Il-Mafkar—Ġrajja Taʼ Importanza Kbira!
1 Nhar il-Ħadd, 23 taʼ Marzu, wara nżul ix-xemx, se niċċelebraw il-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu. (Luqa 22:19) Din hija verament ġrajja taʼ importanza kbira! Billi żamm l-integrità tiegħu lejn Jehovah sal-mewt, Ġesù ta prova li huwa possibbli li bniedem iżomm devozzjoni perfetta lejn Alla saħansitra taħt pressjoni ħarxa, u b’hekk jappoġġja d-dritt tas-sovranità taʼ Jehovah. (Ebr. 5:8) Flimkien maʼ dan, il-mewt taʼ Kristu pprovdiet is-sagrifiċċju uman perfett li kien meħtieġ biex jifdi lill-umanità, u b’hekk għamilha possibbli għal dawk li jeżerċitaw fidi biex jgħixu għal dejjem. (Ġwn. 3:16) Billi nkunu preżenti għall-Mafkar, nistgħu nuru l-apprezzament tagħna mill-qalb kemm għall-imħabba taʼ Jehovah u kemm għas-sagrifiċċju li għamel għalina Ġesù.
2 Kulħadd hu mħeġġeġ biex isegwi l-programm taʼ qari mill-Bibbja li huwa mħejji għat-18 sat-23 taʼ Marzu, kif muri fin-1997 Calendar of Jehovah’s Witnesses. Ukoll, diskussjoni bħala familja tal-kapitli 112-16 tal-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex se tgħinna niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq l-iktar ġimgħa importanti fl-istorja umana.
3 Tistaʼ int iżżid il-ħin li tqattaʼ fil-ministeru taʼ l-għalqa matul l-istaġun tal-Mafkar? Ħafna pubblikaturi se jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ħames tmiem il-ġimgħa f’Marzu biex jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Għala ma tkunx fosthom? Ilkoll kemm aħna jistaʼ jkollna sehem sħiħ f’li nenfasizzaw l-importanza taʼ li nattendu l-Mafkar. Peress li se jinzerta l-Ħadd, se jkun iktar faċli għal ħafna biex jattendu. Kun ċert li tistieden lill-istudenti kollha tal-Bibbja u wħud interessati oħrajn biex jingħaqdu magħna. Aqsam magħhom dak li jintqal f’paġna 127, paragrafu 18, fil-ktieb Għarfien rigward l-unika ġurnata tas-sena li għandha tiġi osservata b’mod speċjali.
4 Avviċina din l-akbar ġrajja taʼ l-1997 b’apprezzament profond lejn dak kollu li l-mewt taʼ Ġesù tfisser għalina. Kun preżenti dik il-lejla tat-23 taʼ Marzu, meta l-Kristjani veri kullimkien josservaw fedelment il-Mafkar.