X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti tat-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
• Għala jistaʼ l-ewwel dnub—id-diżubbidjenza taʼ Adam—jitqabbel maʼ marda ereditarja?
Huwa bħal marda minħabba li Adam għadda d-dnub lin-nisel tiegħu. Għalhekk aħna writna d-difett tad-dnub, l-istess bħalma xi tfal jirtu marda mill-ġenituri tagħhom.—8/15, paġna 5.
• X’inhuma xi affarijiet li bażikament jikkaġunaw iż-żjieda fil-vjolenza llum?
Satana qed jipprova jifred lin-nies minn Ġeħova billi jiżrgħalhom f’qalbhom spirtu taʼ vjolenza, kemm jekk b’films, mużika, u logħob tal-kompjuter li jinkuraġġixxi lil dak li jkun qed jilgħab biex iwettaq brutalità u qtil. Il-vjolenza fuq il-mezzi tax-xandir ikkontribwiet għal ħafna għemejjel vjolenti.—9/1, paġna 29.
• Min kien Ponzju Pilatu?
Hu kien Ruman taʼ livell inqas taʼ nobbiltà li probabbli xi darba kien fil-militar. L-Imperatur Ruman Tiberju ħatar lil Pilatu bħala gvernatur tal-provinċja tal-Lhudija fis-sena 26 E.K. Fil-ġuri taʼ Ġesù, Pilatu semaʼ l-akkużi li għamlu l-mexxejja Lhud. Biex jogħġob lill-folla, hu approva l-esekuzzjoni taʼ Ġesù.—9/15, paġni 10-12.
• X’inhu s-“sinjal” imsemmi f’Mattew 24:3?
Dan is-sinjal hu magħmul minn diversi fatturi li flimkien jingħaqdu f’marka, jew sinjal, sħiħa li tidentifika. Dan is-sinjal jinkludi gwerer, ġuħ, mard li jittieħed, u terremoti, u jippermetti li s-segwaċi taʼ Ġesù jagħrfu l-“preżenza” tiegħu kif ukoll “tmiem is-sistema.”—10/1, paġni 4-5.
• X’kienet id-Dijaspora, u lil liema nħawi kienet tinvolvi?
It-terminu japplika għal-Lhud li kienu jgħixu barra l-Palestina. Fl-ewwel seklu, iċ-ċentri prinċipali tal-Lhud kienu fis-Sirja, l-Asja Minuri, Babilonja, u l-Eġittu, u kien hemm komunitajiet iżgħar fil-parti Ewropea taʼ l-Imperu Ruman.—10/15, paġna 12.
• Jistaʼ Kristjan iżomm kuxjenza tajba jekk jaċċetta impjieg li fih ikollu jġorr arma?
Jekk għandekx tieħu sehem f’xogħol sekulari li jeħtieġ li ġġorr arma tan-nar jew arma oħra hi deċiżjoni persunali. Però, f’impjieg li jinġarru l-armi hemm iċ-ċans li dak li jkun isir ħati tad-demm jekk ikollu juża l-arma tiegħu jew jistaʼ jkun f’periklu li jweġġaʼ jew imut minn xi attakk jew vindikazzjoni. Kristjan li jġorr arma bħal din ma jkunx jikkwalifika għal privileġġi speċjali fil-kongregazzjoni. (1 Timotju 3:3, 10)—11/1, paġna 31.
• Ladarba l-kelma “Armageddon” ġejja mill-espressjoni “Muntanja taʼ Megiddu,” ifisser dan li l-battalja t’Armageddon se tiġi miġġielda ħdejn muntanja fil-Lvant Nofsani?
Le. Ma teżistix Muntanja taʼ Megiddu, imma hemm biss għolja ’l fuq mill-pjanura tal-wied fil-qrib f’Iżrael. Dan il-post ma jesax “is-slaten taʼ l-art u l-armati tagħhom” kollha. Il-gwerra l-kbira t’Alla se tkun miġġielda mad-dinja kollha, u se ttemm il-gwerer kollha. (Rivelazzjoni 16:14, 16; 19:19; Salm 46:9, 10 [46:8, 9, NW])—12/1, paġni 4-7.