LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es19 pp. 67-77
  • Lulju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Lulju
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
  • Sottitli
  • It-​Tnejn, 1 taʼ Lulju
  • It-​Tlieta, 2 taʼ Lulju
  • L-​Erbgħa, 3 taʼ Lulju
  • Il-​Ħamis, 4 taʼ Lulju
  • Il-​Ġimgħa, 5 taʼ Lulju
  • Is-​Sibt, 6 taʼ Lulju
  • Il-​Ħadd, 7 taʼ Lulju
  • It-​Tnejn, 8 taʼ Lulju
  • It-​Tlieta, 9 taʼ Lulju
  • L-​Erbgħa, 10 taʼ Lulju
  • Il-​Ħamis, 11 taʼ Lulju
  • Il-​Ġimgħa, 12 taʼ Lulju
  • Is-​Sibt, 13 taʼ Lulju
  • Il-​Ħadd, 14 taʼ Lulju
  • It-​Tnejn, 15 taʼ Lulju
  • It-​Tlieta, 16 taʼ Lulju
  • L-​Erbgħa, 17 taʼ Lulju
  • Il-​Ħamis, 18 taʼ Lulju
  • Il-​Ġimgħa, 19 taʼ Lulju
  • Is-​Sibt, 20 taʼ Lulju
  • Il-​Ħadd, 21 taʼ Lulju
  • It-​Tnejn, 22 taʼ Lulju
  • It-​Tlieta, 23 taʼ Lulju
  • L-​Erbgħa, 24 taʼ Lulju
  • Il-​Ħamis, 25 taʼ Lulju
  • Il-​Ġimgħa, 26 taʼ Lulju
  • Is-​Sibt, 27 taʼ Lulju
  • Il-​Ħadd, 28 taʼ Lulju
  • It-​Tnejn, 29 taʼ Lulju
  • It-​Tlieta, 30 taʼ Lulju
  • L-​Erbgħa, 31 taʼ Lulju
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
es19 pp. 67-77

Lulju

It-​Tnejn, 1 taʼ Lulju

“Umiljaw ruħkom taħt l-​id setgħana t’Alla, sabiex jeżaltakom fiż-​żmien xieraq.”—1 Pt. 5:6.

Sebna kien il-​prokuratur “fuq id-​dar,” li milli jidher kienet dik tas-​Sultan Ħeżekija, u kellu ħafna awtorità. (Is. 22:15) Imma hu sar kburi u ried iġiegħel lil oħrajn jaħsbu li kien importanti. (Is. 22:16-​18) Peress li Sebna pprova jikseb glorja għalih innifsu, Alla ta l-​inkarigu tiegħu lil raġel jismu Eljakim. (Is. 22:19-​21) Dan ġara meta s-​Sultan Sennakerib tal-​Assirja ppjana biex jattakka ’l Ġerusalemm. Iktar tard, Sennakerib bagħat grupp t’uffiċjali u armata kbira biex ibeżżaʼ lil-​Lhud u jġiegħel lis-​Sultan Ħeżekija jċedi. (2 Slat. 18:17-​25) Ħeżekija bagħat lil Eljakim u żewġt irġiel oħra biex jiltaqgħu mal-​uffiċjali. Wieħed minn dawn l-​irġiel kien Sebna, li issa kien segretarju. Minn dan nistgħu naraw li probabbilment Sebna kien tgħallem ikun umli u ma ħassux offiż jew tħassar lilu nnifsu. Hu kien lest jaċċetta pożizzjoni t’inqas importanza. w18.03 23-24 ¶7-8, 10

It-​Tlieta, 2 taʼ Lulju

“Ibqgħu mexjin bl-​ispirtu u ma twettqu assolutament l-​ebda xewqa tal-​laħam.”—Gal. 5:16.

Jekk nindunaw li qed niffokaw fuq l-​affarijiet materjali jew il-​pjaċiri, m’għandniex naqtgħu qalbna. Aħna għandna nibqgħu nitolbu lil Ġeħova għall-​ispirtu qaddis ħalli jgħinna niffokaw fuq l-​affarijiet xierqa. (Lq. 11:13) Ftakar fl-​appostlu Pietru. Dan mhux dejjem ħaseb bħalma kien jaħseb Kristu. (Mt. 16:22, 23; Lq. 22:34, 54-62; Gal. 2:11-14) Imma ma qatax qalbu, u Ġeħova għenu. Bil-​mod il-​mod, Pietru tgħallem jaħseb bħalma kien jaħseb Kristu. U anke aħna nistgħu. Iktar tard Pietru semma kwalitajiet speċifiċi li se jgħinuna. (2 Pt. 1:5-8) Aħna għandna bżonn naħdmu iebes biex niżviluppaw ir-​rażan, is-​sabar, l-​affezzjoni lejn l-​aħwa, u kwalitajiet tajbin oħra. Kuljum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Illum, fuq liema kwalità nistaʼ naħdem li se tgħinni nsir iktar b’saħħti spiritwalment?’ w18.02 26 ¶12-13

L-​Erbgħa, 3 taʼ Lulju

“Għożżejt dak li qal fommu iktar minn dak li hu jeħtieġ minni.”—Ġob 23:12.

Ġob fehem tajjeb ħafna l-​prinċipji divini. Hu tassew kien jaf lil Ġeħova, u dan immotivah biex jaġixxi bil-​mod it-​tajjeb. Pereżempju, Ġob kien jaf li ma setax jgħid li jħobb lil Alla jekk ma jkunx qalbu tajba m’oħrajn. (Ġob 6:14) Hu ma kienx jaħseb li kien aħjar minn oħrajn, pjuttost, hu ttrattahom daqslikieku kienu l-​familja tiegħu, kemm jekk fqar u kemm jekk sinjuri. Ġob qal: “Dak li għamel lili fiż-​żaqq m’għamilx lilu wkoll?” (Ġob 31:13-22) Anke meta Ġob kien sinjur u setgħan, hu ma tkabbarx u ma qiesx lil oħrajn bħala inqas importanti minnu. Dan hu differenti ħafna mill-​mod kif jaġixxu ħafna nies sinjuri u setgħanin illum. Ġob ma ried xejn isir iktar importanti għalih minn Ġeħova, inkluż l-​affarijiet materjali. Hu kien jaf li kieku ġara dan, kien se jiċħad “lill-​Alla l-​veru li hu fl-​għoli.” (Ġob 31:24-28) Ukoll, Ġob qies iż-​żwieġ bħala wegħda sagra bejn raġel u mara miżżewġin. Hu saħansitra għamel patt miegħu nnifsu li ma jħarisx lejn mara b’mod immorali.—Ġob 31:1. w18.02 13 ¶16; 14 ¶18-19

Il-​Ħamis, 4 taʼ Lulju

Noè wera li kien bla nuqqas fost in-​nies taʼ żmienu. Noè mexa maʼ l-​Alla l-​veru.—Ġen. 6:9.

