LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 3/1 pp. 12-15
  • Il-Kelma t’Alla ssir magħrufa fi Spanja medjevali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kelma t’Alla ssir magħrufa fi Spanja medjevali
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • BIBBJI BIL-​LATIN ISSODISFAW IL-​BŻONN
  • IL-​BIBBJA FUQ IL-​LAVANJI
  • IL-​BIBBJA BL-​GĦARBI
  • TFAĊĊAW VERŻJONIJIET BL-​ISPANJOL
  • Għala hawn ħafna Bibbji?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
  • Toħroġ it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida Riveduta bl-Ispanjol
    Iktar Suġġetti
  • Il-Bibbja bit-Taljan Storja Mimlija Taqlib
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 3/1 pp. 12-15
Kopja miftuħa tal-​Bibbja Alba

Il-​Kelma t’Alla ssir magħrufa fi Spanja medjevali

“Meta nkun sejjer Spanja, waqt li nkun qed nivvjaġġa għal hemmhekk, inkun nistaʼ narakom u tiġu biċċa triq miegħi wara li l-​ewwel inkun gawdejt xi ftit il-​kumpanija tagħkom.”—Rumani 15:24.

L-​APPOSTLU Pawlu kiteb dan il-​kliem lil sħabu Kristjani madwar is-​sena 56 WK. Jekk Pawlu attwalment marx Spanja jew le, il-​Bibbja ma tgħidx. Hu x’inhu l-​każ, permezz tal-​isforzi taʼ Pawlu jew taʼ missjunarji Kristjani oħrajn, l-​aħbar tajba mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, fil-​fatt waslet Spanja sat-​tieni seklu WK.

Fi ftit żmien, il-​komunitajiet Kristjani bdew jiżviluppaw u jiffjorixxu fi Spanja. Minħabba f’hekk, bdiet tinħass il-​ħtieġa li n-​nies hemmhekk ikollhom Bibbja tradotta bil-​Latin. Dan kien għax sat-​tieni seklu, Spanja kienet ilha taħt il-​ħakma Rumana u l-​Latin sar il-​lingwa komuni fl-​Imperu Ruman vast.

BIBBJI BIL-​LATIN ISSODISFAW IL-​BŻONN

Kristjani Spanjoli tal-​bidu kienu pproduċew diversi traduzzjonijiet bil-​Latin li flimkien huma magħrufa bħala l-​Vetus Latina Hispana. Dawn il-​Bibbji nfirxu maʼ Spanja għal ħafna snin qabel ma Ġirolmu spiċċa l-​magħrufa Vulgata Latina kmieni fil-​ħames seklu WK.

It-​traduzzjoni taʼ Ġirolmu—li lesta f’Betlehem, il-​Palestina—waslet Spanja bla dewmien. Meta Lucinius, student tal-​Bibbja tat-​tajjeb, sar jaf li Ġirolmu kien qed iħejji traduzzjoni bil-​Latin, hu ried kopja taʼ din it-​traduzzjoni ġdida malajr kemm jistaʼ jkun. Hu bagħat sitt skribi Betlehem biex jikkopjaw it-​test u jiħduh lura Spanja. Fis-​sekli taʼ wara, il-​Vulgata bil-​mod il-​mod ħadet post il-​Vetus Latina Hispana. Dawn it-​traduzzjonijiet bil-​Latin ippermettew lin-​nies taʼ Spanja jaqraw u jifhmu l-​messaġġ tal-​Bibbja. Imma hekk kif l-​Imperu Ruman ġie fi tmiemu, inħolqu bżonnijiet lingwistiċi ġodda.

IL-​BIBBJA FUQ IL-​LAVANJI

Fil-​ħames seklu, il-​Viżigoti u tribujiet oħrajn Ġermaniżi invadew Spanja, u lingwa ġdida—il-​Gotiku—waslet fil-​peniżola. L-​invażuri kienu jipprattikaw forma taʼ Kristjanità magħrufa bħala l-​Arjaniżmu, li m’aċċettax id-​duttrina tat-​Trinità. Ġabu magħhom ukoll it-​traduzzjoni tagħhom tal-​Iskrittura—Il-​Bibbja Gotika taʼ Ulfila. Din il-​Bibbja nqrat fi Spanja sa tmiem is-​sitt seklu, meta r-​re Viżigot, Reccared, sar Kattoliku u ċaħad l-​Arjaniżmu. Hu ġiegħel li jinġabru u jinqerdu l-​kotba Arjani kollha, inkluż il-​Bibbja taʼ Ulfila. B’riżultat taʼ dan, il-​kitbiet Gotiċi kollha għabu minn Spanja.

