X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti tat-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
• It-“Testment il-Qadim” għala hu taʼ valur dejjiemi?
L-Awtur tiegħu m’huwiex xi alla aħrax iżda huwa Ġeħova, l-Alla taʼ mħabba. Ġesù u s-segwaċi tiegħu tal-bidu baqgħu jirreferu għall-Iskrittura Ebrajka. Din fiha pariri siewja għall-ħajja taʼ kuljum u toffri tama meraviljuża għall-futur.—9/1, paġni 4-7.
• Xi twettaq billi tħalla ż-żmien jgħaddi mindu Adam u Eva dinbu?
Matul dawn l-eluf taʼ snin, Satana ħareġ taʼ giddieb—Adam u Eva u miljuni mid-dixxendenti tagħhom mietu. Iż-żmien wera li ma jkunx aħjar għall-bnedmin li jkunu indipendenti minn Alla u li la għandhom id-dritt u lanqas l-abbiltà li jidderieġu l-passi tagħhom.—9/15, paġni 6-7.
• Ġakobb għala ma ġiex kritikat talli rrappreżenta lilu nnifsu bħala Għesaw?
Ġakobb kien intitolat għall-barka taʼ missieru wara li xtara l-primoġenitura mingħand Għesaw. Meta induna li kien bierek lil Ġakobb, Iżakk ma fittixx li jibdel dan. U Alla, li setaʼ interviena, b’mod ċar ried li l-barka tmur għand Ġakobb.—10/1, paġna 31.
• Il-fatt li għandna kuxjenza b’liema mod jindika li l-bnedmin ma ġewx bl-evoluzzjoni?
Fir-razez u l-kulturi kollha, in-nies huma lesti li jgħinu lil oħrajn, anki meta l-fatt li jagħmlu dan kien taʼ periklu għalihom infushom. Altruiżmu bħal dan ma tistenniehx mill-bnedmin li kieku kienu sempliċement annimali li qed jissieltu biex jibqgħu ħajjin akkost taʼ kollox.—10/15, paġna 20.
• Għala nistgħu ngħidu li Alla huwa umli, u b’liema mod juri din il-kwalità?
Bħala Sovran u Ħallieq, Alla m’għandux limitazzjonijiet bħalma għandna aħna. Madankollu, fi qbil mat-2 Samwel 22:36, Alla hu umli fis-sens li hu juri tħassib għall-bnedmin umli li jipprovaw jogħġbuh, billi jestendi l-ħniena tiegħu lejhom. Hu bħallikieku jħares ’l isfel mill-għoli sabiex jittratta b’qalb tajba maʼ dawk li għandhom il-biżaʼ t’Alla.—11/1, paġni 4-5.
• Ix-xaqquf tal-qedem kif jikkonferma dak li hu mniżżel fil-Bibbja?
L-arkeoloġi sabu fdal taʼ xaqquf fis-Samarija li fih sebaʼ ismijiet tal-familji mniżżlin f’Ġożwè 17:1-6. Fdalijiet minn Għarad jikkonfermaw l-informazzjoni dwar il-familji tal-qassisin u jinkludu l-isem t’Alla. Ix-xaqquf minn Lakis jitfaʼ dawl fuq is-sitwazzjoni politika u l-inkwiet li kien hemm f’Ġuda qabel ma l-Babiloniżi għamlu l-attakk.—11/15, paġni 12-14.
• Xi jwassal għall-konklużjoni li Luqa kiteb il-ktieb taʼ l-Atti?
L-Evanġelju taʼ Luqa u l-Atti taʼ l-Appostli huma indirizzati lil Teofilu, u dan jindika li Luqa kitibhom it-tnejn. L-użu tal-pronomi “aħna,” u “tagħna” juri li Luqa ħa sehem f’xi wħud mill-ġrajjiet. (Atti 16:8-15)—11/15, paġna 18.
• Kristjan kif għandu jqis il-kaċċa u s-sajd?
Sa minn żmien Noè, Alla ppermetta lill-bnedmin joqtlu u jieklu l-annimali. Madankollu, il-ħtieġa li jiskarnawhom tenfasizza l-fatt li l-ħajja t’annimal għandha tiġi rispettata bħala li toriġina minn Alla. Il-Kristjani m’għandhomx joqtlu f’xi sport sabiex jieħdu gost jikkaċċjaw jew joqtlu. Huwa importanti li nobdu l-liġijiet taʼ Ċesari u nqisu l-kuxjenza taʼ ħaddieħor. (Rumani 14:13)—12/1, paġna 31.