Noè ma ħasibx li kien biżżejjed li sempliċement ikun raġel tajjeb. Bi qlubija, hu qal lil oħrajn dwar il-​fidi tiegħu f’Ġeħova. Il-​Bibbja ssejjaħlu “predikatur tal-​ġustizzja.” (2 Pt. 2:5) L-​appostlu Pawlu qal dwar Noè: “Permezz taʼ din il-​fidi kkundanna lid-​dinja.” (Ebr. 11:7) Bla dubju, in-​nies waqqgħuh għaċ-​ċajt u pprovaw iwaqqfuh. Forsi wkoll heddew li jweġġgħuh. Imma Noè ma kienx jibżaʼ min-​nies. (Prov. 29:25) Minflok, kellu l-​fidi, allura Ġeħova tah il-​kuraġġ. U hu jagħti l-​istess kuraġġ lill-​qaddejja leali kollha tiegħu llum. Noè kien diġà wera li kellu fidi f’Ġeħova għal iktar minn 500 sena meta Ġeħova qallu jibni arka kbira. Din kellha tiġi użata sabiex issalva xi nies u annimali mid-​Dulluvju. (Ġen. 5:32; 6:14) Il-​bini taʼ arka daqstant kbira żgur li deher diffiċli ħafna għal Noè. U żgur li kien jaf li n-​nies kienu se jiżżuffjettaw bih saħansitra iktar u jagħmlulu ħajtu vera diffiċli. Imma Noè kellu l-​fidi f’Ġeħova u obdieh. “Għamel preċiż hekk.”—Ġen. 6:22. w18.02 4 ¶4, 6-7

Il-​Ġimgħa, 5 taʼ Lulju

Kemm hu tajjeb u sabiħ li ngħammru flimkien f’unità!—Salm 133:1.

X’inhu mod importanti li bih nistgħu nippromwovu l-​unità? Billi nimitaw lil Ġeħova f’li nuru mħabba. (1 Ġw. 4:8) Aħna qatt mhu se ngħidu, “Għandi nżomm il-​paċi maʼ ħuti, imma m’għandix għalfejn inkun qrib tagħhom.” Jekk naħsbu b’dan il-​mod, ma nkunux qed insegwu l-​parir taʼ Pawlu biex ‘nissaportu lil xulxin bl-​imħabba.’ (Efes. 4:2) Innota li Pawlu ma qalx sempliċement li għandna ‘nissaportu lil xulxin’ imma li għandna nagħmlu dan “bl-​imħabba.” Hemm differenza. Hemm diversi tipi taʼ nies fil-​kongregazzjonijiet tagħna, u Ġeħova ġibidhom lejh ilkoll. (Ġw. 6:44) Allura hu żgur li għandu ħafna raġunijiet validi biex iħobbhom. Jekk ħutna jistħoqqilhom l-​imħabba t’Alla, kif nistgħu ngħidu li ma jistħoqqilhomx l-​imħabba tagħna? Irridu nkunu ħerqanin biex inħobbuhom bil-​mod kif Ġeħova jridna.—1 Ġw. 4:20, 21. w18.01 13 ¶14

Is-​Sibt, 6 taʼ Lulju

“Ftakar fil-​Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek.”—Ekk. 12:1.

Xi ġenituri jaħsbu li jkun aħjar jekk uliedhom jitgħammdu biss wara li jkunu ħadu ftit edukazzjoni avvanzata u jkollhom karriera tajba. Dawn il-​ġenituri jistaʼ jkollhom intenzjonijiet tajbin, iżda għandhom jistaqsu lilhom infushom: ‘Se jgħin dan lil uliedi biex verament ikollhom suċċess? Jaqbel dan maʼ dak li nitgħallmu mill-​Bibbja?’ Huwa importanti li niftakru li din id-​dinja u l-​affarijiet fiha huma kontra dak li jrid u jaħseb Ġeħova. (Ġak. 4:7, 8; 1 Ġw. 2:15-17; 5:19) Relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova hi l-​aħjar protezzjoni li tifel jew tifla jistaʼ jkollha kontra Satana, din id-​dinja, u l-​mod ħażin kif taħsibha d-​dinja. Jekk il-​ġenituri jpoġġu l-​edukazzjoni u impjieg tajjeb fl-​ewwel post fil-​ħajja, binhom jew binthom probabbilment se temmen li l-​affarijiet fid-​dinja huma importanti iżjed minn relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova. Dan hu perikoluż. Bħala ġenituri li tħobbu lil uliedkom, tassew tridu li din id-​dinja tgħallimhom dak li hi taħseb li se jferraħhom? L-​uniku mod kif ikollna suċċess u ferħ veru hu billi npoġġu lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitna.—Salm 1:2, 3. w18.03 11-12 ¶10-11

Il-​Ħadd, 7 taʼ Lulju

“Fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa tiegħu.”—Mt. 6:33.

Ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova qed jipprovaw jgħixu ħajja sempliċi. Huma jsibu li dan itihom iktar ħin biex jaqdu lil Ġeħova u jagħmilhom iktar ferħanin ukoll. Jack biegħ id-​dar kbira u n-​negozju tiegħu biex b’hekk ikun jistaʼ jaqdi bħala pijunier maʼ martu. Hu jispjega li għal snin sħaħ hu kien imur lura d-​dar frustrat minħabba l-​problemi tax-​xogħol. Hu jgħid: “Marti, li hi pijuniera regolari, dejjem kienet tkun ferħana. Hi kienet tgħid: ‘Jien għandi l-​aqwa mgħallem li qatt jistaʼ jkolli!’ Issa li anki jien qed naqdi bħala pijunier, it-​tnejn li aħna qed naħdmu għall-​istess Persuna, Ġeħova.” Meta neżaminaw il-​ħarsa tagħna lejn il-​flus, jeħtieġ li b’onestà nistaqsu lilna nfusna: ‘Ħajti turi li verament nemmen dak li l-​Bibbja tgħid dwar il-​flus? Huwa li nagħmel il-​flus l-​iktar ħaġa importanti għalija? Jimpurtani iktar minn affarijiet materjali milli mir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova u man-​nies? Nemmen verament li Ġeħova se jipprovdili l-​affarijiet li għandi bżonn?’ Nistgħu nkunu ċerti li hu qatt mhu se jiddiżappunta lil dawk li jafdaw fih! w18.01 24-25 ¶12-13

It-​Tnejn, 8 taʼ Lulju

Bħalma dejjem obdejtu, ibqgħu wettqu s-​salvazzjoni tagħkom bil-​biżaʼ u t-​tregħid.—Flp. 2:12.

Hi responsabbiltà serja li twettaq is-​salvazzjoni tiegħek. Biex tagħmel dan, int għandek bżonn taqra l-​Kelma t’Alla u timmedita fuqha, titlob lil Ġeħova, u taħseb fil-​fond dwar il-​modi kollha kif għenek persunalment. Li tagħmel dan se jgħinek tkun ħafna iktar fiduċjuż li Ġeħova hu l-​Ħabib tiegħek. Dan se jġiegħlek tkun trid titkellem m’oħrajn dwar it-​twemmin tiegħek. (Salm 73:28) Ġesù qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-​zokk tat-​tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja.” (Mt. 16:24) Iva, biex kull Kristjan jimxi wara Ġesù, hu għandu jiddedika lilu nnifsu lil Ġeħova u jitgħammed. Però, dan hu biss il-​bidu taʼ ħajja meraviljuża issa, u se jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. Allura agħmel kulma tistaʼ biex tibqaʼ twettaq is-​salvazzjoni tiegħek! w17.12 26 ¶18-19

It-​Tlieta, 9 taʼ Lulju

Ilbsu s-​sabar fit-​tul.—Kol. 3:12.

Meta l-​ġenituri jgħallmu bil-​paċenzja, maż-​żmien uliedhom jibdew jifhmu “l-​wisaʼ u t-​tul u l-​għoli u l-​fond” tal-​fidi. (Efes. 3:18) Aħna nistgħu ngħallmuhom b’mod li hu addattat għall-​età tagħhom u għal kemm ikunu kapaċi jifhmu. Hekk kif il-​fidi tagħhom f’dak li qed jitgħallmu tikber, se jkun iktar faċli għalihom biex jiddefendu t-​twemmin tagħhom quddiem oħrajn, inkluż sħabhom tal-​iskola. (1 Pt. 3:15) Pereżempju, jistgħu wliedek jużaw il-​Bibbja biex jispjegaw x’jiġri mal-​mewt? L-​ispjegazzjoni tal-​Bibbja tagħmel sens għalihom? Ftakar li int għandek bżonn tkun paċenzjuż biex tgħin lil ibnek jew bintek tibni l-​fidi fil-​Kelma t’Alla, imma dan l-​isforz hu taʼ min jagħmlu. (Dt. 6:6, 7) Ovvjament, anke l-​eżempju tiegħek stess hu importanti biex tgħin lil uliedek jiżviluppaw il-​fidi. Stephanie, omm taʼ tlett ibniet, tgħid: “Jien kelli nistaqsi lili nnifsi, ‘Nitkellem maʼ wliedi dwar għala jien konvinta li Ġeħova jeżisti, dwar imħabbtu, u dwar il-​mod ġust taʼ kif jagħmel l-​affarijiet?’ Jekk jien m’iniex konvinta ma nistax nistenna li wliedi jkunu.” w17.12 17-18 ¶8-10

L-​Erbgħa, 10 taʼ Lulju

“Ħuk iqum.”—Ġw. 11:23.

Marta għala kienet daqshekk ċerta li ħuha kien se jiġi rxoxtat? Għax hi kienet taf dwar każijiet taʼ rxoxt li kienu saru qabel. Probabbilment saret taf dwarhom mid-​dar jew mis-​sinagoga meta kienet żagħżugħa. Tlieta minn dawn il-​każijiet taʼ rxoxt jissemmew fl-​Iskrittura. Ikkunsidra l-​ewwel irxoxt li seħħ matul iż-​żmien meta Alla kien qed jagħti lil Elija l-​qawwa biex jagħmel il-​mirakli. F’belt fil-​Feniċja msejħa Sarefat, fit-​Tramuntana taʼ Iżrael, kien hemm armla fqira li wriet ospitalità mal-​profeta. Imbagħad, Ġeħova wettaq miraklu. Hu għamel ċert li d-​dqiq u ż-​żejt tagħha ma jinħlewx biex b’hekk hi u binha jkunu jistgħu jibqgħu ħajjin. (1 Slat. 17:8-16) Iktar tard, binha marad u miet. Imma Elija għenha. Hu talab lil Ġeħova: “Alla tiegħi, jekk jogħġbok, ħalli ruħ it-​tifel terġaʼ lura fih.” U hekk ġara! Alla sema’ lil Elija, u t-​tifel reġaʼ beda jgħix. Dan kien l-​ewwel każ taʼ rxoxt imniżżel fil-​Bibbja. (1 Slat. 17:17-24) Bla dubju, Marta kienet taf dwar din il-​ġrajja straordinarja. w17.12 3 ¶1; 4 ¶3, 5-6

Il-​Ħamis, 11 taʼ Lulju

“Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.”—Mt. 6:24.

