LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es19 pp. 77-87
  • Awwissu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Awwissu
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
  • Sottitli
  • Il-​Ħamis, 1 t’Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 2 t’Awwissu
  • Is-​Sibt, 3 t’Awwissu
  • Il-​Ħadd, 4 t’Awwissu
  • It-​Tnejn, 5 t’Awwissu
  • It-​Tlieta, 6 t’Awwissu
  • L-​Erbgħa, 7 t’Awwissu
  • Il-​Ħamis, 8 t’Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 9 t’Awwissu
  • Is-​Sibt, 10 t’Awwissu
  • Il-​Ħadd, 11 t’Awwissu
  • It-​Tnejn, 12 t’Awwissu
  • It-​Tlieta, 13 t’Awwissu
  • L-​Erbgħa, 14 t’Awwissu
  • Il-​Ħamis, 15 t’Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 16 t’Awwissu
  • Is-​Sibt, 17 t’Awwissu
  • Il-​Ħadd, 18 t’Awwissu
  • It-​Tnejn, 19 t’Awwissu
  • It-​Tlieta, 20 t’Awwissu
  • L-​Erbgħa, 21 t’Awwissu
  • Il-​Ħamis, 22 t’Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 23 t’Awwissu
  • Is-​Sibt, 24 t’Awwissu
  • Il-​Ħadd, 25 t’Awwissu
  • It-​Tnejn, 26 t’Awwissu
  • It-​Tlieta, 27 t’Awwissu
  • L-​Erbgħa, 28 t’Awwissu
  • Il-​Ħamis, 29 t’Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 30 t’Awwissu
  • Is-​Sibt, 31 t’Awwissu
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
es19 pp. 77-87

Awwissu

Il-​Ħamis, 1 t’Awwissu

“Mhux kif irrid jien, imma kif trid int.”—Mt. 26:39.

Jekk irridu nsiru għalliema tajbin, għandna l-​ewwel inkunu studenti tajbin. (1 Tim. 4:15, 16) Bl-​istess mod, jekk Ġeħova qed juża lilek biex tiddixxiplina lil oħrajn, int għandek tibqaʼ umli u tħalli lil Ġeħova jiggwidak f’ħajtek. Meta oħrajn jaraw li int umli, huma se jirrispettawk u se jkun iktar faċli għalihom biex jaċċettaw parir mingħandek. Aħna nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġesù. Hu dejjem obda lil Missieru, anke meta dan kien diffiċli ħafna. Hu fakkar lis-​semmiegħa tiegħu li t-​tagħlim u l-​għerf tiegħu kienu ġejjin mingħand Missieru. (Ġw. 5:19, 30) L-​umiltà u l-​ubbidjenza taʼ Ġesù għenuh ikun għalliem li jħoss għal ħaddieħor u juri qalb tajba. Nies onesti kienu jieħdu gost ikunu miegħu. (Mt. 11:29) Il-​kliem ħelu taʼ Ġesù inkuraġġixxa lil dawk li kienu skuraġġiti u li ħassewhom dgħajfin. (Mt. 12:20) Hu kkoreġa lill-​appostli tiegħu bi ħlewwa u mħabba anke meta setgħu rritawh bl-​argumenti tagħhom dwar min minnhom kien l-​akbar.—Mk. 9:33-37; Lq. 22:24-​27. w18.03 25 ¶15-16

Il-​Ġimgħa, 2 t’Awwissu

“Dik li hi ekwivalenti għal dan issa qed issalva lilkom ukoll, jiġifieri, il-​magħmudija.”—1 Pt. 3:21.

Pietru qabbel il-​magħmudija mal-​bini tal-​arka taʼ Noè. L-​arka kienet prova ovvja għal oħrajn li Noè ried jagħmel ir-​rieda t’Alla b’qalbu kollha. Noè b’lealtà għamel ix-​xogħol li tah Ġeħova. Minħabba l-​fidi li kellu Noè, Ġeħova salva lilu u lill-​familja tiegħu matul id-​Dulluvju. Meta n-​nies raw l-​arka, kienu jafu li Noè kellu fidi f’Alla. Meta n-​nies jaraw lil xi ħadd jitgħammed, jafu li jkun iddedika ħajtu lil Alla minħabba l-​fidi tiegħu fi Kristu. Bħal Noè, dawk li jitgħammdu jobdu lil Alla u jagħmlu x-​xogħol li tahom jagħmlu. U bħalma Ġeħova salva lil Noè matul id-​Dulluvju, hu se jsalva lill-​qaddejja mgħammdin u leali tiegħu meta jeqred din id-​dinja mill-​agħar. (Mk. 13:10; Riv. 7:9, 10) Jidher ċar li hu importanti ħafna li niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova u nitgħammdu. Fil-​fatt, wieħed li jipposponi l-​magħmudija jew li jitnikker bla bżonn biex jitgħammed jistaʼ jitlef l-​opportunità li jgħix għal dejjem. w18.03 4 ¶3-4

Is-​Sibt, 3 t’Awwissu

“Il-​bluha hi marbuta maʼ qalb taʼ tifel.”—Prov. 22:15.

Xi ġenituri għandhom mnejn iħossu li jekk binhom jew binthom ma tkunx mgħammda, ma tistax tiġi maqtugħa mis-​sħubija. Imma x’hemm ħażin f’dan ir-​raġunar? (Ġak. 1:22) M’għandniex xi ngħidu, il-​ġenituri ma jridux li binhom jew binthom titgħammed qabel tkun lesta li tiddedika ħajjitha lil Ġeħova. Imma jkun żball li naħsbu li tifel jew tifla ma tkunx responsabbli quddiem Ġeħova jekk ma tkunx mgħammda. Tifel jew tifla ssir responsabbli quddiem Alla meta tkun taf x’inhu tajjeb u ħażin f’għajnejn Ġeħova. (Ġak. 4:17) Ġenituri għaqlin ma jiskuraġġux ’l uliedhom milli jitgħammdu. Anke meta t-​tfal ikunu żgħar, huma jgħallmuhom iħobbu dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb u jobogħdu dak li Hu jgħid li hu ħażin, l-​istess bħalma jagħmlu huma. (Lq. 6:40) L-​imħabba taʼ ibnek jew bintek għal Ġeħova se tipproteġiha milli tagħmel xi dnub serju, għax hi se tkun trid tagħmel dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb.—Is. 35:8. w18.03 12 ¶12-13

Il-​Ħadd, 4 t’Awwissu

“Noè mexa maʼ l-​Alla l-​veru.”—Ġen. 6:9.

