X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti taʼ It-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
• Liema skeda persunali rigward il-Priedka taʼ fuq il-Muntanja tistaʼ tagħmel biex ittaffi l-istress?
Kull ġurnata, tistaʼ taqra waħda mit-tagħlimiet bażiċi li hemm imniżżlin f’din il-priedka jew xi mkien ieħor fl-Evanġelji. Billi timmedita fuq kull tagħlima u tipprova tapplikaha personalment, int x’aktarx li se jkollok iktar ferħ u inqas stress.—12/15, paġni 12-14.
• Liema tliet raġunijiet tajbin hemm għala l-anzjani tal-kongregazzjoni għandhom iħarrġu lill-qaddejja ministerjali biex ikunu jistgħu jerfgħu iktar responsabbiltajiet?
Minħabba li x-Xhieda taʼ Jehovah qed jiżdiedu fin-numru, hemm bżonn taʼ iktar irġiel responsabbli biex jgħinu lil dawk li m’ilhomx li tgħammdu jagħmlu progress. Barra minn hekk, xi wħud minn dawk li ilhom jaqdu bħala anzjani qed jikbru fl-età u għandhom problemi taʼ saħħa. Raġuni oħra hija li xi anzjani kapaċi għandhom responsabbiltajiet oħra minbarra dawk fil-kongregazzjoni lokali, u għalhekk forsi ma jkunux jistgħu jagħmlu daqskemm kienu jagħmlu qabel fil-kongregazzjoni tagħhom.—1/1, paġna 29.
• In-nies kif jafdaw f’allat li m’humiex reali?
Ħafna jqimu l-allat tar-reliġjon tagħhom, imma dawn sempliċement jistgħu jkunu allat bla ħajja li ma jistgħu jsalvaw lil ħadd, l-istess bħalma kien Bagħal fi żmien Elija. (1 Slaten 18:26, 29; Salm 135:15-17) Oħrajn jaduraw personalitajiet tad-divertiment jew taʼ l-isports li ma jistgħux jipprovdu xi tama reali għall-futur. Għall-kuntrarju, Jehovah verament jeżisti u jwettaq l-iskopijiet tiegħu.—1/15, paġni 3-5.
• X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Kajjin irreaġixxa għat-twissija t’Alla?
Alla tana l-libertà biex nagħżlu, u nistgħu nagħżlu li nagħmlu dak li hu tajjeb minflok ma nagħmlu kif għamel Kajjin u nwarrbu milli nagħmlu t-tajjeb. Ir-rakkont tal-Bibbja juri wkoll li Jehovah żgur li jagħmel ħaqq minn dawk li ma jurux indiema.—1/15, paġni 22-3.
• L-indafa għala hija importanti speċjalment issa?
Peress li l-istil tal-ħajja qiegħed dejjem jinbidel, ħafna nies qed iqattgħu inqas ħin inaddfu darhom milli kienu jagħmlu qabel. Jistaʼ jkun taʼ periklu għas-saħħa meta tiġi injorata l-indafa fl-ikel u fl-ilma. Minbarra l-indafa fiżika, il-Bibbja tenfasizza li għandna nagħtu attenzjoni għall-indafa spiritwali, morali, u mentali.—2/1, paġni 3-6.
• Waqt li rrefera għax-xhieda leali li għexu qabel Kristu, Pawlu qal li ma kinux se ‘jaslu għall-perfezzjoni mingħajrna.’ Dan kif? (Lhud 11:40)
Matul il-Millennju li ġej, Kristu u ħutu l-midlukin fis-sema li jaqdu bħala slaten u qassisin, se jqassmu l-benefiċċji mis-sagrifiċċju li Kristu ħallas bħala fidwa fuq dawk li jirxoxtaw. Uħud leali bħal dawn li jissemmew f’Lhud kapitlu 11 b’hekk se “jaslu għall-perfezzjoni.”—2/1, paġna 23.
• Liema punt ried joħroġ Pawlu meta qal lil-Lhud: “Għad ma żammejtux hekk iebes li wasaltu biex xerridtu demmkom”? (Lhud 12:4)
Hu ried ifisser li wieħed jibqaʼ jirreżisti sal-punt li jmut. Kien hemm eżempji storiċi taʼ wħud li kienu żammew leali sal-mewt. Għalkemm il-Lhud li Pawlu kien qed jiktbilhom ma kinux ġew testjati sa dak il-punt, huma kellhom bżonn jagħmlu progress u jsiru maturi. Kellhom jibnu l-fidi tagħhom biex ikunu jistgħu jissaportu dak kollu li setaʼ jinqalaʼ.—2/15, paġna 29.
• Huwa xieraq għal Kristjan li jibbalzma l-ġisem taʼ xi ħadd maħbub li jmut?
L-ibbalzmar hu mezz taʼ kif wieħed jippreserva xi ġisem mejjet. Xi nies tal-qedem kienu jipprattikaw din id-drawwa għal raġunijiet reliġjużi. Dan ma japplikax fil-każ taʼ l-adoraturi veri. (Koħèlet 9:5; Atti 24:15) L-ibbalzmar sempliċement jipposponi dak li ma jistax jiġi evitat, li ġisem jerġaʼ lura lejn it-trab. (Ġenesi 3:19) Imma m’hemmx għalfejn wieħed jinkwieta jekk il-liġi tirrikjedi l-ibbalzmar, jew jekk xi membri tal-familja jkunu jixtiquh, jew forsi jkun meħtieġ minħabba li jkun hemm min ikollu jivvjaġġa mill-bogħod biex jattendi għall-funeral.—3/15, paġni 18-20.
• Liema eżempji Bibliċi jgħallmuna li Alla jilqaʼ nies mill-ġnus kollha?
Jehovah bagħat lill-profeta Ġona biex iwissi lin-nies taʼ Ninwè, u Alla ħeġġeġ lil Ġona biex jaċċetta l-indiema tagħhom. Ġesù inkuraġġixxa lil oħrajn juru mħabba lejn is-Samaritani, u dan għamlu sew bil-kliem kif ukoll bl-eżempju. Kemm l-appostlu Pietru u kemm l-appostlu Pawlu kellhom sehem f’li jagħtu l-aħbar tajba lil dawk li ma kinux Lhud. Minn dawn l-eżempji, nistgħu naraw li hemm il-bżonn li nipprovaw ngħinu lin-nies minn kull sfond tal-ħajja.—4/1, paġni 21-4.