LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 9/1 pp. 8-10
  • Sibt xi ħaġa aħjar mill-faxxinu tal-ħajja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sibt xi ħaġa aħjar mill-faxxinu tal-ħajja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • NIFTAKAR IR-​RELIĠJON TAʼ TFULITI
  • IDDEĊIDEJT LI NERĠAʼ LURA
  • XI ĦAĠA AĦJAR MILL-​FAXXINU TAL-​ĦAJJA
  • IL-​FERĦ LI TGĦIN LIL OĦRAJN
  • Jehovah Wera Qalb Tajba bl-Imħabba Miegħi u Ħa Ħsiebi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Għidilhom li tħobbhom
    Esperjenzi tax-Xhieda taʼ Ġeħova
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 9/1 pp. 8-10

BIJOGRAFIJA

Sibt xi ħaġa aħjar mill-​faxxinu tal-​ħajja

Kif rakkontata minn Mina Hung Godenzi

Mina Hung Godenzi

F’lejla waħda fl-​1984, inbdilt milli nkun sempliċement adoloxxenti komuni għal li nkun ċelebrità. Ġejt inkurunata bħala Miss Hong Kong. Ir-​ritratt tiegħi sab ruħu fuq il-​paġna taʼ quddiem tar-​rivisti u l-​gazzetti. Bdejt inkanta, niżfen, nagħti taħditiet, nippreżenta programmi fuq it-​televixin, nilbes ħwejjeġ sbieħ, u nidher maʼ nies importanti, bħall-​gvernatur taʼ Ħong Kong.

Is-​sena taʼ wara, bdejt nieħu sehem fil-​films, diversi drabi bħala l-​attriċi prinċipali. Ir-​riporters riedu l-​istorja tiegħi, il-​fotografi riedu r-​ritratt tiegħi, u n-​nies riduni nkun preżenti għall-​ewwel wiri tal-​films, għall-​inawgurazzjoni taʼ xi bini jew negozju, u għall-​ikliet. L-​attenzjoni kienet dejjem fuqi.

Mina Hung Godenzi taħdem parti perikoluża billi ssuq mutur f’film taʼ azzjoni

F’film taʼ azzjoni

Iżda bil-​mod il-​mod skoprejt li dan kollu ma kienx attraenti daqskemm kont immaġinajt. Fil-​biċċa l-​kbira ħdimt films tal-​azzjoni, u dan kien perikoluż. L-​atturi f’Ħong Kong spiss ma kienx ikollhom persuna oħra taħdem minflokhom biex ma jissograwx li jweġġgħu, bħalma kienu jagħmlu l-​atturi f’Hollywood, allura jien ħdimt il-​partijiet perikolużi tiegħi stess, bħal li naqbeż karozza b’mutur. Ħafna films li ħdimt fihom kienu immorali u vjolenti. Ftit minnhom inkludew id-​demoniżmu.

Fl-​1995 iżżewwiġt produttur tal-​films. Għalkemm deher li kelli kollox biex inkun ferħana—fama, għana, u raġel li jħobbni—kont dipressa u mdejqa. Iddeċidejt li nieqaf naħdem il-​films.

NIFTAKAR IR-​RELIĠJON TAʼ TFULITI

Bdejt niftakar b’għożża r-​reliġjon li kelli meta kont tifla żgħira. Lura dak iż-​żmien, kull nhar taʼ Sibt, jien u oħti konna mmorru għand familja li kienu Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​missier, Joe McGrath, studja l-​Bibbja magħna flimkien mat-​tlett ibniet tiegħu. Il-​familja tagħhom kienu dħulin u stajt inħoss l-​imħabba li kellhom, u z-​“Ziju Joe” ittratta lil martu u wliedu b’rispett. Kont nieħu pjaċir ukoll immur magħhom għal-​laqgħat Kristjani. Kultant konna mmorru assembleat kbar. Kien żmien sabiħ. Kont inħossni protetta max-​Xhieda.

B’kuntrast, kienu jiġru affarijiet koroh fil-​familja tiegħi. Il-​mod kif kien jgħix missieri inkwieta bil-​bosta lil ommi u saret dipressa għall-​aħħar. Meta kelli kważi 10 snin, ommi waqfet tassoċja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Jien komplejt b’nofs qalb u tgħammidt taʼ 17-​il sena. Imma ma domtx ma involvejt ruħi f’kondotta mhix Kristjana u ma bqajtx parti mill-​kongregazzjoni.

IDDEĊIDEJT LI NERĠAʼ LURA

Ftit wara li żżewwiġt, żewġ indokraturi mill-​kongregazzjoni lokali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew iżuruni. Spjegawli kif stajt nerġaʼ lura lejn Alla Ġeħova, u rranġaw biex missjunarja jisimha Cindy tibda tgħinni. Sa daż-​żmien, kont tlift ħafna mill-​fidi tiegħi, allura tlabtha tagħtini prova li l-​Bibbja hi verament il-​Kelma t’Alla. Urietni eżempji taʼ profeziji Bibliċi li twettqu. Bil-​mod il-​mod, sirna ħbieb tal-​qalb, u stidnitni nistudja t-​tagħlim bażiku tal-​Bibbja magħha. Jien aċċettajt. Għall-​ewwel darba, sirt napprezza li Ġeħova hu Alla taʼ mħabba, li jridni nkun ferħana.

Meta rġajt bdejt immur il-​laqgħat Kristjani, sibt li kont nieħu pjaċir bil-​kumpanija tax-​Xhieda iżjed minn dik tan-​nies fl-​industrija tal-​films. Imma l-​esperjenzi taʼ tfuliti ħallewni nħossni li ma stajt nafda lil ħadd, u ma kontx inħobb lili nnifsi. Membru tal-​kongregazzjoni għenitni meta wrietni mill-​Bibbja kif nittratta maʼ dawn il-​problemi emozzjonali, u wkoll tgħallimt kif nagħmel ħbieb ġenwini.

XI ĦAĠA AĦJAR MILL-​FAXXINU TAL-​ĦAJJA

Fl-​1997, jien u żewġi morna noqogħdu Hollywood, f’Kalifornja, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Hemmhekk sirt iżjed involuta f’li ngħin lin-​nies jibbenefikaw mill-​għerf tal-​Kelma t’Alla. Li ngħallem il-​Bibbja tani iżjed sodisfazzjon mill-​popolarità li ksibt taʼ li naħdem u nidher fil-​films. Pereżempju, fl-​2002, iltqajt maʼ Cheri, mara li kont naf minn Ħong Kong. L-​esperjenzi tagħna fil-​ħajja kienu jixxiebhu b’ħafna modi. Hi kienet Miss Hong Kong is-​sena taʼ qabli. Fil-​fatt, meta rbaħt it-​titlu, hi kienet il-​waħda li inkurunatni. Hi wkoll bdiet taħdem fil-​films u iktar tard bdiet tipproduċihom, u taħdem maʼ diretturi famużi. Hi wkoll marret toqgħod Hollywood.

Qalbi ngħafset għal Cheri meta sirt naf li l-​għarus tagħha miet ħabta u sabta b’attakk tal-​qalb. Ma setgħet issib l-​ebda konsolazzjoni mir-​reliġjon Buddista tagħha. Bħali, kienet waslet biex ikollha ħajja taʼ prestiġju li hija l-​għira taʼ oħrajn, madankollu kienet imdejqa u ma setgħet tafda lil ħadd. Bdejt naqsam magħha dak li kont tgħallimt mill-​Bibbja, imma t-​tagħlim Buddist li kellha għamilhielha diffiċli tapprezzah.

Il-ħabiba taʼ Mina, Cheri

Il-ħabiba tiegħi Cheri waqt ġbid taʼ film

Darba minnhom fl-​2003, Cheri ċemplitli minn Vancouver, il-​Kanada, fejn kienet qed taħdem film. B’eċċitament, qaltli li kienet qed issuq u tammira l-​kampanja meta f’daqqa waħda bdiet titlob tgħajjat: “Għidli, Min hu l-​Alla l-​veru? X’jismek?” Dak il-​ħin, għaddiet minn quddiem Sala tas-​Saltna u rat l-​isem Ġeħova. Din, hi ħasset, kienet tweġiba mingħand Alla, u riedet tiltaqaʼ max-​Xhieda taʼ Ġeħova malajr kemm jistaʼ jkun. Għamilt l-​arranġamenti, u fi ftit ġranet, attendiet laqgħa taʼ kongregazzjoni tal-​lingwa Ċiniża fʼVancouver.

“Dawn in-​nies jinteressaw ruħhom minni ġenwinament,” qaltli Cheri iktar tard. “Nistaʼ ngħidilhom kif inħossni.” Ħadt ħafna pjaċir nismaʼ dan għax meta Cheri kienet fl-​industrija tal-​films, qatt m’għamlet ħbieb. Cheri kompliet tattendi l-​laqgħat. Imma fl-​2005, hi ffirmat kuntratt biex tipproduċi żewġ films epiċi fiċ-​Ċina, u b’hekk kellha terġaʼ lura Ħong Kong. B’ferħ, fl-​2006, Cheri ddedikat ħajjitha lil Ġeħova u tgħammdet f’assemblea tax-​Xhieda f’Ħong Kong. Għalkemm riedet taqdi lil Ġeħova iżjed bis-​sħiħ, xogħolha fl-​industrija tal-​films għamel l-​affarijiet diffiċli għaliha, u kienet imdejqa ħafna.

IL-​FERĦ LI TGĦIN LIL OĦRAJN

Fl-​2009, is-​sitwazzjoni kollha fil-​ħajja taʼ Cheri nbidlet. Iddeċidiet li tħalli l-​industrija tal-​films biex taqdi lil Ġeħova bis-​sħiħ. Għamlet ħafna ħbieb ġodda fil-​kongregazzjoni Kristjana. Hi bdiet tipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna fuq bażi full-​time u veru ħadet gost tgħin lin-​nies isibu mod aħjar kif jgħixu.—Mattew 24:14.

Imbagħad Cheri ddeċidiet li titgħallem in-​Nepaliż biex tappoġġa l-​grupp li kien qed jikber tax-​Xhieda li jitkellmu bin-​Nepaliż f’Ħong Kong. Taʼ min jgħid li l-​biċċa l-​kbira tan-​Nepaliżi f’Ħong Kong għandhom ħabta jiġu injorati jew saħansitra mibgħudin għax ma tantx jafu jitkellmu bl-​Ingliż jew biċ-​Ċiniż u għax id-​drawwiet tagħhom huma differenti. Cheri qaltli kemm kienet tieħu gost tgħin lil dawn in-​nies jifhmu l-​Bibbja. Pereżempju, ġurnata minnhom meta kienet qed tipprietka minn dar għal dar, iltaqgħet maʼ Nepaliża li kienet taf xi ftit dwar Ġesù iżda xejn dwar l-​Alla l-​veru, Ġeħova. Cheri użat il-​Bibbja biex turiha li Ġesù talab lil Missieru fis-​sema. Meta l-​mara rrealizzat li setgħet titlob lill-​Alla l-​veru, li jismu Ġeħova, fetħet qalbha biex taċċetta l-​aħbar tajba. Mhux wisq wara dan, żewġha u bintha wkoll bdew jistudjaw il-​Bibbja.—Salm 83:18; Luqa 22:41, 42.

Cheri tipprietka lil waħda mara

Cheri llum

Meta rajt kemm Cheri kienet tieħu gost tipprietka full-​time, staqsejt lili nnifsi, ‘Xi jżomm lili milli nagħmel dak li qed tagħmel hi?’ Sa daż-​żmien, jien ukoll kont qed nerġaʼ ngħix Ħong Kong. Iddeċidejt nerġaʼ norganizza ħajti biex ikolli iktar ħin ngħallem il-​verità tal-​Bibbja. Sibt li nkun ġenwinament ferħana meta nismaʼ lin-​nies u ngħinhom jifhmu l-​Kelma t’Alla.

Sibt li nkun ġenwinament ferħana meta ngħin lin-​nies jifhmu l-​Kelma t’Alla

Pereżempju, stajt nistudja l-​Bibbja maʼ mara Vjetnamiża li dejjem kienet qalbha sewda u spiss kien ikollha d-​dmugħ f’għajnejha. Issa għandha ħarsa pożittiva lejn il-​ħajja u tassew tieħu pjaċir tassoċja mal-​kongregazzjoni.

Mina Hung Godenzi tikkonduċi studju tal-Bibbja maʼ mara

Kemm jien kif ukoll Cheri sibna xi ħaġa aħjar mill-​faxxinu tal-​ħajja. Għalkemm l-​industrija tal-​films kienet eċċitanti u għamlitna famużi, li ngħallmu lin-​nies dwar Alla Ġeħova hu iktar sodisfaċenti għax iġiblu glorja. Aħna żgur li esperjenzajna l-​verità li hemm fil-​kliem taʼ Ġesù: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja