Intervent Divin—X’Nistgħu Nistennew?
FIT-TMIEN seklu Q.E.K., is-Sultan Ħeżekija taʼ Ġuda li kellu 39 sena sar jaf li kellu marda serja. Imnikket għall-aħħar, Ħeżekija talab lil Alla bil-ħrara biex ifejqu. Alla wieġbu permezz tal-profeta tiegħu: “Jien smajt it-talba tiegħek, rajt id-dmugħ tiegħek. Arani, issa se ntawwal għomrok bi ħmistax-il sena oħra.”—Isaija 38:1-5.
Alla għala interviena f’din l-okkażjoni partikulari? Sekli qabel, Alla kien wiegħed lis-Sultan ġust David: “Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqaʼ sħiħ għal dejjem.” Alla rrivela wkoll li l-Messija kellu jitwieled fil-linja taʼ David. (2 Samwel 7:16; Salm 89:21, 27-30 [89:20, 26-29, NW]; Isaija 11:1) Meta Ħeżekija marad, kien għadu ma kellux iben. B’hekk, il-linja rjali taʼ David kienet fil-periklu li tispiċċa fix-xejn. Intervent divin fil-każ taʼ Ħeżekija serva għall-iskop speċifiku li tiġi preservata l-linja tad-dixxendenza li kienet se twassal għall-Messija.
Sabiex iwettaq il-wegħdi tiegħu, Jehovah ġie mqanqal biex jintervieni għan-nom tal-poplu tiegħu f’diversi okkażjonijiet matul l-era taʼ qabel il-Kristjanità. F’konnessjoni mal-ħelsien taʼ Iżrael mill-jasar fl-Eġittu, Mosè ddikjara: “Il-Mulej għażilkom għax ħabbkom, u għax ried iżomm il-ħalfa li ħalef lil missirijietkom; kien għalhekk li l-Mulej, b’id qawwija, ħariġkom.”—Dewteronomju 7:8.
Bl-istess mod, fl-ewwel seklu intervent divin serva biex l-iskopijiet t’Alla jimxu iktar ’il quddiem. Per eżempju, fit-triq lejn Damasku, wieħed Lhudi jismu Sawl irċieva viżjoni mirakoluża sabiex twaqqfu milli jippersegwita lid-dixxipli taʼ Kristu. Il-konverżjoni taʼ dan ir-raġel, li sar lappostlu Pawlu, kellha rwol vitali fit-tixrid taʼ l-aħbar tajba fost il-ġnus.—Atti 9:1-16; Rumani 11:13.
Kienu l-Interventi Jsiru Spiss?
Kien intervent divin xi ħaġa li ssir spiss jew darba kultant? L-Iskrittura turi ċar li din żgur ma kinitx xi ħaġa li kienet issir spiss. Għalkemm Alla ħeles lit-tliet Ebrej żgħażagħ mill-mewt ġo forn tan-nar u lill-profeta Danjel mill-ħofra taʼ l-iljuni, hu ma ħax azzjoni biex isalva lil profeti oħra mill-mewt. (2 Kronaki 24:20, 21; Danjel 3:21-23, 91-94 [3: 21-27, NW]; 6:17-23 [6: 16-22, NW]; Lhud 11:37) Pietru nħeles mirakolożament mill-ħabs fejn kien tefgħu Erodi Agrippa I. Madankollu, dan l-istess re kkaġuna l-mewt taʼ l-appostlu Ġakbu, u Alla ma interviniex biex iwaqqaf dan id-delitt. (Atti 12:1-11) Waqt li Alla ta lill-appostli l-qawwa li jfejqu l-morda u saħansitra jqajmu l-mejtin, hu ma neħħiex ix-‘xewka fil-ġisem’ li tant kienet taʼ wġigħ għall-appostlu Pawlu u li setgħet kienet marda fiżika.—2 Korintin 12:7-9; Atti 9:32-41; 1 Korintin 12:28.
Alla ma interviniex biex iwaqqaf mewġa taʼ persekuzzjoni li saret kontra d-dixxipli taʼ Kristu mill-Imperatur Ruman Neruni. Il-Kristjani ġew torturati, maħruqin ħajjin, u mitfugħin lill-annimali. Madankollu, din l-oppożizzjoni ma ħasditx lill-Kristjani tal-bidu, u żgur li ma dgħajfitx il-fidi tagħhom fl-eżistenza t’Alla. Wara kollox, Ġesù kien wissa lid-dixxipli tiegħu li huma kienu se jinġiebu quddiem il-qrati u li kellhom ikunu lesti jsofru u jmutu għall-fidi tagħhom.—Mattew 10:17-22.
Sewwasew bħalma għamel fil-passat, illum Alla żgur kapaċi jeħles lill-qaddejja tiegħu minn sitwazzjonijiet perikolużi, u dawk li jħossu li bbenefikaw mill-protezzjoni tiegħu m’għandhomx jiġu kritikati. Madankollu, hu diffiċli li tikkonkludi jekk Alla interviniex jew le f’dawn il-każi. Diversi qaddejja leali taʼ Jehovah weġġgħu fi splużjoni f’Toulouse, u eluf taʼ Kristjani leali mietu f’kampijiet Nazisti u Komunisti jew inkella minħabba ċirkustanzi traġiċi oħra li fihom Alla ma interviniex. Alla għala ma jinterviniex dejjem għan-nom taʼ dawk kollha li għandhom l-approvazzjoni tiegħu?—Danjel 3:17, 18.
“Iż-Żmien u ċ-Ċirkustanzi”
Meta jseħħ xi diżastru, kulħadd jistaʼ jintlaqat, u l-lealtà lejn Alla m’hijiex neċessarjament fattur li jeffettwa r-riżultat. Waqt lisplużjoni f’Toulouse, Alain u Liliane salvaw, imma 30 persuna mietu, u mijiet ġew imweġġgħin, avolja ma kienx it-tort tagħhom. Fuq skala akbar, għaxriet t’eluf taʼ nies huma vittmi tal-kriminalità, is-sewqan bl-addoċċ, jew il-gwerer, u Alla ma jistax jinżamm responsabbli għal dak li jiġrilhom. Il-Bibbja tfakkarna li “ż-żmien u ċ-ċirkustanzi” jiġu fuqna lkoll.—Koħèlet 9:11.
Iżjed minn hekk, il-bnedmin huma suġġetti għall-mard, ix-xjuħija, u l-mewt. Anki xi wħud li saħansitra ħasbu li Alla salvalhom ħajjithom mirakolożament jew li qalu li tahom fejqan mhux mistenni mill-marda tagħhom, ġew eventwalment wiċċ imbwiċċ mal-mewt. It-tneħħija tal-mard u l-mewt u l-‘ixxottar taʼ kull demgħa’ minn għajnejn il-bnedmin għadhom fil-futur.—Apokalissi 21:1-4.
Biex dan iseħħ, jeħtieġ li ssir xi ħaġa bil-wisq iktar estensiva u drastika minn intervent darba kultant. Il-Bibbja titkellem dwar ġrajja msejħa “l-Jum il-kbir tal-Mulej.” (Sofonija 1:14) Matul dan l-intervent fuq skala kbira, Alla se jneħħi kull tip taʼ ħażen. L-umanità se tingħata l-opportunità li tgħix għal dejjem f’kundizzjonijiet perfetti, li fihom “ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi, [u] f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.” (Isaija 65:17) Anki l-mejtin se jiġu rxoxtati, u b’hekk se jiġri l-kuntrarju taʼ dak li bla ebda dubju hu l-akbar traġedja taʼ l-umanità. (Ġwanni 5:28, 29) Imbagħad, Alla fl-imħabba infinita u t-tjubija tiegħu jkun solva l-problemi kollha tal-bnedmin darba għal dejjem.
Kif Alla Jintervieni Llum
Madankollu, dan ma jfissirx li Alla sadanittant qiegħed sempliċement josserva bla ma jimpurtah waqt li l-ħolqien qed isofri. Illum, Alla qed jestendi l-opportunità lill-bnedmin kollha, hu liema hu l-isfond etniku jew soċjali tagħhom, biex isiru jafuh u jiżviluppaw relazzjoni persunali miegħu. (1 Timotju 2:3, 4) Ġesù ddeskriva dan il-proċess b’dan il-kliem: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja.” (Ġwanni 6:44) Alla jiġbed lejh lil nies taʼ qalb onesta permezz tal-messaġġ tas-Saltna mxandar madwar id-dinja mill-qaddejja tiegħu.
Iktar minn hekk, Alla jinfluwenza direttament il-ħajjiet taʼ dawk li huma lesti li jiġu mmexxijin minnu. Permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu, Alla qed ‘jiftaħ qlubhom’ biex jifhmu r-rieda tiegħu u biex iwettqu dak li hu jirrikjedi minnhom. (Atti 16:14) Iva, billi jipprovdi l-opportunità li nsiru nafu lilu, ilKelma tiegħu, u l-iskopijiet tiegħu, Alla qed jagħti prova taʼ l-interess kollu mħabba li għandu f’kull wieħed u waħda minna.—Ġwanni 17:3.
Finalment, Alla jgħin lill-qaddejja tiegħu llum, mhux billi jeħlishom mirakolożament, imma billi jagħtihom l-ispirtu qaddis u “l-qawwa iktar min-normal” biex ikampaw maʼ kwalunkwe sitwazzjoni li jistgħu jiffaċċjaw. (2 Korintin 4:7, NW) L-appostlu Pawlu kiteb: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak [Alla Jehovah] li jqawwini.”—Filippin 4:13.
Aħna b’hekk għandna għalfejn inkunu grati lejn Alla kuljum għall-ħajja u għat-tama li hu jestendi lilna biex nistgħu ngħixu għal dejjem f’dinja ħielsa mis-sofferenza. Is-salmista staqsa: “Xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi? Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni, u isem il-Mulej insejjaħ.” (Salm 116:12, 13) Jekk taqra din ir-rivista regolarment, tkun tistaʼ tifhem dak li Alla għamel, li qed jagħmel issa, u li għad irid jagħmel, u dan jistaʼ jġiblek ferħ issa u tama soda għall-futur.—1 Timotju 4:8.
[Kumment f’paġna 6]
“Ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.” —Isaija 65:17
[Stampi f’paġna 5]
Fi żminijiet Bibliċi, Jehovah ma waqqafx it-tħaġġir taʼ Żakkarija . . .
lanqas il-massakru tat-tfal innoċenti minn Erodi
[Stampa f’paġna 7]
Qrib hu ż-żmien meta s-sofferenza mhux se tkun iktar; anki l-mejtin se jerġgħu jgħixu