LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 12/15 pp. 17-21
  • ‘Dan il-Jum Irid Ikun Tifkira Għalikom’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Dan il-Jum Irid Ikun Tifkira Għalikom’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​QBIŻ GĦALA KIEN JIĠI ĊELEBRAT?
  • F’LIEMA JUM KIENET L-​IKLA TAʼ FILGĦAXIJA TAL-​MULEJ?
  • TIFKIRA B’TIFSIRA GĦALIK
  • BIEX AĦNA NIFTAKRU
  • Minn Seder Għal Salvazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Il-Qbiż u t-Tifkira—Ix-xebh u d-differenzi
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2018
  • Toqrob l-aħħar ikla tal-Qbiż taʼ Ġesù
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Il-Qbiż Finali taʼ Ġesù Huwa Fil-Qrib
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 12/15 pp. 17-21

‘Dan il-​Jum Irid Ikun Tifkira Għalikom’

“Dan il-​jum irid iservi bħala tifkira għalikom, u tridu tiċċelebrawh bħala festa lil Ġeħova.”—EŻO. 12:14.

TISTAʼ TISPJEGA?

  • L-​Iżraelin fl-​Eġittu x’kellhom jagħmlu biex jippreparaw għall-​ewwel Qbiż u biex jiċċelebrawh?

  • Ġesù u l-​appostli f’liema jum kellhom l-​aħħar ikla tal-​Qbiż, u x’ġara iktar tard fl-​istess jum?

  • Liema lezzjonijiet importanti nistgħu nitgħallmu mill-​Qbiż u mir-​rakkonti f’​Eżodu?

1, 2. Liema anniversarju għandu jkun taʼ interess partikulari għall-​Kristjani kollha, u għala?

META tismaʼ l-​kelma “anniversarju,” x’jiġik f’moħħok? Xi ħadd miżżewweġ abbli jgħid: “L-​anniversarju taż-​żwieġ tiegħi.” Nies oħra abbli jaħsbu f’data importanti fl-​istorja li hi ċelebrata, bħal pereżempju, id-​data taʼ meta art twelidhom kisbet l-​indipendenza. Imma ġieli smajt b’anniversarju nazzjonali li ilu jiġi ċelebrat għal iktar minn 3,500 sena?

2 Veru jeżisti anniversarju bħal dan—il-​Qbiż. Kien iċ-​ċelebrazzjoni tal-​ħelsien tal-​Iżraelin mill-​jasar fl-​Eġittu. Dan il-​Qbiż għandu jkun importanti għalik. Għala? Għax jeffettwa xi aspetti sinifikanti ħafna taʼ ħajtek. Imma għandek mnejn taħseb: ‘Il-​Qbiż hu ċelebrazzjoni Lhudija, imma jien Kristjan. Allura, għala għandi nkun interessat fih?’ It-​tweġiba nsibuha f’din l-​istqarrija importanti ferm: “Kristu, il-​Qbiż tagħna, ġie sagrifikat.” (1 Kor. 5:7) Sabiex nifhmu eżatt xi tfisser din il-​verità, irridu nkunu nafu dwar il-​Qbiż Lhudi u nkunu nafu dwar kif dan l-​anniversarju għandu x’jaqsam maʼ kmand li ngħata lill-​Kristjani kollha.

IL-​QBIŻ GĦALA KIEN JIĠI ĊELEBRAT?

3, 4. X’ġara qabel l-​ewwel Qbiż?

3 Mijiet taʼ miljuni taʼ nies madwar il-​globu li mhumiex Lhud jafu xi ħaġa dwar x’ġara qabel l-​ewwel Qbiż. Jistaʼ jkun li qraw dwar il-​ġrajja fil-​ktieb Bibliku tal-​Eżodu, semgħu lil xi ħadd jirrakkonta l-​istorja, jew raw xi film li kien ibbażat fuqha.

