Lest Int Biex Tagħti Xhieda Informali?
1. Liema eżempju juri li l-għoti taʼ xhieda informali jistaʼ jkun effettiv?
1 Ix-Xhieda informali tistaʼ tkun effettiva ħafna. Il-Bibbja fiha ħafna eżempji taʼ xhieda informali b’riżultati tajbin. (Ġw. 4:7-15) X’nistgħu nagħmlu biex nippreparaw ħalli nagħtu xhieda b’dan il-mod?
2. L-ilbies u d-dehra tagħna kif jistgħu jgħinuna nkunu lesti biex nagħtu xhieda?
2 L-Ilbies u d-Dehra: Jekk dejjem nagħtu attenzjoni xierqa lill-ilbies u d-dehra tagħna se nkunu iktar liberi biex naqsmu l-fidi tagħna m’oħrajn. (1 Tim. 2:9, 10) Jekk ma nħossuniex komdi dwar id-dehra tagħna, wisq probabbli se nżommu lura milli nagħtu xhieda. Mill-banda l-oħra, id-dehra pulita u nadifa tagħna fiha nfisha tistaʼ tqajjem il-kurżità. Pereżempju, waqt li kienu qed jivvjaġġaw, koppja taʼ Xhieda lebsin pulit kienu bil-qiegħda ħdejn raġel Musulman. Minħabba li nnota d-dehra tagħhom, ir-raġel staqsiehom jekk kinux Kristjani. Dan wassal għal diskussjoni minn fuq il-Bibbja li damet tliet sigħat.
3. Kif bdejt konversazzjoni billi segwejt l-eżempju taʼ Ġesù?
3 Meta Tibda Konversazzjonijiet: Meta Ġesù ltaqaʼ mal-mara Samaritana ħdejn l-għajn taʼ Ġakobb, hu beda l-konversazzjoni billi sempliċement talabha tagħtih x’jixrob. B’mod simili, forsi nkunu nistgħu nibdew konversazzjoni billi nagħmlu stqarrija fil-qosor jew billi nistaqsu mistoqsija sempliċi. Għalkemm kultant forsi noqogħdu lura, jekk nistrieħu fuq l-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna nistgħu ‘nagħmlu l-qalb’ biex nibdew konversazzjoni.—1 Tess. 2:2.
4. Kif nistgħu nħejju ruħna biex nagħtu xhieda informali?
4 Kif Toħloq l-Opportunitajiet: Ħafna pubblikaturi sabu modi kif jagħtu xhieda informali. Eżamina ċ-ċirkustanzi tiegħek, u aħseb dwar in-nies li x’aktarx tiltaqaʼ magħhom matul il-ġurnata. Ġorr miegħek letteratura adattata u Bibbja żgħira. Tgħallem osserva, u ħu interess fin-nies taʼ madwarek. Meta tkun ħsibt dwar opportunitajiet li jistgħu jiġuk matul il-jum, x’aktarx li se tkun lest biex tagħti xhieda tajba.—Flp. 1:12-14; 1 Pt. 3:15.
5. Għala għandna nippjanaw biex nagħtu xhieda informali?
5 Għandna żewġ raġunijiet tajbin biex nieħdu vantaġġ minn opportunitajiet biex nagħtu xhieda informali—imħabba għal Alla u għall-proxxmu. (Mt. 22:37-39) Meta nqisu l-urġenza tax-xogħol tal-ippritkar, jeħtieġ li nippjanaw biex nagħtu xhieda informali. Għandna nkunu lesti biex nieħdu vantaġġ minn kull opportunità adattata ħalli naqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna m’oħrajn sakemm għad fadal iż-żmien.—Rum. 10:13, 14; 2 Tim. 4:2.