1 ENOK
Hu Għoġob lil Alla
ENOK kien jaf x’jiġifieri li tħossok waħdek. Hu kien differenti ħafna min-nies taʼ madwaru u kien l-uniku raġel f’dak iż-żmien li l-Bibbja tgħid hekk dwaru: “Enok kompla jimxi mal-Alla l-veru.” Kif irnexxielu jimxi m’Alla, jiġifieri kif irnexxielu jogħġob lil Alla? U Enok x’jgħallimna dwar il-kuraġġ?
Enok mexa m’Alla b’żewġ modi importanti. L-ewwel, billi ma riedx isir bħan-nies taʼ dak iż-żmien, li ma ridux jogħġbu lil Alla. Enok kien is-sebaʼ wieħed mil-linja taʼ Adam u Eva, u laħaq lil Adam ħaj li kien kbir ħafna fl-età. (Ara d-dati “Minn Żmien Enok sa Żmien l-Imħallfin.”) Minn meta Adam u Eva ma obdewx lil Alla, kważi n-nies kollha għamlu bħalhom. It-tifel tagħhom Kajjin qatel lil ħuh Abel, li kien l-ewwel persuna li kellha fidi f’Ġeħova. Xi wħud mit-tfal u n-neputijiet taʼ Kajjin kienu vjolenti bħalu jew iktar minnu. (Ġen. 4:23, 24) Enok wera kuraġġ u ma riedx ikun bħan-nies vjolenti taʼ madwaru. Hu kien raġel sew u dejjem żamm il-paċi. B’hekk Ġeħova ħa pjaċir bih.
Ħafna żmien qabel ma twieled Enok, in-nies “bdew jgħajtu l-isem taʼ Ġeħova.” (Ġen. 4:26) Milli jidher, dawn użaw l-isem taʼ Ġeħova b’mod ħażin u għall-qima falza. Imma Enok m’għamilx bħalhom. Hu kien iħobb u jirrispetta l-isem qaddis taʼ Ġeħova, allura dan wera li hu kien differenti min-nies taʼ madwaru.
Meta n-nies riedu joqtlu lil Enok għax ma ħadux pjaċir b’dak li qalilhom, Ġeħova pproteġieh
It-tieni mod kif Enok mexa m’Alla hu billi obdieh. Ġeħova tah inkarigu speċjali bħala profeta u għalhekk kellu bżonn iktar kuraġġ. Il-messaġġ li pprietka lil dawk in-nies ħżiena kien: “Ġeħova ġej b’għaxriet t’eluf t’anġli qaddisin biex jiġġudika lin-nies kollha u jikkastiga lill-ħżiena għall-affarijiet ħżiena li għamlu. Alla se jagħmel dan għax aġixxew b’mod mill-agħar, u huma midinbin li joffenduh b’li jgħidu u ma jonorawhx.”
Enok kien ċert li dak li qallu Ġeħova kien se jiġri. Il-kliem li qal juri li Ġeħova kien irrabjat ħafna minħabba li n-nies kienu qed jagħmlu affarijiet ħżiena. Fil-fatt Enok enfasizza kemm dawn in-nies kienu mill-agħar. Meta semgħu l-messaġġ li pprietka Enok, in-nies irrabjaw ħafna. Imma hu b’kuraġġ xorta qalilhom il-messaġġ taʼ Ġeħova.
X’għamlu n-nies? Il-Bibbja ma tgħidilniex eżatt x’ġara, imma milli jidher Enok kien f’periklu kbir. Kif nafu? Għax il-Bibbja tgħid: “Imbagħad ma deherx iktar, għax Alla ħadu.” X’ġara? In-nies kienu jobogħduh lil Enok u ppersegwitawh, imma Ġeħova tant kien iħobbu li “ħadu,” jiġifieri ġiegħlu jorqod fil-mewt. B’hekk ħadd ma setaʼ jweġġaʼ iżjed lil Enok, u meta jkun il-waqt, Ġeħova se jerġaʼ jirxoxtah.
Però qabel ma miet, Ġeħova tah rigal speċjali. Il-Bibbja tgħid: “Hu ngħata xhieda li kien għoġob sew lil Alla.” Jistaʼ jkun li Ġeħova permezz taʼ ħolma għenu jara li fil-futur se jgħix fil-paċi f’ġenna tal-art! Qabel ma miet, Enok kien ċert li Ġeħova jħobbu, u bierku talli wera fidi soda u ħafna kuraġġ!
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Enok kif wera kuraġġ?
Fittex Iktar
1. X’jistaʼ jkun li trid tfisser il-Bibbja meta tgħid li n-nies “bdew jgħajtu l-isem taʼ Ġeħova”? (Ġen. 4:26; w01 9/15 29 ¶3)
2. Ir-raġel leali Enok x’inkarigu speċjali rċieva? Kif irnexxielu jagħmlu? (w01 9/15 31 ¶5)
3. Enok kif kien jaf li x’aktarx kien se jkollu bżonn il-kuraġġ anke qabel ma beda l-inkarigu tiegħu? (w06 10/1 19 ¶13-14) A
Stampa A
4. Kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd jifhem li Enok ma marx fis-sema bħalma jemmnu xi wħud? (Ġw. 3:13; Lhud 11:5, 13)
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Meta jaf ikollna bżonn iktar kuraġġ biex nippritkaw? L-eżempju taʼ Enok kif jistaʼ jgħinna? B
Stampa B
Ġeħova kif iħossu meta b’kuraġġ nobduh? (Prov. 27:11; Lhud 11:5)
Int kif tistaʼ turi l-kuraġġ li wera Enok?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lil Enok, x’nixtieq nistaqsih?
Tgħallem Iktar
L-eżempju taʼ Enok kif jistaʼ jgħinek meta jkollok tiffaċċja nies vjolenti?
Ara x’għen lil Enok biex isaħħaħ il-fidi tiegħu.