Xandar Is-Saltna
1 F’Ebrej 10:23, aħna mħeġġin biex “inżommu sod id-dikjarazzjoni pubblika tat-tama tagħna.” U t-tama tagħna hija ċċentrata mas-Saltna t’Alla. Ġesù b’mod speċifiku kkmanda li l-aħbar tajba tas-Saltna trid tiġi mxandra fil-ġnus kollha. (Mark 13:10) Jeħtieġ li nżommu dan f’moħħna waqt li nkunu qegħdin nieħdu sehem fil-ministeru tagħna.
2 Meta nagħmlu kuntatt man-nies, aħna nipprovaw nibdew konversazzjoni dwar xi ħaġa li tinteressahom jew tikkonċernahom. Ġeneralment insemmu affarijiet li huma konxji sew tagħhom, bħalma hija l-kriminalità fl-inħawi, il-problemi taż-żgħażagħ, l-anzjetajiet biex wieħed jaqlaʼ x’jiekol, jew xi kriżi fil-qagħda dinjija. Peress li l-imħuħ tan-nies huma ffokati fuq dawn l-“anzjetajiet tal-ħajja,” meta aħna nuru li jimpurtana u li nifhmuhom, in-nies taʼ spiss jesprimu dak li jkun qiegħed iberren f’moħħhom. (Luqa 21:34) Dan jistaʼ jiftaħ it-triq għalina biex naqsmu t-tama tagħna.
3 Jekk ma noqogħdux attenti, madankollu, il-konversazzjoni tistaʼ teħel fuq affarijiet negattivi sal-punt li nonqsu li nwettqu l-iskop taż-żjara tagħna—li nxandru l-messaġġ tas-Saltna. Għalkemm niġbdu l-attenzjoni lejn il-kundizzjonijiet ħżiena li jġibu tant dwejjaq, il-mira tagħna hija li nidderieġu l-attenzjoni lejn is-Saltna, li fl-aħħar mill-aħħar se ssolvi l-problemi kollha taʼ l-umanità. Aħna għandna tama verament taʼ l-għaġeb li n-nies għandhom bżonn urġenti li jisimgħu biha. Mela fil-waqt li għall-ewwel nistgħu niddiskutu xi aspett taʼ dawn iż-“żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom,” irridu niffokaw malajr fuq il-messaġġ primarju tagħna, l-“aħbar tajba taʼ dejjem.” B’dan il-mod inwettqu bis-sħiħ il-ministeru tagħna.—2 Tim. 3:1; 4:5; Riv. 14:6.