Okkażjoni Speċjali biex Ninkuraġġixxu lil Xulxin
1 Ma tgħaddix ġurnata waħda meta n-nies taʼ Jehovah ma jiffaċċjawx provi għall-fidi tagħhom. Peress li jaf li ftit żmien baqagħlu, ix-Xitan qed jagħmel l-aħħar attakk qawwi fuqna biex ikisser l-integrità tagħna lejn Jehovah. (Apk. 12:12) Huwa vitali li ‘nitwettqu fil-Mulej u nissaħħu bil-qawwa tiegħu’ sabiex ‘inkunu nistgħu nieqfu fi żmien il-ħażen, u, wara li nkunu għamilna ħilitna kollha, inżommu weqfin.’—Efes. 6:10, 13.
2 Il-fatt li ninġabru m’adoraturi sħabna huwa provvediment mingħand Jehovah li jgħinna niksbu l-qawwa. L-appostlu Pawlu fehem l-importanza taʼ dan. Kien jixxennaq għall-kumpanija taʼ ħutu l-Kristjani sabiex ikunu jistgħu ‘jqawwu lil xulxin’ u jissaħħu. (Rum. 1:11, 12) Biex issaħħaħna waqt li nagħmlu r-rieda t’Alla, il-Ġemgħa li Tiggverna bl-imħabba kollha ħejjitilna l-opportunità biex nibbenefikaw mill-inkuraġġiment li nagħtu lil xulxin fil-Konvenzjoni Distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna” li jmiss.
3 Kun Hemm biex Tibbenefika: Agħmilha mira li tkun hemm għat-tlett ijiem kollha. Jiswielna taʼ ġid li naslu qabel l-ewwel għanja u nibqgħu sa l-aħħar tat-talba taʼ l-għeluq meta ngħidu “Amen” minn qalbna. (Is. 48:17, 18) Ħafna jridu jirranġaw l-iskeda tax-xogħol tagħhom ferm minn qabel sabiex ikollhom biżżejjed ħin disponibbli ħalli jattendu t-tlett ijiem kollha. Veru, jistaʼ ma jkunx faċli li tgħid lill-imgħallem biex jagħtik il-leave, iżda għandna l-assiguranza taʼ Jehovah li hu se jgħinna nagħmlu r-rieda tiegħu. (1 Ġw. 5:14, 15) Jekk għadna m’għamilniex hekk diġà, issa huwa ż-żmien li nagħmlu arranġamenti definiti għat-trasport sabiex ma nħallu xejn biċ-ċans li ma jirnexxix. Nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jbierek l-isforzi tagħna sabiex nattendu t-tlett ijiem kollha.—Prov. 10:22.
4 Ħares ’il Quddiem Lejn l-Inkuraġġiment: Qatt tlaqt minn konvenzjoni distrettwali u għedt: “Din kienet l-aħjar waħda li qatt kellna!” Għala taħseb li ħassejtek hekk? Dan għaliex bħala bnedmin imperfetti nistgħu bil-mod il-mod ngħejjew, u b’hekk inħossu li għandna bżonn l-inkuraġġiment spiritwali. (Is. 40:30) Waħda oħt innotat: “Din is-sistema tgħajjini, u l-konvenzjonijiet jerġgħu jiċċarawli l-ħarsa spiritwali tiegħi, waqt li jħeġġuni spiritwalment kemm ikolli bżonn. Qisu l-inkuraġġiment jiġi eżatt meta jkolli bżonnu l-iktar.” Wisq probabbli ġieli ħassejtek bħalha.
5 Ningħataw l-inkuraġġiment li għandna bżonn mhux biss bit-taħditiet u l-intervisti iżda wkoll permezz t’aspetti oħrajn fil-konvenzjonijiet tagħna li jkun fihom x’tomgħod. Wieħed ħu qal: “L-iktar li nieħu gost bih hu l-mod ċar u prattiku kif jiġu applikati l-prinċipji tal-Bibbja. Ċertament, id-drama hija imprezzabbli biex turina kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempji tajbin jew ħżiena tal-passat. Dejjem inħares ’il quddiem għall-pubblikazzjonijiet ġodda li jkunu se joħorġu, u meta mmur lura d-dar nibqaʼ ferħan bihom għal żmien twil.”
6 Il-konvenzjonijiet huma provvediment vitali mingħand Jehovah matul dan iż-“żmien iebes.” (2 Tim. 3:1) Jgħinuna nagħtu kas tal-parir ispirat: “Ishru, żommu sħiħ fil-fidi, kunu qalbiena, saħħu ruħkom ilkoll.” (1 Kor. 16:13) Għalhekk, ejja nkunu determinati li nattendu kull sessjoni u ngawdu l-inkuraġġiment abbundanti li nagħtu lil xulxin fil-Konvenzjoni Distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna”!
[Kaxxa f’paġna 3]
Ippjana li Tattendi t-Tlett Ijiem Kollha
■ Itlob għal-leave mix-xogħol.
■ Irranġa għat-trasport għall-konvenzjoni.