Se Timita Int lil-Ħniena t’Alla?
“Siru imitaturi t’Alla, Bħala tfal maħbubin.”—EFESIN 5:1.
1. Li nimitaw lil oħrajn għala għandu jikkonċernana lkoll?
GĦAT-Tajjeb jew għall-ħażin, il-biċċa l-kbira tan-nies jimitaw lil oħrajn. Dawk li hemm madwarna, u li lilhom forsi nimitaw, jistgħu jeffettwawna mhux ftit. Il-kittieb imnebbaħ taʼ Proverbji 13:20 wissa: “Dak li qed jimxi mal-għorrief se jsir għaref, imma dak li qed jagħmilha mal-istupidi se jaħbatha ħażin.” Mhux taʼ b’xejn, allura, li l-Kelma t’Alla tgħid: “Kun imitatur, mhux taʼ dak li hu ħażin, imma taʼ dak li hu tajjeb. Dak li jagħmel it-tajjeb joriġina maʼ Alla.”—3 Ġwann 11.
2. Lil min imissna nimitaw, u b’liema modi?
2 Għandna eżempji Bibliċi eċċellenti taʼ rġiel u nisa li lilhom nistgħu nimitaw. (1 Korintin 4:16; 11:1; Filippin 3:17) Iżda, l-aqwa wieħed li għandna nimitawh hu Alla. F’Efesin 4:31-5:2, wara li nnota liema huma l-karatteristiċi u l-prattiċi li għandna nevitaw, l-appostlu Pawlu ħeġġiġna biex ‘nagħdru b’tenerezza, billi naħfru lil xulxin b’xejn.’ Dan wassal għall-eżortazzjoni prinċipali: “Għalhekk, siru imitaturi t’Alla, bħala tfal maħbubin, u ibqgħu mexjin bl-imħabba.”
3, 4. Alla pprovda liema deskrizzjoni tiegħu nnifsu, u għala għandna aħna nqisu l-fatt li hu Alla ġust?
3 X’inhuma l-modi u l-kwalitajiet t’Alla li għandna nimitaw? Hemm ħafna aspetti tal-personalità u tal-atti tiegħu, bħalma jistaʼ jidher mill-mod li bih iddeskriva lilu nnifsu lil Mosè: “Jehovah, Alla kollu ħniena u grazzja, idum biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u l-verità, jerfaʼ l-qalb tajba bl-imħabba għal eluf, jaħfer l-iżball u n-nuqqas u d-dnub, imma bl-ebda mod ma se jeżenta mill-kastig, billi jġib kastig għall-iżball taʼ missirijiet fuq ulied u fuq ulied l-ulied.”—Eżodu 34:6, 7.
4 Ladarba Jehovah hu “wieħed li jħobb it-tjieba u l-ġustizzja,” żgur li għandna nsiru nafu u nimitaw dan l-aspett tal-personalità tiegħu. (Salm 33:5; 37:28) Huwa l-Ħallieq, kif ukoll l-Imħallef suprem u l-Legiżlatur tal-bniedem, u għalhekk jesprimi ġustizzja lejn kulħadd. (Isaija 33:22) Dan hu indikat b’mod ċar mill-mod kif hu esiġa ġustizzja u ġiegħel li ssir fost il-poplu tiegħu Iżrael u iktar tard ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana.
Isseħħ il-Ġustizzja Divina
5, 6. Il-ġustizzja kif dehret fil-mod taʼ kif Alla aġixxa maʼ Iżrael?
5 Meta ġie biex jagħżel lil Iżrael bħala l-poplu tiegħu, Alla staqsa jekk kinux ‘strettament se jobdu l-vuċi tiegħu u tabilħaqq iżommu l-patt tiegħu.’ Miġburin biswit il-Muntanja Sinaj, huma wieġbu: “Dak kollu li Jehovah qal aħna lesti li nagħmluh.” (Eżodu 19:3-8) X’biċċa xogħol serja! Permezz taʼ anġli, Alla ta lill-Iżraeliti xi 600 liġi, li huma, bħala poplu ddedikat lilu, kienu responsabbli li jżommu. X’kien se jiġri jekk xi ħadd ma jagħmilx hekk? Wieħed speċjalista fil-Liġi t’Alla spjega: “Il-kelma mitkellma permezz taʼ anġli wriet li hi soda, u kull nuqqas u att diżubbidjenti rċevew tpattija fi qbil mal-ġustizzja.”—Ebrej 2:2.
6 Iva, Iżraelit li ma kienx ikun irid jobdi kien jiffaċċja “tpattija fi qbil mal-ġustizzja,” mhux ġustizzja umana defiċjenti, imma ġustizzja mingħand il-Ħallieq tagħna. Alla stipula ħafna penalitajiet għall-ksur tal-liġi. L-iktar penali serju kien il-‘qtugħ,’ jew esekuzzjoni. Dan kien japplika għal vjolazzjonijiet gravi, bħalma huma l-idolatrija, l-adulterju, l-inċest, il-bestjalità, l-omosesswalità, l-issagrifikar tat-tfal, il-qtil, u l-użu ħażin tad-demm. (Levitiku 17:14; 18:6-17, 21-29) Iktar minn hekk, kull Iżraelit li apposta, bla ma jindem, jikser kwalunkwe liġi divina setaʼ jiġi “maqtugħ.” (Numri 4:15, 18; 15:30, 31)Meta din il-ġustizzja divina twettqet, l-effetti tagħha setgħu sew jinħassu mid-dixxendenti taʼ min ikun għamel il-ħażen.
7. X’kienu xi konsegwenzi tal-esekuzzjoni tal-ġustizzja fost il-poplu t’Alla tal-qedem?
7 Penalitajiet bħal dawn enfasizzaw il-gravità tal-ksur tal-liġi divina. Per eżempju jekk iben sar sakranazz jew hanżir, hu kellu jinġieb quddiem imħallfin maturi. Jekk isibu li dan kien wieħed li jagħmel il-ħażin apposta u mingħajr indiema, il-ġenituri kellhom ikollhom sehem f’li jesigwixxu l-ġustizzja. (Dewteronomju 21:18-21) Dawk fostna li huma ġenituri jistgħu jimmaġinaw li ma kienx faċli li tagħmel hekk. Iżda Alla kien jaf li dan kien meħtieġ biex il-ħażen ma jinxteridx fost l-adoraturi veri. (Eżekjel 33:17-19) Dan ġie rranġat minn Dak li dwaru setaʼ jingħad: “Il-mogħdijiet tiegħu kollha huma ġustizzja. Alla taʼ fedeltà, li miegħu m’hemm l-ebda inġustizzja; twajjeb u dritt hu.”−Dewteronomju 32:4.
8. Il-ġustizzja kif immarkat l-aġiri t’Alla mal-kongregazzjoni Kristjana?
8 Wara bosta sekli Alla warrab fil-ġens lill-ġens taʼ Iżrael u għażel lill-kongregazzjoni Kristjana. Imma Jehovah ma nbidilx. Xorta kien għadu marbut li jimxi b’ġustizzja u setaʼ jiġi deskritt bħala “nar li jiblaʼ.” (Ebrej 12:29; Luqa 18:7, 8) Hu għalhekk kompla jkollu provvediment biex idaħħal il-biżaʼ t’Alla fil-kongregazzjoni kollha kemm hi billi jitkeċċew dawk li jagħmlu l-ħażen. Kristjani ddedikati li jsiru wħud li jagħmlu l-ħażen bla ma jindmu kellhom jinqatgħu mis-sħubija.
9. X’inhu l-qtugħ mis-sħubija, u x’iwettaq?
9 X’inhu involut fil-qtugħ mis-sħubija? Nieħdu lezzjoni vera mill-mod taʼ kif problema ġiet trattata fl-ewwel seklu. Wieħed Kristjan f’Korintu għamel l-immoralità maʼ mart missieru u ma nidimx, u għalhekk Pawlu saħaq li dan għandu jitkeċċa minn dik il-kongregazzjoni. Dan kellu jsir biex tiġi protetta l-indafa tal-poplu t’Alla, għax “ftit ħmira tħemmel il-għaġna kollha.” It-tkeċċija tiegħu kienet ma tħallix lill-ħażen tiegħu jiddiżonora kemm lil Alla u kemm lill-poplu Tiegħu. Id-dixxiplina ħarxa taʼ li jkun maqtugħ mis-sħubija setgħet ukoll taħsdu biex iġġibu f’sensih u ddaħħal fih u fil-kongregazzjoni biżaʼ xieraq t’Alla.—1 Korintin 5:1-13; qabbel Dewteronomju 17:2, 12, 13.
10. Il-qaddejja t’Alla kif għandhom jirrispondu jekk wieħed jiġi maqtugħ mis-sħubija?
10 Il-kmand divin hu illi jekk wieħed mill-agħar jiġi mkeċċi, il-Kristjani jridu ‘jieqfu milli jitħalltu fil-kumpanija tiegħu . . ., lanqas biss jieklu maʼ bniedem bħal dan.’a Hu b’hekk jiġi maqtugħ ’il barra minn sħubija, inklużi laqgħat soċjali, ma wħud leali li jirrispettaw u jridu jimxu skond il-liġi t’Alla. Xi wħud minnhom jistgħu forsi jkunu qraba mhux fil-familja immedjata, li ma jgħixux fl-istess dar. Jistaʼ jkun diffiċli għal dawk il-qraba li japplikaw din id-direttiva divina, saħansitra bħalma ma kienx faċli għal ġenituri Ebrej taħt il-Liġi taʼ Mosè li jieħdu sehem fl-esekuzzjoni taʼ xi iben mill-agħar. Xorta, il-kmand t’Alla hu ċar; b’hekk nistgħu nkunu żguri li l-qtugħ mis-sħubija huwa ġust.—1 Korintin 5:1, 6-8, 11; Titus 3:10, 11; 2 Ġwann 9-11. ara The Watchtower, 15 taʼ Settembru, 1981, paġni 26-31; 15 t’April, 1988, paġni 28-31.
11. Kif jistgħu jidhru diversi aspetti tal-personalita t’Alla f’konnessjoni maʼ qtugħ mis-sħubija
11 Ftakar, iżda, li Alla tagħna ma hux semplidement ġust; huwa wkoll “abbundanti fil-qalb tajba, jaħfer l-iżball u n-nuqqas.” (Numri 14:18) Il-Kelma tiegħu tagħmilha ċara li wiehed li hu maqtugħ mis-sħubija jistaʼ jindem billi jfittex il-maħfra divina. Imbagħad x’jiġri? Indokraturi taʼ esperjenza jistgħu jiltaqgħu miegħu biex jiddeterminaw bit-talb u bir-reqqa jekk huwiex jagħti evidenza li hu niedem mill-egħmil ħażin li wassal għall-qtugħ tiegħu mis-sħubija. (Qabbel Atti 26:20.) Jekk inhu hekk, jistaʼ jerġaʼ jiddaħħal fil-kongregazzjoni, bħalma jindika t-2 Korintin 2:6-11 li ġara fil-każ tar-raġel f’Korintu. Iżda, xi wħud li tkeċċew ilhom ’il bogħod mill-kongregazzjoni t’Alla għal snin sħaħ; mela jistaʼ jsir xi ħaġa biex ingħinuhom isibu t-triq lura?
Il Ġustiżzja Bbilanċjata Bil-Ħniena
12, 13. Li aħna nimitaw lil Alla għala għandu jinkludi iktar milli nirriflettu l-ġustizzja tiegħu?
12 Dak li għedna s’issa kellu x’jaqsam primarjament maʼ aspett wieħed tal-kwalitajiet t’Alla, kif inhuma msemmijin f’Eżodu 34:6, 7. Dawk il-versi, madankollu, isemmu ferm iktar mill-ġustizzja t’Alla, u dawk li jridu jimitawh ma jiffokawx biss fuq li jinforzaw il-ġustizzja. Jekk kont se tagħmel mudell tat-tempju li nbena minn Salamun, kont int tistudja biss waħda mill-kolonni tiegħu? (1 Slaten 7:15-22) Le, għax dik ma tantx setgħet tagħtik stampa bbilanċjata tan-natura u r-rwol tat-tempju. Bl-istess mod, jekk nixtiequ nimitaw lil Alla, irridu wkoll nikkopjaw oħrajn mill-modi u l-kwalitajiet tiegħu, bħalma li hu “kollu ħniena u grazzja, idum biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u l-verità, jerfaʼ l-qalb tajba bl-imħabba għal eluf, jaħfer l-iżball.”
13 Il-ħniena u l-maħfra huma kwalitajiet fundamentali t’Alla, bħalma naraw mill-mod taʼ kif hu aġixxa maʼ Iżrael. Dak Alla tal-ġustizzja ma eżentahomx mill-kastig għal żball ripetut, iżda hu wera biżżejjed ħniena u maħfra. “Hu għarraf il-mogħdijiet tiegħu lil Mosè, l-aġir tiegħu saħansitra lil ulied Iżrael. Jehovah huwa kollu ħniena u grazzja, qajla jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba. Mhux se jibqaʼ għaż-żmien kollu jsib il-ħtija, lanqas ma se jibqaʼ għal żmien indefinit iżomm f’qalbu.” (Salm 103:7-9; 106:43-46) Iva, ħarsa b’lura lejn l-aġiri tiegħu tul mijiet taʼ snin tagħti prova taʼ kemm huma minnhom dawk il-kelmiet.—Salm 86:15; 145:8, 9; Mikea 7:18, 19.
14. Ġesù kif wera li hu imita l-ħniena t’Alla?
14 Ladarba Ġesù Kristu “hu r-riflessjoni tal-glorja [t’Alla] u r-rappreżentazzjoni eżatta tal-esseri tiegħu nnifsu,” għandna nistennew li hu juri ħniena simili u rieda li jaħfer. (Ebrej 1:3) Hekk għamel, bħalma juru l-azzjonijiet tiegħu lejn oħrajn. (Mattew 20:30-34) Hu wkoll enfasizza l-ħniena bil-kelmiet tiegħu li naqraw f’Luqa kapitlu 15. It-tliet tixbihat hemmhekk jagħtu prova li Ġesù imita lil Jehovah, u jipprovdu lezzonijiet vitali għalina.
Tħassib għal Dak Li Ntilef
15, 16. Liema ħaġa qanqlet lil Ġesù biex jagħti t-tixbihat li nsibu f’Luqa 15?
15 Dawk it-tixbihat jagħtu xiehda tal-interess kollu ħniena li għandu Alla fil-midinbin, b’mod li jagħtu stampa armonjużi għalina biex nimitaw. Ikkunsidra l-isfond tat-tixbihat: “Issa l-kolletturi kollha tat-taxxi u l-midinbin baqgħu jersqu lejh [lejn Ġesù] biex jisimgħuh. Għaldaqstant kemm il-Fariżej u kemm l-iskribi baqgħu jgemgmu minn taħt l-ilsien, igħidu: ‘Dan ir-raġel jilqat lill-midinbin u jiekol magħhom.”ˈ—Luqa 15:1, 2.
16 In-nies kollha involuti kienu Lhud. Il-Fariżej u l-iskribi kienu jiftaħru dwar kemm kienu jżommu mal-punt tal-Liġi Mosajka, xorta taʼ tjieba legalistika. Alla, iżda, ma kienx jaqbel maʼ li wieħed igħid hu kemm hu twajjeb hu stess. (Luqa 16:15) Evidentement, il-kolletturi tat-taxxi msemmijin kienu Lhud li kienu jiġbru t-taxxi għal Ruma. Peress li ħafna kienu jisolħu somom kbar mingħand Lhud sħabhom, il-kolletturi tat-taxxi kienu grupp mistmerr. (Luqa 19:2, 8) Kienu meqjusin bħala “midinbin,” li kienu jinkludu lil nies immorali, saħansitra nisa żienja. (Luqa 5:27-32; Mattew 21:32) Imma Ġesù staqsa lill-mexxejja reliġjużi li kienu qegħdin jilmentaw:
17. Liema kienet l-ewwel tixbieha taʼ Ġesù f’Luqa 15?
17 “Liema raġel minnkom b’mitt nagħġa, malli jitlef waħda minnhom, mhux se jħalli warajh lid-disgħa u disgħin fix-xagħri u jmur għall-waħda mitlufa sakemm isibha? U meta jkun sabha hu jpoġġiha fuq spallejh u jifraħ. U meta jasal id-dar isejjaħ lill-ħbieb tiegħu u lill-ġirien tiegħu flimkien, igħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għaliex sibt in-nagħġa tiegħi li kienet mitlufa.’ Ingħidilkom li b’hekk se jkun hemm iktar ferħ fis-sema minħabba midneb wieħed li jindem milli minħabba disgħa u disgħin uħud twajbin li m’għandhomx bżonn jindmu.” Il-mexxejja reliġjużi setgħu jifhmu l-istampa, għax ngħaġ u ragħajja kienu dehra komuni. Minħabba t-tħassib tiegħu, ir-ragħaj ħalla lid-99 nagħġa jirgħu f’mergħat familjari waqt li mar ifittex għal waħda li ntilfet. Billi baqaʼ sa ma sabha, hu refaʼ bil-ħlewwa lin-nagħġa mbeżżaʼ u ħadha lura lejn il-merħla.—Luqa 15:4-7.
18. Bħalma spikkat fit-tieni tixbieha taʼ Ġesù f’Luqa 15, liema ħaġa qanqlet il-ferħ?
18 Ġesù żied tixbieha oħra, it-tieni waħda: “Jew liema mara b’għaxar muniti taʼ drakma jekk titlef munita waħda taʼ drakma, ma tixgħelx lampa u tiknes id-dar tagħha u tfittex bir-reqqa sa ma ssibha? U meta tkun sabitha hi ssejjaħ lin-nisa li huma ħbieb tagħha u lill-ġirien flimkien, tgħid, ‘Ifirħu miegħi, għaliex sibt il-munita tad-drakma li jien tlift.’ B’hekk, ingħidilkom, ferħ iqum fost l-anġli t’Alla minħabba midneb wieħed li jindem.” (Luqa 15:8-10) Id-drakma kienet tiswa kważi l-paga taʼ jum għal ħaddiem wieħed. Il-munita tal-mara forsi kienet xi wirt tal-familja, jew forsi kienet parti minn xi sett maħdum f’ġojjell. Meta ntilfet, fittxet maʼ kullimkien biex sabet il-munita, u mbagħad hi u n-nisa ħbieb tagħha ferħu. Dan x’igħidilna dwar Alla?
Ferħ Fis-Sema—Dwar Liema Ħaġa?
19, 20. L-ewwel żewġ tixbihat taʼ Ġesù f’Luqa 15 kienu primarjament dwar min, u liema punt ċentrali għamlu?
19 Dawk iż-żewġ tixbihat kienu b’risposta għall-kritika li saret lil Ġesù, li xi xhur qabel kien identifika lilu nnifsu bħala “r-ragħaj mill-aħjar” li kien se jagħti ruħu għan-ngħaġ tiegħu. (Ġwann 10:11-15) Minkejja dan, it-tixbihat ma kinux primarjament dwar Ġesù. Il-lezzjonijiet li l-iskribi u l-Fariżej kien jinħtiġilhom li jitgħallmu kienu ċċentrati dwar l-attitudni u l-modi t’Alla. B’hekk, Ġesù qal li hemm ferħ fis-sema minħabba midneb li jindem. Dawk ir-reliġjonisti kienu jsostnu li jaqdu lil Jehovah, iżda ma kinux qegħdin jimitawh. Il-modi taʼ ħniena taʼ Ġesù, mill-banda l-oħra, rrapprezentaw ir-rieda taʼ Missieru.—Luqa 18:10-14; Ġwann 8:28, 29; 12:47-50; 14:7-11.
20 Jekk wieħed minn kull mija kien bażi għal ferħ, munita waħda minn għaxra kienet ferm iktar. Saħansitra llum, nistgħu nħossu l-emozzjonijiet tan-nisa li ferħu bis-sejba tal-munita! Hawn, ukoll, il-lezzjoni tiċċentra dwar is-sema, billi “l-anġli t’Alla” jifirħu maʼ Jehovah “minħabba midneb wieħed li jindem.” Innota dik l-aħħar kelma, “jindem.” Dawn it-tixbihat huma tassew dwar midinbin li jindmu. U int tistaʼ tara li t-tnejn jenfasizzaw kemm hu xieraq li tifraħ dwar l-indiema tagħhom.
21. X’lezzjoni għandna nitgħallmu mit-tixbihat taʼ Ġesù f’Luqa 15?
21 Dawk il-mexxejja reliġjużi ggwidati ħażin li kienu bi mneħirhom imxammar għax kienu jżommu b’mod superfiċjali mal-Liġi ma ndunawx li Alla hu “kollu ħniena u grazzja, . . . jaħfer l-iżball u n-nuqqas u d-dnub.” (Eżodu 34:6, 7) Kieku kienu qegħdin jimitaw dan l-aspett tal-personalità u l-modi t’Alla, huma kienu japprezzaw il-ħniena li Ġesù wera lejn il-midinbin li nidmu. Xi ngħidu dwarna? Qegħdin aħna ndaħħlu l-lezzjoni f’qalbna u napplikawha? Sewwa, innota t-tielet tixbieha taʼ Ġesù.
Indiema u Ħniena fl-Azzjoni
22. Fil-qosor, Ġesù x’ta bħala t-tielet tixbieha f’Luqa 15?
22 Din ġiet spiss imsejħa bħala t-tixbieha tal-iben prodigu. Iżda, meta taqraha int tistaʼ tara għala xi wħud iqisuha bħala l-parabbola tal-imħabba taʼ missier. Din tgħid dwar l-iben iż-żgħir ġewwa familja, li jikseb il-wirt tiegħu mingħand missieru. (Qabbel Dewteronomju 21:17.) Dan l-iben jitlaq lejn pajjiż ’il bogħod, fejn iberbaq kollox f’xalar baxx, ikollu jaħdem bħala wieħed li jirgħa l-qżieqeż, u saħansitra jispiċċa biex ikun imġewwaħ għall-ikel tal-qżieqeż. Sa fl-aħħar jiġi f’sensih u jiddeċiedi li jerġaʼ lura d-dar, anki jekk biss biex jaħdem għal missieru bħala ħaddiem mikri.Hekk kif joqrob lejn id-dar, missieru jieħu l-pass pożittiv taʼ li jagħtih merħba, saħansitra billi jagħmel festa. Ħuh il-kbir, li kien baqaʼ d-dar jaħdem, jistmerr il-ħniena li ġiet murija. Imma l-missier igħid li għandhom jifirħu għaliex dan l-iben li kien mejjet issa qed igħix.—Luqa 15:11-32.
23. X’għandna nitgħallmu mit-tixbieha tal-iben prodigu?
23 Xi skribi u Fariżej forsi ħassew li huma kienu qegħdin jiġu mxebbhin mal-iben il-kbir, b’kuntrast mal-midinbin li kienu bħall-iben iż-żgħir. Fehmu sewwa, iżda, huma l-punt prinċipali tat-tixbieha, u nifhmuha aħna? Din tenfasizza attribut li jispikka taʼ Missierna tas-sema kollu ħniena, ir-rieda tiegħu li jaħfer fuq il-bażi tal-indiema mill-qalb tal-midneb u l-konverżjoni tiegħu. Kellha tqanqal lis-semmiegħa biex iwieġbu bil-ferħ għall-fidwa taʼ midinbin li jindmu. Hekk hu kif Alla jħares lejn l-affarijiet u kif jaġixxi, u dawk li jimitaw lilu jagħmlu l-istess.—Isaija 1:16, 17; 55:6, 7.
24, 25. Liema mogħdijiet t’Alla għandna aħna nkunu qed infittxu biex nimitaw?
24 Jidher ċar li l-ġustizzja timmarka l-modi kollha t’Alla, u għalhekk dawk li jridu jimitaw lil Jehovah igħożżu u jiġru wara l-ġustizzja. Xorta, Alla tagħna mhux immotivat minn sempliċi ġustizzja astratta jew riġida. Il-ħniena u l-imħabba tiegħu huma kbar. Hu juri dan b’rieda li jaħfer fuq il-bażi taʼ ndiema ġenwina. Huwa xieraq, allura, li Pawlu rabat il-maħfra li nuru aħna maʼ li nimitaw lil Alla: “[Kunu qed] taħfru lil xulxin b’xejn sewwa sew bħalma Alla wkoll bi Kristu ħafrilkom b’xejn. Għalhekk, siru imitaturi t’Alla, bħala tfal maħbubin, u ibqgħu mexjin bl-imħabba.”—Efesin 4:32-5:2.
25 Il-veri Kristjani ilhom jippruvaw jikkopjaw kemm il-ġustizzja taʼ Jehovah kif ukoll il-ħniena tiegħu u r-rieda tiegħu li jaħfer. Iktar ma nsiru nafuh, iktar għandu jkun faċli għalina li nimitawh f’dan ir-rigward. Kif, iżda, nistgħu napplikaw dan lejn persuna li rċeviet b’mod ġust dixxiplina ħarxa għaliex ġriet wara korsa taʼ dnub? Ejja naraw.
[Nota taʼ taħt]
a “L-iskomunika fis-sens l-iktar ġenerali tagħha hija l-att apposta li bih grupp jiċħad il-privileġġi taʼ sħubija tiegħu lil dawk li darba kienu membri b’waqfa tajba.... L-iskomunika ġiet fl-era Kristjana biex tirreferi għal att taʼ sklużjoni li bih komunità reliġjuża ċċaħħad lil dawk li joffendu mis-sagramenti mill-qima kongregazzjonali, u possibilment minn kuntatt soċjali taʼ kwalunkwe xorta.”−The International Standard Bible Encyclopedia.
X’Tgħallimt?
◻ Il-ġustizzja t’Alla kif kienet murija fil-kongregazzjoni taʼ Iżrael u fil-kongregazzjoni Kristjana?
◻ Għala għandna nimitaw il-ħniera t’Alla, minbarra l-ġustizzja tiegħu?
◻ Liema ħaġa qanqlet it-tliet tixbihat f’Luqa kapitlu 15, u liema lezzjonijiet għandhom igħallmuna?