Noè għamel dan għal 350 sena oħra wara d-​Dulluvju. (Ġen. 9:28) Hu kien eżempju mill-​aħjar taʼ fidi u ubbidjenza! Aħna nistgħu nimitaw il-​fidi u l-​ubbidjenza taʼ Noè meta niddefendu l-​ħarsa taʼ Ġeħova taʼ x’inhu tajjeb, meta ma nkunux parti mid-​dinja taʼ Satana, u meta npoġġu lil Ġeħova l-​ewwel. (Mt. 6:33; Ġw. 15:19) M’għandniex xi ngħidu, minħabba f’hekk, id-​dinja ma tħobbniex. Pereżempju, peress li aħna determinati li nobdu l-​liġijiet t’Alla dwar is-​sess u ż-​żwieġ, in-​nies għandhom mnejn jgħidu affarijiet negattivi dwarna fil-​midja. (Mal. 3:17, 18) Madankollu, bħal Noè, aħna ma nibżgħux min-​nies. Aħna għandna l-​biżaʼ taʼ Ġeħova, jiġifieri, għandna rispett profond għalih u ma rridux niddiżappuntawh. Aħna nafu li hu l-​uniku Wieħed li jistaʼ jagħtina l-​ħajja taʼ dejjem. (Lq. 12:4, 5) Staqsi lilek innifsek: ‘Se nibqaʼ nagħmel it-​tajjeb f’għajnejn Alla, anke meta oħrajn iwaqqgħuni għaċ-​ċajt jew jikkritikawni? Għandi fiduċja li Ġeħova jistaʼ jipprovdi għall-​familja tiegħi, anke meta jkun diffiċli li naqlaʼ l-​flus għall-​għajxien?’ Jekk tafda f’Ġeħova u tobdih bħalma għamel Noè, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jieħu ħsiebek.—Flp. 4:6, 7. w18.02 4 ¶4; 5 ¶8-10

It-​Tnejn, 5 t’Awwissu

“Bniedem fiżiku ma jilqax l-​affarijiet taʼ l-​ispirtu t’Alla.”—1 Kor. 2:14.

Persuna fiżika tadotta l-​attitudni tad-​dinja, li tiffoka fuq xewqat egoisti. Pawlu jiddeskrivi din l-​attitudni bħala “l-​ispirtu li issa qed jaħdem f’ulied id-​diżubbidjenza.” (Efes. 2:2) Din l-​attitudni tinfluwenza l-​biċċa l-​kbira min-​nies biex jimitaw lil dawk taʼ madwarhom. Huma sempliċement jagħmlu dak li jidhrilhom li hu tajjeb, mingħajr ma jagħtu kas il-​livelli t’Alla. Persuna fiżika, l-​iktar li taħseb hu dwar affarijiet fiżiċi u spiss tħoss li l-​pożizzjoni, il-​flus, jew id-​drittijiet persunali tagħha huma iktar importanti minn kwalunkwe ħaġa oħra. Persuna fiżika spiss tagħmel affarijiet li l-​Bibbja ssejħilhom “għemejjel tal-​laħam.” (Gal. 5:19-21) In-​nies fiżiċi jżommu maʼ naħa jew oħra meta jkun hemm nuqqas taʼ qbil, jipprovaw jifirdu n-​nies, jinkuraġġixxu oħrajn biex jirribellaw, itellgħu lil xulxin il-​qorti, ma jirrispettawx lil dawk fl-​awtorità, u jagħtu wisq importanza lill-​ikel u x-​xorb. Persuna fiżika ċċedi meta tiġi ttantata biex tagħmel xi ħaġa ħażina.—Prov. 7:21, 22. w18.02 17 ¶3-5

It-​Tlieta, 6 t’Awwissu

In-​nies ikunu jħobbu l-​pjaċiri.—2 Tim. 3:2, 4.

Nafu li m’hemm xejn ħażin f’li ngawdu l-​ħajja b’mod bilanċjat. Xi nies jemmnu li għandhom jiċċaħħdu minn kull tip taʼ pjaċir, imma dan mhuwiex dak li Ġeħova jrid għalina. Il-​Bibbja tinkuraġġixxi lil kull qaddej leali t’Alla: “Mur, kul l-​ikel tiegħek bil-​ferħ u ixrob l-​inbid tiegħek b’qalb hienja.” (Ekk. 9:7) It-​2 Timotju 3:4 jitkellem dwar dawk li jħobbu l-​pjaċiri u li ma jikkunsidrawx lil Alla. Innota li l-​vers ma jgħidx li n-​nies kienu se jħobbu l-​pjaċiri iktar minn Alla. Kieku dan kien ifisser li għandhom xi ftit imħabba għal Alla. Imma l-​vers jgħid “minflok” Alla. Wieħed studjuż kiteb li dan il-​vers “bla dubju ma jfissirx li huma sa ċertu punt iħobbu lil Alla wkoll. Dan ifisser li assolutament ma jħobbux lil Alla.” Din hi twissija serja għan-​nies li jħobbu l-​pjaċiri. Il-​Bibbja tiddeskrivi lil dawk li jħobbu l-​pjaċiri bħala wħud li qed “jinġarru” mill-​pjaċiri tal-​ħajja.—Lq. 8:14. w18.01 25 ¶14-15

L-​Erbgħa, 7 t’Awwissu

“Onora lil Ġeħova bl-​affarijiet prezzjużi tiegħek.”—Prov. 3:9.

