“L-Għerf Jintwera li Hu Sewwa Minn Għemilu”
1. Xi wħud kif iħarsu lejn ix-xogħol tagħna?
1 Kultant nistgħu niffaċċjaw reazzjoni negattiva minn xi inkwilini li jifhmuna ħażin jew li ġew informati ħażin dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Forsi l-ħarsa tagħhom ġiet influwenzata minn rapporti preġudikati fil-mezzi tax-xandir. F’xi postijiet saħansitra tawna t-tikketta taʼ “setta perikoluża.” Kif għandna nirreaġixxu meta niffaċċjaw kritika bħal din?
2. X’se jgħinna nevitaw li niġu skuraġġiti meta niffaċċjaw il-kritika?
2 Żomm Attitudni Pożittiva: Ġesù u qaddejja oħrajn taʼ Ġeħova fl-ewwel seklu spiss ġew mifhumin ħażin u malafamati. (Atti 28:22) Però, ma ħallewx il-kritika ġġegħelhom iħossuhom imbarazzati dwar il-ministeru tagħhom. Ġesù qal: “L-għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.” (Mt. 11:18, 19) Hu kompla jagħmel ir-rieda taʼ Missieru biż-żelu, fiduċjuż li l-valur tal-aħbar tajba kien se jidher ċar għal dawk li kienu qed ifittxu l-verità. Nistgħu nevitaw l-iskuraġġiment billi niftakru li l-Iben t’Alla nnifsu ġie trattat b’mod simili.
3. Ir-rapporti negattivi u l-oppożizzjoni għala m’għandhomx jissorprenduna?
3 Ġesù indika li d-dinja kienet se tobgħod lis-segwaċi tiegħu sewwasew bħalma kienet tobgħod lilu. (Ġw. 15:18-20) Għalhekk, ir-rapporti negattivi u l-oppożizzjoni tal-lum m’għandhomx jissorprenduna. Fil-fatt, għandna nistennew li dawn l-affarijiet isiru iktar komuni iktar ma nidħlu fl-aħħar jiem u iktar ma tiħrax ir-rabja taʼ Satana. (Riv. 12:12) Aħna nistgħu nifirħu b’dan għax jurina li d-dinja taʼ Satana dalwaqt se tinqered.
4. Jekk niffaċċjaw reazzjoni negattiva għall-aħbar tajba, kif għandna nwieġbu?
4 Wieġeb b’Qalb Tajba: Meta niffaċċjaw reazzjoni negattiva, dejjem għandna nwieġbu b’qalb tajba u ħlewwa. (Prov. 15:1; Kol. 4:5, 6) Jekk is-sitwazzjoni tippermetti, forsi nkunu nistgħu nispjegaw lil inkwilin sinċier li hemm ħafna informazzjoni żbaljata dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova jew forsi nistaqsuh għala jħossu kif iħossu. It-tweġiba tagħna bil-ħlewwa tistaʼ ġġiegħlu jiddubita jekk dak li semaʼ dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova huwiex minnu u forsi jismaʼ meta jerġaʼ jżuru xi Xhud. Madankollu, jekk l-inkwilin ikun irrabjat ħafna, forsi jkun aħjar li sempliċement nitilqu bl-edukazzjoni kollha. Nistgħu nkunu ċerti li minkejja kif iħarsu lejna oħrajn, Ġeħova japprezza l-ministeru tagħna.—Is. 52:7.