun qed jislef lil Ġeħova, u Hu se jħallsu lura għal kif ittrattah.” Tabilħaqq, Ġeħova jinnota kull darba li nuru ħniena m’oħrajn. U minkejja li hu l-Ħallieq tal-univers, Ġeħova saħansitra jagħżel li jqis dawn l-azzjonijiet bħala self persunali lilu, li mbagħad hu jħallas lura b’ħafna għotjiet meraviljużi. Iben Alla, Ġesù, ikkonfermah dan.—Lq. 14:13, 14. w17.04 28 ¶3-4
Il-Ħamis, 27 taʼ Ġunju
“L-għaxqa tiegħu hi fil-liġi taʼ Ġeħova, u lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-liġi tiegħu.”—Salm 1:2.
X’hemm iżjed li se jgħinna nkabbru iktar imħabbitna għall-verità tal-Bibbja? Jeħtieġ li nkunu regolari għal-laqgħat tal-kongregazzjoni tagħna, fejn niġu mgħallmin minn Ġeħova. L-istudju tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa permezz tat-Torri tal-Għassa hu wieħed mill-modi prinċipali li bih niġu mgħallmin. Jekk aħna rridu nibbenefikaw bis-sħiħ minn din il-laqgħa, għandna bżonn nippreparaw minn qabel. Pereżempju, nistgħu nfittxu kull vers ċitat mill-Bibbja. Illum, ħafna jistgħu jaqraw jew iniżżlu faċilment It-Torri tal-Għassa b’mod elettroniku għax hu disponibbli b’ħafna lingwi fuq il-websajt jw.org u fl-app tal-JW Library. Xi formati elettroniċi jippermettulna nsibu l-iskritturi ċitati malajr. Hu x’inhu l-mod kif nagħżlu li nistudjaw kull artiklu, meta naqraw l-iskritturi sew u naħsbu fil-fond dwarhom, l-imħabba tagħna għall-verità tal-Bibbja tikber. w17.05 18 ¶14
Il-Ġimgħa, 28 taʼ Ġunju
“Kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.”—Rum. 14:12.
Meta tgħammidna, aħna wegħedna lil Ġeħova li konna se nużaw ħajjitna biex naqduh u nagħmlu kulma ma nistgħu biex insegwu l-livelli tiegħu. La nkunu għamilna wegħda li naqdu lil Ġeħova, mhuwiex possibbli li nerġgħu lura minn kelmitna. Wieħed li jegħja jaqdi lil Ġeħova jew li jgħix bħala Kristjan ma jistax iktar tard jgħid li qatt ma kien verament dedikat lil Alla u li l-magħmudija tiegħu ma kinitx valida. Jekk wieħed li hu dedikat lil Ġeħova jagħmel dnub serju, imbagħad irid jagħti kont lil Ġeħova u lill-kongregazzjoni. Aħna qatt ma rridu nkunu bħal dawk li Ġesù qalilhom: “Int tlaqt l-imħabba li kellek fil-bidu.” Minflok, irriduh ikun jistaʼ jgħid dwarna: “Naf l-għemejjel tiegħek, u l-imħabba u l-fidi u l-ministeru u s-sabar tiegħek, u li l-għemejjel tiegħek taʼ dan l-aħħar huma iktar kotrana minn dawk taʼ qabel.” (Riv. 2:4, 19) Aħna rridu nferrħu lil Ġeħova billi b’mod żeluż ngħixu skont id-dedikazzjoni tagħna. w17.04 7 ¶12-13
Is-Sibt, 29 taʼ Ġunju
“Il-Blata, perfett għemilu, għax triqatu kollha huma ġustizzja.”—Dt. 32:4.
“Sejjer l-Imħallef taʼ l-art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?” (Ġen. 18:25) Ir-raġel leali Abraham m’għamilx din il-mistoqsija għax kellu dubju. Anzi, il-mistoqsija tiegħu wriet li kellu fiduċja li Ġeħova kien se jiġġudika l-bliet taʼ Sodoma u Gomorra b’ġustizzja perfetta. Hu kien ċert li Ġeħova qatt ma kien se ‘joqtol lir-raġel sewwa maʼ dak li hu mill-agħar.’ Lil Abraham, dan ‘qatt ma għaddielu minn moħħu.’ Hu kien fiduċjuż għax Ġeħova hu l-ikbar eżempju taʼ ġustizzja u sewwa. Fil-fatt, “il-ġustizzja” u “s-sewwa” jissemmew flimkien ħafna drabi fl-Iskrittura Ebrajka għax għandhom tifsir simili. Mela ladarba l-livelli taʼ Ġeħova huma dejjem tajbin, hu dejjem se jiġġudika l-affarijiet kif suppost. Il-Bibbja tgħid: “Hu jħobb is-sewwa u l-ġustizzja.”—Salm 33:5. w17.04 15 ¶1-2
Il-Ħadd, 30 taʼ Ġunju
“M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr, li nismaʼ li wliedi jkomplu mexjin fil-verità.”—3 Ġw. 4.
Ġenituri, l-eżempju tagħkom hu importanti ħafna jekk tixtiequ li wliedkom ikollhom relazzjoni personali maʼ Ġeħova u jgħixu għal dejjem. Meta wliedkom jarawkom ‘tfittxu l-ewwel is-saltna,’ huma se jitgħallmu jistrieħu fuq Ġeħova għall-bżonnijiet tagħhom taʼ kuljum. (Mt. 6:33, 34) Minflok ma tfittex li tikseb iktar u iktar affarijiet materjali, agħti prijorità lis-servizz tiegħek lil Ġeħova. Għix b’mod modest u pprova evita d-dejn. Fittex “teżor fis-sema,” jiġifieri, l-approvazzjoni taʼ Ġeħova, u mhux il-flus jew “il-glorja tal-bnedmin.” (Mk. 10:21, 22; Ġw. 12:43) Qatt issir tant impenjat li ma jifdallekx ħin għal uliedek. Urihom li int kburi bihom meta jiddeċiedu li jpoġġu lil Ġeħova l-ewwel minflok ma jfittxu li jiksbu l-fama jew il-flus, kemm jekk għalihom infushom u kemm jekk għalik. Evita l-mentalità żbaljata li t-tfal għandhom jipprovdu ħajja komda ħafna għall-ġenituri. Ftakar li “t-tfal m’għandhomx ifaddlu għall-ġenituri, imma l-ġenituri għal uliedhom.”—2 Kor. 12:14. w17.05 9-10 ¶3-4