In-​nies għandhom mnejn jgħidulna biex niffokaw il-​ħin u l-​enerġija tagħna fuq li jkollna karriera fid-​dinja, speċjalment waħda li tistaʼ ttina awtorità, tagħmilna famużi, jew sinjuri. Ladarba ħafna nies jaħsbu li karriera tajba hi s-​sigriet għall-​kuntentizza, aħna nistgħu nibdew naħsbu b’dal-​mod ukoll. Veru li karriera li tagħtik awtorità jew tagħmlek famuż se tagħmlek ukoll kuntent? Le. Ftakar li dawn kienu l-​affarijiet li ried Satana. Sa ċertu punt, hu ħa dak li ried. Imma Satana hu rrabjat u mhux kuntent. (Mt. 4:8, 9; Riv. 12:12) B’differenza, aħseb dwar kemm inkunu ferħanin meta ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Alla u l-​futur meraviljuż li hu jwiegħed. L-​ebda karriera fid-​dinja ma tistaʼ tagħtik dan it-​tip taʼ ferħ. Ukoll, sabiex in-​nies ikollhom karriera tajba, huma spiss isiru kompetittivi, aggressivi, jew jibdew jgħiru għall-​oħrajn. Imma xorta jispiċċaw iħossuhom vojta. Il-​Bibbja tgħid li huma qed ‘jiġru wara r-​riħ.’—Ekk. 4:4. w17.11 24 ¶11-13

Il-​Ġimgħa, 12 taʼ Lulju

“Wara li kantaw għanjiet taʼ tifħir, ħarġu lejn il-​Muntanja taż-​Żebbuġ.”—Mt. 26:30.

Fi żmien Ġesù, il-​mużika kompliet tkun parti essenzjali mill-​qima vera. Aħseb dwar x’ġara fl-​iktar lejla importanti tal-​istorja umana. Wara li Ġesù stabbilixxa l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej mad-​dixxipli tiegħu, huma lkoll kantaw għanjiet taʼ tifħir lil Ġeħova. Il-​Kristjani tal-​bidu tawna eżempju tajjeb f’li nfaħħru lil Alla bl-​għanjiet. Għalkemm ma kinux imorru f’tempju biex iqimu lil Ġeħova bħall-​Iżraelin, huma kienu jiltaqgħu fi djar privati. Dawn id-​djar ma kinux sbieħ u impressjonanti daqs it-​tempju, iżda l-​aħwa xorta kantaw b’żelu. Infatti, l-​appostlu Pawlu qal lil ħutu Kristjani: “Komplu għallmu u widdbu lil xulxin b’salmi, tifħir lil Alla, għanjiet spiritwali b’radd il-​ħajr.” (Kol. 3:16) Aħna għandna nkantaw l-​“għanjiet spiritwali” mill-​ktieb tal-​għanjiet tagħna b’qalb mimlija gratitudni lil Ġeħova. Huma parti mill-​“ikel fiż-​żmien xieraq” li “l-​ilsir leali u għaqli” jipprovdilna.—Mt. 24:45. w17.11 4 ¶7-8

Is-​Sibt, 13 taʼ Lulju

Agħżlu bliet konvenjenti għalikom. Dawn iservu għalikom bħala bliet tar-​refuġju.—Num. 35:11.

Ġeħova għamel arranġament biex is-​sitt ibliet tar-​refuġju jkunu jistgħu jinstabu faċilment. Hu qal lill-​Iżraelin biex jagħżlu tlett ibliet fuq kull naħa tal-​Ġordan. Għala? Ħalli l-​maħrub ikun jistaʼ jasal malajr u faċilment lejn waħda minn dawn il-​bliet. (Num. 35:12-14) It-​toroq li jagħtu għalihom kienu jinżammu f’kundizzjoni tajba. (Dt. 19:3) Skont il-​kitba dwar it-​tradizzjoni Lhudija, matul it-​triq kien hemm tabelli biex jgħinu l-​maħrubin isibu l-​bliet. Peress li f’Iżrael kien hemm il-​bliet tar-​refuġju, Iżraeli li jkun qatel lil xi ħadd b’mod aċċidentali ma kellux għalfejn ifittex protezzjoni f’art barranija, fejn setgħet tiġih it-​tentazzjoni biex iqim allat foloz. Aħseb dwar dan: Ġeħova kien ikkmanda li l-​qattiela kellhom jinqatlu. Imma hu għamel ċert li xi ħadd li jkun qatel persuna oħra b’mod aċċidentali setaʼ jintwera ħniena, mogħdrija, u jingħata protezzjoni. Studjuż tal-​Bibbja qal: “L-​arranġament intgħamel ċar, sempliċi, u faċli kemm jistaʼ jkun.” Ġeħova mhux imħallef kattiv li joqgħod ifittex modi biex jikkastiga lill-​qaddejja tiegħu. Minflok, hu “għani fil-​ħniena.”—Efes. 2:4. w17.11 16 ¶4-5

Il-​Ħadd, 14 taʼ Lulju

Erġgħu lura lejja u jien nerġaʼ lura lejkom.—Żak. 1:3.

Romblu jtir, mara ġo qoffa, u żewġ nisa li fi ġwinħajhom kien hemm ir-​riħ, jiġifieri, li kienu qed jittajru fl-​għoli, bi ġwienaħ bħal taċ-​ċikonji. Dawn huma xi viżjonijiet eċċitanti li ra Żakkarija. (Żak. 5:1, 7-9) Ġeħova għala ta dawn il-​viżjonijiet tal-​għaġeb lill-​profeta tiegħu? Is-​sitt u s-​sebaʼ viżjoni taʼ Żakkarija huma twissija serja għal dawk li jagħmlu l-​ħażen. Ġeħova mhux se jħalli l-​ħażen jibqaʼ għaddej. Bħala qaddejja tiegħu, aħna għandna nobogħduh il-​ħażen. Dawn il-​viżjonijiet ukoll jassigurawna li jekk naħdmu biex nogħġbu lil Missierna kollu mħabba, hu mhux se jisħitna imma se jipproteġina u jberikna. Avolja jistaʼ jkun diffiċli li nibqgħu nodfa f’din id-​dinja mimlija ħażen, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu nirnexxu! w17.10 15 ¶1; 20 ¶19

It-​Tnejn, 15 taʼ Lulju

In-​nisa mdaħħlin fiż-​żmien, ħa juru l-​biżaʼ t’Alla, b’hekk ikunu jistgħu jġibu f’sensihom lin-​nisa żgħażagħ.—Titu 2:3, 4.