Ċangatura tal-​lavanja b’test tal-​Bibbja bil-​Latin

Ċangatura tal-​lavanja b’test Bibliku bi djalett Latin, mis-​sitt seklu WK

Madankollu, il-​Kelma t’Alla kompliet tinfirex fi Spanja matul dan il-​perijodu. Minbarra l-​Gotiku, kien għad hemm djalett Latin li kien għadu mitkellem f’ħafna nħawi taʼ Spanja u li iktar tard ta bidu għal-​lingwi mir-​Rumanz mitkellma fil-​peniżola Iberjana.a L-​iktar dokumenti antiki b’dan id-​djalett Latin huma magħrufin bħala l-​lavanji Viżigoti, minħabba li kienu miktubin fuq biċċiet jew ċangaturi tal-​lavanja. Huma mis-​sitt u s-​sebaʼ sekli, u wħud minnhom fihom siltiet mis-​Salmi u l-​Evanġelji. Waħda mil-​lavanji fiha Salm 16 kollu.

L-​eżistenza taʼ testi Skritturali fuq sempliċi lavanji turi li dak iż-​żmien, in-​nies ordinarji kemm qraw kif ukoll ikkopjaw il-​Kelma t’Alla. Milli jidher, l-​għalliema użaw dawn it-​testi Bibliċi bħala eżerċizzju għall-​istudenti li kienu qed jitgħallmu jaqraw u jiktbu. Meta mqabbla mal-​parċmina li kienet tiswa l-​flus u li l-​monasterji medjevali użaw biex jipproduċu Bibbji bl-​istampi, il-​lavanja kienet materjal irħis għall-​kitba.

Paġna tal-​Bibbja Leon

Dettall mill-​Bibbja taʼ León li fiha ħafna dekorazzjonijiet. Għalkemm prezzjużi, Bibbji bħal dawn ftit li xejn għamlu biex ixerrdu l-​messaġġ tal-​Kelma t’Alla fost in-​nies

Bibbja imprezzabbli tinsab fil-​knisja taʼ San Isidoro f’León, Spanja. Hi mis-​sena 960 WK, għandha 516-​il folja b’qies taʼ xi 47 ċentimetru b’34 ċentimetru, u tiżen xi 18-​il kilogramma. Oħra, li issa qiegħda fil-​Librerija tal-​Vatikan, hi l-​Bibbja taʼ Ripoll, li hi mill-​1020 WK. Din il-​Bibbja hi waħda mill-​Bibbji medjevali li l-​iktar fiha dekorazzjonijiet. Biex jipproduċi xogħlijiet t’arti bħal dawn, patri għandu mnejn qattaʼ ġurnata sħiħa joħloq ittra inizjali waħda jew ġimgħa sħiħa jipprepara l-​paġna bit-​titlu. Għalkemm prezzjużi, dawn il-​Bibbji ftit li xejn għamlu biex ixerrdu l-​messaġġ tal-​Kelma t’Alla fost in-​nies.

IL-​BIBBJA BL-​GĦARBI

Sat-​tmien seklu, lingwa oħra bdiet tinbet fi Spanja b’riżultat tal-​invażjoni Iżlamika tal-​peniżola. Fl-​inħawi li kkolonizzaw il-​Misilmin, l-​Għarbi beda jintuża iktar mil-​Latin u nħasset il-​ħtieġa għal Bibbja b’din il-​lingwa ġdida.

Mill-​ħames sat-​tmien seklu WK, il-​Bibbja bil-​Latin u bl-​Għarbi għenet lin-​nies fi Spanja jaqraw il-​Kelma t’Alla

Ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja bl-​Għarbi—speċjalment l-​Evanġelji—bla dubju kienu abbundanti fi Spanja medjevali. Milli jidher fit-​tmien seklu, Ġwanni, isqof taʼ Sivilja, ittraduċa l-​Bibbja kollha għall-​Għarbi. B’dispjaċir, ħafna minn dawk it-​traduzzjonijiet bl-​Għarbi m’għadhomx jeżistu. Fil-​katidral taʼ León, Spanja, hemm ippreservata traduzzjoni waħda tal-​Evanġelji bl-​Għarbi li saret f’nofs l-​għaxar seklu.

Kopja miftuħa taʼ traduzzjoni bl-​Għarbi tal-​Evanġelji

Traduzzjoni bl-​Għarbi tal-​Evanġelji, mill-​għaxar seklu WK

TFAĊĊAW VERŻJONIJIET BL-​ISPANJOL

Lejn l-​aħħar tal-​Medju Evu, il-​Kastiljan, jew l-​Ispanjol, beda jieħu s-​sura fil-​Peniżola Iberjana. Dan l-​ilsien ġdid kien se jsir mezz importanti biex tixxerred il-​Kelma t’Alla.b L-​ewwel test Bibliku tradott għall-​Ispanjol deher f’La Fazienda de Ultra Mar (Ġrajjiet min-​Naħa l-​Oħra tal-​Ibħra), tal-​bidu tat-​13-​il seklu. Dan ix-​xogħol fih rakkont taʼ vjaġġ lejn Iżrael, u jinkludi materjal mill-​Pentatewku u kotba oħrajn mill-​Iskrittura Ebrajka kif ukoll mill-​Evanġelji u l-​Epistoli.

Ir-​Re Alfonso X

Ir-​Re Alfonso X appoġġa t-​traduzzjoni tal-​Bibbja għall-​Ispanjol

L-​awtoritajiet tal-​knisja ma kinux kuntenti b’din it-​traduzzjoni. Fl-​1234, il-​Konċilju taʼ Tarragona ordna li l-​Bibbji kollha bil-​lingwa tal-​pajjiż kellhom jingħataw lill-​kleru lokali biex jinħarqu. B’ferħ dan id-​digriet ma waqqafx it-​traduzzjoni tal-​Bibbja. Ir-​Re Alfonso X (1252-​1284), ikkunsidrat bħala missier il-​proża Spanjola, ried li l-​Iskrittura tkun tradotta bil-​lingwa l-​ġdida u appoġġaha. Traduzzjonijiet Spanjoli minn dan il-​perijodu jinkludu l-​hekk imsejħa Bibbja Pre-​Alfonsina u l-​Bibbja Alfonsina, li dehret ftit żmien warajha, li kienet l-​ikbar traduzzjoni bl-​Ispanjol taʼ żmienha.

Paġni mill-​Bibbja Pre-​Alfonsina u dik Alfonsina

Paġni minn Bibbja Pre-​Alfonsina (xellug) u Alfonsina (lemin) mit-​13-​il seklu

Dawn iż-​żewġ xogħlijiet għenu biex tiġi stabbilita u tissebbaħ il-​lingwa Spanjola li kienet għadha kif bdiet tiżviluppa. Dwar il-​Bibbja Pre-​Alfonsina, l-​istudjuż Thomas Montgomery jgħid: “It-​traduttur taʼ din il-​Bibbja pproduċa xogħol taʼ min jammirah f’dik li hi eżattezza kif ukoll lingwa eleganti. . . . Il-​lingwa hi sempliċi u ċara, kif kien meħtieġ minn Bibbja għal nies li ma kinux jafu bil-​Latin.”

Però, dawk il-​Bibbji bikrin bl-​Ispanjol ġew tradotti mill-​Vulgata Latina minflok mil-​lingwi oriġinali. Sa mill-​bidu tas-​seklu 14, skulari Lhud ipproduċew diversi traduzzjonijiet tal-​Iskrittura Ebrajka direttament mill-​Ebrajk. F’dak iż-​żmien, Spanja kellha l-​ikbar komunità Lhudija fl-​Ewropa, u t-​tradutturi Lhud kellhom aċċess għal manuskritti tajbin bl-​Ebrajk biex jagħmlu t-​traduzzjonijiet tagħhom.c

Eżempju li jispikka kienet il-​Bibbja Alba, li tlestiet fis-​seklu 15. Raġel nobbli prominenti Spanjol, Luis de Guzmán, qabbad lir-​Rabbi Moisés Arragel jittraduċi l-​Bibbja għall-​Ispanjol castizo (pur). Hu ta żewġ raġunijiet għala talab din it-​traduzzjoni ġdida. L-​ewwel nett, qal: “Il-​Bibbji tal-​lum bil-​lingwa Rumanza m’huma eżatti xejn,” u t-​tieni, “Nies bħalna għandna ħafna bżonn in-​noti marġinali biex nifhmu siltiet li m’humiex ċari.” It-​talba tiegħu turi li n-​nies fi żmienu kellhom interess kbir li jaqraw u jifhmu l-​Bibbja. Turi wkoll li l-​Iskrittura fl-​ilsien tan-​nies tal-​post diġà kienet infirxet sew madwar Spanja.

Grazzi lit-​tradutturi u lill-​kopisti medjevali, nies edukati fi Spanja setgħu jaqraw il-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom stess mingħajr ostakli kbar. B’riżultat taʼ dan, l-​istorjografu Juan Orts González osserva li “qabel żmien Luteru, l-​Ispanjoli kienu jafu l-​Bibbja iktar mill-​Ġermaniżi jew l-​Ingliżi.”

“Qabel żmien Luteru, l-​Ispanjoli kienu jafu l-​Bibbja iktar mill-​Ġermaniżi jew l-​Ingliżi.”—L-​istorjografu Juan Orts González

Però, sa tmiem il-​15-​il seklu, l-​Inkwiżizzjoni Spanjola pprojbiet li wieħed jittraduċi jew ikollu l-​Iskrittura bi kwalunkwe lingwa tal-​vernakolu. Waqaʼ bħal lejl twil għall-​Bibbja fi Spanja. Kellhom jgħaddu tliet sekli sakemm fl-​aħħar tneħħiet il-​projbizzjoni. Matul dak iż-​żmien diffiċli, xi tradutturi kuraġġużi pproduċew verżjonijiet ġodda bl-​Ispanjol barra l-​pajjiż u daħħluhom Spanja bil-​kuntrabandu.d

Bħalma turi l-​istorja tal-​Bibbja fi Spanja medjevali, xi opponenti għamlu l-​almu tagħhom biex jopponu l-​Kelma t’Alla b’ħafna modi. Minkejja dan, ma rnexxilhomx irażżnu kliem Dak li Jistaʼ Kollox.—Salm 83:1; 94:20.

Ix-​xogħol bla heda taʼ ħafna skulari ppermetta li l-​Bibbja trabbi l-​għeruq u tinxtered fi Spanja medjevali. Tradutturi moderni segwew il-​passi taʼ dawk li kienu minn tal-​ewwel biex jittraduċu l-​Iskrittura għal-​Latin, il-​Gotiku, l-​Għarbi, u l-​Ispanjol. B’riżultat taʼ dan, illum, miljuni taʼ nies li jitkellmu bl-​Ispanjol jistgħu jaqraw il-​Kelma t’Alla bil-​lingwa li tmissilhom qalbhom.

a Dawn jinkludu l-​Kastiljan, il-​Katalan, il-​Galizjan, u l-​Portugiż.

b Illum il-​ġurnata, l-​Ispanjol hu l-​ewwel lingwa taʼ xi 540 miljun ruħ.

c Ara l-​artiklu “The Divine Name and Alfonso de Zamora’s Quest for Textual Accuracy,” fil-​ħarġa tal-​1 taʼ Diċembru 2011 taʼ din ir-​rivista bl-​Ingliż.

d Ara l-​artiklu “Casiodoro de Reina’s Fight for a Spanish Bible,” fil-​ħarġa tal-​1 taʼ Ġunju 1996 taʼ din ir-​rivista bl-​Ingliż.

Il-​Bibbja b’lingwi Spanjoli oħrajn

Il-​Katalan Il-​Bibbja ġiet tradotta bil-​Katalan fis-​seklu 13. Verżjoni waħda, magħrufa bħala l-​Bibbja bir-​Rima, kienet traduzzjoni taʼ parti tal-​Iskrittura bir-​rima biex tgħin lill-​qarrej jiftakar il-​kliem. Fl-​istess seklu, bejn l-​1287 u l-​1290, Jaume de Montjuich ittraduċa l-​ewwel Bibbja kompleta bil-​Katalan bl-​ordni tar-​Re Alfonso II tal-​Katalonja u Aragona.

Il-​Valenzjan Kmieni fis-​seklu 15, Bonifacio Ferrer ittraduċa l-​Bibbja bil-​Valenzjan, u ġiet stampata fl-​1478. Din il-​verżjoni Valenzjana kienet l-​ewwel Bibbja li ġiet stampata fi Spanja. B’sogħba, il-​fjammi tal-​Inkwiżizzjoni ħatfu sal-​inqas kopja, u l-​aħħar paġna biss baqgħet teżisti. Din il-​folja qiegħda fil-​kollezzjoni tal-​Hispanic Society of America fi New York.

Il-​Bask Fl-​1571, Jean de Liçarrague ittraduċa l-​Iskrittura Griega għall-​Bask, grazzi għall-​iffinanzjar tar-​reġina taʼ Navarre. Xogħol Liçarrague għen biex ikun hemm pedament għal grammatika unita Baska. Intqal li Liçarrague kien għall-​Bask dak li Ġirolmu kien għal-​Latin u Luteru għall-​Ġermaniż.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja