LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 9/1 pp. 25-29
  • Jehovah il-Blata Tiegħi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah il-Blata Tiegħi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Insib Familja Spiritwali
  • Pijunier Waħdi
  • Nissaportu l-​Persekuzzjoni u l-​Eżilju
  • Żjieda Minkejja Oppożizzjoni
  • Jehovah, il-​“Ħellies Tiegħi”
  • Għaddejt minn Provi Ħorox taʼ Sofferenza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Orfni Minsi Jsib Missier li Jħobbu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Nagħti lil Jehovah Dak li Jistħoqqlu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Jehovah Ipprovda “Qawwa Iktar min-Normal”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 9/1 pp. 25-29

Jehovah il-​Blata Tiegħi

KIF RAKKONTAT MINN EMMANUEL LIONOUDAKIS

Ommi ħarset lejja bl-​ikrah u qaltli: “Jekk se tibqaʼ twebbes rasek, allura jkollok titlaq ’il barra minn din id-​dar.” Kont iddeċidejt li nippriedka s-​Saltna t’Alla full-time. Madankollu, il-​familja tiegħi ma setgħetx tiflaħ għall-​umiljazzjoni minħabba li kont niġi arrestat ripetutament.

IL-​ĠENITURI tiegħi kienu nies umlin li kellhom il-​biżaʼ t’Alla. Kienu jgħixu fir-​raħal taʼ Douliana, fil-​parti tal-​punent tal-​gżira Griega taʼ Kreta, fejn twelidt jien fl-​1908. Mindu kont żagħżugħ, huma kienu għallmuni nuri biżaʼ u rispett lejn Alla. Il-​Kelma t’Alla kont inħobbha, għalkemm qatt ma kont rajt Bibbja f’idejn l-​għalliema jew f’idejn il-​qassisin Ortodossi Griegi.

Wara li wieħed mill-​ġirien kien qara sitt volumi taʼ Studies in the Scriptures, minn C. T. Russell, u l-​ktieb The Harp of God, hu b’entużjażmu kbir beda jgħidli dwar il-​kontenut Skritturali tagħhom li veru jġagħlek tiftaħ għajnejk. Dawn il-​kotba kienu ġew pubblikati mill-​Istudenti tal-​Bibbja, għax hekk kienu jissejħu x-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien. Jien bil-​qalb kollha ksibt Bibbja u xi kopji taʼ kotba mill-​uffiċċju tal-​Watch Tower Society f’Ateni. Għadni niftakar meta kont nibqaʼ mqajjem sa tard bil-​lejl maʼ dak il-​ġar, nitlob lil Jehovah u fid-​dawl tax-​xemgħa nassorbi profondament mill-​Iskrittura bl-​għajnuna taʼ dawn il-​pubblikazzjonijiet.

Kelli 20 sena u kont għalliem fl-​iskola f’raħal qrib meta bdejt naqsam l-​għarfien ġdid tiegħi mill-​Bibbja m’oħrajn. F’qasir żmien, erbgħa minna bdejna nagħmlu laqgħat regulari għal studju tal-​Bibbja f’Douliana. Qassamna wkoll kotba żgħar, fuljetti, kotba, u Bibbji sabiex ngħinu lil nies oħrajn jitgħallmu dwar l-​uniku skop għall-​umanità, is-​Saltna t’Alla.

Fl-1931, konna fost l-​eluf mad-​dinja kollha li adottaw l-​isem ibbażat fuq il-​Bibbja, Xhieda taʼ Jehovah. (Isaija 43:10) Matul is-​sena taʼ wara, ipparteċipajna f’kampanja taʼ pubbliċità, fejn spjegajna lill-​awtoritajiet x’kien l-​isem ġdid tagħna u x’ifisser. Din kienet tinkludi li nqassmu ktejjeb addattat lil kull qassis, imħallef, uffiċjal tal-​pulizija, u negozjant f’dawk l-​inħawi.

Bħalma ssopponejna, il-​kleru qanqal mewġa sħiħa taʼ persekuzzjoni. L-​ewwel darba li arrestawni, weħilt 20 ġurnata ħabs. Eżatt wara li nħlist, reġgħu arrestawni u weħilt xahar ieħor. Meta wieħed imħallef talabna nieqfu nippridkaw, aħna weġibnieh bil-​kliem t’Atti 5:29: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-​bnedmin.” Iktar tard, fl-​1932, rappreżentant tal-​Watch Tower ġie jżur il-​grupp żgħir tagħna f’Douliana, u l-​erbgħa li aħna tgħammidna.

Insib Familja Spiritwali

Minħabba x-​xewqa tiegħi li nagħmel iktar fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, irriżenjajt mill-​impjieg tiegħi bħala għalliem. Dan ommi ma felħitux. Ġagħlitni nitlaq mid-​dar. Bl-​approvazzjoni taʼ l-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower f’Ateni, wieħed ħu Kristjan ġeneruż fil-​belt taʼ Iráklion, fi Kreta, b’qalb kbira laqagħni fid-​dar tiegħu. Għalhekk, f’Awissu taʼ l-​1933, l-​aħwa mir-​raħal fejn kont ngħix qabel, flimkien maʼ xi individwi interessati, ġew isellmuli qabel ma rkibt il-​karozza tal-​linja. Dan kien mument tassew kommoventi, u lkoll kemm aħna bkejna, għax ma konniex nafu meta konna se nerġgħu naraw lil xulxin.

F’Iráklion, bdejt nagħmel parti minn familja spiritwali kollha mħabba. Kien hemm tliet aħwa rġiel Kristjani oħra u waħda oħt li konna niltaqgħu magħhom regolarment għall-​istudju u għall-​qima. Stajt nara b’għajnejja stess it-​twettiq tal-​wegħda taʼ Ġesù: “Fost dawk kollha li minħabba fija u l-​Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-​għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-​dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subjien u bniet, [u] ommijiet.” (Mark 10:29, 30) L-​inkarigu tiegħi kien li nippriedka f’dik il-​belt u fl-​irħula tal-​qrib. Wara li lestejt dik il-​belt, mort naħdem fid-​distretti taʼ Iráklion u Lasithion.

Pijunier Waħdi

Kont inqattaʼ ħafna sigħat nimxi minn raħal għall-​ieħor. Iktar minn hekk, kelli nġorr diversi kilogrammi taʼ letteratura, ladarba din ma tantx kienet tintbagħat spiss bil-​baħar. Peress li ma kienx ikolli fejn norqod, kont immur f’ħanut tal-​kafè fir-​raħal, nistenna sakemm l-​aħħar klijent ikun telaq​—normalment wara nofsillejl—​norqod fuq xi sufan, u nqum kmieni ħafna l-​għada fil-​għodu qabel ma s-​sid kien jibda jservi x-​xorb. Dawk is-​sufani kienu jkunu miżgħuda bil-​briegħed.

Għalkemm in-​nies normalment kienu indifferenti, kont ferħan li qed nuża s-​saħħa taʼ żgħożiti għal Jehovah. Meta kont insib lil xi ħadd interessat fil-​verità tal-​Bibbja, dan kien iġġeddidli d-​determinazzjoni tiegħi biex nibqaʼ nagħmel dan il-​ministeru li jsalva l-​ħajjiet. Is-​sħubija maʼ ħuti spiritwali kienet xi ħaġa rifreskanti wkoll. Kont niltaqaʼ magħhom wara li kont inkun ilni ma narahom għal xi 20 jew 50 ġurnata, jiddependi minn kemm kont inkun qed nippriedka ’l bogħod mill-​belt taʼ Iráklion.