Aħwa nisa single għandhom ħafna opportunitajiet biex jaqdu lil Ġeħova. Huma jistgħu jaqdu bħala pijunieri, imorru joqogħdu fejn il-​bżonn hu akbar, jaħdmu mad-​Dipartiment Lokali tal-​Ippjanar u l-​Kostruzzjoni, u japplikaw għall-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna. Xi wħud jiġu saħansitra mistiedna biex jattendu l-​Iskola taʼ Gilegħad. Ukoll, għandna aħwa nisa kbar fl-​età, li għalkemm ma jistgħux jagħmlu ħafna minn dawn l-​affarijiet, aħna nħobbuhom u nħossuna grati li għandna nisa bħalhom fil-​kongregazzjoni! Għalkemm xi wħud forsi ma jistgħux jagħmlu daqs qabel fis-​servizz t’Alla, huma xorta jistgħu juru l-​kuraġġ u jaġixxu. Pereżempju, oħt kbira fl-​età għandha bżonn turi kuraġġ jekk l-​anzjani jistaqsuha biex tkellem lil oħt żagħżugħa dwar li tilbes modest. Hi mhux se titkellem b’rabja mal-​oħt dwar l-​ilbies tagħha, iżda bi ħlewwa se tgħinha taħseb dwar kif l-​għażliet tagħha jistgħu jeffettwaw oħrajn. (1 Tim. 2:9, 10) Meta aħwa nisa kbar fl-​età juru l-​imħabba tagħhom b’modi bħal dawn, huma jistgħu jsaħħu l-​kongregazzjoni. w17.09 31 ¶17-18

It-​Tlieta, 16 taʼ Lulju

“Issib l-​għarfien t’Alla.”—Prov. 2:5.

Matul is-​snin, ħafna mexxejja li kellhom il-​qawwa pprovaw iżommu n-​nies milli jaqraw il-​Bibbja. Imma xi nies li kellhom il-​biżaʼ minn Alla ma waqfux jaħdmu f’li jagħmlu l-​Bibbja disponibbli għal kulħadd. Wieħed minn dawn kien John Wycliffe, li għex l-​Ingilterra matul is-​seklu 14. Hu emmen li kulħadd kellu jkun jistaʼ jaqra l-​Bibbja. Matul ħajtu, il-​biċċa l-​kbira min-​nies fl-​Ingilterra qatt ma kienu semgħu l-​messaġġ tal-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom. Fl-​1382, John Wycliffe u oħrajn ittraduċew il-​Bibbja bl-​Ingliż. Din saret popolari ħafna fost grupp taʼ nies li kienu jħobbu l-​Bibbja magħrufin bħala Lollards. Huma vvjaġġaw mal-​Ingilterra kollha billi mxew minn villaġġ għal ieħor. Il-​Lollards qraw il-​Bibbja lin-​nies u tawhom kopji miktubin bl-​idejn taʼ partijiet minnha. Fil-​mijiet taʼ snin li ġew wara, nies fl-​Ewropa u f’partijiet oħra tad-​dinja bdew jittraduċu u jipprintjaw il-​Bibbja b’lingwi li ħafna nies setgħu jifhmu. w17.09 18 ¶10-12

L-​Erbgħa, 17 taʼ Lulju

“Dawk li jiżżewġu jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.”—1 Kor. 7:28.

Xi koppji miżżewġin ikollhom tribulazzjoni għax jixtiequ ħafna li jkollhom it-​tfal, imma ma jistgħux. Meta l-​mara ma tinqabadx tqila, hi tistaʼ tħoss uġigħ emozzjonali kbir. (Prov. 13:12) Fi żminijiet Bibliċi, kien importanti ħafna għan-​nisa li jiżżewġu u jkollhom it-​tfal. Rakele, il-​mara taʼ Ġakobb, ħassitha dipressa bil-​kbir meta ma setgħetx tinqabad tqila, filwaqt li oħtha setgħet. (Ġen. 30:1, 2) Waħda mit-​tribulazzjonijiet li xi miżżewġin jistgħu jiffaċċjaw hi l-​mewt tas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom. Għalkemm forsi qatt ma ħasbu li dan se jiġri lilhom, ħafna kellhom jissaportu din is-​sitwazzjoni verament diffiċli. Il-​Kristjani b’konvinzjoni jemmnu fil-​wegħda tal-​irxoxt, u dan ifarraġhom ħafna. (Ġw. 5:28, 29) Fil-​Kelma tiegħu, Missierna, Ġeħova, wegħedna ħafna affarijiet li jgħinuna nħossuna aħjar matul żminijiet diffiċli. w17.06 3 ¶1; 4 ¶6; 5 ¶9

Il-​Ħamis, 18 taʼ Lulju

“Ġeħova, Ġeħova, Alla ħanin u grazzjuż.”—Eżo. 34:6.

Darba, Alla rrivela lilu nnifsu lil Mosè billi għarraflu ismu u ftit mill-​kwalitajiet Tiegħu. Ġeħova setaʼ enfasizza l-​qawwa jew l-​għerf tiegħu, imma minflok, l-​ewwel tkellem dwar li hu ħanin u grazzjuż—kwalitajiet li jenfasizzaw il-​mogħdrija tiegħu. (Eżo. 34:5-7) Mosè ried ikun jaf jekk Ġeħova kienx se jappoġġjah. Allura, Ġeħova enfasizza xi kwalitajiet li juru li tassew irid jgħin lill-​qaddejja tiegħu. (Eżo. 33:13) Għalkemm ġejna maħluqin b’tali mod li nuru mogħdrija, aħna imperfetti u għandna t-​tendenza li nkunu egoisti. Kultant forsi ma jkunx faċli għalina biex niddeċiedu jekk ngħinux lil oħrajn jew jekk niffokawx fuqna nfusna. X’jistaʼ jgħinna ninteressaw ruħna iktar f’oħrajn? L-​ewwel, irridu nikkunsidraw kif Ġeħova u oħrajn urew mogħdrija. It-​tieni, irridu naraw kif aħna nistgħu nimitaw il-​mogħdrija t’Alla u għala hu tajjeb għalina li nagħmlu dan. w17.09 9 ¶1; 10 ¶3

Il-​Ġimgħa, 19 taʼ Lulju

B’umiltà qisu lill-​oħrajn superjuri għalikom.—Flp. 2:3.

Ir-​raġuni għala nilbsu l-​personalità l-​ġdida għandha tkun biex nonoraw lil Ġeħova, u mhux biex niġu mfaħħrin minn oħrajn. Ftakar li anki anġlu perfett sar kburi u dineb. (Qabbel Eżekjel 28:17.) Aħna imperfetti, allura hu ħafna iktar diffiċli għalina biex nevitaw il-​kburija. Però, aħna xorta nistgħu nilbsu l-​umiltà. X’se jgħinna nagħmlu dan? Xi ħaġa li se tgħinna nkunu umli hi li naqraw il-​Kelma t’Alla kuljum u nimmeditaw fuq dak li naqraw. (Dt. 17:18-20) Għandna bżonn nimmeditaw b’mod speċjali fuq dak li Ġesù għallimna u fuq l-​eżempju meraviljuż tiegħu tal-​umiltà. (Mt. 20:28) Ġesù tant kien umli li ħasel saqajn l-​appostli tiegħu. (Ġw. 13:12-17) Ħaġa oħra li nistgħu nagħmlu hi li nitolbu lil Ġeħova għall-​ispirtu tiegħu. Dan jistaʼ jgħinna niġġieldu kwalunkwe tendenza taʼ li nħossuna aħjar minn oħrajn.—Gal. 6:3, 4. w17.08 24 ¶11-12

Is-​Sibt, 20 taʼ Lulju

“Ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom.”—Flp. 4:6, 7.

Forsi kien hemm żmien f’ħajjitna meta tlabna lil Alla biex jgħinna nieħdu deċiżjoni u ħassejna li konna qed insegwu d-​direzzjoni tal-​ispirtu qaddis. Imma wara, għaddejna minn ħafna sfidi jew kellna nagħmlu bidliet kbar ħafna f’ħajjitna. (Ekk. 9:11) X’jistaʼ jgħinna ma nkunu “ansjużi fuq xejn” imma minflok ikollna “l-​paċi t’Alla”? Il-​kliem taʼ Pawlu lill-​Filippin juri li meta nkunu inkwetati dwar problema, is-​soluzzjoni hi t-​talb. Allura meta nħossuna ansjużi, għandna nibdlu l-​ansjetajiet tagħna f’talb. (1 Pt. 5:6, 7) Meta titlob lil Ġeħova, kun assolutament konvint li hu jinteressah minnek. Dejjem irringrazzjah għal kull barka li tirċievi. U qatt tinsa li Ġeħova “jistaʼ jagħmel bil-​wisq iżjed minn dak kollu li nitolbu jew naħsbu.”—Efes. 3:20. w17.08 10 ¶4; 11 ¶6; 12 ¶10

Il-​Ħadd, 21 taʼ Lulju

“Il-​pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali, imma jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-​pariri.”—Prov. 15:22.

Ħafna Kristjani bdew ix-​xogħol taʼ pijunier meta kienu għadhom żgħar, u dan għamilhom ferħanin. Tistaʼ int titkellem maʼ xi wħud minnhom dwar il-​pjanijiet tiegħek? Dawn l-​aħwa probabbilment se jgħidulek li x-​xogħol taʼ pijunier jagħtik edukazzjoni li se tgħinek tul ħajtek kollha. Ġesù tgħallem ħafna affarijiet minn Missieru meta kien fis-​sema. Imbagħad, matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, kompla jitgħallem. Hu esperjenza l-​ferħ hekk kif qasam l-​aħbar tajba m’oħrajn u żamm l-​integrità tiegħu f’ċirkustanzi diffiċli. (Is. 50:4; Ebr. 5:8; 12:2) Ġesù qalilna biex immorru ‘nagħmlu dixxipli’ u ngħallmu lin-​nies. (Mt. 28:19, 20) Jekk qed tippjana li tagħmel dan ix-​xogħol il-​karriera tiegħek, se jkollok ħajja sodisfaċenti li tonora lil Alla. Bħal kwalunkwe karriera oħra, jeħtieġ iż-​żmien biex issir tas-​sengħa. w17.07 22-23 ¶6-7

It-​Tnejn, 22 taʼ Lulju

Jien nibqaʼ nfarraġkom.—Is. 66:13.

Bla dubju, is-​sors ewlieni taʼ faraġ hu Missierna tas-​sema kollu mogħdrija, Ġeħova. (2 Kor. 1:3, 4) Uħud imnikktin minħabba l-​mewt taʼ xi ħadd jistgħu jsibu faraġ ukoll fil-​kongregazzjoni Kristjana. (1 Tess. 5:11) Int kif tistaʼ ssaħħaħ u tfarraġ lil dawk bi “spirtu mdejjaq”? (Prov. 17:22) Ftakar li hemm “żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem.” (Ekk. 3:7) Armla jisimha Dalene tispjega li dawk li jkunu mnikktin ikollhom bżonn jesprimu l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħhom. Għalhekk, l-​iktar ħaġa importanti li tistaʼ tagħmel hi li tismaʼ mingħajr ma twaqqaf lil dak li jkun. Junia, li ħuha għamel suwiċidju, tgħid, “Avolja ma tkunx tistaʼ tifhem kompletament in-​niket tagħhom, li jgħodd hu li tkun trid tifhem kif iħossuhom.” Hemm bżonn niftakru li mhux kulħadd iħoss u jesprimi n-​niket bl-​istess mod. w17.07 10 ¶3; 11-12 ¶11-13

It-​Tlieta, 23 taʼ Lulju

“Biex in-​nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-​Iktar Għoli fuq l-​art kollha.”—Salm 83:18.

Għal ħafna nies illum, il-​flus huma l-​iktar ħaġa importanti. Fuq hekk biss jaħsbu u jinkwetaw. Huma jqattgħu ħinhom jipprovaw jaqilgħu iktar flus jew irekknuhom. Għal nies oħra, l-​iktar ħaġa importanti hija l-​familja tagħhom, saħħithom, jew l-​affarijiet li jridu jagħmlu fil-​ħajja. Teżisti kwistjoni li hi bil-​wisq iktar importanti minn kwalunkwe waħda minn dawn l-​affarijiet. Din il-​kwistjoni hi li jintwera biċ-​ċar id-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova. Hu importanti ħafna li qatt ma nieqfu niffokaw fuq din il-​kwistjoni. Jekk ma noqogħdux attenti, tant nistgħu nsiru okkupati bil-​ħajja taʼ kuljum jew tant ninkwetaw dwar il-​problemi tagħna stess li ninsew l-​importanza tagħha. Jekk aħna nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova, se nkunu nistgħu nittrattaw aħjar mal-​problemi fil-​ħajja taʼ kuljum tagħna, u se nersqu eqreb lejn Ġeħova. w17.06 15 ¶1-2

L-​Erbgħa, 24 taʼ Lulju

“Imitaw lili, bħalma jien nimita lil Kristu.”—1 Kor. 11:1.

Ġeħova dejjem juża l-​qawwa tiegħu bi mħabba. Kapijiet tal-​familja u anzjani li jħobbu s-​sovranità taʼ Ġeħova se jimitawh u mhux ikunu ħorox jew dominanti. L-​appostlu Pawlu stinka biex jimita lil Alla u lil Ibnu. Hu ma ġegħelx lil oħrajn jistħu jew sforzahom jagħmlu s-​sewwa. Minflok, b’qalb tajba mmotivahom jagħmlu s-​sewwa. (Rum. 12:1; Efes. 4:1; Flm. 8-10) Billi għamel dan, Pawlu imita lil Ġeħova. Meta nittrattaw lil oħrajn bi mħabba, aħna nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova. Aħna nappoġġjaw ukoll it-​tmexxija taʼ Ġeħova billi nirrispettaw lil dawk li lilhom ta awtorità u nikkooperaw magħhom. Anke jekk ma nifhmux jew ma naqblux għalkollox maʼ xi deċiżjoni li jieħdu, xorta nappoġġjawhom. Dan mhuwiex dak li tagħmel id-​dinja, imma hu dak li nagħmlu aħna meta naċċettaw lil Ġeħova bħala l-​Mexxej tagħna.—Efes. 5:22, 23; 6:1-3; Ebr. 13:17. w17.06 24 ¶14-15

Il-​Ħamis, 25 taʼ Lulju

“Intom mgħallmin minn Alla biex tħobbu lil xulxin.”—1 Tess. 4:9.

Aħwa rġiel u nisa li huma skuraġġiti, dipressi, jew li jkunu qed jiffaċċjaw xi problemi oħra għandhom bżonn l-​attenzjoni, l-​inkuraġġiment, u l-​faraġ tagħna. (Prov. 12:25; Kol. 4:11) Aħna nuru li nħobbu lil “min jiġi minna fil-​fidi” b’dak li ngħidu u nagħmlu. (Gal. 6:10) Il-​Bibbja qalet li “fl-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema mill-​agħar, ħafna nies kienu se jkunu egoisti u rgħiba. (2 Tim. 3:1, 2) Bħala Kristjani, għandna bżonn naħdmu iebes biex inkomplu nikbru fl-​imħabba tagħna għal Ġeħova, għall-​Kelma tiegħu, u għal xulxin. Ladarba aħna imperfetti, kultant għandu mnejn ma naqblux maʼ ħutna f’affarijiet żgħar. Imma għax inħobbu lil xulxin, aħna nipprovaw nirranġaw xi differenzi b’qalb tajba u malajr kemm jistaʼ jkun. (Efes. 4:32; Kol. 3:14) Mela, ejja nkomplu jkollna mħabba profonda għal Ġeħova, għall-​Kelma tiegħu, u għal ħutna. w17.05 19-20 ¶17-18

Il-​Ġimgħa, 26 taʼ Lulju

“Jekk ngħidu: ‘M’għandniex dnub,’ qed inqarrqu bina nfusna u l-​verità m’hijiex fina.”—1 Ġw. 1:8.

Il-​Kristjani jifhmu li se jiltaqgħu maʼ xi inġustizzja barra mill-​kongregazzjoni Kristjana. Madankollu, hemm ċans li l-​fidi tagħna tgħaddi minn prova jekk ninnotaw jew nesperjenzaw xi ħaġa li tidher inġusta ġol-​kongregazzjoni stess. Kif se tirreaġixxi f’dal-​każ? Se tħalliha tfixklek? Ilkoll kemm aħna imperfetti u niżbaljaw, allura hemm ċans li xi ħadd jistaʼ jimxi b’mod inġust magħna jew li aħna forsi ma nkunux ġusti maʼ xi ħadd fil-​kongregazzjoni. Għalkemm dan rari jiġri, Kristjani leali ma jiħduhiex bi kbira jew jitfixklu meta jkun hemm xi inġustizzja. Ġeħova tana pariri prattiċi fil-​Bibbja biex jgħinuna nibqgħu leali jekk nesperjenzaw inġustizzja mingħand xi ħadd minn ħutna.—Salm 55:12-14. w17.04 16 ¶4-5

Is-​Sibt, 27 taʼ Lulju

“Dawk li jiżżewġu jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.”—1 Kor. 7:28.

Jekk int miżżewweġ lil xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova, dan jistaʼ jżid iktar stress u ansjetà liż-​żwieġ tiegħek. Madankollu, Ġeħova jgħid li ma nistgħux nisseparaw minn mas-​sieħeb jew sieħba tagħna jew niddivorzjaw sempliċement għaliex hu jew hi ma taqdix Lilu. (1 Kor. 7:12-16) Jekk żewġek ma jaqdix lil Ġeħova u ma jiħux it-​tmexxija fil-​qima vera, xorta hemm bżonn li tirrispettah bħala l-​kap tal-​familja tiegħek. U jekk martek ma taqdix lil Ġeħova, xorta hemm bżonn li tħobbha u tieħu ħsiebha bi mħabba. (Efes. 5:22, 23, 28, 29) X’għandek tagħmel jekk is-​sieħeb jew sieħba tiegħek fiż-​żwieġ tipprova tillimitalek il-​qima tiegħek? Ir-​raġel taʼ waħda oħt qalilha li setgħet tmur fuq il-​ministeru tal-​għalqa f’ċerti ġranet tal-​ġimgħa biss. Jekk tinsab f’sitwazzjoni simili, staqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed żewġi jew marti tgħidli biex ma nibqax inqim lil Ġeħova kompletament? Jekk le, nistaʼ jien nagħmel dak li żewġi jew marti qed titlobni?’ Jekk int raġunevoli, se jkollok inqas problemi fiż-​żwieġ tiegħek.—Flp. 4:5. w17.10 10-11 ¶7-8

Il-​Ħadd, 28 taʼ Lulju

Daħħal dal-​kliem sew f’qalb ibnek.—Dt. 6:7.

Bħalma ġie pprofetizzat, nies “mill-​ilsna kollha tal-​ġnus” qed jidħlu fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. (Żak. 8:23) Imma jekk uliedek ma jifhmux il-​lingwa tiegħek sew, jistaʼ jkun diffiċli għalik li tgħallimhom il-​verità. Uliedek huma l-​iktar studenti tal-​Bibbja importanti li qatt se jkollok, u li “jieħdu għarfien” dwar Ġeħova jfisser il-​ħajja taʼ dejjem tagħhom. (Ġw. 17:3) Sabiex it-​tfal tiegħek jitgħallmu t-​tagħlim taʼ Ġeħova, int għandek ‘titkellem dwaru’ spiss. (Dt. 6:6, 7) X’aktarx uliedek se jitgħallmu l-​lingwa lokali mill-​iskola u mingħand oħrajn. Imma huma jitgħallmu l-​lingwa tiegħek meta int titkellem magħhom regolarment. Meta wliedek jitkellmu bil-​lingwa tiegħek, se jsibuha iktar faċli biex jitkellmu miegħek u jgħidulek kif iħossuhom. Imma hemm benefiċċji oħra. Meta t-​tfal tiegħek jitkellmu b’iktar minn lingwa waħda, dan itejjeb l-​abbiltà tagħhom li jaħsbu u jgħinhom jifhmu l-​ħarsa t’oħrajn. w17.05 10 ¶5-6

It-​Tnejn, 29 taʼ Lulju

Mur u nfirex mal-​Muntanja Tabor. Jien niġbed lejk lil Sisera u nagħtihulek f’idejk.—Mħ. 4:6, 7.

L-​armata taʼ Ġabin kellha 900 karru tal-​gwerra bi xfafar tal-​ħadid, imma l-​Iżraelin ma kellhomx armi addattati biex jiġġieldu bihom jew armaturi biex jipproteġu lilhom infushom. (Mħ. 4:1-3, 13; 5:6-8) Minkejja dan, Ġeħova kkmanda lil Barak il-​kliem t’hawn fuq. Barak u l-​irġiel tiegħu marru għall-​battalja kontra l-​armata tal-​għadu f’post li jissejjaħ Tagħnak. (Mħ. 4:14-16) Għenhom Ġeħova lill-​Iżraelin? Iva. F’daqqa waħda kien hemm maltempata taʼ xita, u l-​art niexfa fejn kienu qed jiġġieldu saret tajn. Dan ta vantaġġ lill-​Iżraelin. Barak ġera wara l-​armata taʼ Sisera għal 24 kilometru, it-​triq kollha sa post li jissejjaħ Ħaroset. Xi mkien matul it-​triq, il-​karru tal-​gwerra taʼ Sisera weħel fit-​tajn. Allura Sisera niżel minnu u ġera lejn Sagħnannim, li probabbli kien viċin Kades. Hemmhekk, mar jistaħba f’tinda taʼ mara jisimha Ġagħel. Sisera kien għajjien mejjet u raqad fil-​fond. Waqt li kien rieqed, Ġagħel b’kuraġġ qatlitu. (Mħ. 4:14-16) Ġeħova kien rebbaħ lill-​Iżraelin kontra l-​għadu tagħhom! w17.04 29 ¶6-8

It-​Tlieta, 30 taʼ Lulju

Ġeħova qiegħed f’kontroversja mal-​ġnus. Lill-​ħżiena jagħtihom għas-​sejf.—Ġer. 25:31.

Wara Armageddon, se jkun hemm xi organizzazzjoni fuq l-​art? Il-​Bibbja tgħid: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-​wegħda tiegħu, u f’dawn tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pt. 3:13) Is-​smewwiet u l-​art taʼ qabel huma l-​gvernijiet korrotti u n-​nies ikkontrollati minnhom. Wara li jkunu spiċċaw, x’se jkun hemm minflokhom? “Smewwiet ġodda u art ġdida.” Is-​smewwiet ġodda jirreferu għal gvern ġdid, is-​Saltna magħmula minn Ġesù Kristu u l-​144,000 mexxej li se jsaltnu miegħu. L-​art ġdida tirreferi għan-​nies immexxijin permezz tas-​Saltna t’Alla. Ġesù u l-​mexxejja li se jsaltnu miegħu se jimitaw perfettament lil Alla Ġeħova, li hu Alla taʼ ordni. (1 Kor. 14:33) Allura l-​“art ġdida” se tkun organizzata. Se jkun hemm irġiel twajbin biex jieħdu ħsieb l-​affarijiet, u huma se jkunu ggwidati minn Kristu u l-​144,000. (Salm 45:16) Ġib quddiem għajnejk iż-​żmien meta organizzazzjoni waħda u magħquda li qatt ma tistaʼ tiġi korrotta tieħu post l-​organizzazzjonijiet korrotti kollha! w17.04 12 ¶8-9

L-​Erbgħa, 31 taʼ Lulju

“Huma jsiru ġisem wieħed.”—Ġen. 2:24.

Iż-​żwieġ hu sagru. Ġeħova jqis il-​wegħda taż-​żwieġ bħala xi ħaġa serja ħafna. Meta għarus u għarusa jagħtu l-​wegħdi tagħhom, huma jkunu qed jagħmlu wegħda quddiem Ġeħova kif ukoll quddiem dawk kollha preżenti. Huma ġeneralment iwiegħdu li jħobbu, jgħożżu, u jirrispettaw lil xulxin sakemm it-​tnejn li huma jgħixu flimkien fuq l-​art skont l-​arranġament t’Alla għaż-​żwieġ. Oħrajn forsi ma jużawx eżattament dan l-​istess kliem, imma xorta waħda jagħmlu wegħda quddiem Alla. Meta jagħmlu dawn il-​wegħdi, huma jsiru raġel u mara miżżewġin. Iż-​żwieġ hu intenzjonat biex ikun rabta għal kemm wieħed idum ħaj. (1 Kor. 7:39) Ġesù qal: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” Koppja li jkunu se jiżżewġu m’għandhomx jaħsbu li jekk iż-​żwieġ tagħhom ma jmurx tajjeb, dejjem jistgħu jieħdu d-​divorzju. (Mk. 10:9) M’għandniex xi ngħidu, l-​istess bħalma m’hemmx bnedmin perfetti, hekk ukoll m’hemmx żwiġijiet perfetti. Hu għalhekk li l-​Bibbja tgħidilna li kull persuna miżżewġa kultant ‘ikollha tribulazzjoni.’—1 Kor. 7:28. w17.04 8 ¶14-15

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja