LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 12/1 pp. 8-10
  • Għamilt is-Servizz ta’ Ġeħova l-Karriera Tiegħi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għamilt is-Servizz ta’ Ġeħova l-Karriera Tiegħi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ŻMIEN GĦAL DEĊIŻJONI
  • ĦAJTI FIL-​ĦABS
  • IL-​ĦELSIEN TIEGĦI, U S-​SERVIZZ MISSJUNARJU
  • NIEĦU ĦSIEB IR-​RESPONSABBILTAJIET TAL-​FAMILJA
  • IKTAR BIDLIET F’KARRIERA SODISFAĊENTI
  • Fil-Brażil Qed “Jisimgħu” l-Messaġġ tas-Saltna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Kif il-Ħolma Tiegħi Saret Realtà
    Stenbaħ!—2002
  • Rakkonti taʼ Fidi minn ġo Ħabs Storiku
    Stenbaħ!—2001
  • Ħajja mill-Isbaħ fis-Servizz taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 12/1 pp. 8-10

BIJOGRAFIJA

Għamilt is-​Servizz taʼ Ġeħova l-​Karriera Tiegħi

Kif rakkontata minn Bill Walden

Wara li ggradwajt mill-​kulleġġ f’Jannar tal-​1937, dħalt l-​Università tal-​Istat taʼ Iowa, qrib fejn kont ngħix fl-​Amerika ċentrali. Peress li ridt immur l-​iskola u ridt naħdem biex inħallas għall-​edukazzjoni, ftit li xejn kien jibqagħli ħin għal affarijiet oħra. Ħajti kienet iffokata fuq l-​istudju taʼ bini għoli u pontijiet (suspension bridges) minn mindu kont żagħżugħ.

Fil-​bidu tal-​1942, ftit wara li l-​Istati Uniti daħlet fit-​Tieni Gwerra Dinjija, kont fil-​ħames sena tiegħi l-​università u ftit xhur biss ’il bogħod milli nikseb lawrja taʼ perit. Kont qed ngħix f’appartament maʼ żewġt iħbieb. Wieħed minnhom issuġġerieli nitkellem mar-​raġel li kien jiġi “jżur lil sħabna li joqogħdu taħtna.” Kien hemm li ltqajt maʼ John O. (Johnny) Brehmer, wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Bqajt imbellah kif setaʼ jsib it-​tweġiba mill-​Bibbja għal kważi kwalunkwe mistoqsija. Bqajt impressjonat u bdejt nistudja maʼ Johnny fuq bażi regulari, u eventwalment bdejt noħroġ nipprietka miegħu kull meta stajt.

Otto, missier Johnny, kien sar Xhud meta kien maniġer taʼ bank f’Walnut, Iowa. Otto telaq minn dak l-​inkarigu biex jiddedika l-​ħin tiegħu għas-​servizz taʼ Ġeħova. Maż-​żmien, l-​eżempju mill-​aħjar tiegħu, flimkien maʼ dak tal-​familja tiegħu, inkuraġġieni nieħu deċiżjoni vitali.

ŻMIEN GĦAL DEĊIŻJONI

Darba, id-​dekan tal-​università qalli li r-​riżultati tiegħi kienu sejrin għall-​agħar u li ma stajtx niggradwa bir-​riżultati li kont ksibt fil-​passat. Niftakarni nitlob bil-​ħerqa lil Alla Ġeħova biex jiggwidani. Ftit wara, il-​professur tal-​inġinerija li kelli bagħat għalija biex niltaqaʼ miegħu. Qalli li kien irċieva rikjesta għal inġinier u li kien ħa l-​inizjattiva biex iwieġeb it-​telegramma u jgħid li jien kont se naċċetta l-​inkarigu. Irringrazzjajt lill-​professur imma spjegajtlu għala kont determinat li nagħmel is-​servizz taʼ Ġeħova l-​karriera tiegħi. Fis-​17 taʼ Ġunju, 1942, tgħammidt u kważi mill-​ewwel ġejt maħtur biex naqdi bħala pijunier, kif jissejħu dawk li jqattgħu l-​ħin tagħhom fis-​servizz taʼ Ġeħova.

Iktar tard fl-​1942, irċivejt ittra li kienet tgħid li nqbadt bil-​lieva, u sibt ruħi quddiem il-​bord tal-​lieva nispjega għala l-​kuxjenza tiegħi ma ppermettitlix nieħu sehem fil-​gwerra. Kont ħadt miegħi l-​affidavitijiet mingħand il-​professuri tal-​università li kitbu dwar il-​karattru tajjeb u l-​abbiltajiet eċċezzjonali tiegħi bħala perit. Però, minkejja xhieda tajba bħal din, eventwalment qlajt ċitazzjoni taʼ 10,000 dollaru Amerikan u weħilt ħames snin ħabs f’Leavenworth, Kansas.

ĦAJTI FIL-​ĦABS

Il-​ħabs taʼ Leavenworth illum. Xi 230 minna konna l-​ħabs hemmhekk

Iktar minn 230 Xhud żagħżugħ intbagħtu f’ħabs agrikolu, parti mill-​ħabs federali taʼ Leavenworth. Dan kien razzett li fih irċivejna inkarigi taʼ xogħol taħt it-​tmexxija taʼ ħafna gwardjani. Xi wħud minnhom kienu jafu dwar in-​newtralità Kristjana tagħna u kienu jaqblu maʼ kif konna naħsbuha.

Ftit mill-​gwardjani kkooperaw mal-​isforzi tagħna biex inkomplu r-​rutina tagħna li jkollna l-​laqgħat tal-​Bibbja. Għenuna wkoll biex indaħħlu l-​letteratura Biblika ġol-​ħabs. Id-​direttur tal-​ħabs saħansitra abbona għar-​rivista Consolation (issa Stenbaħ!)!

IL-​ĦELSIEN TIEGĦI, U S-​SERVIZZ MISSJUNARJU

Wara li skontajt tlieta mill-​ħames snin tas-​sentenza tiegħi, inħlist nhar is-​16 taʼ Frar, 1946, ftit xhur wara li spiċċat it-​Tieni Gwerra Dinjija. Immedjatament, erġajt bdejt naqdi bħala pijunier fil-​ministeru full-​time. L-​inkarigu tiegħi kien li nerġaʼ mmur fil-​belt taʼ Leavenworth, Kansas. L-​idea kienet tal-​biżaʼ għalija għax il-​preġudizzju kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova kien kbir hemmhekk. Kien diffiċli nsib xogħol biex immantni lili nnifsi, u iktar u iktar biex insib post fejn noqgħod.

Niftakar meta ltqajt maʼ gwardjan li għajjat, “Aqbeż ’il barra mill-​proprjetà tiegħi!” Meta rajt il-​pala tal-​bejżbol f’idu, telgħetli għoqla fi griżmejja u malajr dabbart rasi. F’dar oħra, waħda mara qaltli, “Stenna minuta,” u għalqet il-​bieb. Stennejt sakemm fl-​aħħar infetħet tieqa mis-​sular taʼ fuq u kaskata taʼ ilma tal-​platti maħmuġ ġabitni għasra. Xorta waħda, il-​ministeru tiegħi ġabli barkiet. Iktar tard sirt naf li xi wħud li kienu ħadu l-​letteratura Biblika mingħandi kienu saru Xhieda.

Fl-​1943 twaqqfet skola ġdida għall-​missjunarji fi New York. Ġejt mistieden nattendi, u ggradwajt mill-​għaxar klassi tagħha fit-​8 taʼ Frar, 1948. L-​iskola bdiet tissejjaħ l-​Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead). Malli ggradwajt irċivejt inkarigu fil-​Gold Coast, issa magħruf bħala l-​Gana.

Meta wasalt fil-​Gold Coast, l-​inkarigu tiegħi kien li nipprietka lil uffiċjali tal-​gvern u nies Ewropej. Matul tmiem il-​ġimgħa kont naħdem maʼ kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova u kont ngħin lill-​membri tagħha fil-​ministeru minn dar għal dar. Żort ukoll postijiet fejn kien hemm Xhieda iżolati u ħarriġthom fil-​ministeru. Barra minn hekk, qdejt bħala indokratur li jivvjaġġa fil-​Côte d’Ivoire, li kien fil-​viċin.

Waqt li kont qed naqdi f’dawk l-​inħawi, tgħallimt ngħix kif kienu jgħixu l-​Afrikani tal-​post—norqod f’għarix magħmul mit-​tajn, niekol b’idejja, u nitbaxxa “barra” bħalma għamlu l-​Iżraelin fix-​xagħri. (Dewteronomju 23:12-​14) Minħabba li konna nagħmlu hekk, jien u l-​missjunarji sħabi żviluppajna reputazzjoni tajba. In-​nisa taʼ xi uffiċjali lokali bdew jistudjaw il-​Bibbja magħna. Allura meta xi wħud bdew jagħmlulna l-​bsaten fir-​roti u rnexxielhom jiksbu ordni biex il-​viżi tagħna jiġu rtirati, in-​nisa tal-​uffiċjali għamlu pressjoni lil żwieġhom u d-​deċiżjoni ġiet irriversjata!

Bħal ħafna missjunarji oħrajn fl-​Afrika, eventwalment qabditni l-​malarja. Kien jaqbadni tkexkix taʼ bard u deni li kien iġegħelni nibda nhewden. Xi drabi, kien ikolli nżomm geddumi biex ma jċekċkux snieni. Minkejja dan, is-​servizz tiegħi kompla jġibli l-​ferħ u s-​sodisfazzjon.

Matul l-​ewwel erbaʼ snin tiegħi fl-​Afrika, kont nikkorrispondi maʼ Eva Hallquist, li kont iltqajt magħha qabel ma tlaqt mill-​Amerika. Sirt naf li kellha tiggradwa mill-​21 klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad fid-​19 taʼ Lulju, 1953, waqt il-​konvenzjoni internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi New York’s Yankee Stadium. Jien għamilt ftehim maʼ kaptan taʼ vapur biex naħdem fuq il-​vapur tiegħu ħalli nagħmel tajjeb għall-​passaġġ lejn l-​Amerika.

Wara 22 ġurnata, xi kultant f’baħar qawwi, wasalt u mort niltaqaʼ maʼ Eva fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn. Hemmhekk, fuq bejt b’veduta u sfond impressjonanti tal-​port taʼ New York, ipproponejtilha. Wara, Eva ġiet il-​Gold Coast biex taqdi miegħi hemmhekk.

NIEĦU ĦSIEB IR-​RESPONSABBILTAJIET TAL-​FAMILJA

Wara li qdejt maʼ Eva fl-​Afrika għal diversi snin, irċivejt ittra mingħand ommi li kienet tgħid li missieri kien qed imut bil-​kanċer. Malli ngħatajna l-​leave mill-​inkarigu tagħna, jien u Eva rritornajna lejn l-​Amerika. Saħħet il-​papà malajr qalbet għall-​agħar, u ftit wara miet.

Iktar tard, meta konna ilna li rritornajna fil-​Gana kważi erbaʼ snin, sirna nafu li s-​saħħa t’ommi kienet ħażina ħafna. Xi ħbieb issuġġerew li jien u Eva nirritornaw biex nieħdu ħsiebha. Dik kienet l-​iktar deċiżjoni diffiċli li qatt kellna nagħmlu. Wara 15-​il sena taʼ servizz missjunarju, li 11 minnhom qdejniehom flimkien, irritornajna lejn l-​Istati Uniti.

Laqgħa maʼ kap lokali fil-​Gold Coast, issa l-​Gana

Maż-​żmien, bdejna niftiehmu bejnietna min kien se jieħu ħsieb ommi, u għennieha tattendi l-​laqgħat kull meta setgħet. Fis-​17 taʼ Jannar, 1976, mietet fl-​għomor taʼ 86 sena. Imma qlajt daqqa taʼ ħarta ikbar disaʼ snin wara. Eva nstab li kellha l-​kanċer. Iġġilidnielha kemm stajna din il-​marda, imma fl-​aħħar tilfet il-​ġlieda u mietet fl-​4 taʼ Ġunju, 1985, fl-​għomor taʼ 70 sena.

IKTAR BIDLIET F’KARRIERA SODISFAĊENTI

Fl-​1988 ġejt mistieden nattendi d-​dedikazzjoni tal-​uffiċċju tal-​fergħa fil-​Gana li kien għadu kif sar tkabbir fih. X’okkażjoni memorabbli! Xi 40 sena qabel, meta wasalt il-​Gana wara li ggradwajt minn Gilegħad, kien hemm biss ftit mijiet taʼ Xhieda. Sal-​1988 kienu qabżu l-​34,000, u issa hemm kważi 114,000!

Sentejn wara li żort il-​Gana żżewwiġt lill-​ħabiba tal-​qalb taʼ Eva, Betty Miller, fis-​6 taʼ Awwissu, 1990. Flimkien komplejna nagħmlu s-​servizz taʼ Ġeħova l-​karriera tagħna. Nixxennqu għall-​ġurnata meta nerġgħu naraw lin-​nanniet, lill-​ġenituri, u lil Eva fl-​irxoxt fil-​Ġenna tal-​art.—Atti 24:15.

Jaqbiżli d-​dmugħ meta naħseb fil-​privileġġ grandjuż li ntużajt minn Ġeħova għal iktar minn 70 sena fis-​servizz tiegħu. Spiss nirringrazzjah talli ggwidani lejn li nagħmel karriera fis-​servizz tiegħu. Għalkemm għandi fuq id-​90 sew, Ġeħova, l-​ikbar perit fl-​univers, kompla jagħtini s-​saħħa u l-​kuraġġ biex inkompli fil-​karriera tiegħi fis-​servizz tiegħu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja