“Stabru”
1 Hekk kif naraw it-tmiem tas-sistema qadima taʼ Satana jersaq eqreb u eqreb, huwa vitali li ‘nistabru’ waqt li nistennew il-jum taʼ ħelsien taʼ Jehovah. Speċjalment f’din is-siegħa hekk aħħarija, il-qawwiet taʼ l-għadu mill-agħar jinsabu ddeterminati li jiżvijawlna l-attenzjoni tagħna mill-kwistjoni ewlenija tas-sovranità taʼ Jehovah u jittantawna biex naljenaw rasna fuq viżibilju taʼ interessi persunali. B’dan il-mod, Satana jixtieq jidħak bina billi jġagħalna nċedu jew inbattu fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna. (Ġak. 5:7, 8; Mt. 24:13, 14) B’liema modi nistgħu nuru dan is-sabar tant bżonnjuż?
2 Bir-Rażna: Meta niffaċċjaw xi apatija jew oppożizzjoni fil-ministeru tagħna, ir-rażna tgħinna nipperseveraw fl-ippridkar. M’aħniex se nibżgħu mix-xejn jew nieħdu għalina jekk in-nies li niltaqgħu magħhom ikunu maledukati jew qalbhom ħażina. (1 Pt. 2:23) Din il-forza ġewwinija tistaʼ tevitalna li nitkellmu b’mod negattiv dwar nies fit-territorju tagħna li juru indifferenza jew ostilità lejn xogħolna, billi nirrealizzaw li kliem bħal dan jiskuraġġixxi kemm lilna u kemm lil dawk li jaħdmu magħna fil-ministeru.
3 Bil-Persistenza Paċenzjuża: Meta fis-servizz taʼ l-għalqa jkollna diskussjoni tajba, u mbagħad ma nkunux nistgħu nerġgħu nsibu l-persuna interessata d-dar, dan jistaʼ jittestja l-paċenzja tagħna. L-istess huwa minnu jekk dawk li nistudjaw magħhom idumu biex jagħmlu progress jew biex jieħdu waqfa għall-verità. Madankollu, il-persistenza paċenzjuża taʼ spiss tiġi ppremjata b’riżultati tajbin. (Gal. 6:9) Waħda oħt żaret lura lil waħda żagħżugħa bosta drabi qabel ma fil-fatt inbeda studju tal-Bibbja. Matul l-ewwel ħames żjajjar, il-mara kienet ħsiebha f’affarijiet oħrajn. Is-sitt darba li pprovat, l-oħt ixxarrbet għasra f’maltempata, u biex tgħaxxaqha ma sabet lil ħadd id-dar. Minkejja dan, billi kienet iddeterminata li tagħti ċans ieħor lill-mara, l-oħt reġgħet żaritha u sabet lill-mara lesta għall-istudju. Minn dakinhar ’il quddiem, l-istudenta għamlet progress kontinwu u fi żmien qasir iddedikat ħajjitha lil Jehovah.
4 Aħna nafu li jum Jehovah mhux se jittardja. Allura nistennewh jagħmel l-affarijiet bil-mod tiegħu, billi nafu li l-paċenzja divina se tipproduċi frott tajjeb. (Ħab. 2:3; 2 Pt. 3:9-15) Irridu nistabru bħalma jagħmel Jehovah u ma naqtgħux qalbna fil-ministeru. “Bil-fidi u s-sabar,” stenna lil Jehovah biex jippremjak għax-xogħol iebes tiegħek.—Lhud 6:10-12.