Ġustizzja Vera—Meta u Kif?
L-INNOĊENTI m’għandux għalfejn jibżaʼ mill-ġustizzja vera. Tabilħaqq, kważi kullimkien iċ-ċittadini għandhom għalxiex ikunu grati jekk f’pajjiżhom għandhom sistema legali li tipprova tiżgura l-ġustizzja. Sistema bħal din tinvolvi struttura taʼ liġijiet, korp tal-pulizija biex jiġu osservati l-liġijiet, u qrati biex jamministraw il-ġustizzja. Il-Kristjani veri jirrispettaw is-sistema ġudizzjali taʼ fejn jgħixu, fi qbil mat-twissija Biblika biex ‘jobdu lill-awtorità taʼ fuqhom.’—Rumani 13:1-7.
Madankollu, sistemi ġudizzjali f’diversi pajjiżi għamlu żbalji taʼ ħsara u imbarazzanti.a Minflok ma jikkastigaw lill-ħati u jipproteġu lill-innoċenti, xi drabi ġew ikkastigati nies innoċenti għal delitti li ma jkunux ikkommettew. Individwi oħrajn qattgħu snin sħaħ il-ħabs, sempliċement biex jiġu meħlusin qabel ma jkunu għamlu s-sentenza kollha fost dubji serji dwar jekk kinux ħatjin u jekk il-kundanna tagħhom kinitx iġġustifikata. Għaldaqstant, ħafna qegħdin jistaqsu, Qatt xi darba se jkun hawn ġustizzja vera għal kulħadd? Jekk inhu hekk, meta u kif? Lil min nistgħu nafdaw biex jipproteġi lill-innoċenti? U x’tama hemm għall-vittmi taʼ l-inġustizzja?
Ġustizzja li Marret Żmerċ
Fis-snin 80, il-Ġermanja rat “wieħed mill-iktar proċessi sensazzjonali tal-perijodu taʼ wara l-gwerra,” fejn fih omm intbagħtet il-ħabs għal għomorha talli qatlet liż-żewġ uliedha bniet. Snin wara, madankollu, reġgħu kkunsidraw l-evidenza kontrieha, u ġiet meħlusa sakemm tistenna ġuri ieħor. Fl-1995 id-Die Zeit irrapportat li l-ġudizzju oriġinali “jistaʼ jirriżulta fi żball ġudizzjali.” Saż-żmien li nkiteb dan l-artiklu, din il-mara qattgħet disaʼ snin il-ħabs imdawra b’inċertezzi jekk kinitx ħatja jew innoċenti.
Lejla waħda f’Novembru taʼ l-1974, iċ-ċentru tal-belt taʼ Birmingham, l-Ingilterra, theżheż bl-isplużjoni taʼ żewġ bombi li qatlu 21 persuna. Kienet ġrajja li “qatt ħadd f’Birmingham m’hu se jinsieha,” kiteb Chris Mullen, membru Parlamentari. Iktar tard, “sitt irġiel innoċenti ġew ikkundannati għall-akbar qtil fl-istorja Britannika.” Iktar tard il-kundanni tagħhom ġew annullati—però dan wara li l-irġiel kienu qattgħu 16-il sena l-ħabs!
Il-kunsillier legali Ken Crispin irrapporta dwar każ li “ġibed l-attenzjoni taʼ l-immaġinazzjoni pubblika b’manjiera unika fid-dokumenti taʼ l-istorja legali Awstraljana.” Familja kienet qed tikkampja qrib Ayers Rock meta sparixxiet it-tarbija tagħhom, u qatt ma reġgħu sabuha. L-omm ġiet akkużata bi qtil, instabet ħatja, u kkundannata għal għomorha l-ħabs. Fl-1987, wara li kienet ilha l-ħabs għal iktar minn tliet snin, permezz taʼ inkjesta uffiċjali nstab li l-evidenza kontrieha ma setgħetx tiġġustifika l-kundanna. Ġiet meħlusa u maħfura.
Fl-1986, ġiet maqtula mara taʼ 18-il sena li kienet tgħix fin-Nofsinhar taʼ l-Istati Uniti. Raġel taʼ mezzetà ġie akkużat, instab ħati, u kkundannat għall-mewt. Hu qattaʼ sitt snin fit-taqsima taʼ dawk ikkundannati għall-mewt qabel ma ġie stabbilit li ma kellu x’jaqsam xejn maʼ dak id-delitt.
Huma dawn eżempji rari taʼ żbalji ġudizzjali? David Rudovsky mill-Università taʼ l-Iskola tal-Liġi taʼ Pennsylvania nnota: “Ilni fis-sistema ġudizzjali għal madwar 25 sena u rajt ħafna każi. Nikkalkula li bejn ħamsa u 10 fil-mija taʼ dawk li nstabu ħatjin huma fil-fatt innoċenti.” Crispin jistaqsi mistoqsija li ġġagħlek titħasseb: “Hemm iktar nies innoċenti li jinsabu dipressi fiċ-ċelel tal-ħabs?” Żbalji traġiċi bħal dawn kif inhuma possibbli?
Sistemi Ġudizzjali Umani—bi Dgħjufijiet Umani
“L-ebda sistema umana maʼ tistaʼ tistenna li tkun perfetta,” enfasizzat il-Qorti taʼ l-Appell Britannika fl-1991. Sistema ġudizzjali tistaʼ biss tkun tajba u taʼ min jorbot fuqha daqskemm ikunu n-nies li jivvintawha u jmexxuha. In-nies huma suġġetti għall-iżball, id-diżonestà, u l-preġudizzju. Għaldaqstant, m’hijiex xi ħaġa taʼ l-iskantament li s-sistemi ġudizzjali tal-bniedem juru eżattament dawn l-istess difetti. Ikkunsidra dan li ġej.
Skond l-Imħallef Rolf Bender mill-Ġermanja, fil-95 fil-mija tal-każi kriminali kollha, l-istqarrijiet tax-xhieda huma deċiżivi bħala evidenza. Imma huma dawn ix-xhieda fil-qorti dejjem taʼ min jorbot fuqhom? L-Imħallef Bender ma jaħsibhiex hekk. Hu jikkalkula li nofs ix-xhieda li jidhru fil-qorti ma jgħidux il-verità. Bernd Schünemann, professur b’awtorità fil-liġi kriminali fl-Università taʼ Munich, il-Ġermanja, għamel osservazzjoni simili. F’intervista maʼ Die Zeit, Schünemann ikkonferma li l-istqarrijiet tax-xhieda huma l-forma prinċipali—għalkemm mhux taʼ min jorbot fuqhom—taʼ evidenza. “Ikolli ngħid li r-raġuni tipika għall-iżbalji fil-ġustizzja hi li l-imħallef jistrieħ fuq l-istqarrijiet tax-xhieda li m’humiex taʼ min jorbot fuqhom.”
Ix-xhieda jiżbaljaw; anki l-pulizija. Partikolarment wara xi delitt li jikkaġuna li n-nies jirrabjaw, il-pulizija jkunu taħt pressjoni biex jarrestaw lil xi ħadd. Taħt ċirkostanzi bħal dawn, xi pulizija individwali ċedew għat-tentazzjoni li joħolqu evidenza jew li jisforzaw lil xi ħadd issuspettat biex jammetti. Meta s-sitt irġiel li nstabu ħatjin taʼ l-attakki bil-bombi taʼ Birmingham ġew meħlusin, il-gazzetta Britannika The Independent kellha t-titlu: “Conviction of Six Blamed on Corrupt Police” (Il-Kundanna taʼ Sitta Waqgħet fuq Pulizija Korrotti). Skond The Times: “Il-pulizija gidbu, ikkonfoffaw u qarrqu.”
F’xi każi, il-preġudizzju jistaʼ jġiegħel lill-pulizija u lill-pubbliku jissuspettaw f’xi individwi taʼ ċertu razza, reliġjon, jew nazzjonalità. Kif tikkummenta l-U.S.News & World Report, li jissolva delitt jistaʼ jispiċċa fi “kwistjoni taʼ razziżmu minflok taʼ raġuni.”
Ladarba każ jiġi ppreżentat fil-qorti, id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu effettwati mhux biss minn dak li jgħidu x-xhieda imma wkoll mill-evidenza xjentifika. Fil-qasam tal-forensika li dejjem qed isir iktar ikkumplikat, l-imħallef jew il-ġurija jistgħu jiġu msejħin biex jiddeċiedu jekk xi ħadd hux ħati jew innoċenti fuq il-bażi tal-ballistika jew taʼ l-identifikazzjoni tal-marki tas-swabaʼ, tal-kalegrafija, tal-gruppi tad-demm, tal-kulur tax-xagħar, tal-ħajt tad-drapp, jew taʼ kampjuni tad-DNA. Wieħed avukat innota li l-qrati qed jiġu ffaċċjati minn “gruppi taʼ xjenzati li jiddeskrivu proċeduri taʼ komplessità li tħawdek.”
Iktar minn hekk, ir-rivista Nature tinnota li mhux ix-xjenzati kollha jaqblu maʼ l-interpretazzjoni taʼ l-evidenza forensika. “Jistaʼ jkun hemm nuqqas taʼ qbil ġenwin bejn ix-xjenzati forensiċi.” B’dispjaċir ngħidu li, “evidenza forensika difettuża diġà kienet responsabbli għal ħafna kundanni żbaljati.”
Ngħixu fejn ngħixu, is-sistemi ġudizzjali kollha li qed joperaw bħalissa jirriflettu d-difetti tal-bniedem. Mela lil min nistgħu nafdaw biex jipproteġi lill-innoċenti? Nistgħu xi darba nittamaw li jkollna ġustizzja vera? U x’tama hemm għall-vittmi taʼ żbalji ġudizzjali?
“Jien Hu l-Mulej, li Nħobb id-Dritt [“il-Ġustizzja,” NW]”
Jekk int jew membru tal-familja tiegħek tkunu vittma taʼ xi żball tal-ġustizzja, Alla Jehovah u Ibnu, Ġesù, jafu minn xiex tkunu għaddejjin. L-iktar inġustizzja orribbli minnhom kollha seħħet meta Kristu ngħata l-mewt fuq zokk tat-tortura. L-appostlu Pietru jgħidilna li Ġesù “ma kien għamel ebda dnub.” Madankollu, ġie akkużat minn xhieda foloz, instab ħati, u ngħata l-mewt.—1 Pietru 2:22; Mattew 26:3, 4, 59-62.
Immaġina kif bilfors ħassu Jehovah dwar maltrattament bħal dan fuq Ibnu! Il-ġustizzja hi waħda mill-kwalitajiet kardinali taʼ Jehovah. Il-Bibbja tgħidilna: “Lkoll ġusti t-triqat tiegħu.”—Dewteronomju 32:4; Salm 33:5.
Jehovah ta lil Iżrael sistema ġudizzjali taʼ l-għaġeb. F’każ taʼ qtil mhux solvut, il-mewt kellha titpatta b’sagrifiċċju. Ma kien hemm ebda pressjoni biex isolvu kull delitt b’riskju li jitfgħu l-ħtija fuq xi persuna innoċenti. Ħadd ma setaʼ jiġi kkundannat għal xi delitt purament fuq evidenza xjentifika jew indiretta; għallinqas ried ikun hemm żewġ xhieda li jkunu raw b’għajnejhom dak li ġara. (Dewteronomju 17:6; 21:1-9) Dawn l-eżempji juru li Jehovah għandu livelli għoljin u hu kkonċernat dwar li l-ġustizzja tiġi amministrata kif jixraq. Tabilħaqq, hu jgħid: “Jien hu l-Mulej, li nħobb id-dritt [“il-ġustizzja,” NW].”—Isaija 61:8.
M’għandniex xi ngħidu, is-sistema ġudizzjali taʼ Iżrael kienet f’idejn bnedmin li kellhom difetti simili għal dawk tagħna. Kien hemm xi każi fejn il-liġi ġiet applikata ħażin. Is-Sultan Salamun kiteb: “Jekk f’xi qasam tal-pajjiż tara l-fqir jinħaqar u d-dritt u l-ħaqq mirfusa, m’għandekx tistagħġeb b’dan.”—Koħèlet 5:7 [Koħèlet 5:8, NW].
Jehovah kien kapaċi jikkoreġi l-inġustizzja li saret lil Ibnu. Din iċ-ċertezza saħħet lil Ġesù, li għall-“hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib [“għaz-zokk tat-tortura,” NW].” Bl-istess mod, il-prospett taʼ ferħ li ngħixu fuq art magħmula ġenna taħt il-ħakma tal-Messija, bil-ġustizzja vera tittrijonfa, jistaʼ jsaħħaħna biex nissaportu meta nisimgħu dwar jew saħansitra nesperjenzaw l-inġustizzja f’din is-sistema qadima. M’hemm ebda ħsara jew deni li Jehovah ma jistax jikkoreġi fiż-żmien xieraq tiegħu. Saħansitra dawk li jitilfu ħajjithom minħabba xi żball ġudizzjali jistgħu jesperjenzaw l-irxoxt.—Lhud 12:2; Atti 24:15.
Jekk insofru bħala vittmi taʼ xi inġustizzja, nistgħu nkunu grati li ħafna sistemi ġudizzjali għandhom mezzi legali li jistgħu jagħmluhielna possibbli li nikkoreġu s-sitwazzjoni. Il-Kristjani jistgħu jużaw mezzi bħal dawn. Madankollu, huma jiftakru dan il-fatt: Is-sistemi ġudizzjali imperfetti huma riflessjoni taʼ soċjetà umana li għandha bżonn taʼ ristrutturazzjoni kbira. Din dalwaqt se sseħħ—permezz t’Alla.
Jehovah dalwaqt se jneħħi għalkollox lil din is-sistema inġusta t’affarijiet u flokha jagħmel sistema ġdida fejn “tgħammar il-ġustizzja.” Aħna jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li mbagħad il-Ħallieq tagħna se jamministra l-ġustizzja permezz tas-Sultan Messjaniku tiegħu, Ġesù Kristu. Ġustizzja vera għal kulħadd qiegħda fil-qrib! Kemm għandna għalfejn inkunu grati għal dan il-prospett.—2 Pietru 3:13.
[Nota taʼ taħt]
a Fil-każi msemmijin hawnhekk, It-Torri taʼ l-Għassa mhux qed jissuġġerixxi l-ħtija jew l-innoċenza taʼ xi individwu, lanqas ma qed jappoġġja sistema ġudizzjali taʼ pajjiż bħala li hi aħjar minn dik taʼ xi pajjiż ieħor. Iktar minn hekk, din ir-rivista mhux qed tiddefendi forma taʼ kastig iktar minn oħra. Dan l-artiklu sempliċement jistqarr il-fatti kif kienu magħrufin matul iż-żmien li nkiteb.
[Kumment f’paġna 27]
Is-sistemi ġudizzjali imperfetti—flimkien maʼ gvernijiet korrotti, reliġjonijiet bla valur, u kummerċ mingħajr prinċipji morali—huma riflessjoni taʼ soċjetà umana li għandha bżonn taʼ ristrutturazzjoni kbira
[Kaxxa f’paġna 28]
Faraġ mill-Iskrittura Mqaddsa
F’Novembru taʼ l-1952, Derek Bentley u Christopher Craig daħlu jisirqu maħżen fi Croydon, viċin Londra, l-Ingilterra. Bentley kellu 19-il sena u Craig kellu 16-il sena. Ġiet imsejħa l-pulizija, u Craig spara u qatel wieħed minnhom. Craig qattaʼ disaʼ snin il-ħabs, fil-waqt li Bentley ġie mgħallaq għall-qtil f’Jannar taʼ l-1953.
Iris, oħt Bentley, baqgħet għal 40 sena titħabat f’kampanja biex tnaddaf ismu mill-ħtija taʼ qtil li ma kkommettiex. Fl-1993, il-Kuruna ħarġet il-maħfra f’konnessjoni mas-sentenza, billi ammettiet li Derek Bentley qatt ma missu ġie mgħallaq. Iris Bentley kitbet dwar il-każ fil-ktieb Let Him Have Justice:
“Madwar sena qabel il-qtil Derek iltaqaʼ maʼ Xhud taʼ Jehovah fit-triq . . . Oħtna Lane, ma kinitx toqgħod ’il bogħod minna fi Triq Fairview u stiednet lil Derek id-dar tagħha biex joqgħod jismaʼ l-istejjer tal-Bibbja. . . . Kienet ħaġa tajba li Lane kellha l-istejjer tal-Bibbja rrekordjati, u selfithomlu [ladarba Derek ma tantx kien jaf jaqra]. . . . Kien jiġi lura u jgħidli dak li kienet toqgħod tgħidlu, affarijiet bħal li lkoll kemm aħna se nerġgħu niġu lura wara li mmutu.”
Iris Bentley marret iżżur lil ħuha fit-taqsima tal-ħabs għal dawk ikkundannati qabel l-esekuzzjoni tiegħu. Kif ħassu? “L-affarijiet li Oħtna Lane kienet qaltlu għenuh biex ikampa matul dawk l-aħħar ftit ġranet.”—Korsiv tagħna.
Jekk qed issofri minħabba xi żball tal-ġustizzja, ikun taʼ ġid li taqra u timmedita fuq veritajiet tal-Bibbja. Dan jistaʼ jipprovdilek faraġ kbir, għax Alla Jehovah hu “Missier il-ħniena u Alla taʼ kull faraġ. Hu jfarraġna fl-hemm kollu tagħna.”—2 Korintin 1:3, 4.
[Stampa f’paġna 29]
Inġustizzja orribbli seħħet meta Kristu ngħata l-mewt