Ġeħova hu Alla ġeneruż. Dak kollu li għandna ġej mingħandu. L-​affarijiet prezzjużi kollha tal-​art huma tiegħu, u hu jużahom biex jieħu ħsieb il-​ħolqien. (Salm 104:13-15; Ħag. 2:8) Pereżempju, meta l-​poplu taʼ Iżrael għex fix-​xagħri għal 40 sena, Ġeħova pprovdielu l-​manna u l-​ilma. (Eżo. 16:35; Neħ. 9:20, 21) Wara xi żmien, Ġeħova ta lill-​profeta Eliżew il-​qawwa biex iżid l-​ammont żgħir taʼ żejt li kellha armla leali. Dan ir-​rigal mingħand Alla għenha biex tħallas id-​dejn kollu li kellha u xorta jibqgħalha biżżejjed flus biex kemm hi u kemm it-​tfal subien tagħha jibqgħu ħajjin. (2 Slat. 4:1-7) Ukoll, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, Ġesù b’mod mirakoluż ipprovda ikel u anke flus meta kien hemm bżonn. (Mt. 15:35-38; 17:27) Ġeħova jistaʼ juża dak li jrid hu biex jieħu ħsieb il-​ħolqien tiegħu. Imma hu xorta jistieden lill-​qaddejja tiegħu biex jagħtu dak li jistgħu ħalli jappoġġjaw ix-​xogħol tal-​organizzazzjoni tiegħu.—Eżo. 36:3-7. w18.01 15-16 ¶1-3

Il-​Ħamis, 8 t’Awwissu

“O Ġeħova, ħudli ruħi.”—1 Slat. 19:4.

Xi wħud mill-​qaddejja leali t’Alla fil-​passat ħassewhom mifnijin. (Ġob 7:7) X’għenhom ikomplu jissaportu? Huma straħu fuq Ġeħova għas-​saħħa. Il-​Bibbja tgħid li Alla “jagħti l-​qawwa lill-​għajjien.” (Is. 40:29) Iżda b’dispjaċir, xi wħud mill-​poplu t’Alla llum iħossu li l-​aħjar mod kif jissaportu l-​problemi li għandhom fil-​ħajja hu li jieqfu jaqdu lil Ġeħova għal xi żmien. Huma jħossu illi li jaqdu lil Ġeħova hu taʼ piż iżjed milli barka. Allura ma jibqgħux jaqraw il-​Bibbja, imorru l-​laqgħat, u jippritkaw. Dan hu eżattament dak li Satana jittama li jagħmlu. Ix-​Xitan ma jridniex inkunu b’saħħitna. U hu jaf li aħna nsiru iktar b’saħħitna meta jkollna ħafna x’nagħmlu fis-​servizz tagħna lil Ġeħova. Għalhekk, meta tħossok għajjien ħafna fiżikament u emozzjonalment, titbigħedx minn Ġeħova. Ersaq eqreb lejh. Il-​Bibbja tgħid: “Hu . . . jissodakom, u jsaħħaħkom.”—1 Pt. 5:10; Ġak. 4:8. w18.01 3-4 ¶2-3

Il-​Ġimgħa, 9 t’Awwissu

Ġeħova għandu l-​abbiltà kemm li jniżżel fil-​Qabar u kemm li jtellaʼ minnu.—1 Sam. 2:6.

It-​tieni rxoxt imniżżel fil-​Bibbja sar mill-​profeta Eliżew. F’belt jisimha Sunem, kienet tgħix mara Iżraelija li ma kellhiex tfal. Minħabba li wriet ospitalità kbira maʼ Eliżew, Ġeħova bierek lil din il-​mara u lix-​xwejjaħ żewġha b’tifel. Però, ftit snin wara, it-​tifel miet. Immaġina kemm din l-​omm ħassitha mdejqa. In-​niket tagħha tant kien kbir li hi vvjaġġat 30 kilometru biex issib lil Eliżew, li kien fuq il-​Muntanja Karmel. Eliżew bagħat lill-​qaddej tiegħu Geħażi qabilhom lejn Sunem biex jirxoxta lit-​tifel. Imma Geħażi ma setax iqajmu. Imbagħad il-​mara mnikkta waslet id-​dar tagħha maʼ Eliżew. (2 Slat. 4:8-31) Eliżew daħal fid-​dar fejn kien hemm it-​tifel mejjet, u talab. Ġeħova wiġiblu talbu u b’mod mirakoluż reġaʼ ta l-​ħajja lit-​tifel. Meta l-​omm rat lit-​tifel ħaj, kienet ferħana se ttir! (2 Slat. 4:32-37) Billi letteralment qajjem lit-​tifel f’Sunem, Alla ta prova li hu kapaċi jirxoxta lill-​mejtin. w17.12 5 ¶7-8

Is-​Sibt, 10 t’Awwissu

“Il-​bluha hi marbuta maʼ qalb taʼ tifel.”—Prov. 22:15.

Peress li l-​għerf huwa l-​oppost tal-​bluha, l-​għerf huwa sinjal taʼ maturità. Persuna ssir matura spiritwalment għax ikollha l-​biżaʼ taʼ Ġeħova u trid tobdih, u mhux għax sempliċiment tikber fl-​età. (Salm 111:10) Uħud żgħar li għandhom ċerta maturità spiritwali mhumiex “mitfugħin ’l hemm u ’l hawn qisu mill-​mewġ u mtajrin” ’l hemm u ’l hawn mix-​xewqat tagħhom jew mill-​influwenza t’oħrajn tamparhom. (Efes. 4:14) Minflok, “is-​sensi tagħhom” qed jiġu “mħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebr. 5:14) Allura, huma jieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Dan it-​tip t’għerf huwa neċessarju għas-​salvazzjoni. (Prov. 24:14) Għalhekk, trid tagħmel ċert li jkunu jafu x’inhuma l-​valuri tiegħek. Minn dak li tgħid u tagħmel, huma għandhom jaraw li int qed tipprova tgħix skont il-​livelli tal-​Bibbja.—Rum. 2:21-23. w17.12 18 ¶12-13

Il-​Ħadd, 11 t’Awwissu

Ibqgħu mexjin bl-​għerf maʼ dawk li huma barra. Kunu afu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.—Kol. 4:5, 6.

Ħafna nies togħġobhom l-​idea li l-​bnedmin jistgħu jsolvu l-​problemi tagħhom stess. Għala? Kieku dan kien minnu, ikun ifisser li m’għandniex bżonn il-​gwida t’Alla u li nistgħu nagħmlu dak li rridu. Forsi ġieli smajt lin-​nies jgħidu li problemi bħall-​gwerer, il-​kriminalità, il-​mard, u l-​faqar qed jonqsu. Rapport stqarr: “Ir-​raġuni għala l-​umanità qed timxi ’l quddiem hi għaliex in-​nies għażlu li jagħmlu d-​dinja post aħjar.” Jekk tismaʼ idea popolari li tmur kontra l-​fidi tiegħek, tgħallem x’tgħid il-​Bibbja dwarha. Iddiskutiha maʼ ħu jew oħt matura. Aħseb dwar għala n-​nies togħġobhom din l-​idea, għala mhix korretta, u kif tistaʼ tiċħadha. Aħna nistgħu nipproteġu lilna nfusna mir-​raġunar tad-​dinja billi nagħmlu dak li qal Pawlu fl-​iskrittura tal-​lum. w17.11 25 ¶14; 26 ¶17

It-​Tnejn, 12 t’Awwissu

“O Alla, nirringrazzjak li m’iniex bħall-​bqija tal-​bnedmin.”—Lq. 18:11.

Imita lil Ġeħova, u mhux lill-​Fariżej. Uri ħniena u mogħdrija. (Kol. 3:13) Agħmilha faċli għal oħrajn biex jitolbuk maħfra. (Lq. 17:3, 4) Staqsi lilek innifsek: ‘Naħfer lil oħrajn malajr u faċilment, anke jekk ikunu naqsuni ħafna drabi? Ħerqan jien biex nagħmel paċi maʼ xi ħadd li jkun naqasni jew weġġagħni?’ Sabiex naħfru, għandna nkunu umli. Il-​Fariżej ħasbu li kienu aħjar minn kulħadd, allura ma kinux lesti li jaħfru. Imma bħala Kristjani, b’umiltà aħna ‘nqisu lill-​oħrajn superjuri’ għalina u naħfrulhom mill-​qalb. (Flp. 2:3) Nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Qiegħed jien nimita lil Ġeħova u nuri umiltà?ʼ Jekk inkunu umli, se jkun iktar faċli għal oħrajn biex jitolbuna maħfra u iktar faċli għalina biex naħfrulhom. Kun ħafif biex turi ħniena u tiħux għalik malajr.—Ekk. 7:8, 9. w17.11 17 ¶6-8

It-​Tlieta, 13 t’Awwissu

“Tajjeb li ngħannu lil Alla tagħna.”—Salm 147:1.

Meta tqabbel il-​kant tiegħek maʼ taʼ oħrajn, għandek mnejn tħossok imbarazzat bil-​vuċi tiegħek. Iżda lkoll għandna r-​responsabbiltà li nkantaw għanjiet taʼ tifħir lil Ġeħova. Allura żomm il-​ktieb tal-​għanjiet ’il fuq, għolli rasek, u kanta b’entużjażmu! (Esd. 3:11) Ħafna Swali tas-​Saltna llum għandhom skrins li juru l-​kliem tal-​għanjiet tagħna, u dan jistaʼ jgħinna nkantaw aħjar. Hu interessanti wkoll li l-​kant tal-​għanjiet tas-​Saltna issa hu parti mill-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna għall-​anzjani. Dan jenfasizza kemm hu importanti li l-​anzjani jieħdu t-​tmexxija fil-​kant waqt il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Ħafna wħud jibżgħu jkantaw b’vuċi għolja għax m’għandhomx vuċi tajba. Madankollu, aħseb ftit. Aħna “lkoll nitfixklu ħafna drabi” meta nitkellmu, imma dan ma jwaqqafniex milli nitkellmu. (Ġak. 3:2) Allura għala għandna nħallu l-​vuċijiet imperfetti tagħna jwaqqfuna milli nkantaw għanjiet taʼ tifħir lil Ġeħova? w17.11 5 ¶9-10

L-​Erbgħa, 14 t’Awwissu

“Dan irid iseħħ—jekk ma tonqsux li tisimgħu minn leħen Ġeħova Alla tagħkom.”—Żak. 6:15.

Hekk kif spiċċat is-​sebaʼ viżjoni taʼ Żakkarija, hu kellu ħafna fuqiex jaħseb. Żgur li ħassu msaħħaħ bil-​wegħda taʼ Ġeħova li jikkastiga nies diżonesti. Imma fil-​fatt xejn ma kien inbidel. Ħafna xorta kienu għadhom qed jagħmlu affarijiet ħżiena u diżonesti, u l-​bini mill-​ġdid tat-​tempju f’Ġerusalemm ma kienx tlesta. Il-​Lhud għala kienu abbandunawh malajr ix-​xogħol li kien tahom Ġeħova? Kienu marru lura Ġerusalemm sempliċiment biex itejbu ħajjithom? Ġeħova kien jaf li l-​poplu tiegħu kellu bżonn is-​saħħa u l-​kuraġġ. Sabiex jassigurahom li kien iħobbhom u japprezza l-​isforzi tagħhom biex jaqduh, hu ta lil Żakkarija viżjoni tal-​aħħar. Hu wiegħed li jipproteġihom jekk jerġgħu lura għax-​xogħol li kien tahom. Dwar il-​bini mill-​ġdid tat-​tempju, Ġeħova għamel wegħda—il-​kliem tal-​iskrittura tal-​lum. w17.10 21 ¶1; 22 ¶5

Il-​Ħamis, 15 t’Awwissu

Alla qed jaħdem fikom, kemm biex ikollkom ir-​rieda u kemm biex taġixxu.—Flp. 2:13.

Meta rġiel mgħammdin ikunu lesti li jaqdu bħala qaddejja ministerjali u anzjani, il-​kongregazzjoni tibbenefika bil-​kbir. (1 Tim. 3:1) Madankollu, xi wħud ikunu bejn ħaltejn jagħmlux dan. Għandu mnejn li ħu jkun żbalja fil-​passat u issa jħoss li ma jistħoqqlux ikun qaddej ministerjali jew anzjan. Ħu ieħor jistaʼ jħossu li m’għandux l-​abbiltajiet meħtieġa biex jaqdi. Jekk tħossok b’dan il-​mod, Ġeħova jistaʼ jgħinek issir kuraġġuż. (Flp. 4:13) Ftakar fl-​eżempju taʼ Mosè. Anke hu ħassu li ma kienx kapaċi jagħmel dak li Ġeħova qallu biex jagħmel. (Eżo. 3:11) Imma Ġeħova għenu jsir kuraġġuż u jagħmel dak li kien hemm bżonn. Ħu mgħammed jistaʼ jkollu kuraġġ bħal dan billi jfittex l-​għajnuna taʼ Ġeħova permezz tat-​talb u billi jaqra l-​Bibbja b’mod regulari. Hu jistaʼ jimmedita fuq l-​eżempji taʼ karattri Bibliċi li kienu kuraġġużi. B’umiltà, jistaʼ jitlob lill-​anzjani biex iħarrġuh u jistaʼ joffri l-​għajnuna tiegħu bi kwalunkwe mod li hemm bżonn fil-​kongregazzjoni. w17.09 32 ¶19

Il-​Ġimgħa, 16 t’Awwissu

“Il-​kelma t’Alla tagħna, din tibqaʼ għal dejjem.”—Is. 40:8.

Il-​Bibbja hi mnebbħa minn Alla. Imma dan ma jfissirx li x-​xogħol li sar biex tiġi tradotta s-​Settanta, il-​Bibbja taʼ Wycliffe, il-​King James Version, jew xi traduzzjoni oħra hu direttament imnebbaħ minn Alla. Madankollu, meta neżaminaw kif saru dawn it-​traduzzjonijiet, jidher ċar li eżatt bħalma wiegħed Ġeħova, Kelmtu baqgħet teżisti. Dan isaħħilna l-​fidi li kull ħaġa oħra li Ġeħova wiegħed se sseħħ ukoll. (Ġoż. 23:14) Meta nsiru nafu dwar kif Ġeħova pproteġa l-​Kelma tiegħu, il-​fidi tagħna fih tissaħħaħ u mħabbitna għalih tikber. Wara kollox, Ġeħova għala tana l-​Bibbja? U għala wiegħed li jipproteġiha? Dan għamlu għax iħobbna u jrid jgħallimna għall-​ġid tagħna. (Is. 48:17, 18) Dan iqanqalna nħobbuh u nobduh.—1 Ġw. 4:19; 5:3. w17.09 19 ¶13-14

Is-​Sibt, 17 t’Awwissu

“Onora lil missierek u lil ommok.”—Efes. 6:2.

Jistaʼ jkun diffiċli li tħarreġ lil uliedek jekk żewġek jew martek ma taqdix lil Ġeħova. Int tistaʼ tagħti eżempju tajjeb lil uliedek billi tonora lil żewġek jew martek. Aħseb dwar il-​kwalitajiet tajbin tiegħu jew tagħha u esprimi l-​gratitudni tiegħek għall-​affarijiet tajbin kollha li jagħmel jew tagħmel. Tgħidx affarijiet negattivi dwar il-​ġenitur l-​ieħor quddiem it-​tfal tiegħek. Minflok, spjegalhom li kull persuna għandha tagħżel jekk taqdix lil Ġeħova. Jekk tħarreġ lit-​tfal tiegħek biex jonoraw lill-​ġenitur li ma jkollux l-​istess twemmin, l-​eżempju tajjeb tagħhom jistaʼ jġiegħlu jkun irid jitgħallem dwar Ġeħova. Xi rġiel miżżewġin għandhom mnejn ukoll ma jħallux lil marthom Kristjana tgħallem il-​Bibbja lit-​tfal jew li tiħodhom il-​laqgħat. Imma anke f’sitwazzjoni bħal din, mara miżżewġa se tagħmel dak li tistaʼ biex tgħallem il-​verità lil uliedha. (Atti 16:1; 2 Tim. 3:14, 15) Waqt li tirrispetta d-​deċiżjoni tiegħu, hi xorta tistaʼ tkellem lil uliedha dwar it-​twemmin tagħha kull meta jkun possibbli. B’dan il-​mod ikunu jistgħu jitgħallmu dwar Ġeħova u l-​livelli tiegħu tat-​tajjeb u l-​ħażin.—Atti 4:19, 20. w17.10 11 ¶9-10

Il-​Ħadd, 18 t’Awwissu

“Imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin.”—Efes. 5:1.

Ġeħova hu mimli mogħdrija, u l-​bnedmin ġew magħmulin fuq ix-​xbieha tiegħu. Allura hu naturali għall-​bnedmin li jimpurtahom minn oħrajn. Anke dawk li ma jafux lil Ġeħova spiss juru mogħdrija. (Ġen. 1:27) Fil-​Bibbja nsibu ħafna rakkonti taʼ nies li wrew mogħdrija. Pereżempju, meta Salamun ried ikun jaf liema miż-​żewġ nisa kienet omm it-​tarbija, hu ttestjahom billi ordna li t-​tarbija tinqasam min-​nofs. L-​omm tqanqlet bil-​kbir għat-​tarbija tagħha, allura talbet bil-​ħniena lis-​sultan biex jagħti lil binha lill-​mara l-​oħra. (1 Slat. 3:23-27) Eżempju ieħor taʼ mogħdrija hu dak taʼ bint il-​Fargħun. Meta sabet lil Mosè tarbija rrealizzat li kien Ebrew u li suppost kellu jinqatel. Imma “hi tħassritu” u ddeċidiet li trabbih bħala binha.—Eżo. 2:5, 6. w17.09 9-10 ¶2-3

It-​Tnejn, 19 t’Awwissu

Ġeħova hu paċenzjuż magħkom.—2 Pt. 3:9.

Ġeħova jistenna li nkunu umli. L-​umiltà ġġib magħha ħafna barkiet. (Prov. 22:4) Meta nkunu umli, il-​kongregazzjoni se jkollha iktar paċi u tkun iktar magħquda. Barra minn hekk, Ġeħova se jagħtina l-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu. L-​appostlu Pietru qal: “Ilkoll kemm intom tħażżmu bl-​umiltà lejn xulxin, għax Alla jopponi lis-​suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-​umli.” (1 Pt. 5:5) Fid-​dinja tal-​lum, jekk persuna turi l-​ħlewwa u l-​paċenzja, oħrajn ħafna drabi jaħsbu li hi dgħajfa. Imma dan mhux veru. Dawn il-​kwalitajiet sbieħ jiġu mingħand Ġeħova, l-​iktar Persuna li għandha qawwa fl-​univers. Hu l-​aqwa eżempju tal-​ħlewwa u l-​paċenzja. Pereżempju, aħseb dwar kemm Ġeħova kien paċenzjuż meta wieġeb lil Abraham u Lot permezz tal-​anġli Tiegħu. (Ġen. 18:22-33; 19:18-21) U aħseb dwar kemm Ġeħova kien paċenzjuż mal-​ġens diżubbidjenti taʼ Iżrael għal iktar minn 1,500 sena.—Eżek. 33:11. w17.08 25 ¶13-14

It-​Tlieta, 20 t’Awwissu

“Il-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom.”—Flp. 4:7.

Itolbu, u mbagħad tirċievu “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” Xi tfisser din l-​espressjoni? Xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jgħidu ‘tgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem,’ jew ‘tisboq kull dehen.’ Allura Pawlu kien qed jgħid li “l-​paċi t’Alla” hi iktar meraviljuża minn kemm nistgħu nimmaġinaw. Waqt li xi drabi ma nkunux nafu s-​soluzzjoni għall-​problemi tagħna, Ġeħova jafha. U hu jistaʼ jagħmel dak li mhux mistenni. (2 Pt. 2:9) Kif jistaʼ jkollna “l-​paċi t’Alla” anke meta jkollna l-​problemi? Hemm bżonn li nżommu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova b’saħħitha. Relazzjoni bħal din hi possibbli biss minħabba s-​sagrifiċċju taʼ Kristu Ġesù bħala fidwa. Il-​fidwa hi waħda mill-​għemejjel meraviljużi taʼ Ġeħova. Permezz tal-​fidwa, hu jistaʼ jaħfrilna dnubietna, u aħna jistaʼ jkollna kuxjenza nadifa u nersqu qrib tiegħu.—Ġw. 14:6; Ġak. 4:8; 1 Pt. 3:21. w17.08 11 ¶7; 14 ¶15

L-​Erbgħa, 21 t’Awwissu

“Il-​qalb taf bl-​imrar tagħha stess, u fil-​ferħ tagħha l-​ebda stranġier ma jindaħal.”—Prov. 14:10.

Xi drabi jkun impossibbli li nispjegaw bl-​eżatt kemm qed inħossu wġigħ. Anke meta xi ħadd fil-​fatt jesprimi kif iħossu, mhux dejjem ikun faċli għal oħrajn biex jifhmu x’qed jipprova jgħid. Jistaʼ jkun diffiċli biex tkun taf x’taqbad tgħid lil xi ħadd li hu mnikket. L-​iktar ħaġa t’għajnuna li tistaʼ tagħmel hi li ‘tibki maʼ min jibki.’ (Rum. 12:15) Jekk issibha diffiċli tgħid xi ħaġa taʼ faraġ wiċċ imb wiċċ, jistaʼ jkun iktar faċli li tibgħat kartolina, e-​mail, messaġġ, jew ittra. Tistaʼ sempliċement tikkwota skrittura taʼ faraġ, issemmi kwalità speċjali li tiftakar dwar il-​persuna li mietet, jew taqsam xi memorja taʼ ferħ li int tgħożż. Taħsibx li meta titlob maʼ xi ħu jew oħt imnikkta ma jkunx taʼ benefiċċju għaliha. w17.07 12-13 ¶13-16

Il-​Ħamis, 22 t’Awwissu

“Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mt. 19:6.

Żwieġ taʼ koppja għandu mnejn ma jkunx dak li stennew li se jkun. Huma jistgħu saħansitra jkunu għaddejjin minn problemi serji. Jekk dan hu minnu, jistgħu jibbenefikaw milli jaħsbu dwar kif Ġeħova ttratta mal-​ġens tal-​Iżrael tal-​qedem. Ġeħova ddeskriva lilu nnifsu bħal raġel miżżewweġ għan-​nies tiegħu. (Is. 54:5; 62:4) Il-​ġens iddiżappunta lil Ġeħova ħafna drabi. Din ir-​relazzjoni kienet qisha żwieġ bil-​problemi. Iżda Ġeħova ma kienx ħafif biex jaqtaʼ qalbu mill-​poplu tiegħu. Minflok, ħafrilhom darba wara l-​oħra u żamm il-​wegħdi tiegħu magħhom. (Salm 106:43-45) Kristjani miżżewġin li jħobbu lil Ġeħova jipprovaw jimitawh. Anke jekk hemm il-​problemi fiż-​żwieġ tagħhom, huma ma jfittxux għal xi mod mhux Skritturali biex itemmuh. Huma jafu li Ġeħova jqishom serji l-​wegħdi taż-​żwieġ u jrid li raġel u mara miżżewġin ‘jingħaqdu’ flimkien. L-​unika raġuni Skritturali għala xi ħadd jistaʼ jiddivorzja u jkun ħieles li jerġaʼ jiżżewweġ hi l-​immoralità sesswali. (Mt. 19:5, 9) Meta l-​Kristjani jagħmlu kulma jistgħu biex iż-​żwieġ tagħhom jirnexxi, huma jkunu qed jappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova. w17.06 25-26 ¶17-18

Il-​Ġimgħa, 23 t’Awwissu

“Għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla.”—Ġen. 3:5.

Satana x-​Xitan qajjem mistoqsija dwar jekk Ġeħova għandux id-​dritt li jmexxi. Satana jrid lill-​bnedmin jaħsbu li Ġeħova hu Mexxej korrott u li Hu ma jixtieqx dak li hu l-​aħjar għalina. Satana ried jgħid li n-​nies ikunu iżjed ferħanin jekk imexxu lilhom infushom. (Ġen. 3:1-4) Hu ried jgħid ukoll li jekk il-​ħajja ssir diffiċli ħafna, kwalunkwe bniedem jirrifjuta lil Alla bħala Mexxej. (Ġob 2:4, 5) Allura Ġeħova qed iħalli ż-​żmien għaddej sabiex jagħmilha ċara għal kulħadd li l-​ħajja mingħajr Alla bħala Mexxej tkun miżerabbli. M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova jaf li l-​akkużi tax-​Xitan huma gideb. Allura għala ppermetta ż-​żmien għal Satana biex dan jipprova juri jekk kellux raġun? It-​tweġiba tinvolvi lil kulħadd, kemm fis-​sema kif ukoll fuq l-​art. (Salm 83:18) Adam u Eva rrifjutaw it-​tmexxija taʼ Ġeħova, u hekk għamlu ħafna oħrajn minn dak iż-​żmien ’l hawn. Dan jistaʼ jġiegħel lil xi wħud jaħsbu li x-​Xitan għandu raġun. w17.06 16 ¶3-4

Is-​Sibt, 24 t’Awwissu

“Morru u agħmlu dixxipli.”—Mt. 28:19.

Ix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli jgħallmek drawwiet taʼ xogħol tajbin, kif tikkomunika tajjeb, u kif tkun kunfidenti u jkollok it-​tattika. (Prov. 21:5; 2 Tim. 2:24) Imma dan ix-​xogħol hu speċjalment taʼ ferħ għaliex titgħallem kif tagħti prova mill-​Iskrittura taʼ dak li temmen. Titgħallem ukoll kif taħdem mill-​qrib maʼ Ġeħova. (1 Kor. 3:9) Int tistaʼ ssib ferħ fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli anke jekk huma ftit in-​nies fit-​territorju tiegħek li jridu jistudjaw il-​Bibbja. Biex nagħmlu dixxipli, il-​kongregazzjoni kollha taħdem flimkien bħala tim. Għalkemm ħu jew oħt waħda biss għandha mnejn issib individwu li jsir dixxiplu, ilkoll kemm aħna nkunu ferħanin għax ilkoll ħadna sehem fit-​tfittxija. Pereżempju, Brandon kien pijunier għal disaʼ snin fi nħawi fejn ftit nies studjaw il-​Bibbja. Hu jgħid: “Huwa veru li qatt ma sibt lil xi ħadd fit-​territorju li għamel progress għall-​magħmudija, imma oħrajn sabu. Jien kuntent li ppjanajt biex nieħu sehem bis-​sħiħ fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli.”—Ekk. 11:6. w17.07 23-24 ¶7, 9-10

Il-​Ħadd, 25 t’Awwissu

“Wiċċha ma baqax jidher imħasseb bħal qabel.”—1 Sam. 1:18.

Ħanna xtaqet li jkollha t-​tfal imma ma setgħetx. Madankollu, il-​mara l-​oħra tar-​raġel tagħha, Peninna, kellha ħafna tfal. (1 Sam. 1:4-7) Biex tgħaxxaqha, Peninna kienet twaqqaʼ lil Ħanna għaċ-​ċajt “sena wara l-​oħra” minħabba f’hekk. Dan weġġagħha ħafna lil Ħanna. X’għamlet biex issib faraġ? Hi talbet lil Ġeħova. (1 Sam. 1:12) Kemm jekk billi jagħtiha tifel jew ifarraġha b’xi mod ieħor, Ħanna kienet taf li Ġeħova kien se jgħinha. Ladarba aħna imperfetti u qed ngħixu fid-​dinja taʼ Satana, se jibqaʼ jkollna l-​provi. (1 Ġw. 5:19) Imma m’aħniex waħedna. Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova, “l-​Alla taʼ kull faraġ.” (2 Kor. 1:3) Ħanna hekk għamlet. Hi fetħet qalbha maʼ Ġeħova dwar kif ħassitha u talbitu bil-​ħrara għall-​għajnuna. B’mod simili, meta nkunu qed insofru, ma rridux biss insemmu l-​problemi tagħna maʼ Ġeħova. Irridu nitolbuh bil-​ħrara għall-​għajnuna u ngħidulu eżattament kif inħossuna.—Flp. 4:6, 7. w17.06 5 ¶10-11

It-​Tnejn, 26 t’Awwissu

“Xmun bin Ġwanni, tħobbni int iktar minn dawn?”—Ġw. 21:15.

Ladarba Ġesù rxoxtat kien jaf li d-​dixxipli tiegħu ma kienu qabdu xejn waqt li kienu qed jistadu, hu qalilhom: “‘Itfgħu x-​xibka fuq in-​naħa tal-​lemin tad-​dgħajsa u ssibu xi ftit.’ Imbagħad huma tefgħuha, imma issa ma setgħux itellgħuha minħabba l-​kwantità taʼ ħut.” (Ġw. 21:1-6) Ġesù ta ħobż u ħut bħala kolazzjon lid-​dixxipli tiegħu. Imbagħad dar lejn Xmun Pietru u staqsieh il-​kliem tal-​iskrittura tal-​lum. Ġesù kien jaf li Pietru kien iħobb jistad. Jistaʼ jkun li Ġesù kien qed jistaqsi lil Pietru jekk kienx iħobb lilu u l-​affarijiet li għallem iktar min-​negozju tas-​sajd. Pietru wieġeb lil Ġesù: “Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.” (Ġw. 21:15) Minn dakinhar ’il quddiem, Pietru ta prova taʼ dak li qal. Hu wera mħabbtu għal Kristu billi żamm ruħu okkupat fix-​xogħol tal-​ippritkar, u sar membru importanti tal-​kongregazzjoni Kristjana. w17.05 21 ¶1-2

It-​Tlieta, 27 t’Awwissu

“Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?”—Ebr. 13:6.

Il-​fiduċja f’Ġeħova li kellu Pawlu għenitu jkampa mal-​isfidi tal-​ħajja. Meta kellu ċirkustanzi diffiċli, ma tilifx il-​fiduċja tiegħu f’Ġeħova. Hu straħ fuq “l-​Alla taʼ kull faraġ, li jfarraġna fit-​tribulazzjoni kollha tagħna.” (2 Kor. 1:3, 4) It-​talb għala jressaqna eqreb lejn Alla? Meta nitolbu, aħna nikkomunikaw maʼ Ġeħova. Dan jagħmilha possibbli għalina li jkollna relazzjoni tajba miegħu. (Salm 86:3; 1 Tess. 5:17; Rum. 12:12) Meta ngħidu l-​iktar ħsibijiet u sentimenti profondi tagħna lil Missierna tas-​sema, aħna nersqu eqreb lejh. (Salm 65:2) Ukoll, l-​imħabba tagħna għal Ġeħova tikber hekk kif naraw kif iwieġeb talbna. Aħna fiduċjużi li “Ġeħova hu qrib dawk kollha li jsejħulu.” (Salm 145:18) Il-​fiduċja tagħna fl-​imħabba u l-​appoġġ taʼ Ġeħova se tgħinna nkampaw maʼ kwalunkwe problema li nistgħu niffaċċjaw issa u fil-​futur. w17.05 17-18 ¶9-10

L-​Erbgħa, 28 t’Awwissu

“Ġeħova jara l-​qalb.”—1 Sam. 16:7.

Kif tirreaġixxi jekk l-​anzjani jieħdu deċiżjoni li int ma tifhimhiex jew ma taqbilx magħha? Sitwazzjoni bħal din tistaʼ tittestja l-​fidi tagħna f’Ġeħova u fil-​mod taʼ kif organizza l-​kongregazzjoni llum. L-​umiltà kif se tipproteġik jekk tiġi ttestjat b’waħda minn dawn is-​sitwazzjonijiet? Ejja nikkunsidraw żewġ modi. L-​ewwel, jekk aħna umli, se nammettu li m’għandniex il-​fatti kollha. Anki jekk naħsbu li nafu kollox dwar sitwazzjoni, Ġeħova biss jaf dak li hemm f’qalb persuna. Meta nżommu dan f’moħħna, b’umiltà se nagħrfu li aħna limitati u li rridu naġġustaw il-​ħsieb tagħna. It-​tieni, jekk ninnotaw jew nesperjenzaw inġustizzja, l-​umiltà se tgħinna nkunu ubbidjenti u paċenzjużi u nistennew lil Ġeħova jikkoreġi s-​sitwazzjoni. Il-​Bibbja tgħid: “Imma lill-​ħażin żgur mhux se jaħbatlu tajjeb, u lanqas ma se jtawwal jiemu.” (Ekk. 8:12, 13) Jekk nibqgħu umli, se nibbenefikaw kemm aħna kif ukoll kull min hu involut.—1 Pt. 5:5. w17.04 24 ¶10-11

Il-​Ħamis, 29 t’Awwissu

“Għax fil-​fatt jien kont maħtuf minn art l-​Ebrej; u hawnhekk ukoll jien m’għamilt assolutament xejn biex tefgħuni f’din il-​ħofra fil-​ħabs.”—Ġen. 40:15.

Bla dubju, Ġużeppi kien vittma taʼ inġustizzja. Hu qal ukoll b’mod ċar li ma kienx ħati tal-​att immorali li ġie akkużat bih. Hu għalhekk li staqsa lill-​kuppier biex isemmih mal-​Fargħun. Xi skop kellu? Hu qal dan sabiex jinħareġ mill-​ħabs. (Ġen. 40:14) Ġużeppi sempliċement qabad u aċċetta s-​sitwazzjoni mingħajr ma pprova jagħmel xi ħaġa dwarha? Le! Ġużeppi kien jaf li kien vittma taʼ ħafna inġustizzji. Huwa għalhekk li spjega s-​sitwazzjoni tiegħu lill-​kuppier, bit-​tama li dan ikun jistaʼ jgħinu. Imma nnota li l-​Iskrittura ma ssemmix li xi darba Ġużeppi kixef li kienu ħutu li ħatfuh, lanqas lill-​Fargħun stess. Fil-​fatt, meta ħut Ġużeppi marru l-​Eġittu u għamlu paċi miegħu, il-​Fargħun laqagħhom u stidinhom biex jgħixu l-​Eġittu u jgawdu “t-​tajjeb taʼ l-​art kollha.”—Ġen. 45:16-20. w17.04 18 ¶12-13

Il-​Ġimgħa, 30 t’Awwissu

“O kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-​ġudizzji tiegħu, u kemm huma bla tarf triqatu!”—Rum. 11:33.

Raġuni waħda għala Ġeħova għandu d-​dritt li jmexxi hi li għandu l-​għarfien u l-​għerf biex jieħu ħsieb l-​univers. Aħna naraw dan mill-​mod kif ta lil Ibnu l-​abbiltà li jfejjaq mard li ebda tabib ma setaʼ jfejjaq. (Mt. 4:23, 24; Mk. 5:25-29) Għalkemm dawn huma mirakli għalina, għal Ġeħova ma kinux mirakli. Hu jifhem kif jaħdem il-​ġisem u jistaʼ jfejqu minn kwalunkwe ħaġa. Hu jistaʼ wkoll iġib lill-​mejtin lura għall-​ħajja u jwaqqaf diżastri naturali milli jseħħu. Id-​dinja mmexxija minn Satana ma tistax iġġib paċi, la f’pajjiż wieħed u lanqas bejn il-​pajjiżi. Ġeħova biss għandu l-​għerf biex iġib paċi dinjija. (Is. 2:3, 4; 54:13) Aħna nħossuna bħalma ħassu l-​appostlu Pawlu meta qal il-​kliem tal-​iskrittura tal-​lum. w17.06 22-23 ¶6-7

Is-​Sibt, 31 t’Awwissu

“Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mk. 10:9.

Illum, fid-​dinja ħafna nies għandhom attitudni indifferenti lejn iż-​żwieġ. Huma jħossu li jekk l-​affarijiet ma jmorrux tajjeb, dejjem jistgħu jtemmu ż-​żwieġ tagħhom. Imma dan mhux il-​mod taʼ kif l-​irġiel u n-​nisa Kristjani jqisu ż-​żwieġ. (1 Kor. 7:27) Huma jirrealizzaw li għamlu l-​wegħda taż-​żwieġ tagħhom quddiem Alla. Jekk jiksru din il-​wegħda, ikun bħallikieku qed jigdbulu, u Alla jobgħod lill-​giddibin. (Lev. 19:12; Prov. 6:16-19) Ġeħova jobgħod divorzju bi tradiment. (Mal. 2:13-16) Ġesù għallem li l-​unika raġuni Skritturali għal divorzju hi jekk wieħed mill-​imseħbin jagħmel adulterju u l-​wieħed innoċenti jagħżel li ma jaħfirx lilu jew lilha. (Mt. 19:9; Ebr. 13:4) Xi ngħidu dwar is-​separazzjoni? Il-​Bibbja titkellem ċar dwar dan ukoll. (1 Kor. 7:10, 11) M’hemmx raġuni Skritturali għal separazzjoni taʼ żwieġ. Madankollu, kultant jistaʼ jkun hemm sitwazzjoni li fiha Kristjan iħoss li hu assolutament neċessarju li jissepara minn mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħu. Pereżempju, xi wħud għandhom mnejn ikunu konvinti li ħajjithom jew ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova se tkun f’periklu estrem jekk jibqgħu maʼ sieħeb jew sieħba li hi abbużiva jew apostata. w17.04 8 ¶14-16

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja