“Żommu kondotta tajba fost il-ġnus”
1. Għala hu importanti għalina li nżommu kondotta tajba fil-konvenzjonijiet li ġejjin?
1 Kull sena aħna niġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku waqt il-konvenzjonijiet tagħna, u minħabba f’hekk ikun importanti li bil-kondotta tagħna nirrappreżentaw tajjeb lill-Alla li nqimu. (Lev. 20:26) Il-manjieri tajbin kif ukoll l-ilbies u l-maxta taʼ xagħarna għandhom jidentifikaw ċar li aħna s-segwaċi veri taʼ Kristu. Hekk kif nattendu l-konvenzjonijiet distrettwali jew internazzjonali li ġejjin, kif nistgħu ‘nżommu kondotta tajba fost il-ġnus’ u b’hekk inġibu glorja lil Missierna tas-sema?—1 Pt. 2:12.
2. X’opportunitajiet se jkollna biex nuru l-personalità Kristjana matul il-konvenzjoni?
2 Uri l-personalità Kristjana: L-imħabba li nuru lejn xulxin u l-mod kif nittrattaw maʼ “dawk li huma barra” juru l-kuntrast qawwi li hemm bejnna u l-ispirtu dominanti tad-dinja. (Kol. 3:10; 4:5; 2 Tim. 3:1-5) Għandna nkunu qalbna tajba u paċenzjużi meta nittrattaw mal-ħaddiema tal-lukandi u r-restoranti, anki jekk iqumu xi problemi. Ukoll, il-manjieri tajbin jitolbu li nħallu tipp tas-soltu lil dawk li jipprovdu servizzi personali.
3. Liema tfakkira tingħata lill-ġenituri, u għala?
3 Il-ġenituri għandhom jissorveljaw mill-qrib lil uliedhom fil-post tal-konvenzjoni, fir-restoranti, u fil-lukanda. (Prov. 29:15) Il-maniġer taʼ restorant f’lukanda qalet lil waħda koppja: “Intom togħġbuna wisq. Il-familji u t-tfal tagħkom tgħidx kemm għandhom manjieri tajbin u huma dħulin. L-istaff kollu kien qed jitkellem dwarkom, u nixtiequ li tkunu tistgħu toqogħdu hawn kull wikend.”
4. Meta nkunu fl-inħawi fejn se ssir il-konvenzjoni, x’attenzjoni għandna nagħtu għall-apparenza tagħna?
4 Ilbies modest: L-ilbies tagħna matul il-konvenzjoni għandu jkun xieraq u modest, u mhux li jirrifletti l-istil estrem tad-dinja. (1 Tim. 2:9) Anki xħin naslu u nitilqu mil-lukanda, waqt il-ħinijiet taʼ rikreazzjoni, u wara s-sessjonijiet irridu nevitaw li nilbsu każwali żżejjed jew żmattat. B’hekk, inkunu kburin li nilbsu l-baġġ tagħna tal-konvenzjoni u ma nistħux nagħtu xhieda meta tqum l-opportunità. L-apparenza u l-kondotta tajba tagħna waqt li nattendu l-konvenzjonijiet li ġejjin mhux biss se jiġbdu lil nies sinċieri lejn il-messaġġ tal-Bibbja li jsalva l-ħajjiet imma wkoll se jġibu ferħ lil Ġeħova.—Sof. 3:17.