L-Ibbalzmar Huwa Xieraq għall-Kristjani?
Hekk kif kien riesaq lejn it-tmiem taʼ ħajtu, il-patrijarka leali Ġakobb għamel l-aħħar talba tiegħu: “Idfnuni maʼ missirijieti, fl-għar li hemm fl-għalqa taʼ Għefron il-Ħitti; fl-għar li hemm fl-għalqa taʼ Makfela biswit Mamri fl-art taʼ Kangħan.” —Ġenesi 49:29-31.
ĠUŻEPPI onora x-xewqa taʼ missieru billi uża d-drawwa li kienet popolari fl-Eġittu f’dak iż-żmien. Hu ordna “lit-tobba qaddejja tiegħu jibbalzmaw lil missieru.” Ir-rakkont li nsibu f’Ġenesi kapitlu 50 juri li t-tobba damu 40 jum, skond kif kienet l-użanza, biex jippreparaw il-katavru. Il-fatt li Ġakobb kien ibbalzmat ippermetta lill-bosta membri tal-familja u Eġizzjani f’pożizzjoni għolja biex jieħdu l-fdalijiet taʼ Ġakobb għad-difna avolja kellhom jivvjaġġaw bil-mod madwar 400 kilometru lejn Ħebron.—Ġenesi 50:1-14.
Jistaʼ jkun li xi darba għad jinstab il-ġisem ibbalzmat taʼ Ġakobb? Anki fl-aqwa ċirkustanzi, hemm ftit li xejn possibbiltà li dan iseħħ. Iżrael kien reġjun imsoqqi tajjeb, u dan illimita t-tip taʼ fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu hemm. (Eżodu 3:8) Instabu ħafna affarijiet antiki tal-metall u tal-ġebel, imma l-biċċa l-kbira mill-oġġetti fraġli, bħal drapp, ġilda, u iġsma bbalzmati, ma felħux għall-umdità u t-tibdil li jġib miegħu ż-żmien.
Eżattament x’inhu l-ibbalzmar? Għala kien isir? Huwa xieraq għall-Kristjani?
Fejn Bdiet l-Użanza?
L-aħjar mod li tistaʼ tiddeskrivi l-ibbalzmar hu bħala l-ippreservar taʼ katavru taʼ bniedem jew annimal. Fil-biċċa l-kbira, l-istudjużi taʼ l-istorja jaqblu li l-ibbalzmar beda fl-Eġittu imma li kien isir ukoll mill-Assirjani, il-Persjani, u x-Xizjani tal-qedem. Forsi l-ewwel interess u esperimentar fl-ibbalzmar beda meta nstabu iġsma li kienu midfunin fid-deżert u li ġew preservati b’mod naturali. F’difna bħal din, l-umdità u l-arja ma jkunux laħqu l-katavru, u għalhekk kien jonqos iċ-ċans li dan jitmermer għalkollox. Xi wħud għandhom it-teorija li l-ibbalzmar beda meta nstabu iġsma preservati fin-natron (sodju tal-karbonju), alkali li huwa abbundanti fl-Eġittu u fl-inħawi taʼ madwaru.
L-għan tal-balzmatur huwa sempliċement li jwaqqaf għal ftit l-azzjoni naturali tal-batterji li tibda ftit sigħat wara l-mewt, u li biha l-katavru jitmermer. Jekk dan il-proċess naturali jkun jistaʼ jiġi evitat, it-tmermir jieqaf jew għallinqas ibatti mhux ħażin. Hemm tliet affarijiet importanti: li l-katavru jiġi preservat biex jibqaʼ jidher bħal meta l-bniedem kien għadu ħaj, li tiġi evitata l-intiena kaġunata mit-tmermir, u li l-katavru jkun jiflaħ għal kontra l-insetti li jipprovaw iduru għalih.
L-Eġizzjani tal-qedem kienu jibbalzmaw lill-mejtin tagħhom għal raġunijiet reliġjużi. L-idea tagħhom dwar il-ħajja wara l-mewt kienet relatata max-xewqa li bħala mejtin jibqgħu f’kuntatt mad-dinja tal-bnedmin. Kienu jemmnu li l-iġsma tagħhom kienu se jibqgħu jintużaw għall-eternità u jerġgħu jingħataw il-ħajja. Għalkemm l-ibbalzmar kien komuni ħafna, sa issa għadu ma nstab l-ebda rakkont Eġizzjan taʼ kif dan kien isir. L-aħjar dokumentazzjoni li teżisti hija dik taʼ l-istudjuż Grieg taʼ l-istorja Erodotu tal-ħames seklu Q.E.K. Madankollu, ġie rapportat li meta pprovaw jiksbu l-istess riżultati billi segwew l-istruzzjonijiet li pprovda Erodotu, dawn ma tantx irnexxew.
Huwa Xieraq għall-Kristjani?
Ġakobb ġie bbalzmat minn uħud li ma kellhomx l-istess twemmin reliġjuż li kellu hu. Madankollu, ma nistgħux nimmaġinaw li meta Ġużeppi ta l-ġisem taʼ missieru lit-tobba, riedhom jitolbu u jagħmlu r-ritwali li probabbilment kienu jsiru f’dak iż-żmien fl-Eġittu waqt il-proċess taʼ l-ibbalzmar. Kemm Ġakobb u kemm Ġużeppi kienu nies taʼ fidi kbira. (Lhud 11:21, 22) Għalkemm milli jidher Jehovah ma kkmandax li l-fdalijiet taʼ Ġakobb jiġu preservati, l-Iskrittura ma titkellimx b’diżapprovazzjoni dwar dan. Il-fatt li Ġakobb ġie bbalzmat ma kienx ifisser li dan kien il-mudell li fuqu kellu jimxi l-ġens taʼ Iżrael jew il-kongregazzjoni Kristjana. Fil-fatt, fil-Kelma t’Alla m’hemm l-ebda istruzzjoni speċifika dwar dan is-suġġett. Wara li Ġużeppi nnifsu ġie bbalzmat fl-Eġittu, l-Iskrittura ma ssemmi xejn iżjed dwar din il-prattika.—Ġenesi 50:26.
Il-kundizzjoni ħażina li kienu fiha l-fdalijiet umani li nstabu fl-oqbra fil-Palestina tindika li ma kinitx l-użanza Ebrajka li jibbalzmaw lill-mejtin, jew għallinqas mhux biex iservu għal żmien twil. Per eżempju, Lazzru ma ġiex ibbalzmat. Għalkemm kien imgeżwer f’biċċiet tad-drapp, kien hemm min inkwieta ftit meta kienu se jgerbu l-ġebla tal-qabar tiegħu. Peress li Lazzru kien ilu mejjet erbat ijiem, oħtu kienet ċerta li se toħroġ riħa tinten meta jiftħu l-qabar.—Ġwann 11:38-44.
Ġesù Kristu ġie bbalzmat? Ir-rakkonti taʼ l-Evanġelju ma jindikawx li sar hekk. F’dak iż-żmien, il-Lhud kellhom id-drawwa li jippreparaw il-ġisem bi ħwawar u żjut ifuħu qabel ma jidfnuh. Per eżempju, għall-preparazzjoni tal-ġisem taʼ Ġesù, Nikodemu pprovda kwantità kbira taʼ ħwawar għal dan l-għan. (Ġwann 19:38-42) Għalfejn dawn il-ħwawar kollha? L-imħabba u r-rispett profondi li kellu għal Ġesù setgħu qanqluh ikun daqshekk ġeneruż. M’hemmx għalfejn nikkonkludu li dawn il-ħwawar intużaw biex jippreservaw il-ġisem.
Sejjer Kristjan joġġezzjona għall-użanza taʼ l-ibbalzmar? Jekk inqisu l-affarijiet b’mod realistiku, l-ibbalzmar kulma jagħmel hu li jipposponi dak li ma jistax jiġi evitat. Mit-trab ġejna, u mal-mewt fit-trab nerġgħu mmorru. (Ġenesi 3:19) Imma kemm se jgħaddi żmien mill-mewt sal-funeral? Jekk il-membri tal-familja u l-ħbieb iridu jiġu mill-bogħod u jkunu jixtiequ jaraw il-ġisem, bla dubju jrid jiġi bbalzmat sa ċertu punt.
Mela, Skritturalment m’hemmx għalfejn wieħed jinkwieta jekk il-ħtiġijiet lokali jordnaw li l-ġisem jiġi bbalzmat jew jekk il-membri tal-familja jkunu jixtiequ li dan isir. Il-mejtin “ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5) Jekk jinsabu fil-memorja t’Alla, se jiġu mqajmin għall-ħajja fid-dinja ġdida li wiegħed.—Ġob 14:13-15; Atti 24:15; 2 Pietru 3:13.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 31]
L-IBBALZMAR—FIL-PASSAT U ISSA
Fl-Eġittu taʼ l-antik, it-tip taʼ bbalzmar li kien isir fuq katavru kien jiddependi mill-pożizzjoni tal-familja tiegħu. Familja sinjura x’aktarx li kienet se tagħżel il-proċedura li ġejja:
Il-moħħ kien jinġibed ’il barra mill-imnifsejn permezz taʼ għodda tal-metall. Imbagħad, il-balzmaturi Eġizzjani kienu jippreparaw ir-ras billi jużaw mediċini apposta. Il-pass li jmiss kien jinvolvi li jneħħu l-organi interni kollha minbarra l-qalb u l-kliewi. Biex ikunu jistgħu jidħlu fiż-żaqq, kien ikollhom bżonn jagħmlu qasma fil-ġisem, imma ħaġa bħal din kienet meqjusa bħala dnub. Biex iduru maʼ din il-kontroversja, il-balzmaturi kienu jqabbdu persuna biex tagħmel din il-qasma. Eżatt malli tagħmel hekk din il-persuna kienet taħrab, għax il-kastig għal dan l-hekk imsejjaħ delitt kienu s-saħtiet u t-tħaġġir.
Wara li kienu jiżvojtaw iż-żaqq, il-ħofra li kien jifdal kienet tinħasel sew. L-istudjuż taʼ l-istorja Erodotu kiteb: “Jimlew il-ħofra bl-iktar mirra pura mfarrka, bil-kassja, u b’kull xorta taʼ ħwawar oħrajn minbarra l-inċens, u jħitu l-qasma.”
Imbagħad kienu jnixxfu l-ġisem billi jgħaddsuh fin-natron għal 70 jum. Wara kienu jaħslu l-katavru u bis-sengħa kollha jgeżwruh fl-għażel. L-għażel kienu jiksuh b’raża jew xi tip taʼ sustanza bħal gomma li kien iservi taʼ kolla, u jqiegħdu l-mumja f’kaxxa taʼ l-injam kollha tiżjin li kellha l-forma taʼ bniedem.
Illum, l-ibbalzmar jistaʼ jsir fi ftit sigħat. Ġeneralment isir billi jitqiegħed ammont preċiż taʼ fluwidu taʼ l-ibbalzmar fil-vini u l-arterji kif ukoll fil-ħofra taż-żaqq u tas-sider. Matul is-snin, ġew żviluppati u użati għadd taʼ taħlitiet. Madankollu, l-iktar taħlita li tintuża għall-ibbalzmar hija l-formaldehyde (gass bla kulur b’riħa qawwija), minħabba l-prezz u s-sigurtà.
[Stampa]
It-tebut tad-deheb tar-Re Tutankamen