Kun Qalbieni F’Li Tagħmel Żjajjar Lura
1 Tieħu gost tagħmel żjajjar lura? Ħafna pubblikaturi jieħdu. Forsi għall-ewwel stajt kont ftit beżgħan, speċjalment meta erġajt żort inkwilini li wrew ftit li xejn interess meta kkuntattjajthom l-ewwel darba. Imma hekk kif tagħmel il-qalb permezz t’Alla tagħna biex tgħid l-aħbar tajba billi tagħmel żjajjar lura, tistaʼ tkun sorpriż kemm dan ix-xogħol jistaʼ jkun faċli u premjanti. (1 Tess. 2:2) Dan kif?
2 L-ewwel nett, hemm differenza importanti bejn żjara lura u l-ewwel żjara. Iż-żjara lura qiegħda ssir lil xi ħadd li taf, u mhux lil xi barrani, u ġeneralment huwa iktar faċli li titkellem maʼ xi ħadd li taf milli maʼ xi barrani. Inkwantu għall-barkiet għonja li jirriżultaw milli nieħdu sehem f’dan ix-xogħol, iż-żjajjar lura jistgħu jwasslu għal studji tal-Bibbja produttivi fid-djar.
3 Meta naħdmu minn dar għal dar, aħna mmorru darba wara l-oħra għand nies li ma kinux interessati meta żorniehom id-darba taʼ qabel. Għala, allura, nibqgħu mmorru? Aħna nirrealizzaw li ċ-ċirkostanzi tan-nies jinbidlu u li individwu li kien jidher indifferenti jew saħansitra kontra tagħna waqt żjara li saritlu qabel jistaʼ juri interess meta nerġgħu ngħaddulu. B’dan f’moħħna, aħna nippreparaw għaż-żjara tagħna lura u nitolbu għall-barka taʼ Jehovah sabiex xi ħaġa li ngħidu tistaʼ tħalli effett tajjeb.
4 Jekk, fix-xogħol tagħna minn dar għal dar, aħna minn jeddna nippridkaw lil nies li qabel ma wrew l-ebda interess, kemm għandna iktar għalfejn immorru lura minn jeddna għand xi ħadd li juri xi ftit taʼ l-interess fil-messaġġ tas-Saltna?—Atti 10:34, 35.
5 Ħafna minna llum ninsabu fil-verità għax xi pubblikatur kien paċenzjuż u għamlilna żjajjar lura. Jekk int wieħed minn dawn, tistaʼ tistaqsi lilek innifsek: ‘Fil-bidu x’impressjoni ħallejt jien fuq dak il-pubblikatur? Ħaddant mill-ewwel il-messaġġ tas-Saltna meta smajt bih l-ewwel darba? Stajt dhert indifferenti?’ Minflok, għandna nkunu henjin li l-pubblikatur li reġaʼ żarna rana denji taʼ żjara lura u ‘rabba l-qlubija permezz t’Alla’ tiegħu, u beda jgħallimna l-verità. Xi ngħidu għal dawk l-individwi li għall-ewwel juru ftit taʼ l-interess imma mbagħad jidhru li qegħdin jevitawna? Attitudni pożittiva hija vitali, kif turina l-esperjenza li ġejja.
6 Waqt li darba fil-għodu kmieni kienu qegħdin jieħdu sehem fl-għoti taʼ xiehda fit-toroq, żewġ pubblikaturi ltaqgħu maʼ mara żagħżugħa li kienet miexja b’tifel f’pushchair. Il-mara aċċettat rivista u stiednet lill-aħwa nisa biex imorru d-dar tagħha l-Ħadd taʼ wara. Huma waslu fil-ħin miftiehem, imma l-inkwilina qaltilhom li ma kellhiex ħin biex titkellem. Wegħdithom, madankollu, li se tkun disponibbli l-ġimgħa taʼ wara. L-aħwa nisa kienu dubjużi jekk din kinitx se żżomm l-appuntament, imma l-mara kienet qiegħda tistenniehom meta reġgħu marru. Inbeda studju, u l-progress tal-mara kien taʼ l-għaġeb. Fi żmien qasir, bdiet tattendi l-laqgħat regolarment u tieħu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa. Din issa mgħammda.
