Tfakkiriet għall-konvenzjoni speċjali
Il-ħinijiet tal-programm: Il-bibien se jinfetħu fit–8:00 AM. Il-mużika tal-ftuħ se tibda fid–9:20 AM it-tlett ijiem li huma. F’dak il-ħin, kulħadd għandu jieħu postu biex il-programm ikun jistaʼ jinbeda b’manjiera dinjituża. Il-programm se jispiċċa f’xi l–5:00 PM nhar il-Ġimgħa u s-Sibt, u f’xi l–4:00 PM il-Ħadd.
‘Faħħar lil Ġeħova bl-għanjiet’: In-nies t’Alla fi żmien il-qedem faħħru lil Ġeħova permezz tal-għanjiet, u l-mużika kompliet tkun parti importanti tal-qima vera llum. (Salm 28:7) Kull sessjoni tal-konvenzjoni tagħna tibda b’intervall mużikali. Dan mhuwiex sempliċement mużika fl-isfond imma jiġi preparat ħalli nitgħallmu dwar Ġeħova u nqimuh. B’hekk, meta ċ-chairman javża li se jibda l-intervall mużikali, dan ikun il-ħin biex inpoġġu u nisimgħu b’apprezzament il-mużika, minflok ma noqogħdu nitkellmu. Meta nagħmlu dan, nuru li napprezzaw l-isforzi tal-membri tal-orkestra tal-organizzazzjoni tagħna. Darbtejn fis-sena dawn l-aħwa nisa u rġiel jivvjaġġaw bi spejjeż tagħhom biex imorru f’Patterson, New York, sabiex jipproduċu mużika sabiħa biex nieħdu pjaċir nisimgħuha. Wara li nisimgħu sew l-intervall mużikali, kulħadd għandu jingħaqad f’li jfaħħar lil Ġeħova billi jkanta l-għanjiet tas-Saltna tagħna.
Postijiet: Meta jinfetħu l-bibien kull filgħodu, jekk jogħġbok tidħolx tiġri biex issib post bħallikieku qed tikkompeti maʼ sħabek li qed jattendu. Jekk jogħġbok ikkunsidra lil ħaddieħor. Jistaʼ jkun li jkun hemm bżonn li nagħmlu sagrifiċċji personali għall-ġid taʼ ħutna. Spirtu taʼ sagrifiċċju personali jidentifikana bħala Kristjani veri u jġiegħel lil dawk li jarawna jfaħħru lil Alla. (Ġw. 13:34, 35; 1 Kor. 13:5; 1 Pt. 2:12) Il-postijiet jistgħu jintrefgħu biss għal dawk li qed jivvjaġġaw fil-karozza tiegħek, li jgħixu d-dar miegħek, jew għall-istudenti tal-Bibbja li għandek bħalissa. Jekk jogħġbok tpoġġix affarijiet fuq siġġijiet li ma tkunx se terfagħhom bħala postijiet. Il-kooperazzjoni f’dan ir-rigward se tippermetti lil oħrajn jagħrfu liema huma s-siġġijiet vojta. Saru arranġamenti speċjali għal dawk avvanzati fl-età u dawk b’saħħa batuta. Ladarba s-siġġijiet għal uħud bħal dawn huma limitati, persuna waħda jew tnejn biss li jkunu qed jgħinu direttament lil dawk avvanzati fl-età jew dawk b’saħħa batuta jkunu jistgħu joqogħdu bilqiegħda ħdejhom.
Ilbies modest: L-ilbies tagħna matul il-konvenzjoni għandu jkun xieraq u modest, u mhux li jirrifletti l-istil estrem komuni tad-dinja. (1 Tim. 2:9) Anki xħin naslu u nitilqu mil-lukanda, waqt il-ħinijiet taʼ rikreazzjoni, u qabel u wara s-sessjonijiet irridu nevitaw li nilbsu każwali żżejjed jew żmattat. B’hekk, mhux se nkunu skomdi li nilbsu l-badge tagħna tal-konvenzjoni u ma nistħux nagħtu xhieda meta tqum l-opportunità. L-apparenza u l-kondotta tajba tagħna waqt li nattendu l-konvenzjonijiet li ġejjin mhux biss se jiġbdu lil nies sinċieri lejn il-messaġġ tal-Bibbja li jsalva l-ħajjiet imma wkoll se jġibu ferħ lil Ġeħova.—Sof. 3:17.
Manjieri tajbin meta nużaw l-apparati elettroniċi: Aħna nuru manjieri tajbin matul il-konvenzjoni billi nissettjaw il-mowbajls tagħna jew apparati elettroniċi oħra b’tali mod li ma jtellfux lil ħaddieħor. Jekk nużaw kamera tar-ritratti, vidjow kamera, tablet, jew apparati oħra bħal dawn, irridu nikkunsidraw lil oħrajn billi ma nfixkluhomx jew intellfuhom milli jaraw min hemm fuq il-platform. Nistgħu nuru manjieri tajbin ukoll billi ma nibagħtux messaġġi jew e-mails bla bżonn waqt il-konvenzjoni.
Donazzjonijiet: Nistgħu nuru l-apprezzament għall-arranġamenti tal-konvenzjoni billi nagħmlu kontribuzzjonijiet volontarji għax-xogħol taʼ madwar id-dinja fil-konvenzjoni. Iċ-ċekkijiet għandhom jintgħamlu pagabbli lill-“IBSA (Malta).”
Medikazzjoni: Jekk tieħu xi mediċina preskritta, jekk jogħġbok kun ċert li ġġib miegħek kemm għandek bżonn, ladarba fil-konvenzjoni mhux se jkun hemm mediċina disponibbli. Siringi u labar li jintużaw mid-dijabetiċi għandhom jintremew kif suppost, jiġifieri bħala skart perikoluż, u mhux fejn jintrema skart normali fil-post fejn issir il-konvenzjoni jew fil-lukanda.
Prekawzjonijiet taʼ sigurtà: Jekk jogħġbok kun ċert li tieħu ħsieb li tipprevieni l-inċidenti li jistgħu jiġu kkaġunati minn żliq jew tfixkil. Kull sena jseħħu inċidenti konnessi maż-żraben, speċjalment dawk b’takkuna għolja. Ikun aħjar li tagħżel żarbun li jiġik tajjeb u li jippermettilek timxi fuq rampi, taraġ, spralli, u affarijiet bħal dawn bla ma tweġġaʼ.
Interpretazzjoni: Il-programm se jiġi interpretat għall-Malti jew l-Ingliż skont b’liema lingwa jkun qed jitkellem il-kelliemi fuq frekwenza FM tar-radju. Biex tismagħha, ikollok iġġib miegħek earphones u radju FM żgħir li jaħdem bil-batteriji.
Puxċers: M’għandhomx jinġiebu puxċers fil-post fejn se ssir il-konvenzjoni. Madankollu, siġġijiet tat-tfal li jipprovdu sigurtà (child safety seats) huma permessi jekk jistgħu jitpoġġew fuq siġġu maġenb il-ġenituri.
Fwejjaħ: Ħafna konvenzjonijiet isiru f’postijiet magħluqin b’ventilazzjoni mekkanika. Għalhekk, inkunu qed nuru mħabba min-naħa tagħna jekk nillimitaw l-użu taʼ fwejjaħ qawwijin li jistgħu jikkaġunaw irritazzjoni lil dawk li jbatu bi problemi respiratorji jew problemi relatati.—1 Kor. 10:24.
Restoranti: Onora isem Ġeħova bl-imġiba tajba tiegħek fir-restoranti. Ilbes ilbies xieraq għal Kristjan. Ħalli tipp jekk din tkun l-użanza.