KAPITLU ĦDAX
Ġeħova Jrid li n-Nies Jiksbu l-Ħajja—Tridhom Int?
1, 2. (a) X’nistgħu nitgħallmu minn kif irreaġixxa Ġona għad-deċiżjoni taʼ Ġeħova dwar Ninwe? (b) Għala għandna neżaminaw il-ħniena t’Alla u l-ħarsa tiegħu lejn il-ħajja?
ĠEĦOVA kien ferħan. Il-profeta kien imdejjaq. Bil-ħniena, Alla kien ħelisha lil eluf taʼ nies mill-mewt. Li kien għalih, Ġona kien iħallihom jinqerdu! Ġeħova għażel li jaħfer u jħalli ħajjin lil dawk li kienu l-għedewwa tal-poplu tiegħu.
Saħansitra l-qaddejja t’Alla kultant ma jirrealizzawx kemm hi kbira l-ħniena tiegħu
2 Bħalma nistgħu naraw mill-każ taʼ Ġona, kultant ikun diffiċli għall-bnedmin biex jifhmu kemm hi kbira l-paċenzja t’Alla u biex bħalu jixtiequ li n-nies jiksbu l-ħajja. Id-deċiżjoni taʼ Ġeħova li jħalli lin-Ninwin ħajjin ‘xejn m’għoġbitu [lil Ġona], tant li għadab għall-aħħar.’ Jistaʼ jkun li Ġona kien iktar imħasseb dwar is-sentimenti tiegħu stess milli dwar il-ħniena u li jsalva l-ħajjiet? Forsi hu immaġina li jekk in-Ninwin jitħallew ħajjin, hu kien se jitlef ġieħu. (Ġona 4:1, 10, 11) Xi ngħidu għal żmienna, hekk kif il-jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova riesaq bil-ħeffa? Forsi tistaqsi: ‘Kif nistaʼ nkabbar l-apprezzament tiegħi lejn il-maħfra t’Alla, u kif nistaʼ ngħin lill-midinbin li jindmu biex jibbenefikaw iktar bis-sħiħ mit-tenerezza tiegħu? Iva, kif nistaʼ nimita x-xewqa t’Alla li n-nies jiksbu l-ħajja?’
ĠUST U ĦANIN BIEX ISALVA L-ĦAJJIET
3. Hemm xi kontradizzjoni bejn il-ġustizzja t’Alla u l-ħniena tiegħu? Spjega.
3 Xi nies iħossu li dawn it-12-il ktieb profetiku, paġna wara paġna, jitkellmu dwar il-korla t’Alla u l-fatt li jikkastiga lin-nies u jwettaq il-ġustizzja. Forsi jistaqsu: ‘Fejn hi l-ħniena taʼ Ġeħova? Jimpurtah hu milli jsalva l-ħajjiet?’ Fir-realtà, minflok ma jikkontradixxu lil xulxin, il-ġustizzja u l-ħniena t’Alla jikkooperaw u jikkontribwixxu biex isalvaw il-ħajjiet. Il-ġustizzja u l-ħniena huma żewġ aspetti mill-personalità tiegħu li hi bilanċjata b’mod perfett. (Salm 103:6; 112:4; 116:5) Billi jneħħi l-ħsara li jagħmlu l-ħżiena, Alla jkun qed juri l-ħniena maʼ dawk li għandhom attitudni xierqa. B’dan juri l-ġustizzja perfetta tiegħu. Mill-banda l-oħra, peress li hu ġust bis-sħiħ, Ġeħova, fil-ħniena tiegħu, jippermetti l-limitazzjonijiet tal-bnedmin imperfetti. Tistaʼ tpoġġiha b’dan il-mod: ġudizzju meta meħtieġ, ħniena kulmeta possibbli. Fil-messaġġi tal-profeti tistaʼ ssib ħafna stqarrijiet li jikkonfermaw dan il-bilanċ perfett, billi juru li Alla jrid li n-nies jiksbu l-ħajja. Ejja neżaminaw dan u fl-istess ħin insibu lezzjonijiet li llum nistgħu napplikawhom b’modi prattiċi.
4. X’evidenza hemm li Alla jrid li n-nies jiksbu l-ħajja?
4 Il-profeta Ġoel wassal messaġġ taʼ kundanna, u madankollu kkonferma wkoll li Alla “hu grazzjuż u ħanin, bil-mod biex jirrabja u għani fil-qalb tajba bl-imħabba.” (Ġoel 2:13) Xi mitt sena wara, fit-tmien seklu Q.E.K., Mikea enfasizza kemm għandna bżonn il-maħfra taʼ Ġeħova. Wara li staqsa “Min hu Alla bħalek?” Mikea ddeskriva lil Ġeħova b’dan il-mod: “Żgur li ma jibqax irrabjat għal dejjem, għax jitgħaxxaq bil-qalb tajba bl-imħabba. Hu jerġaʼ jħenn għalina.” (Mikea 7:18, 19) Bħalma nistgħu naraw mir-rakkont taʼ Ġona dwar in-Ninwin, Alla hu lest li jerġaʼ jaħsibha jekk jikkastigax lil dawk li jistħoqqilhom il-korla tiegħu jekk jaħdmu fi qbil mar-rimors tagħhom b’għemejjel li jixirqu lill-indiema.
5. Liema aspetti tal-ħniena t’Alla u taʼ l-interess tiegħu biex isalva l-ħajjiet issib li jqawwulek qalbek? (Ara wkoll “Għamlu Lilhom Infushom Disponibbli.”)
5 Aħna m’aħniex qed ngħixu fi żmien it-12-il profeta. Madankollu, m’aħniex grati aħna għal dawn l-indikazzjonijiet tal-ħniena taʼ Ġeħova u taʼ l-interess tiegħu li jsalva l-ħajjiet? Il-fatt li tħossok hekk jistaʼ jsaħħaħ ir-rabta li għandek m’Alla u jżid l-interess tiegħek biex tgħin lil oħrajn jiksbu l-ħajja. Għalkemm illum il-biċċa l-kbira min-nies jgħixu ħajja ħażina, aħna niġu assigurati li Alla “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Din ix-xewqa min-naħa taʼ Ġeħova tintwera fl-espressjonijiet kordjali mlissnin minn Ħosea malli aċċetta lura l-mara adulteruża tiegħu. Ġeħova ‘tkellem biex jilħaq qalb’ il-poplu tiegħu. Alla ma kienx obbligat jaħfer, imma kien lest li jagħmel hekk ‘minn jeddu.’ (Ħosea 1:2; 2:13, 14; 3:1-5; 14:4) Taf għala l-attitudni u l-azzjonijiet t’Alla f’dan ir-rigward huma daqshekk importanti? Għaliex hemm il-ħajjiet involuti. Int tistaʼ tara iktar evidenza tal-ħniena t’Alla u tax-xewqa tiegħu li n-nies jiksbu l-ħajja meta tħares lejn il-kongregazzjoni Kristjana li qed tagħmel xi ħaġa li int involut fiha.
NGĦINU LIN-NIES JIKSBU L-ĦAJJA
6. Alla b’liema mod fundamentali juri li jixtieq li n-nies jiksbu l-ħajja?
6 Int għala tieħu sehem fil-ministeru pubbliku? Raġuni prinċipali hi sabiex tgħin lil ħaddieħor isir jaf lill-Alla l-veru. Huwa importanti li tkun taf dan dwar Ġeħova: Hu jagħti twissijiet ċari qabel ma jikkastiga. Dan juri l-interess ħanin tiegħu fin-nies, interess li ma jmutux imma li minflok jiksbu l-ħajja. It-12-il profeta għarrfu lill-ħżiena li Alla kien qed joffrilhom l-opportunità li jirranġaw triqathom u jiskansaw ir-rabja ġusta tiegħu. Illum, aħna involuti f’xogħol simili. Bħala Kristjan, int għandek il-privileġġ li xxandar it-twissija dwar il-jum taʼ vendetta li ġej t’Alla. Waqt li tagħmel dan, evita kwalunkwe sentiment taʼ vendetta li jġiegħlek tħoss li tkun trid li n-nies li ma jilqgħux il-messaġġ “jieħdu dak li hemm lest għalihom.” Fakkar lilek innifsek li parti mir-raġuni għala tippriedka hi sabiex xi wħud ikunu jistgħu jaqbdu t-triq li tagħti għall-ħajja.—Ġoel 3:9-12; Sofonija 2:3; Mattew 7:13, 14.
7. (a) Għala hu vitali li tieħu sehem fix-xogħol tax-xandir? (b) Jekk niltaqgħu maʼ l-apatija, kif jistaʼ jgħinna l-fatt li naħsbu dwar l-attitudni taʼ Ġeħova?
7 Kulmeta taqsam il-veritajiet tal-Bibbja minn dar għal dar, fl-iskola, fejn taħdem, jew xi mkien ieħor, int tkun qed toffri l-għajnuna lil xi ħadd li b’mod urġenti jeħtieġ il-ħniena u l-maħfra t’Alla. (Ħosea 11:3, 4) Huwa minnu li għandek mnejn tiltaqaʼ maʼ l-apatija u l-indifferenza. Madankollu, meta tippersevera minkejja dan tkun qed timita lil Alla ħanin tagħna, li permezz taʼ Żakkarija qal lill-poplu stinat Tiegħu: “Erġgħu lura, jekk jogħġobkom, minn triqatkom il-ħżiena u mill-għemejjel ħżiena tagħkom.” (Żakkarija 1:4) Min jaf kemm nies għandhom mnejn iwieġbu hekk kif tgħidilhom dwar il-ħniena t’Alla u turihom it-triq li tagħti għall-ħajja? Għal darb’oħra, ipprova żomm f’moħħok li int qed tippriedka għaliex Ġeħova jrid li n-nies jiksbu l-ħajja, u int tridhom jiksbuha wkoll.
8. Għala jqawwilek qalbek li tiftakar kif xi wħud wieġbu għall-ħniena t’Alla?
8 Xi ħaġa li tistaʼ tqawwilek qalbek hi li tiftakar f’dan il-fatt: Kważi dejjem ikun hemm nies li jwieġbu għall-messaġġi t’Alla. B’hekk, Ħosea setaʼ jitkellem dwar dawk li rrealizzaw li “t-triqat taʼ Ġeħova [huma] retti.” Il-profeta żied: “In-nies sewwa huma dawk li se jimxu fihom.” (Ħosea 14:9) Matul is-sekli, ħafna tqanqlu biex iwieġbu favorevolment għall-istedina t’Alla: “Ejjew lura għandi b’qalbkom kollha.” (Ġoel 2:12) Dan il-kliem intqal lil poplu li kien jaf lil Ġeħova, imma jirrifletti wkoll l-interess t’Alla f’dawk li għadhom kif bdew jitgħallmu dwaru. Iva, Alla ma tilifx il-fiduċja tiegħu fl-abbiltà tal-bnedmin li jiddispjaċihom għall-ħajja ħażina li kellhom qabel, li jindmu, u li jduru biex jagħmlu dak li hu sewwa. Dan jagħtihom il-prospett li jibqgħu ħajjin.—1 Timotju 4:16.
9. Il-mod kif wieġbu n-Ninwin x’juri li hemm bżonn isir?
9 Hemm fattur ieħor għala Ġeħova ħafer lin-Ninwin. Naqraw li n-nies ħaduh bis-serjetà l-messaġġ tal-ġudizzju divin li kien wasal biex iseħħ, u “bdew ipoġġu l-fidi f’Alla.” (Ġona 3:5) Sabiex jibqgħu ħajjin kellhom bżonn il-fidi, mhux sempliċement li jibżgħu mill-ġudizzju. Peress li Ġeħova jixtieq ħafna li jara n-nies jindmu u jaġixxu bil-fidi, ħalliena nippridkaw biex ngħinu lin-nies jagħżlu. B’liema riżultat? Naqraw b’konnessjoni man-Ninwin: “L-Alla l-veru ra l-għemejjel tagħhom, li kienu daru lura minn triqithom il-ħażina; u b’hekk l-Alla l-veru ddispjaċieh mill-gwaj li kien qal li se jġib fuqhom; u ma ġabux.” (Ġona 3:10) Lil Ġeħova ma tistax tidħaq bih sempliċement bil-kliem jew b’azzjonijiet artifiċjali. In-Ninwin bilfors li kienu ġenwini meta wrew rimors appoġġat bl-għemejjel tagħhom. Alla setaʼ jara li huma nbidlu verament; urew indiema ġenwina flimkien mal-fidi.
10. X’kienu ftit mis-sitwazzjonijiet li fihom Ġeħova offra s-salvazzjoni?
10 Qatt m’għandna nikkonkludu li l-interess taʼ Ġeħova biex isalva l-ħajjiet kien taʼ benefiċċju biss għan-Ninwin. Fil-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K.—wara l-ministeru t’Għobadija, Naħum, u Ħabakkuk—Ġeħova pprovda ħelsien għal Ġeremija li kien ubbidjenti u għal grupp taʼ sħabu leali. (Ġeremija 39:16-18) U l-profeti t’Alla bassru li fdal niedem kellu jerġaʼ lura minn Babilonja u jġedded il-qima pura. (Mikea 7:8-10; Sofonija 3:10-20) Dawn il-profeziji kellhom twettiq grandjuż fi żmienna. Wara l-ewwel gwerra dinjija, il-Kristjani midlukin, li ħafna minnhom kienu llaxkaw f’dik li hi qima vera, reġgħu bdew attività żeluża u bdew igawdu l-favur taʼ Ġeħova, li jsalva l-ħajjiet. Illum, ukoll, nies minn “ħafna ġnus” qed “jintrabtu maʼ Ġeħova.” (Żakkarija 2:11) Dawn għandhom il-prospett li jibqgħu ħajjin wara t-tmiem li riesaq taʼ din is-sistema. Għalhekk, il-ministeru pubbliku tiegħek m’huwiex sempliċi att t’ubbidjenza li tagħmel għaliex il-Kristjani ġew kmandati biex jagħmluh. Lanqas m’hu xi ħaġa magħmula sempliċement biex twettaq il-profezija. (Mattew 24:14; 28:19, 20) L-iskop tal-ministeru pubbliku tiegħek hu li tgħin lin-nies jitgħallmu dwar Ġeħova, jeżerċitaw il-fidi, u jiksbu l-ħajja.
ĦAJJA GĦAL DAWK LI JERĠGĦU LURA LEJN ĠEĦOVA
11, 12. Il-ħniena t’Alla kif tistaʼ tkun taʼ ġid għal dawk li darba kienu l-aduraturi tiegħu?
11 Ġeħova jinteressa ruħu fil-ġodda u jridhom jiksbu l-ħajja, imma ma jinsiex lil dawk li diġà kienu qed jaqduh. Aħna wkoll għandna ninteressaw ruħna f’dawn u rriduhom ikomplu fit-triq li tagħti għall-ħajja. B’modi prattiċi, kif nistgħu nuru li qed ninteressaw ruħna?
12 Forsi taf b’xi wħud li tgħallmu dwar Ġeħova, eżerċitaw il-fidi fih, u saru attivi fil-qima vera imma li bħalissa m’humiex qed jaqduh. Il-messaġġi li bagħat Ġeħova permezz tat-12-il profeta juru li hu lest li jħenn għal dawk li darba kienu fost il-poplu tiegħu imma li ma ppersistewx fil-qima vera. L-istess hu minnu llum, sew jekk dawn inġarrew mal-kurrent, sew jekk tbiegħdu, u sew jekk għamlu xi dnub u għandhom bżonn jindmu. (Ebrej 2:1; 3:12) Għalkemm forsi m’humiex henjin li tbiegħdu minn Ġeħova, għandhom mnejn isibuha diffiċli biex jerġgħu lura. Alla jappellalhom, bħalma jagħmel bil-kliem tal-profeta tiegħu: “Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati: ‘Erġgħu lura lejja,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova taʼ l-armati, ‘u jien nerġaʼ lura lejkom.’” (Żakkarija 1:3) Kemm hu rassiguranti l-kliem taʼ Ħosea! Hu jgħid: “Ejja lura, O Israel, lejn Ġeħova Alla tiegħek, għax int tfixkilt fl-iżball tiegħek. Ġibu l-kliem taʼ ndiema magħkom u ejjew lura lejn Ġeħova. Għidulu, intom ilkoll, ‘Jalla taħfer l-iżball; u aċċetta t-tajjeb.’” Iva, anki dawk li dinbu bil-kbir imma li mbagħad reġgħu lura lejn Alla bi ndiema vera jistgħu jesperjenzaw il-maħfra li twassal għal fejqan sħiħ. (Ħosea 6:1; 14:1, 2; Salm 103:8-10) Dan kien minnu fi żmien il-profeti, u hu minnu fi żmienna.
Kif tistaʼ tgħin lil Kristjani li qabel kienu żelużi jerġgħu lura lejn Ġeħova?
13. Liema raġunijiet għandna biex nuru l-ħniena lejn dawk li Alla ħafrilhom?
13 Iżda, dan xi jfisser għall-Kristjani li baqgħu fit-triq li tagħti għall-ħajja? Kif nistgħu nuru li għandna l-ħarsa taʼ Ġeħova lejn l-oħrajn? Ġeħova jistenna minna li nuru l-ħniena, kemm lejn il-ġodda u kemm lejn dawk li forsi ma baqgħux jaqduh. Alla stqarr permezz taʼ Ħosea dak li Hu jrid mingħandna: “Jien bil-qalb tajba bl-imħabba tgħaxxaqt, mhux bis-sagrifiċċji.” Ġesù Kristu għamel użu minn dan il-kliem u esprima l-ħsieb b’dan il-mod: “Morru, mela, u tgħallmu xi jfisser dan, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.’” (Ħosea 6:6; Mattew 9:13) Hu importanti ferm li nuru din il-ħniena biex inżommu r-relazzjoni tagħna m’Alla. Innota kif l-appostlu Pawlu rabat il-maħfra maʼ li nimitaw lil Alla: “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-qalb bi Kristu. Għalhekk, imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin, u ibqgħu mexjin bl-imħabba.” (Efesin 4:32–5:2) Kif sejjer fl-isforz tiegħek biex timita lil Alla f’dan ir-rigward?
14, 15. F’liema tip taʼ ċirkustanzi tistaʼ tiġi mġarrba l-attitudni tagħna lejn il-maħfra taʼ Ġeħova?
14 X’jiġri jekk ħu li dineb serjament ma nidimx u kellu jiġi maqtugħ mis-sħubija tal-kongregazzjoni? Ħaġa bħal din seħħet lura fl-ewwel seklu; Kristjani li saru midinbin u ma nidmux kellhom jiġu maqtugħin mis-sħubija. Jekk dan ġara meta l-appostli taʼ Ġesù kienu għadhom ħajjin, mhix sorpriża li kultant jiġri l-istess illum. F’każi bħal dawn, uħud leali fil-kongregazzjoni jaċċettaw id-direzzjoni tal-Bibbja biex ma jassoċjawx maʼ xi ħadd li ġie maqtugħ mis-sbuħija. Il-lealtà tagħhom lejn Ġeħova għandha mnejn tgħin lill-midneb jara kemm hi serja t-triq ħażina li qabad, u hu għandu mnejn jitqanqal biex jindem. Fil-Bibbja naqraw li raġel minn Korintu li kien maqtugħ mis-sħubija iktar tard nidem u dar lura, u ġie aċċettat lura. (1 Korintin 5:11-13; 2 Korintin 2:5-8) Illum, meta jiġri dan, kif tħossok int, u kif tistaʼ turi li jinteressak il-fatt li oħrajn jiksbu l-ħajja?
15 Midneb li jindem għandu mnejn jistħi u jkun iddisprat, u jkollu bżonn ikun assigurat li kemm Alla u kemm ħutu jħobbuh u jriduh jikseb il-ħajja. Ara kemm kien teneru Alla meta assigura lill-poplu li kellu fil-qedem u li kien lest li jindem: “Ngħarrsek miegħi bil-fedeltà; u int issir taf lil Ġeħova.” (Ħosea 2:20) Ladarba Alla jħossu hekk, aħna għandna nuru li nħossuna bħal dak li Żakkarija ddeskrivieh bħala l-Alla li ‘juri ħniena.’—Żakkarija 10:6.
16. Kif għandna nirreaġixxu meta xi ħadd jiġi aċċettat lura?
16 Alla jrid li n-nies jiksbu l-ħajja, u għalhekk jifraħ meta midneb jindem jew qaddej li qabel kien inattiv iġedded iż-żelu tiegħu.a (Luqa 5:32) Fil-każ tar-raġel minn Korintu li ġie aċċettat lura u li ssemma qabel, Pawlu ħeġġeġ lill-kongregazzjoni biex taħfirlu u tinkuraġġih, billi tħallih ikun jaf li tassew tħobbu: “Din iċ-ċanfira mogħtija mill-maġġuranza hi biżżejjed għal bniedem bħal dan, u għalhekk . . . għandkom taħfrulu b’qalb tajba u tfarrġuh, li ma jmurx dan jinbelaʼ għax ikun sewwed qalbu żżejjed. Għaldaqstant inħeġġiġkom biex terġgħu turuh imħabbitkom.” (2 Korintin 2:6-8) Ftakar li Ħosea kkwota lil Ġeħova bħala li qal dwar dawk li qabel kienu midinbin: “Se nfejjaq in-nuqqas taʼ fedeltà tagħhom. Se nħobbhom minn jeddi.” (Ħosea 14:4) Se nimitawh aħna lil Ġeħova, billi nieħdu sehem bil-ferħ biex ikun hemm dan il-fejqan u l-ħajja taʼ dejjem li jistaʼ jwassal għaliha?
17, 18. Kif nistgħu ngħinu bl-imħabba lil dawk li reġgħu lura lejn Ġeħova jew lill-membri tal-familja taʼ xi ħadd li ġie maqtugħ mis-sħubija?
17 Ġeħova jagħmilha ċara li hu jittratta bid-dinjità lil dawk li jerġgħu lura, jaċċettahom lura u jagħtihom imħabbtu bis-sħiħ, sewwasew bħalma Ħosea kien lest li jilqaʼ lura lil dik li qabel kienet martu żleali. Ġeħova jitkellem dwar il-mod kif ittratta lill-qaddejja tiegħu: “Sirt għalihom bħal wieħed li jneħħi l-madmad mix-xedaq tagħhom, u b’ġentilezza tajt l-ikel lil kull wieħed.” (Ħosea 11:4) Kemm tqawwilna qalbna l-affezzjoni li juża Ġeħova biex jiġbed b’ġentilezza lil dawk li jerġgħu lura! Aħna nistgħu nimitawh billi ma nkunux riġidi jew berdin lejn wieħed li jkun sewwed qalbu fi qbil mar-rieda t’Alla u nidem ġenwinament. Ladarba jkun ġie aċċettat lura fil-kongregazzjoni, minflok ma nibqgħu rrabjati jew inżommu f’qalbna għalih minħabba l-iżbalji li jkun għamel fil-passat, għandna nkellmuh biex nikkonslawh kif inhu meħtieġ.—1 Tessalonikin 5:14.
18 Tistaʼ taħseb int dwar modi oħrajn kif tistaʼ timita lil Ġeħova rigward xi ħadd li jiġi maqtugħ mis-sħubija tal-kongregazzjoni? Kieku xi ħadd kellu jiġi maqtugħ mis-sħubija, nistgħu aħna ngħinu lil dawk fil-familja tiegħu li huma leali, forsi s-sieħeb jew is-sieħba leali u t-tfal? Għandhom mnejn ikunu qed jissieltu biex jibqgħu jattendu l-laqgħat u jmorru fuq il-ministeru. Se nagħtuhom aħna l-appoġġ speċjali li forsi jeħtieġu? Mod ieħor kif turi ħniena tenera hu billi tuża “kliem tajjeb, kliem taʼ faraġ,” billi tibda konversazzjoni inkuraġġanti maʼ wħud leali bħal dawn. (Żakkarija 1:13) Hemm ħafna opportunitajiet għal dan qabel u wara l-laqgħat, waqt li tkunu flimkien fil-ministeru, jew drabi oħrajn. Huma ħaddiema sħabna, membri għeżież tal-kongregazzjoni tagħna li m’għandhomx iħossuhom imwarrbin jew iżolati. F’xi każi, ikunu biss it-tfal taʼ ġenitur maqtugħ mis-sħubija li jkunu qed jistinkaw biex jaqdu lil Ġeħova. Aħna verament irriduhom jiksbu l-ħajja. Kif nistgħu nuruh dan?
“TIFEL BLA MISSIER JINTWERA ĦNIENA”
19. Sofonija liema għajnuna spiritwali pprovda għal xi ħadd li jistaʼ jitqabbel maʼ “tifel bla missier”?
19 Fil-ministeru taʼ Sofonija, li qeda f’nofs is-sebaʼ seklu Q.E.K., int tistaʼ ssib mudell taʼ kif għandek tgħin. Hu forsi kien mill-familja rjali taʼ Ġuda, x’aktarx kuġin mill-bogħod tas-Sultan Ġosija. Missier is-sultan ġie assassinat, u b’hekk taʼ tmien snin, Ġosija kellu jieħu t-tron. Quddiemu kellu biċċa xogħol taʼ sfida: Il-ġens kien mgħaddas fl-idolatrija u fi prattiki moqżieża. (Sofonija 3:1-7) Ġosija, li kien żagħżugħ u bla missier, kellu bżonn gwida bis-sengħa u pariri sodi biex jaħkem dak il-ġens stinat. Ġeħova ta direzzjoni għaqlija permezz taʼ Sofonija u profeti oħrajn, kif issemma f’kapitli taʼ qabel taʼ dan il-ktieb. B’mod sinifikanti, waqt li permezz tal-profeta tiegħu Ġeħova tkellem kontra “l-prinċpijiet” taʼ Ġuda, Hu ma kkritikax lis-sultan innifsu. (Sofonija 1:8; 3:3) Dan jindika li s-sultan żagħżugħ Ġosija kien diġà wera li kien miġbud lejn il-qima pura. Bla dubju, it-twissija tal-profeta għenet lil Ġosija jsaħħaħ id-determinazzjoni tiegħu li jnaddaf lil Ġuda mill-qima mhix nadifa.
20. Kif jistgħu wħud “bla missier” fil-kongregazzjoni jiġu megħjunin spiritwalment?
20 L-interess li ħa Sofonija f’Ġosija jurina l-interess li jieħu Ġeħova f’żgħażagħ li huma fil-bżonn u dgħajfin, bħalma huma t-tfal li wieħed mill-ġenituri tagħhom ikun ġie maqtugħ mis-sħubija. Ħosea ddikjara: “Huwa permezz [t’Alla] li tifel bla missier jintwera ħniena.” (Ħosea 14:3) Taf int b’xi tfal oħrajn, subien u bniet, li huma “bla missier” u li għandhom bżonn lil xi ħadd taʼ l-esperjenza li jiggwidahom b’mod prattiku u wkoll fl-affarijiet spiritwali? Jistgħu jkunu orfni spiritwali, tfal taʼ familji b’ġenitur wieħed, jew żgħażagħ li jaqdu lil Ġeħova mingħajr l-appoġġ tal-familja tagħhom. Spiss, il-fatt li wħud bħal dawn jibqgħu qrib il-kongregazzjoni u jimmaturaw spiritwalment jiddependi minn jekk ikollhomx lil xi ħadd li jiggwidahom spiritwalment. Kien hemm ħafna ‘tfal bla missier’ li għamlu progress u saru adulti spiritwali u bilanċjati wara li Kristjani maturi fil-kongregazzjoni ħadu interess fihom bl-imħabba.—Salm 82:3.
Tistaʼ int tkun wieħed li jagħti għajnuna spiritwali bl-imħabba lil żgħażagħ “bla missier”?
21. Il-Kristjani maturi jistgħu joffru liema għajnuna għaż-żgħażagħ?
21 Per eżempju, omm mhix miżżewġa tiġi megħjuna jekk Kristjani maturi jieħdu interess f’uliedha. (Ġakbu 1:27) Waqt li juru rispett xieraq lejn l-istat taʼ kap tagħha u jżommu f’moħħhom li għandhom iġibu ruħhom kif jixraq, l-indokraturi u oħrajn jistgħu joffru appoġġ spiritwali lil membri taʼ familji żvantaġġati. Forsi int u l-parti l-oħra fiż-żwieġ jew il-familja tistaʼ tqattaʼ xi ħin maʼ tifel jew tifla bla missier. Tistaʼ int turi konsiderazzjoni lejn żgħażagħ li jistgħu jkunu qed isofru mis-solitudni? Dawn jistaʼ jkollhom bżonn l-empatija u maʼ min jiftħu qalbhom u int tistaʼ tissodisfa dan il-bżonn waqt li tieħu sehem magħhom fil-ministeru pubbliku. Żgur li għandek ħafna x’tagħmel, u għalhekk il-fatt li tgħin lil żagħżugħ jew żagħżugħa regolarment matul perijodu taʼ żmien jistaʼ jservi biex turi ‘kemm hi ġenwina l-imħabba tiegħek.’ (2 Korintin 8:8) L-isforzi tiegħek se jirriflettu kemm jinteressak milli oħrajn jiksbu l-ħajja.
22. Kif tħossok dwar l-interess li jieħu Ġeħova f’oħrajn biex jiksbu l-ħajja?
22 Kemm hu rassiguranti li tirrifletti fuq l-interess li Alla jieħu fin-nies, minħabba li jridhom jiksbu l-ħajja taʼ dejjem! Hu jippreferi juri l-affezzjoni tiegħu lejn in-nies sewwa li jħobbuh u jagħtihom il-ħajja milli jesprimi d-dispjaċir tiegħu lejn dawk li jagħżlu li ma jitbiddlux u li ma jistħoqqilhomx il-ħajja taʼ dejjem. Hekk kif nistennew bil-ħerqa l-jum taʼ Ġeħova, ejja nimitawh billi ngħinu lil oħrajn jaqbdu t-triq li tagħti għall-ħajja.
a Tliet tixbihat li jqawwu l-qalb juru l-interess kbir t’Alla f’dawk mill-poplu tiegħu li tbiegħdu—it-tixbihat tan-nagħġa mitlufa, il-munita mitlufa, u l-iben prodigu.—Luqa 15:2-32.