Għadni niftakar qisu l-​bieraħ kemm kont ħassejtni waħdi darba wara nofsinhar, speċjalment meta ftakart li ħuti Kristjani f’Iráklion kien se jkollhom il-​laqgħa regulari tagħhom f’dik il-​lejla. Tant kelli xewqa kbira li narahom li ddeċidejt li nimxi iktar minn 25 kilometru biex immur ħdejhom. Qatt m’għaġġilt daqshekk. Kemm kien taʼ faraġ li ngawdi s-​sħubija pjaċevoli taʼ ħuti dik il-​lejla u li nerġaʼ nimla l-​ġiebja spiritwali tiegħi, biex ngħidu hekk!

Ma damx wisq maʼ l-​isforzi ħabrieka tiegħi taʼ l-​ippridkar bdew jipproduċu l-​frott. Bħalma kien fi żmien l-​appostli, ‘Il-​Mulej kien iżidilna magħna lil dawk li jkunu salvi.’ (Atti 2:47) In-​numru t’adoraturi taʼ Jehovah beda jiżdied fi Kreta. Hekk kif oħrajn bdew jingħaqdu miegħi fil-​ministeru, ma bqajtx inħossni iktar waħdi. Aħna ssaportejna tbatija fiżika u oppożizzjoni ħarxa. L-​ikel taʼ kuljum tagħna kien ħobż, u forsi xi bajd, żebbuġ, jew ħaxix li stajna nakkwistaw bi tpartit maʼ xi letteratura li kienet tiġi aċċettata minn dawk li konna nippridkawlhom.

Fil-belt taʼ Ierápetra, fil-​parti tax-​xlokk taʼ Kreta, tajt xiehda lil Minos Kokkinakis, bejjiegħ tad-​drappijiet. Minkejja l-​isforzi persistenti tiegħi biex nibda studju tal-​Bibbja miegħu, hu ftit li xejn kellu ħin minħabba li kien okkupat ħafna. Madankollu, meta fl-​aħħar iddeċieda li jieħu l-​istudju tiegħu bis-​serjetà, hu għamel bidliet drastiċi f’ħajtu. Sar ukoll proklamatur il-​veru żeluż u attiv taʼ l-​aħbar tajba. Emmanuel Paterakis, l-​impjegat taʼ 18-il sena taʼ Kokkinakis, impressjona ruħu b’dawk il-​bidliet, u malajr talab xi letteratura tal-​Bibbja. Kemm ħadt gost meta rajtu jagħmel progress spiritwali stabbli u fl-​aħħar isir missjunarju!a

Sadanittant, il-​kongregazzjoni tar-​raħal fejn kont trabbejt baqgħet tikber u issa kien hemm 14-il pubblikatur. Qatt ma se ninsa dik il-​ġurnata li qrajt l-​ittra t’oħti Despina, fejn qaltli li kemm hi u kemm il-​ġenituri tiegħi kienu ħaddnu l-​verità u kienu issa adoraturi mgħammdin taʼ Jehovah!

Nissaportu l-​Persekuzzjoni u l-​Eżilju

Il-​Knisja Ortodossa Griega bdiet tqis l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar bħala flaġell taʼ ġradijiet devastanti, u kienet determinata li teqridna. F’Marzu taʼ l-​1938, ġejt meħud quddiem il-​prosekutur pubbliku, li esiġa li jien nitlaq immedjatament minn dawk l-​inħawi. Jien weġibtu li l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar kienet attwalment taʼ benefiċċju u li x-​xogħol tagħna ġie kmandat minn awtorità iktar għolja, mis-​Sultan tagħna Ġesù Kristu.—Mattew 28:19, 20; Atti 1:8.

L-għada, bagħtu għalija biex immur l-​għassa tal-​pulizija tad-​distrett. Hemmhekk informawni li ġejt ittimbrat bħala persuna perikoluża, u ġejt sentenzjat sena eżilju fil-​gżira t’Amorgos fil-​baħar Eġew. Wara ftit jiem, ħaduni manettjat b’dgħajsa lejn dik il-​gżira. F’Amorgos ma kien hemm ebda Xhud taʼ Jehovah. Immaġina x’sorpriża ħadt meta, wara xi sitt xhur, sirt naf li Xhud ieħor kien ġie eżiljat lejn din il-​gżira. U min kellu jkun? Minos Kokkinakis, l-​istudent li jien studjajt il-​Bibbja miegħu fi Kreta. Kemm kont ferħan li issa kelli sieħeb spiritwali! Xi ftit żmien wara, kelli l-​privileġġ li ngħammdu fl-​ilmijiet t’Amorgos.b

Ftit wara li rritornajt lejn Kreta, reġgħu arrestawni, u din id-​darba eżiljawni għal sitt xhur lejn il-​belt ċkejkna taʼ Neapolis fuq din il-​gżira stess. Wara li għaddewli s-​sitt xhur taʼ l-​eżilju tiegħi, ġejt arrestat, mitfugħ il-​ħabs għal għaxart ijiem, u mbagħad ġejt mibgħut għal erbaʼ xhur lejn gżira riservata għall-​eżiljati Komunisti. Bdejt nirrealizza kemm kien minnu l-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “Dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-​persekuzzjoni.”—2 Timotju 3:12.

Żjieda Minkejja Oppożizzjoni

Malli l-​Ġermanja okkupat il-​Greċja fis-​snin taʼ bejn l-​1940-44, l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar kienet kważi waqfet għalkollox. Madankollu, in-​nies taʼ Jehovah fil-​Greċja malajr reġgħu organizzaw ruħhom, u erġajna bdejna l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar. Biex nipprovaw inpattu għaż-​żmien li tlifna, bdejna b’mod attiv u żeluż nistinkaw fix-​xogħol tas-​Saltna.

Bħalma kien mistenni, reġgħet żbroffat l-​oppożizzjoni reliġjuża. Taʼ sikwit, il-​qassisin Ortodossi Griegi kienu jieħdu l-​liġi b’idejhom. F’wieħed mill-​irħula wieħed qassis xewwex grupp taʼ nies kontrina. Il-​qassis innifsu beda jsawwatni waqt li ibnu beda jagħtini fuq dahri. Tlaqt niġri lejn dar fil-​viċin għall-​protezzjoni, waqt li sieħbi ġie mkaxkar lejn il-​pjazza tar-​raħal. Hemmhekk, dawn qattgħulu l-​letteratura, u kien hemm waħda mara li bdiet il-​ħin kollu tgħajjat mill-​gallarija tagħha, “Oqtluh!” Fl-​aħħar ġejna meħlusin minn tabib u pulizija li inzerta għaddej minn hemm.

Iktar tard, fl-​1952, reġgħu arrestawni u ġejt sentenzjat għal erbaʼ xhur eżilju, li qattajthom f’Kastelli Kissamos, fi Kreta. Immedjatament wara, ġejt mogħti taħriġ biex inżur il-​kongregazzjonijiet u nsaħħaħhom spiritwalment. Wara li qattajt sentejn f’dan it-​tip taʼ xogħol taʼ vjaġġar, iżżewwiġt oħt Kristjana leali, jisimha Despina bħal oħti, u din dejjem uriet kemm kienet qaddejja leali taʼ Jehovah. Wara li żżewwiġna, ġejt mogħti l-​inkarigu bħala pijunier speċjali fil-​belt taʼ Hania, fi Kreta, fejn għadni naqdi sal-​lum.

Matul kważi 70 sena taʼ servizz full-time, jien ippridkajt fil-​biċċa l-​kbira taʼ Kreta​—gżira taʼ 8,300 kilometru kwadru u li t-​tul tagħha hu madwar 250 kilometru. L-​akbar ferħ tiegħi ġie milli nara lil dawk l-​erbaʼ Xhieda fuq din il-​gżira fis-​snin 30 jiżdiedu għal iktar minn 1,100 proklamatur attiv tas-​Saltna t’Alla llum. Nirringrazzja lil Jehovah talli tani l-​opportunità li jkolli sehem f’li ngħin lil ħafna minn dawn jiksbu għarfien eżatt mill-​Bibbja u tama meraviljuża għall-​futur.

Jehovah, il-​“Ħellies Tiegħi”

L-​esperjenza għallmitni li jirrikjedi sabar u paċenzja biex tgħin lin-​nies isiru jafu lil veru Alla. Jehovah b’mod ġeneruż jipprovdi dawn il-​kwalitajiet tant meħtiġin. Matul is-​67 sena taʼ servizz tiegħi full-time, irriflettejt ripetutament fuq il-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu: “F’kollox inqisu ruħna bħala ministri taʼ Alla, bis-​sabar kollu fit-​tiġrib, fit-​tbatija, fid-​djieqa, fis-​swat, fil-​ħabsijiet, fit-​tixwix, fit-​taħbit, fis-​sahriet bla rqad, [u] fis-​sawm.” (2 Korintin 6:4, 5) Partikolarment matul is-​snin bikrin tiegħi taʼ servizz, is-​sitwazzjoni finanzjarja tiegħi kienet ħażina ħafna. Madankollu, Jehovah qatt m’abbanduna lili u l-​familja tiegħi. Hu wera kemm kien Ajjutant konsistenti u qawwi. (Lhud 13:5, 6) Aħna dejjem rajna l-​id kollha mħabba tiegħu kemm fil-​ġbir tan-​nagħaġ tiegħu u kemm f’li jipprovdilna l-​bżonnijiet tagħna.

X’ħin inħares lura u nara kemm, f’sens spiritwali, id-​deżert iffjorixxa, inħossni fiduċjuż li x-​xogħol tiegħi ma kienx għal xejn. Użajt is-​saħħa taʼ żgħożiti bl-​iktar mod taʼ benefiċċju. Il-​karriera tiegħi fil-​ministeru full-time kienet iktar taʼ siwi minn kwalunkwe ħaġa oħra. Issa li jien avanzat fl-​età, nistaʼ ninkuraġġixxi b’qalbi kollha liż-​żgħażagħ biex ‘jiftakru f’min ħalaqhom f’jiem żgħożithom.’—Koħèlet 12:1.

Minkejja li għandi 91 sena, għadni kapaċi niddedika iktar minn 120 siegħa fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar kull xahar. Kuljum, jien inqum fis-​7:30 taʼ fil-​għodu u nagħti xiehda lin-​nies fit-​toroq, fil-​ħwienet, jew fil-​ġonna pubbliċi. Jien inħalli bejn wieħed u ieħor 150 rivista kull xahar. Għandi problemi tas-​smigħ u tal-​memorja li issa qed jagħmluli ħajti diffiċli, imma ħuti spiritwali kollhom imħabba​—il-​familja kbira spiritwali tiegħi—​kif ukoll il-​familji taż-​żewġ uliedi l-​bniet, verament jagħtuni appoġġ sħiħ.

Fuq kollox, tgħallimt inpoġġi l-​fiduċja tiegħi f’Jehovah. Minn dejjem ta prova li hu l-​“blata tiegħi, fortizza u ħellies tiegħi.”—Salm 18:3 [Salm 18:2, NW].

[Noti taʼ taħt]

a Għall-bijografija taʼ Emmanuel Paterakis, ara The Watchtower, taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1996, paġni 22-7.

b Għal rebħa legali li tinvolvi lil Minos Kokkinakis, ara The Watchtower, taʼ l-​1 taʼ Settembru, 1993, paġni 27-31. Minos Kokkinakis miet f’Jannar taʼ l-​1999.

[Stampi f’paġna 26, 27]

Isfel: Maʼ marti; xellug: fl-​1927; il-​faċċata l-​oħra: maʼ Minos Kokkinakis (xellug) u Xhud ieħor fl-​Acropolis, fl-​1939, eżatt wara li ġejna lura mill-​eżilju

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja