“Żommu l-Paċi mal-Bnedmin Kollha”
1. Liema parir Bibliku għandna napplikaw meta niltaqgħu maʼ inkwilini skurmentati?
1 In-nies taʼ Ġeħova jħobbu l-paċi, u l-ministeru tagħna hu wieħed taʼ paċi. (Is. 52:7) Però, kultant niltaqgħu maʼ nies li ma jiħdux pjaċir bina meta nħabbtulhom. X’se jgħinna nżommu l-paċi f’sitwazzjonijiet bħal dawn?—Rum. 12:18.
2. Għala hu importanti li nipprovaw nifhmu l-inkwilin?
2 Nipprovaw Nifhmuhom: Għalkemm xi wħud jirrabjaw għax jopponu l-verità, oħrajn forsi ma jiħdux pjaċir bina għal raġunijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mal-messaġġ tagħna. Forsi ħabbatnielhom f’ħin ħażin. L-inkwilin forsi hu mnikket minħabba problemi persunali. Anki jekk hi l-aħbar tajba li rrabjatu, għandna niftakru li x’aktarx irreaġixxa b’dan il-mod minħabba li ġie żvijat. (2 Kor. 4:4) Jekk nipprovaw nifhmuh se niġu megħjunin nibqgħu kalmi u ma niħdux għalina għall-mod kif jirreaġixxi.—Prov. 19:11.
3. Kif nistgħu nuru rispett lejn l-inkwilin?
3 Nuru Rispett: Ħafna fit-territorju għandhom twemmin sod. (2 Kor. 10:4) Għandhom dritt jagħżlu jekk jisimgħux jew le. Qatt ma rridu nċekknu t-twemmin taʼ inkwilin jew nuru attitudni taʼ superjorità. Jekk nintalbu nitilqu, għandna nobdu bir-rispett.
4. Xi jfisser li nitkellmu bil-ħlewwa?
4 Nitkellmu bil-Ħlewwa: Anki jekk ikellmuna ħażin, it-tweġiba tagħna għandha tkun bil-ħlewwa. (Kol. 4:6; 1 Pt. 2:23) Minflok ma naqbdu argument, għandna nipprovaw insibu xi ħaġa li t-tnejn naqblu dwarha. Forsi nistgħu bil-ħlewwa nistaqsu lill-inkwilin għala ma jixtieqx ikellimna. Madankollu, sabiex ma nirrabjawhx iktar kultant ikun aħjar jekk inwaqqfu d-diskussjoni.—Prov. 9:7; 17:14.
5. Liema benefiċċji se jkollna jekk inżommu l-paċi fil-ministeru?
5 Jekk inżommu l-paċi, l-inkwilin għandu mnejn jiftakar ir-reazzjoni tagħna u jismaʼ meta xi ħadd jipprova jagħtih xhieda darb’oħra. (Rum. 12:20, 21) Anki jekk jidher sod fl-oppożizzjoni tiegħu, xi darba forsi għad isir ħuna. (Gal. 1:13, 14) Kemm jekk xi darba juri interess fil-verità u kemm jekk le, se nonoraw lil Ġeħova u nżejnu t-tagħlim tagħna jekk inrażżnu lilna nfusna u nuru l-paċi.—2 Kor. 6:3.