2 NOÈ
Hu Kkundanna d-Dinja
WARA li miet Enok, xi anġli fis-sema ħaduha kontra Alla. Dawn l-anġli ħżiena riedu li jkollhom x’jaqsmu sesswalment man-nisa li kienu fuq l-art. Allura għamlu għalihom ġisem bħal taʼ bniedem u ħadu bħala nisa għalihom lil dawk kollha li għoġbuhom. It-tfal li kellhom kienu forma taʼ bnedmin u kellhom il-qawwa tal-anġli. Dawn kienu jissejħu Nefilim u kienu ġganti, vjolenti ħafna, u kattivi. Minħabba l-eżempju ħażin tagħhom, in-nies ukoll saru ħżiena ħafna. Meta Alla ħalaq in-nies, hu tahom ħajja mill-isbaħ. Imma l-ħajja fuq l-art ma baqgħetx sabiħa minħabba li n-nies kienu qed jagħmlu ħafna ħażen u saru vjolenti. Però raġel jismu Noè, li bużnannuh kien Enok, kien differenti ħafna mill-kumplament tan-nies li kien hemm fuq l-art.
Noè kien raġel tajjeb bħal Enok. Infatti l-Bibbja tgħid: “Noè mexa mal-Alla l-veru.” Maż-żmien iżżewweġ, u hu u l-mara tiegħu għallmu lit-tlett itfal tagħhom biex jobdu lil Ġeħova, l-istess bħalma għamlu huma. Minħabba f’hekk, il-familja taʼ Noè kienet differenti min-nies taʼ madwarhom.
Darba waħda, Ġeħova qal lil Noè li kien se jeqred lin-nies ħżiena kollha minn fuq l-art. Imma Ġeħova tah tama u qallu biex jibni arka ħalli dawk li jobdu jsalvaw. Noè qatt ma kien ra d-dinja mgħarrqa bl-ilma bħalma kien qallu li se jiġri Ġeħova. Barra minn hekk, hu qatt ma kien bena xi ħaġa daqshekk kbira bħall-arka. Però Noè kien jafda kompletament fil-wegħdi taʼ Ġeħova u għalhekk beda jibni l-arka.
Noè u l-familja tiegħu kellhom għedewwa tal-biżaʼ li kienu jobogħdu l-messaġġ u x-xogħol tagħhom
Noè u l-familja tiegħu kellhom bżonn il-kuraġġ biex jibnu l-arka. Jistaʼ jkun li ħafna nies waqqgħuhom għaċ-ċajt u xi wħud provaw iwaqqfuhom. Barra minn hekk, l-anġli ħżiena kienu b’saħħithom u tal-biżaʼ, u t-tfal ġganti tagħhom kienu jieħdu pjaċir ikunu kattivi m’oħrajn. Imma dan ma waqqafx lil Noè, il-mara leali tiegħu, u t-tlett itfal u n-nisa tagħhom milli jkomplu jaħdmu. Għal madwar 50 sena, ġurnata wara oħra, dawn it-tmienja min-nies ħadmu biex jibnu l-arka.
Matul dak iż-żmien, Noè għamel xi ħaġa oħra. Il-Bibbja tiddeskrivih bħala raġel “li kien jipprietka s-sewwa.” Bħala l-kap tal-familja, hu kien minn taʼ quddiem biex javża lin-nies x’kien ġej. Però ħadd ma semaʼ, lanqas dawk li kienu jiġu minnu ma taw kasu. Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tgħid dwar Noè: “Permezz taʼ din il-fidi, hu kkundanna d-dinja.”
Fl-aħħar, Noè u l-familja tiegħu lestew l-arka. Imbagħad, ġabru l-ikel, l-ilma, u affarijiet oħrajn li kellhom bżonn għalihom u għall-annimali, u tellgħuhom fuq l-arka. Sadanittant, ġrat xi ħaġa tal-għaġeb. Kull tip taʼ annimal, raġel u mara, bdew mexjin lejn l-arka u “daħlu għand Noè fl-arka tnejn tnejn.”
Ġeħova qal lil Noè u lill-familja tiegħu biex jidħlu fl-arka, għax wara sebat ijiem kienet se tibda nieżla x-xita. Nistgħu nimmaġinaw kemm il-familja taʼ Noè kellhom x’jagħmlu fl-aħħar ġranet biex idaħħlu l-affarijiet li kellhom bżonn u jorganizzaw kollox fl-arka. Wisq probabbli, in-nies li kienu qed jarawhom bdew jidħqu bihom u jwaqqgħuhom għaċ-ċajt. Imma meta kellhom kollox fl-arka, Ġeħova stess għalaq il-bieb. Dan forsi waqqaf lin-nies milli jwaqqgħuhom għaċ-ċajt. Imbagħad bdiet nieżla x-xita u damet għal 40 ġurnata. Il-livell tal-ilma baqaʼ tielaʼ sakemm tgħattew anke l-muntanji. B’hekk Ġeħova naddaf id-dinja mill-ħażen.
Noè u l-familja tiegħu baqgħu fl-arka għal iktar minn sena. Matul dak iż-żmien, il-livell tal-ilma beda jinżel bil-mod il-mod. Fl-aħħar, l-arka straħet fuq muntanja u Ġeħova qal lil Noè li setgħu joħorġu. Meta ħarġu, bnew artal u offrew sagrifiċċji lil Ġeħova għax apprezzaw ħafna li kien salvahom. Ġeħova wegħedhom li mhux se jerġaʼ jagħmel xi ħaġa bħal din, u tahom il-qawsalla bħala garanzija tal-wegħda tiegħu.
In-nies tad-dinja kollha ġejjin minn din il-familja. Allura vera għandna napprezzaw li huma kienu kuraġġużi u differenti f’dinja mimlija ħażen!
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Noè kif wera kuraġġ?
Fittex Iktar
1. Id-dinja kif kienet qabel id-Dulluvju? (w02 3/1 5 ¶3–6 ¶4)
2. Alla meta qal lil Noè biex jibni l-arka? U meta qallu li se jibda d-Dulluvju? (w12 4/15 23 ¶5-8)
3. Għala nistgħu nemmnu li d-Dulluvju veru ġara? (ijwbq artiklu 156 ¶2-5, kaxxa-wcgr) A
Historic Collection/Alamy Stock Photo
Stampa A: Storja antika tal-Ħindu tgħid li raġel bena dgħajsa biex isalva minn dulluvju li kien hemm mad-dinja kollha. Wara d-dulluvju, hu għamel sagrifiċċju u sar missier il-bnedmin kollha
4. X’ġara iktar minn mitt sena wara d-Dulluvju, u dan kif setaʼ affettwa lil Noè li kien kbir fl-età? (it “Noè” Nru. 1 ¶12-wcgr) B
Stampa B
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Iż-żmien li ngħixu fih aħna kif inhu simili għal żmien Noè? (Mat. 24:36-39)
L-eżempju taʼ Noè kif jurina kemm hu importanti li . . .
inkunu organizzati? Ċ
Stampa Ċ
naħdmu iebes? D
Stampa D
inkunu paċenzjużi? E
Stampa E
Int kif tistaʼ turi l-kuraġġ li wera Noè?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lil Noè, x’nixtieq nistaqsih?
Tgħallem Iktar
Ara kif missier jaħdem iebes biex jimita l-eżempju taʼ Noè.
Imita lil Dawk li Kellhom il-Fidi—Noè, Mhux in-Nies taʼ Madwaru (2:57)
Għin lit-tfal tiegħek jitgħallmu lezzjonijiet minn Noè.