It-Tagħlim taʼ Kristu—Fejn Jiġi Applikat Illum?
ĠESÙ KRISTU huwa meqjus minn ħafna nies bħala wieħed mill-aqwa bnedmin li qatt kien hawn. Ħafna jikkunsidrawh bħala l-aqwa bniedem. Għal kważi elfejn sena, it-tagħlim tiegħu influwenza l-ħajjiet tan-nies b’mod profond—“il-ħajjiet taʼ nies ġwejdin u twajbin li ħadd ma jagħti kashom kif ukoll għemejjel filantropiċi kbar u ambizzjużi,” jikteb l-awtur Ingliż Melvyn Bragg.
Xi Ngħidu għall-Kristjanità?
Xi ngħidu għall-Kristjanità? Din ġiet deskritta bħala “waħda mill-akbar żviluppi spiritwali taʼ l-umanità.” David Kelso mill-università taʼ Kaledonja fi Glasgow, l-Iskozja, esprima l-opinjoni tiegħu. Hu kiteb: “L-elfejn sena taʼ storja tagħha huma miżgħudin b’għemejjel mill-aqwa fil-qasam taʼ l-arti, l-arkitettura, il-filosofija, il-mużika, u l-ħidma soċjali.”
Madankollu, ħafna oħrajn jaraw l-affarijiet b’mod differenti. Huma m’għandhom xejn kontra l-Kristjanità kif hi deskritta f’dizzjunarju wieħed: “Reliġjon li hija bbażata fuq it-tagħlim taʼ Ġesù Kristu u t-twemmin li hu kien l-iben t’Alla.” (Collins Cobuild) Minflok, huma jiġu mgerrxin mill-kondotta taʼ l-istituzzjonijiet reliġjużi li jsostnu li jirrappreżentaw lill-Kristjanità.
Il-filosfu Ġermaniż tas-seklu 19, Friedrich Nietzsche, per eżempju, iddeskriva l-Kristjanità, skond it-tieni tifsira tagħha, bħala “dik it-tebgħa immortali taʼ l-umanità.” Hu kiteb li din hija “s-sors taʼ saħta mill-kbar, korruzzjoni mill-iktar enormi u profonda, . . . u li ebda mezz m’huwa daqshekk malizzjuż, diżonest, moħbi u żgħir [biex jintlaħqu l-iskopijiet tagħha].” Tajjeb ngħidu li Nietzsche kellu ħarsiet estremi, iżda għadd t’osservaturi li kienu iktar raġunevoli waslu għal konklużjonijiet simili. Għala? Għaliex matul is-sekli l-kondotta taʼ dawk li jsostnu li huma Kristjani ġiet karatterizzata minn firxa kbira taʼ “taħsir morali, delitti ħorox u għemejjel midgħija” minflok mill-kwalitajiet li wera Ġesù Kristu.
Kristu Qiegħed fil-Kristjanità?
Għalhekk huwa raġunevoli li nistaqsu, “Kristu għadu fil-Kristjanità?” “Ċertament li għadu!” xi wħud se jgħidu fil-pront. “Ma wegħedx hu lid-dixxipli tiegħu li kellu jkun magħhom ‘sa l-aħħar tad-dinja’?” (Mattew 28:20, Saydon) Iva, Ġesù qalu dan il-kliem. Iżda ried hu jfisser li kellu jkun maʼ dawk kollha li jsostnu li huma dixxipli tiegħu, tkun xi tkun il-kondotta tagħhom?
Ftakar li xi mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù ħassew li Alla kien se jkun magħhom bla ebda kundizzjoni. Peress li Alla għażel lil Iżrael għal irwol speċjali, xi ftit mexxejja reliġjużi ħasbu li Alla qatt ma kien se jabbandunahom—jagħmlu x’jagħmlu. (Mikea 3:11) Iżda, maż-żmien huma saħansitra waslu biex ċaħdu l-liġijiet u l-livelli t’Alla b’mod esaġerat. Minħabba f’hekk, Ġesù Kristu qalilhom bla tlaqliq: “Ara! Darkom mitluqa f’idejkom.” (Mattew 23:38) Sistema reliġjuża sħiħa tilfet il-favur t’Alla. Hu ċaħadha u ħalla l-armati Rumani jeqirdu lil Ġerusalemm, il-belt kapitali, u t-tempju tagħha fis-sena 70 E.K.
Tistaʼ tiġri xi ħaġa simili lill-Kristjanità? Ejja nikkunsidraw liema ħtiġijiet Ġesù żied mal-wegħda tiegħu li se jkun mad-dixxipli tiegħu “sa l-aħħar tad-dinja.”
[Stampi f’paġna 3]
It-tagħlim taʼ Ġesù Kristu għandu effett profond fuq miljuni taʼ nies madwar id-dinja kollha