Is-Servizz taʼ Pijunier—Turija taʼ Mħabba
1 Hija l-imħabba għal Jehovah u għal għajrna li tqanqalna biex nipparteċipaw iktar bis-sħiħ fl-attività taʼ l-ippridkar. Hekk kif l-imħabba tagħna għal Jehovah u għan-nies tikber, se nħossuna inkuraġġiti biex nippjanaw għal sehem saħansitra akbar fil-ministeru. L-imħabba tagħna tikber iktar hekk kif inżidu fl-għarfien eżatt tal-Kelma t’Alla. (Flp. 1:9, 10) Iktar ma nitgħallmu dwar ir-rieda taʼ Jehovah, iktar se nifhmu kemm huma urġenti ż-żminijiet li qed ngħixu fihom. Dan iwassalna biex ikollna tħassib iktar profond għall-oħrajn. Ħafna huma dawk li qed juru t-tħassib tagħhom bl-imħabba billi bdew jaqdu fis-servizz taʼ pijunier.
2 Tistaʼ tagħmel il-bidliet li hemm bżonn sabiex tibda taqdi bħala pijunier awżiljarju jew regulari? Huwa minnu li mhux kulħadd jistaʼ jaqdi bħala pijunier. Iżda lkoll kemm aħna għandna nanalizzaw iċ-ċirkustanzi tagħna bit-talb.
3 Ftit huma dawk il-Kristjani li jsibu li għandhom ħafna ħin liberu biex jaqdu bħala pijunieri; għalhekk, isir neċessarju li ‘nixtru ż-żmien opportun’ minn dawk l-affarijiet li m’humiex bżonnjużi u li bħalissa qed jiħdulna ħafna mill-ħin tagħna. (Efes. 5:15-17, NW) L-imħabba tagħna għal Alla u għan-nies għandha tagħmilna lesti li nissagrifikaw xi ftit mix-xewqat u l-kumditajiet persunali tagħna sabiex nesprimu l-imħabba tagħna iktar bis-sħiħ. (Mk. 12:33) Ħafna mill-affarijiet li niksbu, u forsi narawhom bħala li huma normali, jistgħu jidhru bħala lussu f’partijiet oħra tad-dinja.
4 X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri biex jgħinu lil uliedhom jaħsbu b’dan il-mod, jiġifieri bil-mod li jara l-affarijiet Alla? Il-ġenituri għandhom ipoġġu miri teokratiċi f’uliedhom minn meta dawn ikunu għadhom żgħar. Hekk kif joqorbu biex jispiċċaw mill-iskola, qed jaħsbu dwar miri sekulari jew dawk spiritwali? Irridu ngħinu liż-żgħażagħ tagħna jaraw il-benefiċċji dejjiema li jiġu meta jaqdu minn età żgħira fis-servizz taʼ pijunier. B’dan il-mod ikunu qed jaħżnu teżori fis-sema. (Mt. 6:19-21) Dan jogħġob lil Alla u jagħti prova tal-lealtà u d-devozzjoni tagħna lejh. Barra minn hekk isalva l-ħajjiet taʼ l-oħrajn.
5 Ir-rieda t’Alla hija ‘li l-bnedmin kollha jsalvaw.’ (1 Tim. 2:4) Nistgħu nuru li dan hu dak li rridu aħna wkoll? Iva nistgħu jekk inkunu lesti li npoġġu l-interessi tas-Saltna fl-ewwel post. Dan nistgħu nagħmluh ukoll billi npoġġu l-fiduċja tagħna f’Jehovah li hu se jipprovdi l-bżonnijiet tal-ħajja. (Mt. 6:31-33) Il-kundizzjoni ekonomika tistaʼ tmur lura, iżda l-wegħda taʼ Jehovah li jieħu ħsiebna qatt ma tinbidel.—Salm 37:25.
6 Meta nagħtu minna nfusna biex nieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa skond kemm jippermettulna ċ-ċirkustanzi nkunu qed nuru l-imħabba. Għal xi wħud dan ifisser li jaqdu bħala pijunieri regulari. Għala ma tagħmilx dak kollu li tistaʼ sabiex tibda mill-1 taʼ Settembru, 2002? (km-E 6/92)