7 Ħejji L-Pedament Fl-Ewwel Żjara: Il-pedament għal żjara lura taʼ suċċess huwa taʼ spiss imħejji fl-ewwel żjara. Agħti widen sewwa għall-kummenti taʼ l-inkwilin. Dawn x’jgħidulek? Inklinat hu lejn ir-reliġjon? Imħasseb dwar kwistjonijiet soċjali? Interessat fix-xjenza? fl-istorja? fl-ambjent? Fl-aħħar taż-żjara, tistaʼ tqajjem mistoqsija li tqanqal il-ħsieb, u twiegħed li tiddiskuti t-tweġiba tal-Bibbja meta terġaʼ tmur.
8 Per eżempju, jekk l-inkwilin jirreaġixxi għall-wegħda tal-Bibbja taʼ art magħmula ġenna, diskussjoni oħra fuq is-suġġett tistaʼ tkun xierqa. Eżatt qabel ma titlaq, tistaʼ tistaqsi: “Kif nistgħu nkunu ċerti li Alla se jwettaq din il-wegħda?” Imbagħad żid: “Forsi nistaʼ nerġaʼ ngħaddi meta l-bqija tal-familja tkun id-dar, u mbagħad nistaʼ nurik it-tweġiba tal-Bibbja għal din il-mistoqsija.”
9 Jekk l-inkwilin ma wera interess fl-ebda suġġett partikulari, tistaʼ tqajjem waħda mill-mistoqsijiet li nsibu fil-preżentazzjonijiet li hemm fil-paġna taʼ wara taʼ Il-Ministeru Tas-Saltna u tuża dik bħala bażi għad-diskussjoni tiegħek li jmiss.
10 Ħu Noti Miktubin Preċiżi: In-noti tiegħek bid-dettalji dwar kull dar għandhom ikunu eżatti u kompleti. Ikteb l-isem u l-indirizz taʼ l-inkwilin hekk kif titlaq minn dik id-dar. Toqgħodx tipprova taqtaʼ x’inhu n-numru tad-dar jew l-isem tat-triq—iċċekkja l-informazzjoni biex tkun ċert li hija eżatta. Niżżel deskrizzjoni taʼ l-individwu. Ħu nota tas-suġġett li ddiskutejtu, l-iskritturi li qrajt, xi letteratura li ħallejt, u l-mistoqsija li se twieġeb meta terġaʼ tmur. Inkludi l-ġurnata u l-ħin taʼ l-ewwel żjara u meta għedt li se terġaʼ tgħaddi. Issa li n-noti tiegħek huma kompleti, titlifhomx! Poġġihom f’post sigur sabiex tkun tistaʼ tirreferi għalihom iktar tard. Kompli aħseb dwar l-individwu u x’se tagħmel fiż-żjara li jmiss.
11 Kun Af X’Inhuma L-Objettivi Tiegħek: L-ewwel, billi tkun kordjali u dħuli, agħmel ħiltek biex isserraħ ras l-inkwilin. Urih li int interessat fih bħala persuna, mingħajr ma tkun familjari żżejjed. Wara dan, fakkru f’xi mistoqsija li tkun qajjimt fiż-żjara taʼ qabel. Agħti widen sew għall-opinjoni tiegħu, u esprimi apprezzament sinċier għall-kummenti tiegħu. Imbagħad, urih għala l-ħarsa tal-Bibbja hija prattika. Jekk inhu possibbli, idderiġieh lejn ħsieb li jaqbel fil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Żomm sew f’moħħok li l-objettiv prinċipali tiegħek fiż-żjajjar lura huwa li tipprova tibda studju tal-Bibbja.
12 Il-mod dirett li juża l-ktieb Għarfien ispira lil ħafna minna biex ‘inrabbu l-qlubija’ fuq l-istudji tal-Bibbja biex ninkuraġġixxu lill-istudenti ħalli jattendu l-laqgħat u jissieħbu maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Fil-passat, kellna t-tendenza li nistennew sakemm l-individwi jkunu ilhom jistudjaw għal xi żmien mhux ħażin qabel ma nistednuhom biex jissieħbu magħna. Issa, ħafna studenti qegħdin jattendu l-laqgħat hekk kif jibdew jistudjaw, u bħala riżultat qegħdin jimxu ’l quddiem b’pass iktar mgħaġġel.
13 Tnejn miżżewġin taw xiehda informali lil wieħed li kien jaħdem magħhom. Meta dan esprima interess fil-verità, huma stednuh biex ikollu studju tal-Bibbja fil-ktieb Għarfien. Fl-istess ħin, qalulu li jmissu jattendi l-laqgħat, fejn ħafna mill-mistoqsijiet tiegħu kienu se jitwieġbu. Ir-raġel mhux talli aċċetta bil-qalb kollha l-istedina tagħhom biex jistudja imma wkoll studja darbtejn fil-ġimgħa u beda jattendi l-laqgħat regolarment fis-Sala tas-Saltna.
14 Uża L-Brochure Alla X’Jirrikjedi Minna?: Fil-Konvenzjonijiet Distrettwali “Messaġġiera Tal-Paċi Divina,” irċevejna l-brochure Alla X’Jirrikjedi Minna? Dan il-brochure huwa utli f’li nibdew studji tal-Bibbja maʼ nies li jibżgħu minn Alla hi x’inhi t-tip t’edukazzjoni li għandhom. Dan fih kors taʼ studju komprensiv, li jkopri t-tagħlim bażiku tal-Bibbja. Il-ktieb se jkun għodda effettiva f’li nagħmlu magħruf l-għarfien t’Alla. Dan jispjega l-verità b’mod tant ċar u sempliċi li kważi kważi kull wieħed minna se jkun jistaʼ jużah biex jgħallem lil oħrajn il-ħtiġijiet t’Alla. X’aktarx li ħafna pubblikaturi se jkollhom il-privileġġ li jikkonduċu studju tal-Bibbja b’dan il-brochure.
15 Xi individwi li jħossu li m’għandhomx il-ħin biex jistudjaw il-ktieb Għarfien forsi jkunu lesti li jkollhom sessjonijiet qosra jistudjaw il-brochure X’Jirrikjedi. Se jistagħġbu b’dak li jitgħallmu! F’żewġ jew tliet paġni biss, se jsibu tweġibiet għal mistoqsijiet li n-nies ilhom jistaqsu għal sekli sħaħ: Min hu Alla? Min hu x-Xitan? X’inhu l-iskop t’Alla għall-art? X’inhi s-Saltna t’Alla? Kif tistaʼ ssib il-vera reliġjon? Għalkemm il-brochure jippreżenta l-verità bi kliem sempliċi, il-messaġġ tiegħu huwa mimli qawwa. Hu jkopri punti prinċipali li l-anzjani se jirrevedu mal-kandidati għall-magħmudija u jistaʼ jservi bħala l-pass li jmiss għal studju iktar bir-reqqa mill-ktieb Għarfien.
16 Biex toffri studju fiż-żjara lura, tistaʼ sempliċement tgħid: “Kont taf li billi tieħu biss ftit minuti, int jistaʼ jkollok it-tweġiba għal xi mistoqsija importanti mill-Bibbja?” Imbagħad, qajjem mistoqsija li tidher fil-bidu taʼ xi waħda mil-lezzjonijiet fil-brochure. Per eżempju, jekk qiegħed iżżur persuna mdaħħla fiż-żmien, tistaʼ tgħid: “Aħna nafu li fil-passat Ġesù fejjaq lin-nies. Imma fil-futur Ġesù x’se jagħmel għall-morda? għall-anzjani? għall-mejtin?” It-tweġibiet jinsabu f’lezzjoni 5. Wieħed li hu inklinat lejn ir-reliġjon tistaʼ tqumlu l-kurżità bil-mistoqsija: “Jismaʼ Alla t-talb kollu?” Din hija mwieġba f’lezzjoni 7. Membri tal-familja se jkunu jridu jafu: “Alla x’jirrikjedi mill-ġenituri u mill-ulied?” Se jsibu r-risposta hekk kif jistudjaw lezzjoni 8. Xi mistoqsijiet oħrajn huma: “Jistgħu l-mejtin jagħmlu ħsara lill-ħajjin?” spjegata f’lezzjoni 11; “Għala hawn tant reliġjonijiet li jsostnu li huma Kristjani?” diskussa f’lezzjoni 13; u “Xi trid tagħmel biex issir ħabib t’Alla?” mgħoddija f’lezzjoni 16.
17 Għin Lil Dawk Li Jitkellmu Lingwa Oħra: Xi ngħidu dwar inkwilini li jitkellmu lingwa oħra? Jekk inhu possibbli, dawn għandhom jiġu mgħallmin bil-lingwa li jafu l-iktar. (1 Kor. 14:9) L-indokratur tas-circuit jistaʼ jipprovdi lil kull kongregazzjoni lista tal-kongregazzjonijiet u l-gruppi b’lingwi barranin f’dawk l-inħawi. Billi jikkonsulta l-lista, is-segretarju jkun imbagħad jistaʼ jgħaddi kwalunkwe Foreign Language Follow-Up Slips (S-70a) li jirċievi mill-membri tal-kongregazzjoni lil dik il-kongregazzjoni, jew grupp, li tieħu ħsieb dik il-lingwa. Dawn m’għandhomx jintbagħtu lis-Soċjetà. Jekk m’hemm l-ebda kongregazzjoni jew grupp fil-qrib u m’hemm l-ebda pubblikatur lokali li jistaʼ jitkellem bil-lingwa taʼ l-inkwilin, il-pubblikatur jistaʼ jipprova jistudja maʼ l-inkwilin, billi juża l-brochure X’Jirrikjedi fiż-żewġ lingwi.
18 Wieħed pubblikatur li jitkellem bl-Ingliż beda studju maʼ raġel li jitkellem bil-Vjetnamiż u maʼ martu, li titkellem bit-Taj. Matul l-istudju ntużaw kotba u Bibbji bl-Ingliż, bil-Vjetnamiż, u bit-Taj. Għalkemm għall-ewwel il-problema tal-lingwa kienet taʼ sfida, il-pubblikatur jikteb: “It-tkabbir spiritwali tal-koppja kien immedjat. Raw il-bżonn li jibdew jattendu l-laqgħat maż-żewġt itfal tagħhom, u qegħdin jaqraw il-Bibbja kull fil-għaxija bħala familja. It-tifla tagħhom li għandha sitt snin għandha l-istudju tal-Bibbja tagħha stess.”
19 Meta tistudja maʼ nies li jitkellmu lingwa oħra, tkellem bil-mod, tkellem ċar kelma kelma, u uża kliem u frażijiet sempliċi. Żomm f’moħħok, madankollu, li nies li jitkellmu lingwa oħra għandhom jiġu ttrattati b’dinjità. M’għandhomx jiġu ttrattati bħal li kieku kienu xi tfal żgħar.
20 Agħmel użu tajjeb mill-istampi sbieħ li hemm fil-brochure X’Jirrikjedi. Jekk “stampa tiswa daqs elf kelma,” l-għadd kbir taʼ stampi fil-brochure se jiswew ferm iżjed għall-inkwilin. Stiednu biex jaqra l-iskritturi fil-Bibbja tiegħu stess. Jekk l-istudju jistaʼ jiġi kondott f’ħin fejn xi membru tal-familja li jaf bl-Ingliż hu disponibbli biex jaqdi bħala interpretu, dan ikun bla dubju taʼ benefiċċju.—Ara l-Our Kingdom Ministry, April 1984, paġna 8.
21 Agħmel Iż-Żjajjar Lura Mingħajr Dewmien: Kemm għandek tistenna sakemm tagħmel żjara lura? Xi pubblikaturi jmorru lura wara xi ġurnata jew tnejn li jkunu ltaqgħu l-ewwel darba. Oħrajn imorru iktar tard fl-istess ġurnata! Huwa dan kmieni wisq? Ġeneralment, l-inkwilini ma jidhrux li jagħtu kas. Taʼ spiss hu l-pubblikatur innifsu li għandu bżonn jikkultiva attitudni iktar pożittiva, flimkien maʼ ftit qlubija. Ikkunsidra l-esperjenzi li ġejjin.
22 Wieħed pubblikatur li għandu 13-il sena kien qiegħed jaħdem minn dar għal dar meta ra żewġ nisa mexjin flimkien. Billi kien konxju taʼ l-inkuraġġiment li nippridkaw lin-nies kulfejn jinstabu, hu avviċina lin-nisa fit-triq. Dawn urew interess fil-messaġġ tas-Saltna u t-tnejn li huma aċċettaw il-ktieb Għarfien. Il-ħu żagħżugħ kiseb l-indirizzi tagħhom, mar lura jumejn wara, u beda studju tal-Bibbja maʼ kull waħda minnhom.
23 Waħda oħt tagħmel arranġamenti biex terġaʼ tmur lura l-ġimgħa taʼ wara. Imma xi ġurnata jew tnejn wara l-ewwel żjara hi tgħaddi minn hemm biex tagħti lill-inkwilin xi rivista fuq is-suġġett li jkunu ddiskutew id-darba taʼ qabel. Hi tgħid lill-inkwilin: “Rajt dan l-artiklu u ħsibt li tieħu pjaċir taqrah. Ma nistax nieqaf nitkellem issa, imma nerġaʼ niġi nhar l-Erbgħa wara nofs in-nhar kif ftehemna. Dak il-ħin għadu tajjeb għalik?”
24 Meta xi individwu juri interess fil-verità, nistgħu nkunu ċerti li se jiffaċċja xi oppożizzjoni b’xi mod jew ieħor. Li aħna nerġgħu mmorru malajr wara li jsir l-ewwel kuntatt se jsaħħu biex jiflaħ kull pressjoni li jiffaċċja mill-qraba, ħbieb tal-qalb, u oħrajn.
25 Ikkultiva L-Interess Taʼ Dawk Li Sibt F’Postijiet Pubbliċi: Ħafna minna nieħdu gost nippridkaw fit-toroq, fejn jipparkjaw il-karozzi, fuq tal-linja, f’ċentri tal-ħwienet, fil-ġonna, u f’inħawi bħal dawn. Flimkien maʼ li nħallu l-letteratura, hemm bżonn li nikkultivaw l-interess. Għal dan l-għan, għandu jsir sforz biex jinkiseb l-isem, l-indirizz u, jekk inhu possibbli, in-numru tat-telefon taʼ kull persuna li niltaqgħu magħha u li turi interess. M’huwiex diffiċli daqs kemm taħseb int biex tikseb din l-informazzjoni. Hekk kif il-konversazzjoni qiegħda toqrob lejn it-tmiem, oħroġ il-ktieb tiegħek tan-noti u staqsi: “Hemm xi mod kif nistgħu nkomplu din il-konversazzjoni f’xi ħin ieħor?” Jew għid: “Nixtieqek taqra artiklu li jien ċert li se jinteressak. Nistaʼ nġibulek id-dar jew fl-uffiċċju?” Wieħed ħu sempliċement jistaqsi: “X’numru għandek biex nagħmel kuntatt miegħek?” Hu jirrapporta li fi tliet xhur, ħlief għal tliet persuni, kulħadd kien lest li jagħtih in-numru tiegħu tat-telefon.
26 Uża T-Telefon Biex Issib u Tikkultiva L-Interess: Waħda oħt tuża t-telefon biex tilħaq lin-nies li jgħixu f’bini taʼ sigurtà kbira. Hi tagħmel ukoll żjajjar lura bl-istess mod. L-ewwel darba li ċċempel, hi tgħid: “Naf li int ma tafnix. Qiegħda nagħmel sforz speċjali biex nikkuntattja lin-nies fl-inħawi tiegħek biex naqsam ħsieb mill-Bibbja. Jekk għandek ftit ħin, nixtieq naqralek il-wegħda li nsibu fi . . .” Wara li taqra l-iskrittura, hi tgħid: “Ma tkunx xi ħaġa taʼ l-għaġeb jekk inkunu nistgħu naraw dak iż-żmien jasal? Ħadt gost naqrahielek din. Jekk int ħadt gost ukoll, nixtieq nerġaʼ nċempel u niddiskuti skrittura oħra.”
27 Id-darba li jmiss li terġaʼ ċċempel, hi tfakkar lill-inkwilin dwar il-konversazzjoni li kellhom iktar qabel u tgħid li tixtieq taqra mill-Bibbja x’tip taʼ kundizzjonijiet se jkun hawn meta l-ħażen jispiċċa. Imbagħad tiddiskuti fil-qosor minn fuq il-Bibbja maʼ l-inkwilin. Matul perijodu taʼ ħafna konversazzjonijiet permezz tat-telefon, 35 ruħ stednuha biex tmur id-dar tagħhom u nbdew sebaʼ studji tal-Bibbja fid-djar! Huwa xi kultant diffiċli għalik biex tagħmel żjajjar lura lil xi persuni interessati matul ix-xhur kesħin tax-xitwa minħabba xi toroq magħluqin, xita qalila, jew mard? Jekk inhu hekk, għala ma tagħmilx kuntatt magħhom permezz tat-telefon?
28 Kompli Ibni Fuq L-Interess Li Sibt F’Postijiet Tan-Negozju: Hemm ħafna iktar involut fix-xogħol minn ħanut għal ħanut milli sempliċement noffru r-rivisti. Ħafna sidien tal-ħwienet għandhom interess sinċier fil-verità, u dak l-interess irid jiġi kkultivat. F’ċerti każi, jistaʼ jkun possibbli li ssir diskussjoni mill-Bibbja jew saħansitra studju sewwa sew fuq il-post. F’każijiet oħrajn, int u l-individwu li juri interess forsi tkunu tistgħu tiltaqgħu matul il-waqfa taʼ nofs in-nhar jew f’xi ħin konvenjenti ieħor.
29 Wieħed indokratur li jivvjaġġa żar sid taʼ ħanut żgħir tal-merċa u offrielu li jurih kif isir studju tal-Bibbja. Meta ġie mistoqsi kemm se ddum din it-turija, l-indokratur li jivvjaġġa qal li kienet se tieħu biss 15-il minuta. Għal dan, sid il-ħanut dendel tabella mal-bieb: “Lura f’20 Minuta,” ħareġ żewġ siġġijiet, u t-tnejn li huma ddiskutew l-ewwel ħames paragrafi tal-ktieb Għarfien. Dan ir-raġel sinċier kien tant impressjonat b’dak li tgħallem li attenda l-Laqgħa Pubblika u l-Istudju tat-Torri Taʼ L-Għassa taʼ dak il-Ħadd u aċċetta li jkompli l-istudju l-ġimgħa taʼ wara.
30 Biex toffri studju f’post tan-negozju, tistaʼ tgħid hekk: “Jinvolvi biss 15-il minuta biex nurik kif jaħdem il-programm tagħna taʼ studju mill-Bibbja. Jekk inhu konvenjenti, nieħu pjaċir nurik kif dan isir.” Imbagħad, żomm mal-ħin li għandek. Jekk m’huwiex possibbli li jkollok diskussjoni twila f’post tan-negozju, jistaʼ jkun iktar addattat li żżur lil sid il-ħanut fid-dar tiegħu.
31 Erġaʼ Mur Anki Meta Ma Tħalli L-Ebda Letteratura: Kull xrara taʼ interess jistħoqqilha żjara lura, kemm jekk tħalliet xi letteratura u kemm jekk le. M’għandniex xi ngħidu, jekk jidher ċar li l-inkwilin verament m’huwiex interessat fil-messaġġ tas-Saltna, huwa aħjar li tidderieġi l-isforzi tiegħek x’imkien ieħor.
32 Fix-xogħol minn bieb għal bieb, waħda oħt iltaqgħet maʼ mara li kienet verament dħulija imma li rrifjutat għalkollox l-offerta tar-rivisti. Il-pubblikatriċi tikteb: “Domt ġranet sħaħ naħseb dwarha u ddeċidejt li xtaqt nerġaʼ nitkellem magħha.” Fl-aħħar, l-oħt talbet, rabbiet il-kuraġġ, u ħabbtet fuq il-bieb tal-mara. B’ferħ għaliha l-inkwilina stednitha ġewwa. Inbeda studju tal-Bibbja, u reġaʼ ġie kondott il-ġimgħa taʼ wara. Maż-żmien, l-inkwilina ġiet fil-verità.
33 Ippjana Minn Qabel Biex Twettaq L-Iktar Li Tistaʼ: Huwa rrikmandat li għandna nqattgħu ftit ħin kull ġimgħa biex isiru żjajjar lura. Jistaʼ jitwettaq ħafna b’ippjanar tajjeb. Iġbor iż-żjajjar li għandek fl-istess naħa fejn se tkun taħdem minn dar għal dar. Meta x-xogħol ikun qiegħed isir permezz taʼ karozza, il-grupp għandu jinżamm fiċ-ċokon sabiex kull wieħed ikollu opportunità sħiħa biex jagħmel żjajjar lura. Is-sewwieq għandu jkun jaf minn qabel fejn se jsiru ż-żjajjar lura sabiex jiġi evitat sewqan bla bżonn.
34 Dawk li għandhom suċċess f’li jagħmlu żjajjar lura u f’li jibdew studji tal-Bibbja fid-djar jgħidu li huwa essenzjali li nuru interess persunali sinċier fin-nies u li nibqgħu naħsbu dwarhom anki wara li ssir iż-żjara. Huwa wkoll neċessarju li jkollna suġġett mill-Bibbja x’niddiskutu li jappella u li nqiegħdu l-pedament għaż-żjara lura qabel ma ntemmu l-ewwel żjara. Barra minn hekk, huwa importanti li mmorru lura fil-pront biex nibnu fuq l-interess li jkun intwera. L-objettiv li nibdew studju tal-Bibbja rridu dejjem inżommuh sew f’moħħna.
35 Kwalità vitali għal suċċess fix-xogħol taż-żjajjar lura hija l-qlubija. Din kif tinkiseb? L-appostlu Pawlu jwieġeb billi jgħid li aħna ‘nrabbu l-qlubija’ biex niddikjaraw l-aħbar tajba lil oħrajn “permezz t’Alla tagħna.” Jekk int teħtieġ li titjieb f’dan l-aspett, itlob lil Jehovah għall-għajnuna. Imbagħad, fi qbil mat-talb tiegħek, kompli ibni fuq kull interess li jintwera. Jehovah ċertament li se jbierek l-isforzi tiegħek!
[PLEASE SET THE FOLLOWING IN A BOX, IN THE CENTER OF PAGE 3:]
Kif Ikollok Suċċess F’Li
Tagħmel Żjajjar Lura
■ Uri interess persunali sinċier fin-nies.
■ Agħżel suġġett mill-Bibbja x’tiddiskuti li jappella.
■ Qiegħed il-pedament għal kull żjara suċċessiva.
■ Kompli aħseb fuq il-persuna wara li titlaq.
■ Irritorna wara ġurnata jew tnejn biex tkompli tibni dak l-interess.
■ Żomm f’moħħok l-objettiv tiegħek li tibda studju tal-Bibbja.
■ Itlob għall-għajnuna biex trabbi l-qlubija għal dan ix-xogħol.