Għallem lil Uliedek
Għala Dorka Kienet Maħbuba
AĦNA kollha rridu lil min iħobbna. Int tħossok hekk?—a Il-Bibbja tgħidilna dwar Dorka, mara li ħafna nies ħabbewha ħafna.
Dorka għexet f’Ġaffa, belt ħdejn il-Baħar Mediterran. Ġerusalemm kienet xi 55 kilometru biss ’il ġewwa minn Ġaffa. Dorka kienet waħda mid-dixxipli tal-bidu taʼ Ġesù.
Għala, taħseb int, kienet tant maħbuba Dorka?— Il-Bibbja tgħid li hi għamlet ħafna xogħol tajjeb u tat ħafna rigali sbieħ. Milli jidher għamlet ilbiesi sbieħ għar-romol, jiġifieri, nisa li r-raġel tagħhom kien miet. Kienet ukoll tkellmet maʼ ħafna dwar l-Alla l-veru, Ġeħova, bħalma kien għamel Ġesù.
Taf liema ħaġa ħażina tiġri lil Dorka issa?— Hi timrad serjament u tmut. Il-ħbieb tagħha huma kollha mdejqin. Għalhekk huma jibagħtu xi nies fil-post fejn qed joqgħod l-appostlu Pietru, xi 15-il kilometru ’l bogħod. Dawn in-nies jitolbuh jiġi malajr. Meta jasal Pietru, hu jitlaʼ fuq fejn qiegħda Dorka. In-nisa kollha qegħdin jibku, u juruh l-ilbiesi li Dorka kienet għamlitilhom.
Pietru mbagħad jgħid lil kulħadd jitlaq mill-kamra. Pietru u xi appostli oħra kienu għamlu mirakli qabel, imma ħadd minnhom ma kien qajjem lil xi persuna mill-mewt. X’taħseb li jagħmel Pietru issa?—
Pietru jinżel għarkopptejh maġenb il-ġisem mejjet u jitlob lil Ġeħova. Imbagħad jgħid lil Dorka biex tqum. U Dorka hekk tagħmel! Pietru jagħtiha idu u jgħinha tqum. Hu mbagħad isejjaħ lir-romol u lill-oħrajn u jurihielhom. Tistaʼ timmaġina x’ferħ għandhom ilkoll kemm huma?—
Ejja naħsbu issa dwar x’tistaʼ titgħallem minn din l-istorja dwar l-irxoxt taʼ Dorka. Ħaġa li nitgħallmu hi li jekk tgħin lil oħrajn, ħafna minnhom iħobbuk lura. Imma, iktar importanti minn hekk, Alla jiftakrek u jħobbok. Hu qatt mhu se jinsa l-affarijiet tajbin li tagħmel għal ħaddieħor. U hu se jippremjak b’ħajja eterna u ferħana fid-dinja ġdida u taʼ tjieba tiegħu.
Aqra fil-Bibbja tiegħek
[Nota taʼ taħt]
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.