4 Wara li l-​Iżraelin kienu lsiera fl-​Eġittu għal bosta snin, Ġeħova bagħat lil Mosè u lil ħuh, Aron, għand il-​Fargħun biex jistaqsih jeħles lill-​poplu Tiegħu. Dan il-​ħakkiem Eġizzjan arroganti ma riedx jeħles lill-​Iżraelin, u għalhekk Ġeħova laqat il-​pajjiż b’serje taʼ kastigi terribbli. Fl-​aħħar, Alla bagħat l-​għaxar kastig, il-​mewt tal-​ewwel imwieled fl-​Eġittu, u dan qanqal lill-​Fargħun biex jeħlishom.—Eżo. 1:11; 3:9, 10; 5:1, 2; 11:1, 5.

5. L-​Iżraelin x’kellhom jagħmlu qabel ma nħelsu? (Ara l-​ewwel stampa.)

5 Imma qabel ma nħelsu, l-​Iżraelin kellhom isegwu xi istruzzjonijiet speċifiċi. Dan kien fir-​rebbiegħa tas-​sena 1513 Q.E.K., fix-​xahar Lhudi taʼ Abib (Marzu-​April), li iktar tard issejjaħ Nisan.a Alla qal li fl-​għaxra taʼ dak ix-​xahar, l-​Iżraelin kellhom jippreparaw għal ġrajja li kienet se sseħħ fl-​14 taʼ Nisan. Dak il-​jum beda fi nżul ix-​xemx għax għal-​Lhud il-​ġranet kienu jibdew minn inżul ix-​xemx taʼ ġurnata sa nżul ix-​xemx tal-​għada. Pereżempju, minn inżul ix-​xemx tal-​Ħamis sa nżul ix-​xemx tal-​Ġimgħa kien jum wieħed. Fl-​14 taʼ Nisan, kull familja kellha toqtol ħaruf (jew gidi) u troxx ftit mid-​demm tiegħu madwar il-​bieb. (Eżo. 12:3-​7, 22, 23) Il-​familja kellha tiekol il-​ħaruf mixwi b’ħobż bla ħmira u xi ħxejjex. L-​anġlu t’Alla kellu jgħaddi mill-​art kollha u joqtol l-​ewwel imweldin fl-​Eġittu, imma l-​Iżraelin ubbidjenti kienu se jiġu protetti, u mbagħad setgħu jinħelsu.—Eżo. 12:8-​13, 29-​32.

6. L-​Iżraelin għala kienu se jkomplu jiċċelebraw il-​Qbiż kull sena?

6 L-​Iżraelin kellhom jiftakru l-​jum meta Alla ħelishom mill-​Eġittu. Alla qalilhom: “Dan il-​jum irid iservi bħala tifkira għalikom, u tridu tiċċelebrawh bħala festa lil Ġeħova matul il-​ġenerazzjonijiet tagħkom. Għandkom tiċċelebrawh bħala statut għal żmien indefinit.” Wara ċ-​ċelebrazzjoni fl-​14 taʼ Nisan, kellhom jiċċelebraw festa taʼ sebat ijiem. Għalkemm il-​Qbiż fir-​realtà kien fl-​14 taʼ Nisan, it-​tmint ijiem kollha tal-​festa setgħu jissejħu Qbiż. (Eżo. 12:14-​17; Lq. 22:1; Ġw. 18:28; 19:14) Il-​Qbiż kien wieħed mill-​festi stabbiliti li l-​Ebrej kellhom jiċċelebraw kull sena.—2 Kron. 8:13.

7. Ġesù liema ġrajja ġdida qal lis-​segwaċi tiegħu biex josservaw?

7 Peress li kienu Lhud taħt il-​Liġi Mosajka, Ġesù u l-​appostli tiegħu ħadu sehem fil-​Qbiż annwali. (Mt. 26:17-​19) L-​aħħar darba li għamlu dan, Ġesù qal li s-​segwaċi tiegħu kellhom josservaw ġrajja ġdida kull sena—l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej. Imma f’liema jum kellhom josservawha?

F’LIEMA JUM KIENET L-​IKLA TAʼ FILGĦAXIJA TAL-​MULEJ?

8. Xi wħud jistaqsu liema mistoqsija dwar il-​Qbiż u l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej?

8 Ġesù ta istruzzjonijiet dwar l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej eżatt wara li ċċelebra l-​Qbiż mal-​appostli tiegħu. Mela l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej kienet fl-​istess ġurnata tal-​Qbiż. Imma, forsi ġieli nnotajt li d-​data tal-​Qbiż Lhudi li tidher f’xi kalendarji moderni taf tkun differenti b’ġurnata jew b’iktar ġranet mid-​data li fiha nosservaw it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu. Għala hemm din id-​differenza? Parti mit-​tweġiba tinvolvi l-​kmand li Alla ta lill-​Iżraelin. Wara li qal li ‘l-​kongregazzjoni kollha tal-​ġemgħa taʼ Israel trid toqtol’ il-​ħaruf, Mosè qal eżatt meta fl-​14 taʼ Nisan kellhom jagħmlu dan.—Aqra Eżodu 12:5, 6.

9. Skont Eżodu 12:6, meta kellu jinqatel il-​ħaruf tal-​Qbiż? (Ara wkoll il-​kaxxa “F’Liema Parti tal-​Jum?”)

9 Skont Eżodu 12:6, il-​ħaruf kellu jinqatel “bejn inżul ix-​xemx u d-​dlam.” Xi verżjonijiet tal-​Bibbja, inkluż it-​Tanakh Lhudi, jittraduċu din l-​espressjoni bħala “fl-​għabex.” Jerġaʼ oħrajn jittraduċuha bħala “fl-​għabex taʼ filgħaxija,” jew “madwar inżul ix-​xemx.” Għalhekk, il-​ħaruf kellu jinqatel wara li tkun niżlet ix-​xemx imma waqt li jkun għadu d-​dawl, fil-​bidu tal-​14 taʼ Nisan.

10. Skont xi wħud, il-​ħaruf meta kien jinqatel, imma dan it-​twemmin hu bbażat fuq il-​Bibbja?

10 Mal-​medda tas-​snin, il-​ħrief kienu jinġiebu fit-​tempju biex jinqatlu, u b’hekk kien hemm bżonn ħafna ħin biex jiġu offruti s-​sagrifiċċji kollha. Minħabba dan, sekli wara, xi Lhud ħasbu li l-​kmand f’​Eżodu 12:6 rrefera għat-​tmiem tal-​14 taʼ Nisan, bejn il-​ħin meta x-​xemx kienet tibda nieżla (min-​nofsinhar ’l hemm) u t-​tmiem tal-​ġurnata fi nżul ix-​xemx. Imma jekk il-​ħrief kellhom jinqatlu fi tmiem l-​14 taʼ Nisan, l-​Iżraelin meta kienu se jieklu l-​ikla tal-​Qbiż? Skont il-​Professur Jonathan Klawans, kienet tittiekel fil-​15 taʼ Nisan. Imma hu jammetti li mhux eżatt hekk jintqal fil-​ktieb Bibliku tal-​Eżodu. Jgħid ukoll li l-​kitbiet tar-​rabbini ma jiddiskutux kif il-​Qbiż kien jiġi ċelebrat qabel is-​sena 70 E.K., li kienet is-​sena li fiha nqered it-​tempju.

11. (a) Ġesù minn xiex għadda fil-​jum tal-​Qbiż tas-​sena 33 E.K.? (b) Il-​15 taʼ Nisan tas-​sena 33 E.K., għala ġie msejjaħ Sabat “kbir”? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

11 Allura, f’liema jum kienet ċelebrata l-​ikla tal-​Qbiż fis-​sena 33 E.K? Mela, fit-​13 taʼ Nisan, hekk kif qorob il-​jum ‘li fih kellha tiġi sagrifikata l-​vittma tal-​Qbiż,’ Kristu qal lil Pietru u lil Ġwanni: “Morru ħejjulna l-​ikla tal-​Qbiż.” (Lq. 22:7, 8) “Imbagħad . . . sar il-​ħin” għall-​ikla tal-​Qbiż, wara nżul ix-​xemx fl-​14 taʼ Nisan, li kien il-​Ħamis filgħaxija. Ġesù kiel dik l-​ikla mal-​appostli tiegħu, u mbagħad tahom istruzzjonijiet għall-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej. (Lq. 22:14, 15) Dak il-​lejl ġie arrestat u mgħoddi ġuri. Ġesù ġie mdendel maʼ zokk madwar nofsinhar fl-​14 taʼ Nisan, u waranofsinhar miet. (Ġw. 19:14) B’hekk, “Kristu, il-​Qbiż tagħna, ġie sagrifikat” fl-​istess jum li fih inqatel il-​ħaruf tal-​Qbiż. (1 Kor. 5:7; 11:23; Mt. 26:2) Hekk kif qorob it-​tmiem taʼ dak il-​jum Lhudi, Ġesù ndifen—qabel ma beda l-​15 taʼ Nisan.b—Lev. 23:5-​7; Lq. 23:54.

TIFKIRA B’TIFSIRA GĦALIK

12, 13. It-​tfal Lhud kif kienu involuti fiċ-​ċelebrazzjoni tal-​Qbiż?

12 Imma ejja mmorru lura għall-​ġrajja fl-​Eġittu. Mosè qal li n-​nies t’Alla kellhom jiċċelebraw il-​Qbiż; kellu jkun regolament “għal żmien indefinit.” Bħala parti minn dik l-​osservanza annwali, it-​tfal kienu jistaqsu lill-​ġenituri tagħhom għala kienu qed jiċċelebraw il-​Qbiż. (Aqra Eżodu 12:24-​27; Dt. 6:20-​23) Għaldaqstant, il-​Qbiż kien se jkun “tifkira” li anke t-​tfal setgħu jitgħallmu minnu.—Eżo. 12:14.

13 Minn ġenerazzjoni għal oħra, l-​Iżraelin għallmu lit-​tfal tagħhom lezzjonijiet importanti dwar il-​Qbiż. Waħda minnhom kienet li Ġeħova setaʼ jipproteġi lill-​aduraturi tiegħu. It-​tfal tgħallmu li Ġeħova hu Alla ħaj u reali li jimpurtah mill-​poplu tiegħu u li jaġixxi għan-​nom tagħhom. Hu ta prova taʼ dan meta pproteġa lill-​ewwel imweldin Iżraelin u żammhom ħajjin “meta kkastiga lill-​Eġizzjani.

14. Il-​ġenituri Kristjani liema lezzjoni mill-​Qbiż jistgħu jgħallmu lil uliedhom?

14 Bħala ġenitur Kristjan, ma toqgħodx tirrakkonta l-​istorja tal-​Qbiż lil uliedek kull sena. Iżda, tgħallem int lil uliedek din l-​istess lezzjoni—li Alla jipproteġi lin-​nies tiegħu? Turihom b’mod ċar li int tassew temmen li Ġeħova verament għadu l-​Protettur tal-​poplu tiegħu? (Salm 27:11; Is. 12:2) U tagħmel dan permezz taʼ konversazzjoni pjaċevoli bejnek u bejn uliedek minflok permezz taʼ xi prietka? Din il-​lezzjoni se tgħin lil familtek tafda f’Ġeħova saħansitra iktar.

Meta tiddiskuti l-​Qbiż, liema lezzjonijiet se tgħin lil uliedek jitgħallmu? (Ara paragrafu 14)

15, 16. X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġeħova mill-​Qbiż u mir-​rakkonti f’​Eżodu?

15 Nistgħu nitgħallmu iktar mill-​Qbiż minbarra l-​fatt li Ġeħova kapaċi jipproteġi lill-​poplu tiegħu. Hu ħelishom ukoll billi ‘ħariġhom mill-​Eġittu.’ Aħseb dwar x’involva dan. Kienu gwidati minn kolonna tas-​sħab u tan-​nar. Imxew f’qiegħ il-​baħar, hekk kif il-​Baħar l-​Aħmar baqaʼ wieqaf bħal sur fuq in-​naħa tal-​lemin u tax-​xellug. Wara li qasmu ħajjin u sħaħ, raw dawk l-​ilmijiet jinżlu għal fuq il-​militar Eġizzjan. Imbagħad l-​Iżraelin li nħelsu setgħu jfaħħru lil Ġeħova u jkantaw: “Ħa ngħannilu lil Ġeħova . . . Iż-​żiemel u r-​rikkieb tiegħu xeħithom fil-​baħar. Saħħti u setegħti hu Jah, ladarba hu jsalvani.”—Eżo. 13:14, 21, 22; 15:1, 2; Salm 136:11-​15.

16 Jekk għandek it-​tfal, qed tgħinhom jafdaw f’Ġeħova bħala Ħellies? Jistgħu jaraw li int tassew temmen dan meta tieħu deċiżjonijiet u titkellem? Matul il-​Qima tal-​Familja forsi tistaʼ tinkludi diskussjoni fuq dak li naqraw f’​Eżodu kapitli 12-​15 u tistaʼ tenfasizza kif Ġeħova ħeles lill-​poplu tiegħu. Drabi oħra tistaʼ tiżviluppa dan il-​punt billi tikkunsidra Atti 7:30-​36 jew Danjel 3:16-​18, 26-​28. Ilkoll kemm aħna, kbar u żgħar, għandna nkunu fiduċjużi li Ġeħova ma kienx Ħellies biss fl-​imgħoddi. Bħalma ħeles lin-​nies tiegħu fi żmien Mosè, hekk ukoll żgur li se jeħlisna fil-​futur.—Aqra l-​1 Tessalonikin 1:9, 10.

BIEX AĦNA NIFTAKRU

17, 18. Id-​demm taʼ Ġesù għala jiswa ħafna iktar mid-​demm tal-​ħaruf tal-​Qbiż?

17 Il-​Kristjani veri ma jiċċelebrawx il-​Qbiż Lhudi. Dan l-​anniversarju kien parti mil-​Liġi Mosajka, u m’aħniex taħt din il-​Liġi. (Rum. 10:4; Kol. 2:13-​16) Minflok, ngħożżu ġrajja oħra, il-​mewt tal-​Iben t’Alla. Xorta waħda, nistgħu nitgħallmu ħafna miċ-​ċelebrazzjoni tal-​Qbiż li bdiet fl-​Eġittu.

18 Id-​demm tal-​ħaruf li l-​Iżraelin kienu jroxxu madwar il-​bieb tagħhom salva l-​ħajja tal-​ewwel imwieled tagħhom. Illum, ma noffrux id-​demm tal-​annimali lil Alla fil-​Qbiż jew fi kwalunkwe ħin ieħor. Imma d-​demm taʼ sagrifiċċju ieħor jiswa ħafna iktar. In-​nies li jibbenefikaw minn dan id-​demm jistgħu jgħixu għal dejjem. L-​appostlu Pawlu spjega li hu d-​demm taʼ Ġesù, “id-​demm tat-​traxxix,” li jagħmilha possibbli għall-​Kristjani midlukin li jgħixu għal dejjem fis-​sema. Huma “l-​ewwel imweldin li ġew miktubin fis-​smewwiet.” (Ebr. 12:23, 24) Ukoll, id-​demm taʼ Ġesù jagħmilha possibbli għan-​nagħaġ oħrajn li jkollhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Ilkoll kemm aħna għandna nfakkru lilna nfusna regolarment dwar din il-​wegħda. “Bih għandna l-​ħelsien bil-​fidwa permezz taʼ demmu, iva, il-​maħfra tan-​nuqqasijiet tagħna, skond ir-​rikkezzi tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu.”—Efes. 1:7.

19. Il-​mod kif miet Ġesù kif jistaʼ jsaħħaħ il-​fiduċja tagħna fil-​profezija tal-​Bibbja?

19 Meta l-​ħaruf kien jinqatel għall-​ikla tal-​Qbiż, l-​Iżraelin ma kellhom jiksru ebda għadma minnu. (Eżo. 12:46; Num. 9:11, 12) Xi ngħidu għall-​“Ħaruf t’Alla” li ġie biex jagħti ħajtu bħala fidwa? (Ġw. 1:29) Kien imdendel maʼ zokk bi kriminal fuq kull naħa. Il-​Lhud staqsew lil Pilatu biex jinkiser l-​għadam tal-​irġiel imdendlin maz-​zokk. Dan kien jgħinhom imutu iktar malajr ħalli ma jitħallewx fuq iz-​zokk fil-​15 taʼ Nisan, li kien Sabat doppju. Is-​suldati kisru saqajn iż-​żewġ kriminali, “imma malli waslu ħdejn Ġesù, billi raw li kien diġà mejjet, ma kisrulux riġlejh.” (Ġw. 19:31-​34) Bħall-​għadam tal-​ħaruf tal-​Qbiż, l-​għadam taʼ Ġesù ma ġiex miksur. Għalhekk, il-​ħaruf tal-​Qbiż kien bħal “dell” tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù fl-​14 taʼ Nisan tas-​sena 33 E.K. (Ebr. 10:1) Dan wettaq il-​kliem f’Salm 34:20. B’hekk, il-​fiduċja tagħna fil-​profezija tal-​Bibbja għandha tissaħħaħ.

20. X’inhi differenza waħda bejn il-​Qbiż u l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej?

20 Però, hemm xi differenzi bejn kif il-​Lhud iċċelebraw il-​Qbiż u kif Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex josservaw l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej. Pereżempju, lura fl-​Eġittu, l-​Iżraelin ħadu mil-​laħam tal-​ħaruf imma ma ħadux mid-​demm. Dan hu differenti minn dak li kkmanda Ġesù lid-​dixxipli tiegħu. Hu qal li dawk li kienu se jaħkmu “fis-​saltna t’Alla” kellhom jieħdu kemm mill-​ħobż kif ukoll mill-​inbid li kienu jirrappreżentaw lill-​ġisem u d-​demm tiegħu. Se nikkunsidraw dan b’iktar dettall fl-​artiklu li jmiss.—Mk. 14:22-​25.

21. Għala hu taʼ ġid li nitgħallmu dwar il-​Qbiż?

21 Minkejja dan, m’hemm ebda dubju li l-​Qbiż kien ġrajja importanti fl-​istorja tal-​poplu t’Alla u jipprovdi lezzjonijiet utli għal kull wieħed u waħda minna. Għalhekk, filwaqt li l-​Qbiż kellu “jservi bħala tifkira” għal-​Lhud, u mhux għall-​Kristjani, bħala Kristjani għandna nitgħallmu dwaru u nieħdu bis-​serjetà l-​lezzjonijiet siewja tiegħu, għax “l-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.”—2 Tim. 3:16.

a L-​ewwel xahar fil-​kalendarju Lhudi kien jissejjaħ Abib, imma iktar tard, meta l-​Iżraelin irritornaw mill-​eżilju fil-​Babilonja, beda jissejjaħ Nisan. F’dan l-​artiklu, se nsejħulu Nisan.

b L-​għada tal-​Qbiż, il-​15 taʼ Nisan, kien l-​ewwel jum tal-​Festa tal-​Ħobż bla Ħmira u dejjem tqies bħala Sabat. Fis-​sena 33 E.K., il-​15 taʼ Nisan inzerta ħabat fil-​bidu tas-​sabat (Is-​Sibt) taʼ kull ġimgħa. Peress li dik is-​sena, iż-​żewġ Sabatijiet kienu fl-​istess ġurnata, dal-​jum issejjaħ Sabat “kbir.”—Aqra Ġwanni 19:31, 42.

F’LIEMA PARTI TAL-​JUM?

Xi Bibbji f’​Eżodu 12:6 jgħidu li l-​ħaruf kellu jittiekel bejn żewġ filgħaxijiet. Rigward dan, il-​kummentatur Lhudi Marcus Kalisch (1828-​1885) kiteb: “L-​istess opinjoni esprimieha b’mod iktar ċar Ebn Ezra [rabbi Spanjol magħruf, 1092-​1167]: ‘Għandna żewġ filgħaxijiet; l-​ewwel waħda hi nżul ix-​xemx . . . u t-​tieni waħda hi meta ma jibqax jidher id-​dawl li jiġi rifless fis-​sħab; u bejn dawn iż-​żewġ filgħaxijiet hemm intervall taʼ xi siegħa u għoxrin minuta;’ u din l-​ispjegazzjoni, li donnha hi l-​iktar interpretazzjoni loġika, hi aċċettata wkoll mill-​Karaites u mis-​Samaritani, u ġiet aċċettata minn ħafna wħud oħra.” Din l-​ispjegazzjoni taqbel mal-​kmand li ngħata lill-​Iżraelin bħalma jidher f’​Dewteronomju 16:6: “Għandek toffri s-​sagrifiċċju tal-​Qbiż fil-​għaxija malli tinżel ix-​xemx, fiż-​żmien stabbilit li fih int ħriġt mill-​Eġittu.”—Eżo. 30:8; Num. 9:3-​5, 11.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja