LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 34 p. 202-p. 205 para. 4
  • Inkuraġġanti u Pożittiv

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Inkuraġġanti u Pożittiv
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Kif Ittejjeb l-Abbiltà Tiegħek tal-Konversazzjoni
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Ibnu lil Xulxin
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Inkuraġġanti u pożittiv
    Irsisti fil-qari u t-tagħlim
  • Tieħu Sehem f’li Tagħmel il-Laqgħat Kristjani Inkuraġġanti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 34 p. 202-p. 205 para. 4

STUDJU 34

Inkuraġġanti u Pożittiv

X’hemm bżonn tagħmel?

Minflok ma ddum tiddiskuti kwistjonijiet negattivi, tkellem dwar affarijiet li jtejbu s-​sitwazzjoni jew li jagħtu fiduċja.

Għala importanti?

In-​nies jinsabu mifnijin minħabba din id-​dinja bla mħabba. Ħafna għandhom problemi persunali serji. Il-​messaġġ tal-​Bibbja, meta jiġi preżentat kif suppost, iħalli lil uħud taʼ qalb onesta b’ħarsa iktar ottimista.

IL-​MESSAĠĠ li ġejna inkarigati nippritkaw hu aħbar tajba. Ġesù qal: “L-​ewwel trid tiġi pridkata l-​aħbar tajba fil-​ġnus kollha.” (Mk. 13:10) Ġesù nnifsu ħalla eżempju billi pprietka “l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla.” (Lq. 4:43) Dak li ppritkaw l-​appostli hu deskritt ukoll bħala “l-​aħbar tajba t’Alla” u “l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu.” (1 Tess. 2:2; 2 Kor. 2:12) Messaġġ bħal dan hu inkuraġġanti u pożittiv.

Fi qbil mad-​dikjarazzjoni tal-​“aħbar tajba taʼ dejjem” mill-​‘anġlu jtir f’nofs is-​sema,’ aħna nħeġġu lin-​nies: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja.” (Riv. 14:6, 7) Aħna ngħidu lin-​nies kullimkien dwar l-​Alla l-​veru, ismu, il-​kwalitajiet meraviljużi tiegħu, l-​għemejjel tal-​għaġeb tiegħu, l-​iskop tiegħu kollu mħabba, il-​fatt li rridu nagħtu kont lilu, u dwar x’jeħtieġ minna. L-​aħbar tajba tinkludi l-​fatt li Alla Ġeħova se jeqred lill-​ħżiena li jiddiżonorawh u jirrovinaw il-​ħajja taʼ bnedmin oħrajn. Imma mhuwiex għalina li niġġudikaw lil dawk li nippritkawlhom. Ix-​xewqa ħerqana tagħna hi li kemm jistaʼ jkun nies iwieġbu b’mod favorevoli għall-​messaġġ tal-​Bibbja ħalli dan ikun tassew aħbar tajba għalihom.—Prov. 2:20-​22; Ġw. 5:22.

Illimita l-​Materjal Negattiv. M’għandniex xi ngħidu, hemm aspetti negattivi fil-​ħajja. Aħna ma nagħlqux għajnejna għalihom. Biex tibda konversazzjoni tistaʼ ssemmi problema li tinsab f’moħħ dawk fit-​territorju tiegħek u tiddiskutiha fil-​qosor. Imma ġeneralment ma tantx se tikseb ġid jekk tiddiskutiha fit-​tul. In-​nies jisimgħu aħbarijiet taʼ dwejjaq il-​ħin kollu, allura jekk titkellem dwar affarijiet koroh tistaʼ ġġegħelhom jagħlqu jew il-​bieb jew widnejhom. Kmieni fil-​konversazzjoni, stinka biex tidderieġi l-​attenzjoni lejn il-​veritajiet taʼ serħan li hemm fil-​Kelma taʼ Alla. (Riv. 22:17) Imbagħad, anki jekk l-​individwu ma jkunx irid ikompli l-​konversazzjoni, se tkun ħallejtu b’xi ħaġa inkuraġġanti fuqiex jaħseb. Dan jistaʼ jagħmlu iktar lest li jismaʼ f’okkażjoni oħra.

B’mod simili, jekk ġejt mistieden tagħti taħdita, tibbombardjax lill-​udjenza tiegħek b’informazzjoni negattiva sempliċement għaliex hemm ħafna minnha disponibbli. Jekk kelliemi jdum jitkellem dwar il-​falliment tal-​ħakkiema umani, ir-​rapporti tal-​kriminalità u l-​vjolenza, u l-​firxa tal-​biżaʼ tal-​immoralità, l-​effett jistaʼ jkun skuraġġanti. Daħħal l-​aspetti negattivi tas-​suġġett jekk ikollhom skop utli biss. Ammont limitat taʼ materjal bħal dan jistaʼ jenfasizza kemm it-​taħdita hi f’waqtha. Jistaʼ wkoll jidentifika affarijiet li jikkontribwixxu bil-​kbir għal sitwazzjoni, u għalhekk jistaʼ jintuża biex jintwera għala s-​soluzzjoni li hemm fil-​Bibbja hi prattika. Meta jkun possibbli, kun speċifiku mingħajr ma ddum tiffoka fuq il-​problemi.

Ġeneralment la hu possibbli u lanqas mixtieq li telimina l-​materjal negattiv kollu minn taħdita. L-​isfida qiegħda f’li tippreżenta taħlita taʼ affarijiet pożittivi u negattivi b’tali mod li l-​effett aħħari jkun pożittiv. Biex tikseb dan, trid tara liema informazzjoni għandek tinkludi, x’għandek tħalli barra, u fejn għandek tagħmel enfasi. Fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù wissa lis-​semmiegħa tiegħu biex jevitaw il-​modi egoistiċi tal-​iskribi u l-​Fariżej u kkwota xi eżempji biex joħroġ il-​punt tiegħu. (Mt. 6:1, 2, 5, 16) Madankollu, minflok ma ffoka fuq l-​eżempji negattivi taʼ dawk il-​mexxejja reliġjużi, Ġesù għamel enfasi fuq li wieħed jifhem il-​mogħdijiet veri taʼ Alla u jgħix skont dawn il-​mogħdijiet. (Mt. 6:3, 4, 6-​15, 17-​34) L-​effett kien tassew taʼ benefiċċju.

Żomm it-​Ton Pożittiv. Jekk tiġi inkarigat biex tagħti taħdita fil-​kongregazzjoni tiegħek dwar xi aspett tal-​attività Kristjana, stinka biex tkun inkuraġġanti minflok kritiku. Kun ċert li qed tagħmel dak li tinkuraġġixxi lil oħrajn biex jagħmlu. (Rum. 2:21, 22; Ebr. 13:7) Ħalli l-​imħabba, u mhux l-​irritazzjoni, tkun il-​motivazzjoni wara kliemek. (2 Kor. 2:4) Jekk int fiduċjuż li sħabek fit-​twemmin iridu jogħġbu lil Ġeħova, dak li tgħid se jirrifletti din il-​fiduċja, u dan se jkollu effett taʼ benefiċċju. Innota kif l-​appostlu Pawlu esprima fiduċja bħal din, kif inhu mniżżel fl-​1 Tessalonikin 4:1-​12; it-​2 Tessalonikin 3:4, 5; u Filemon 4, 8-​14, 21.

Kultant l-​anzjani jkollhom bżonn iwissu kontra mġiba mhix għaqlija. Imma l-​umiltà se tgħinhom jittrattaw maʼ ħuthom bi spirtu taʼ ħlewwa. (Gal. 6:1) Il-​mod kif jintqalu l-​affarijiet għandu juri li dawk fil-​kongregazzjoni huma meqjusin b’rispett. (1 Pt. 5:2, 3) Il-​Bibbja tagħti l-​parir lill-​irġiel żgħażagħ biex ikunu speċjalment attenti għal dan. (1 Tim. 4:12; 5:1, 2; 1 Pt. 5:5) Meta jkun neċessarju li tingħata twiddiba, dixxiplina, jew korrezzjoni, dan għandu jsir fuq il-​bażi taʼ dak li tgħid il-​Bibbja stess. (2 Tim. 3:16) L-​applikazzjoni tal-​Iskrittura qatt m’għandha tkun sforzata jew mgħawġa biex tappoġġa xi idea li dwarha l-​kelliemi għandu sentimenti qawwijin. Anki meta jkun meħtieġ parir taʼ korrezzjoni, it-​ton tat-​taħdita jistaʼ jinżamm pożittiv jekk l-​enfasi titpoġġa primarjament fuq kif jiġi evitat li individwu jinvolvi ruħu fi mġiba ħażina, kif jissolvew il-​problemi, kif jingħelbu d-​diffikultajiet, kif min jaqbad triq ħażina jistaʼ jdur lura, u kif il-​ħtiġijiet taʼ Ġeħova jħarsuna.—Salm 119:1, 9-​16.

Meta tipprepara t-​taħdita tiegħek, aħseb speċjalment dwar kif se tikkonkludi kull punt prinċipali u t-​taħdita kollha kemm hi. Dak li tgħid l-​aħħar spiss jibqaʼ l-​iktar f’moħħ dak li jkun. Se jkun dan pożittiv?

Meta Titkellem maʼ Sħabek fit-​Twemmin. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova jgħożżu opportunitajiet biex jissieħbu fil-​laqgħat Kristjani. Dawn huma mumenti taʼ serħan spiritwali. Il-​Bibbja tħeġġiġna biex ikollna l-​iskop li “ninkuraġġixxu lil xulxin” meta ninġabru fil-​postijiet taʼ qima tagħna. (Ebr. 10:25) Dan ma jsirx biss bit-​taħditiet u l-​kummenti matul il-​laqgħat imma wkoll bil-​konversazzjoni qabel u wara l-​laqgħat.

Għalkemm hu normali li l-​konversazzjoni tkun dwar il-​ħajja tagħna taʼ kuljum, l-​akbar inkuraġġiment jiġi minn diskussjoni dwar affarijiet spiritwali. Dawn jinkludu esperjenzi li ngawdu fis-​servizz sagru. Huwa inkuraġġanti wkoll li nuru interess sinċier f’xulxin.

Irridu noqogħdu attenti li ma niġux influwenzati mid-​dinja taʼ madwarna. Meta kien qed jikteb lill-​Kristjani f’Efesu, Pawlu qal: “Issa li warrabtu l-​gideb, għidu l-​verità, kull wieħed minnkom lill-​proxxmu tiegħu.” (Efes. 4:25) Il-​fatt li ngħidu l-​verità minflok il-​gideb jinkludi li ma nigglorifikawx affarijiet jew nies li d-​dinja tagħmilhom idoli. Bl-​istess mod, Ġesù wissa kontra “l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi.” (Mt. 13:22) Għalhekk, meta nitkellmu flimkien, hemm bżonn li noqogħdu attenti li ma ninkuraġġux dan il-​qerq billi nagħmlu l-​fatt li jkollok affarijiet materjali jidher tassew attraenti.—1 Tim. 6:9, 10.

Meta jagħtina l-​parir dwar il-​bżonn li nkunu inkuraġġanti, l-​appostlu Pawlu jħeġġiġna biex ma niġġudikawx jew immaqdru lil ħu li għandu mnejn joqgħod lura minn ċerti affarijiet minħabba “dgħjufija fil-​fidi tiegħu,” jiġifieri, minħabba li ma jifhimx għalkollox x’tinkludi l-​libertà Kristjana. Tabilħaqq, biex il-​konversazzjoni tagħna tibni lil oħrajn, għandna nikkunsidraw iċ-​ċirkustanzi tagħhom u sa liema punt kibru spiritwalment. Kemm ikun taʼ dispjaċir li ‘npoġġu quddiem ħuna [jew oħtna] xi ħaġa li tistaʼ tfixklu jew twaqqgħu’!—Rum. 14:1-​4, 13, 19.

Dawk li jkampaw maʼ problemi persunali serji—pereżempju, marda kronika—jieħdu pjaċir b’konversazzjoni inkuraġġanti. Individwu bħal dan għandu mnejn jagħmel sforz kbir biex jattendi l-​laqgħat. Dawk li jafu bis-​sitwazzjoni tiegħu għandhom mnejn jistaqsu: “Kif qed tħossok?” Hu żgur li se japprezza l-​interess tagħhom. Madankollu, il-​kundizzjoni taʼ saħħtu għandha mnejn ma tkunx l-​iktar suġġett inkuraġġanti għalih biex jitkellem dwaru. Kliem taʼ apprezzament u tifħir jistaʼ jkun iktar effettiv biex iqawwilu qalbu. Tara evidenza tal-​imħabba kontinwa tiegħu għal Ġeħova u s-​sabar tiegħu f’sitwazzjoni diffiċli? Tħossok inkuraġġit meta jagħti l-​kummenti tiegħu? Minflok ma tiġbed l-​attenzjoni lejn il-​limitazzjonijiet tiegħu, ma taħsibx li jkun iktar inkuraġġanti għalih li tiffoka fuq il-​kwalitajiet pożittivi tiegħu u fuq dak li jagħmel għall-​kongregazzjoni?—1 Tess. 5:11.

Biex il-​konversazzjoni tagħna tkun inkuraġġanti, hu speċjalment importanti li nikkunsidraw il-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn dak li qed jiġi diskuss. F’Israel tal-​qedem, dawk li tkellmu kontra r-​rappreżentanti taʼ Ġeħova u lmentaw dwar il-​manna inkorlaw ’l Alla bil-​kbir. (Num. 12:1-​16; 21:5, 6) Aħna nuru li bbenefikajna minn dawn l-​eżempji meta nuru rispett lejn l-​anzjani u apprezzament għall-​ikel spiritwali provdut permezz tal-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli.—1 Tim. 5:17.

Huwa faċli li nsibu affarijiet taʼ benefiċċju fuqiex nitkellmu meta nkunu maʼ ħutna l-​Kristjani. Madankollu, jekk kliem xi ħadd ikun kritiku żżejjed, ħu l-​inizjattiva biex tidderieġi l-​konversazzjoni lejn affarijiet iktar inkuraġġanti.

Kemm jekk qed nagħtu xhieda lil oħrajn, nitkellmu minn fuq il-​platform, jew inkellmu lil sħabna fit-​twemmin, jalla nużaw id-​dehen ħalli noħorġu mit-​teżor taʼ qalbna “dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-​ġid lil min jisimgħu.”—Efes. 4:29.

KIF TAGĦMEL DAN

  • Żomm f’moħħok li l-​inkarigu tagħna hu li nippritkaw l-​aħbar tajba.

  • Kun inkuraġġanti minflok kritiku.

  • Tgħallem żomm attitudni pożittiva lejn dawk li tkellem.

  • Fil-​konversazzjoni, ikkunsidra kif il-​kummenti tiegħek jistgħu jeffettwaw lill-​persuna l-​oħra.

TAĦRIĠ: Żur lil xi ħadd li hu diżabilitat jew li ma jistax joħroġ minn daru. Ibda konversazzjoni inkuraġġanti. Uri mogħdrija, imma żomm il-​kummenti tiegħek pożittivi. Ippjana minn qabel biex tkun tistaʼ tagħmel dan.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja