SUĠĠETT PRINĊIPALI | MIN HUMA X-XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA?
X’tip taʼ nies huma x-Xhieda taʼ Ġeħova?
Aħna organizzazzjoni internazzjonali li m’aħniex assoċjati maʼ gruppi reliġjużi oħra. Għalkemm il-kwartieri ġenerali tagħna qegħdin fl-Istati Uniti, il-maġġoranza vasta tax-Xhieda taʼ Ġeħova jgħixu f’pajjiżi oħra. Infatti, xi tmien miljuni minna jgħallmu l-Bibbja lin-nies f’iżjed minn 230 pajjiż. Nagħmlu dan b’reazzjoni għall-kliem taʼ Ġesù: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha.”—Mattew 24:14.
Ngħixu fejn ngħixu, aħna nobdu l-liġi b’mod kuxjenzjuż. Madankollu, nagħmlu ħilitna biex nibqgħu newtrali politikament. Dan hu għax nobdu kliem Ġesù biex il-Kristjani ma jkunux “parti mid-dinja.” B’hekk, ma niħdux sehem fi kwistjonijiet u attivitajiet politiċi u ma nappoġġawx il-gwerer. (Ġwanni 15:19; 17:16) Infatti, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ġew mitfugħin il-ħabs, ittorturati, u saħansitra agħar minn hekk minħabba li m’għamlux kompromess min-newtralità tagħhom. Wieħed li kien isqof Ġermaniż kiteb: “Huma bi dritt jistgħu jistqarru li huma l-unika għaqda kbira li minħabba l-kuxjenza tagħhom oġġezzjonaw lit-Tielet Reich.”
“[Ix-Xhieda taʼ Ġeħova] għandhom saħħa morali tremenda. Nistgħu nużaw nies mhux egoisti bħal dawn anki fl-ogħla rwoli politiċi—imma qatt m’aħna se narawhom hemm. . . . Huma jirrikonoxxu l-awtoritajiet governattivi imma jemmnu li s-Saltna t’Alla biss hi kapaċi ssolvi l-problemi kollha tal-umanità.”—Il-gazzetta Nová Svoboda, ir-Repubblika Ċeka
Minkejja dan, ma ninqatgħux għalina. Ġesù talab rigward is-segwaċi tiegħu: “Ma nitolbokx biex toħroġhom mid-dinja.” (Ġwanni 17:15) Għalhekk, tistaʼ tarana aħna u naħdmu, nixtru, u mmorru l-iskola fil-komunità lokali.