LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Settembru pp. 2-7
  • Tkellem mal-Anzjani Meta Jkollok Bżonn l-Għajnuna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tkellem mal-Anzjani Meta Jkollok Bżonn l-Għajnuna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • META GĦANDNA ‘NKELLMU LILL-ANZJANI’?
  • GĦALA GĦANDNA NKELLMU LILL-ANZJANI?
  • L-ANZJANI KIF JGĦINUNA?
  • X’RESPONSABBILTÀ GĦANDEK?
  • Kif l-Anzjani Juru Mħabba u Ħniena maʼ Dawk li Jidinbu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Ġeħova Juża lil Ġesù Biex Imexxi l-Kongregazzjoni
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Aħwa Rġiel Qed Taħdmu Biex Issiru Anzjani?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • L-Anzjani Jagħmlu l-Aħjar Tagħhom Biex Jgħinu lin-Nies taʼ Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Settembru pp. 2-7

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 36

GĦANJA 103 Ir-ragħajja—Irġiel bħala għotjiet

Tkellem mal-Anzjani Meta Jkollok Bżonn l-Għajnuna

“Ħa jkellem lill-anzjani tal-kongregazzjoni.”—ĠAK. 5:14.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Għala hu importanti li nistaqsu għall-għajnuna tal-anzjani meta jkollna bżonn.

1. Ġeħova kif wera li n-nies tiegħu huma prezzjużi għalih?

ĠEĦOVA jħobb lil dawk kollha li jaqduh u jieħu ħsiebhom eżatt bħalma ragħaj jieħu ħsieb lin-nagħaġ tiegħu. Hu ta lil Ibnu l-prezzjuż biex imut għalihom u anki pprovda lill-anzjani biex jieħu ħsiebhom. (Atti 20:28) Alla jrid li l-anzjani jittrattaw lill-aħwa b’qalb tajba. L-anzjani jimxu fuq id-direzzjoni taʼ Ġesù billi jinkuraġġixxu lill-aħwa u jgħinuhom jibqgħu leali lejn Ġeħova.—Isa. 32:​1, 2.

2. Skont Eżekjel 34:​15, 16, Ġeħova lil min jgħin?

2 Ġeħova jimpurtah ħafna min-nies kollha tiegħu. Imma meta jarahom qed ibatu, ikun jixtieq jgħinhom iktar. Xi wħud jistgħu jkunu qed ibatu minħabba xi żbalji li jkunu għamlu, u hu juża l-anzjani biex jgħinhom. (Aqra Eżekjel 34:​15, 16.) Imma Ġeħova jixtieq jgħinna lkoll kemm aħna meta jkollna bżonn. Fi żminijiet bħal dawn, apparti li nitolbuh biex jgħinna, hu jixtieqna li nsaqsu lill-anzjani, bħala “r-ragħajja [u] l-għalliema,” biex jgħinuna.—Efes. 4:​11, 12.

3. Li nifhmu kif Ġeħova juża l-anzjani kif se jgħinna?

3 F’dan l-artiklu se nitgħallmu iktar kif Ġeħova juża l-anzjani biex jgħin lil dawk li l-ħbiberija tagħhom miegħu ddgħajfet. Se nagħmlu dan billi nwieġbu tliet mistoqsijiet: Meta għandna nsaqsu lill-anzjani għall-għajnuna? Għala għandna nagħmlu hekk? U huma x’jagħmlu biex jgħinuna? Anki jekk bħalissa tħossok b’saħħtek spiritwalment, li tifhem ir-risposta għal dawn il-mistoqsijiet se jgħinek tapprezza iktar l-arranġament taʼ Ġeħova permezz tal-anzjani. U jekk fil-futur ikollok bżonnhom, tkun taf x’għandek tagħmel.

META GĦANDNA ‘NKELLMU LILL-ANZJANI’?

4. Kif nafu li Ġakbu 5:​14-16, 19, 20 qed jitkellem dwar xi ħadd li l-ħbiberija tiegħu ma’ Ġeħova ddgħajfet? (Ara wkoll l-istampi.)

4 Id-dixxiplu Ġakbu spjega kif Ġeħova juża l-anzjani biex jgħinna. Hu kiteb: “Jekk hemm xi ħadd marid fostkom, ħa jkellem lill-anzjani tal-kongregazzjoni.” (Aqra Ġakbu 5:​14-16, 19, 20.) Ġakbu kien qed jiddeskrivi lil xi ħadd li għandu bżonn jirranġa l-ħbiberija tiegħu ma’ Ġeħova. Pereżempju, hu qal li l-marid għandu jitkellem mal-anzjani mhux ma’ tabib. U Ġakbu spjega li dik il-persuna se tfiq meta jinħafrulha dnubietha. Dan nistgħu nqabbluh ma’ dak li jagħmel xi ħadd li jkun marid fiżikament. Hemm bżonn li jmur għand tabib, jgħidlu x’qed iħoss, u wara jobdi minn dak li jgħidlu jagħmel. Bl-istess mod, xi ħadd li tbiegħed minn Ġeħova jrid jitkellem mal-anzjani, jgħidilhom dwar il-problema, u jobdi l-parir li jtuh mill-Bibbja.

Grupp taʼ stampi: 1. Raġel qed jispjega lil tabib dwar l-uġigħ li għandu fi spalltu. 2. Ħu jispjega minn xiex għaddej lil anzjan waqt li qegħdin fuq bank fi ġnien.

Meta nkunu ma nifilħux, immorru għand tabib u meta nħossu li l-fidi tagħna qed tonqos, għandna mmorru għand l-anzjani għall-għajnuna (Ara paragrafu 4)


5. Kif nistgħu nkunu nafu jekk il-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova hix qed tiddgħajjef?

5 F’​Ġakbu kapitlu 5, Ġakbu jinkuraġġina biex nitkellmu mal-anzjani meta nħossu li qed nitilfu l-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova. Imma hu importanti ħafna li nfittxu l-għajnuna tagħhom qabel ma nagħmlu xi ħaġa li biha nagħmlu ħsara kbira lill-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova. Hemm bżonn li nkunu onesti magħna nfusna, għax il-Bibbja twissina li jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu naħsbu li Ġeħova qed jieħu pjaċir b’dak li nagħmlu, imma fir-realtà ma jkunx. (Ġak. 1:22) Xi Kristjani tal-bidu f’Sardi hekk ġralhom, imma Ġesù qalilhom li ma kinux għadhom qed iferrħu lil Ġeħova. (Riv. 3:​1, 2) Mod kif nistgħu niċċekkjaw kemm għandna ħbiberija b’saħħitha ma’ Ġeħova hu billi nqabblu kif inħossuna dwar li naqduh ma’ kif konna nħossuna meta tgħammidna. (Riv. 2:​4, 5) Staqsi lilek innifsek: ‘Sirt niddejjaq naqra l-Bibbja u nimmedita fuq dak li nkun qrajt? Jien ġieli ma mmurx għal-laqgħat u ġieli ma nippreparax għalihom? Iż-żelu li kelli għas-service naqas jew nippreferi nagħmel xi ħaġa oħra minflok? Sirt naħseb iktar dwar il-flus minn qabel?’ Jekk weġibt iva għal xi waħda minn dawn il-mistoqsijiet, jistaʼ jkun li l-ħbiberija tiegħek ma’ Ġeħova ddgħajfet u wisq probabbli se tmur għall-agħar jekk tibqaʼ ma tagħmel xejn. Jekk ma tistax issaħħaħ il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova waħdek jew diġà għamilt xi ħaġa li Ġeħova ma jridx, itlob l-għajnuna tal-anzjani.

6. Dawk li għamlu dnub serju x’għandhom jagħmlu?

6 Hemm xi dnubiet li tant huma serji li persuna tistaʼ titneħħa mill-kongregazzjoni jekk ma tindimx minnhom. Jekk għamilna xi dnub bħal dan irridu nitkellmu mal-anzjani. (1 Kor. 5:​11-13) Persuna li għamlet dnub serju ma tistax tirranġa l-ħbiberija tagħha ma’ Ġeħova waħedha. Biex Ġeħova jaħfrilna permezz tal-fidwa, irridu ‘nagħmlu affarijiet li juru li ddispjaċiena.’ (Atti 26:20) Dan jinkludi li nitkellmu mal-anzjani jekk għamilna dnub serju.

7. Min iktar għandu jsaqsi lill-anzjani għall-għajnuna?

7 L-anzjani ma jgħinux biss lil dawk li jkunu għamlu dnubiet serji, imma jgħinu wkoll lil dawk li jkunu dgħajfin spiritwalment. (Atti 20:35) Pereżempju, forsi ġieli tħossok li qed issibha diffiċli tirreżisti xewqat ħżiena. Jistaʼ jkun li ssibha diffiċli speċjalment jekk qabel tgħallimt il-verità kont tieħu d-drogi, tara l-pornografija, jew tagħmel l-immoralità sesswali. Imma tħossokx li trid tibqaʼ tiġġieled waħdek. Int tistaʼ titkellem m’anzjan li tħossok komdu miegħu u li se jismaʼ x’inhu jinkwetak, jispjegalek x’għandek tagħmel biex tirreżisti xewqat ħżiena, u jgħinek tkun ċert li int tistaʼ tferraħ lil Ġeħova billi ma tagħmilx dak li hu ħażin. (Ekk. 4:12) Jekk qed tħossok skuraġġit, l-anzjan se jfakkrek li qed tħossok hekk għax qed tieħu l-ħbiberija tiegħek ma’ Ġeħova bis-serjetà u m’intix tistrieħ fuqek innifsek.—1 Kor. 10:12.

8. Hemm għalfejn nitkellmu mal-anzjani dwar kull żball li nagħmlu? Spjega.

8 Aħna m’għandniex għalfejn immorru għand l-anzjani għal kull żball li nagħmlu. Pereżempju, immaġina li tkun għedt xi ħaġa u weġġajt lil xi ħu jew oħt, jew forsi tkun irrabjajt. Minflok ma tmur għand l-anzjani, tistaʼ tapplika l-parir taʼ Ġesù dwar li tagħmel paċi ma’ ħuk billi tiskuża ruħek. (Mat. 5:​23, 24) Tistaʼ tagħmel riċerka dwar il-kwalitajiet tal-ħlewwa, il-paċenzja, u r-rażan biex tkun tistaʼ turihom aħjar f’ħajtek. Però, jekk xorta jkollok bżonn l-għajnuna, tistaʼ tmur għand l-anzjani. L-appostlu Pawlu, fl-ittra lill-​Filippin, staqsa lil ħu f’dik il-kongregazzjoni biex jgħin lil Evodja u Sintike ħalli jirranġaw il-problema li kellhom. Bl-istess mod, anzjan jistaʼ jgħin lilek.—Flp. 4:​2, 3.

GĦALA GĦANDNA NKELLMU LILL-ANZJANI?

9. Għala għandna nsaqsu lill-anzjani għall-għajnuna avolja nkunu qegħdin nistħu minħabba li nkunu għamilna xi dnub? (Proverbji 28:13)

9 Għandna bżonn il-fidi u l-kuraġġ biex insaqsu għall-għajnuna meta nkunu għamilna dnub serju jew inħossu li ma nistgħux nibqgħu niġġieldu xewqat ħżiena. M’għandniex inħallu l-mistħija żżommna milli nitkellmu mal-anzjani. Għala? Għax Ġeħova pprovda lill-anzjani biex jgħinna nżommu ħbiberija tajba miegħu. Allura, meta nitkellmu magħhom aħna nuru li nafdaw f’Ġeħova u rridu nobduh. Aħna rridu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna niġġieldu x-xewqat ħżiena li jkollna. (Slm. 94:18) Irridu nkunu ċerti wkoll li jekk se ngħidu lill-anzjani dwar id-dnub li nkunu għamilna u nieqfu nagħmluh, Ġeħova se jaħfrilna.—Aqra Proverbji 28:13.

10. X’jistaʼ jiġri jekk nippruvaw naħbu d-dnubiet serji li nkunu għamilna?

10 Meta nitkellmu mal-anzjani dwar xi dnub li nkunu għamilna, se nirċievu ħafna barkiet, però jekk naħbuh se nbatu ħafna iktar. Aħseb dwar l-eżempju tar-Re David. Meta pprova jaħbi d-dnubiet tiegħu, ħassu mdejjaq ħafna, kien iħoss uġigħ kbir, u anki bata spiritwalment għax kien jaf li ma kellux ħbiberija tajba ma’ Ġeħova. (Slm. 32:​3-5) Meta nkunu morda jew inweġġgħu fiżikament, iktar se nbatu jekk ma mmorrux għand tabib malajr kemm jistaʼ jkun. U jekk nagħmlu xi dnub serju u ma nitkellmux mill-ewwel mal-anzjani, iktar se nitbiegħdu minn Ġeħova. Ġeħova ma jixtieqx li jiġri dan, allura hu jgħidilna nitkellmu mal-anzjani biex “nirranġaw l-affarijiet taʼ bejnietna.”—Isa. 1:​5, 6, 18.

11. X’jistaʼ jiġri iktar jekk ma ngħidux lill-anzjani dwar dnub serju?

11 Jekk nipprovaw naħbu d-dnubiet serji li nkunu għamilna jistgħu jbatu nies oħra. Pereżempju, minħabba fina Ġeħova għandu mnejn ma jkomplix ibierek lill-kongregazzjoni bl-ispirtu qaddis tiegħu, u l-aħwa ma jkollhomx il-paċi. (Efes. 4:30) Barra minn hekk, jekk insiru nafu li hemm xi ħadd fil-kongregazzjoni li għamel dnub serju u ma ngħidu xejn inkunu qed nagħmlu dnub ukoll. (Lev. 5:1) Allura, għandna nħeġġu lil din il-persuna biex titkellem mal-anzjani. Jekk ma tagħmilx hekk hi, wara xi żmien, peress li nħobbu lil Ġeħova u aħna leali lejh, għandna mmorru ngħidu lill-anzjani. B’hekk, il-kongregazzjoni se tibqaʼ nadifa u dak li jkun dineb ikun jistaʼ jirranġa l-ħbiberija tiegħu ma’ Ġeħova.

L-ANZJANI KIF JGĦINUNA?

12. L-anzjani kif jgħinu lil dawk li jkollhom bżonn jirranġaw il-ħbiberija tagħhom ma’ Ġeħova?

12 Il-Bibbja tgħid li l-anzjani għandhom jgħinuna nirranġaw il-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova. (1 Tes. 5:14) Jekk għamilt xi dnub, l-anzjani jistgħu jistaqsuk mistoqsijiet biex jaraw kif taħsibha u x’int tħoss. (Prov. 20:5) Int tistaʼ tgħinhom billi titkellem magħhom b’mod onest avolja jistaʼ jkun diffiċli għalik minħabba l-karattru jew il-kultura tiegħek, jew forsi għax tkun qed tistħi. Toqgħodx tinkwieta li kliemek jistaʼ jinstemaʼ bħal kliem “bla ħsieb.” (Ġob 6:3) L-anzjani mhux ħa jgħaġġlu. Minflok, huma se jisimgħu l-fatti kollha qabel jagħtuk parir mill-Bibbja. (Prov. 18:13) Huma jafu li jieħu ż-żmien biex jgħinu lil xi ħadd jirranġa l-ħbiberija tiegħu ma’ Ġeħova. Allura jafu li forsi se jkollhom bżonn jitkellmu miegħek iktar minn darba.

13. L-anzjani kif jgħinuna meta jitolbu għalina u jagħtuna pariri mill-Bibbja? (Ara wkoll l-istampi.)

13 L-anzjani ma jridukx tħossok agħar milli diġà tkun qed tħossok minħabba dak li tkun għamilt. Minflok, se jitolbu għalik. Ġeħova ħa jismaʼ t-talb tagħhom, u int jaf tkun impressjonat kemm it-talb tagħhom ikun “t’għajnuna kbira.” Barra minn hekk, meta xi ħadd jitkellem mal-anzjani huma se jgħinuh billi “jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova.” (Ġak. 5:​14-16) Dan “iż-żejt” jirreferi għall-verità li hemm fil-Bibbja. Billi jiddiskutu xi versi mill-Bibbja miegħek, huma se jinkuraġġuk u jgħinuk jerġaʼ jkollok ħbiberija tajba ma’ Ġeħova. (Isa. 57:18) Il-pariri tal-Bibbja jistgħu jtuk is-saħħa li għandek bżonn biex tagħmel dak li hu sew. Ġeħova juża l-anzjani biex jgħidlek: ‘Din hi t-triq. Imxi fiha.’—Isa. 30:21.

Grupp taʼ stampi: 1. L-istess tabib tal-istampa taʼ qabel qed jiċċekkja l-ispalla tar-raġel. Mal-ħajt hemm X-ray tal-ispalla tar-raġel. 2. L-istess anzjan tal-istampa taʼ qabel u anzjan ieħor marru jżuru lill-ħu d-dar u qed jinkuraġġuh mill-Bibbja. Waqt li qed jismagħhom, il-ħu qed jitbissem.

L-anzjani jużaw il-Bibbja biex jgħinuna u jinkuraġġuna (Ara paragrafi 13-14)


14. Skont Galatin 6:​1, l-anzjani kif jgħinu lil dawk li għamlu “pass falz”? (Ara wkoll l-istampi.)

14 Aqra Galatin 6:1. Meta Kristjan jagħmel “pass falz,” ma jkunx qed jagħmel dak li jrid Ġeħova. Il-frażi “pass falz” tistaʼ tfisser li jkun ħa xi deċiżjoni ħażina jew għamel dnub serju. L-anzjani, peress li jħobbu lill-aħwa, ‘jipprovaw jikkoreġu bil-ħlewwa.’ Il-kelma Griega għal ‘jikkoreġu’ kienet tintuża meta kienu jirreferu għal tabib li jgħin lil xi ħadd li jkun kiser għadma, billi jerġaʼ jpoġġiha postha ħalli tfiq kif suppost. Eżatt bħalma tabib kien joqgħod attent li ma jżidx mal-uġigħ tal-pazjent, l-anzjani jagħmlu kulma jistgħu biex jikkoreġu lil dawk li jkunu għamlu pass falz mingħajr ma jżidu mal-uġigħ tagħhom. Il-Bibbja tgħid lill-anzjani biex joqogħdu attenti huma wkoll. Meta jgħinu lil xi ħadd japplika l-pariri tal-Bibbja, huma jiftakru li huma wkoll imperfetti u jistgħu jiżbaljaw. Allura, għandhom joqogħdu attenti li ma jaħsbux li huma aħjar mill-ħu li qed jikkoreġu. Minflok, huma għandhom ikunu umli u jipprovaw jifhmu lill-ħu.—1 Pt. 3:8.

15. X’inhu tajjeb li nagħmlu jekk għandna xi problema?

15 Aħna nistgħu nafdawhom lill-anzjani. Ġeħova għallimhom biex iżommu l-affarijiet kunfidenzjali. Barra minn hekk, ġew ittrennjati biex jagħtu pariri mill-Bibbja minflok jgħidu x’jaħsbu huma. U huma tgħallmu li jridu jibqgħu jgħinuna fil-problemi tagħna. (Prov. 11:13; Gal. 6:2) Il-karattri tagħhom huma differenti minn xulxin, u xi wħud minnhom ilhom jaqdu bħala anzjani iktar minn oħrajn. Imma aħna nistgħu nħossuna komdi nitkellmu magħhom kollha. Importanti li niftakru li m’għandniex noqogħdu nsaqsu għal parir mingħand anzjani differenti għax nittamaw li xi wieħed minnhom se ‘jgħidilna dak li nixtiequ nisimgħu.’ Jekk nagħmlu hekk, inkunu qisna nies li jippreferu jisimgħu dak li jogħġobhom milli dak li jgħallem Ġeħova mill-Bibbja. (2 Tim. 4:3) Meta nitkellmu m’anzjan, dan jaf isaqsina jekk tkellimniex ma’ xi anzjan ieħor, u jekk iva x’kien il-parir li tana. U peress li hu modest, jistaʼ jkun li jsaqsi għal parir mingħand anzjan ieħor hu wkoll.—Prov. 13:10.

X’RESPONSABBILTÀ GĦANDEK?

16. Kull wieħed u waħda minna x’responsabbiltà għandu?

16 Għalkemm l-anzjani jagħtuna l-pariri u jgħinuna meta jkollna l-problemi, huma ma jgħidulniex x’għandna nagħmlu. Kull wieħed u waħda minna għandu r-responsabbiltà biex b’dak li jgħid u jagħmel jogħġob lil Alla għax kulħadd se jagħti kont lilu. (Rum. 14:12) Bl-għajnuna tiegħu, aħna nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin u nibqgħu leali lejh. B’hekk, l-anzjani mhux se jgħidulna x’għandna nagħmlu imma se jużaw il-Bibbja biex jgħinuna nifhmu kif jaħsibha Ġeħova. Imbagħad iħallu lilna biex niddeċiedu. Meta naħsbu dwar il-parir li tawna mill-Bibbja u napplikawh, se nitgħallmu naħsbu iktar bħal Ġeħova u nieħdu deċiżjonijiet tajbin.—Lhud 5:14.

17. Ġeħova x’jixtieqna nagħmlu?

17 Kemm għandna għal xiex napprezzaw li Ġeħova jieħu ħsiebna ħafna, eżatt bħalma ragħaj tajjeb jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu! Ġeħova bagħat lil Ġesù, “ir-ragħaj it-tajjeb,” biex jagħti ħajtu ħalli int tkun tistaʼ tgħix għal dejjem. (Ġw. 10:11) Permezz tal-anzjani fil-kongregazzjoni, Ġeħova żamm il-wegħda tiegħu meta qal: “Nagħtikom rgħajja li jogħġbu lil qalbi, u huma jitimgħukom l-għarfien u d-dehen.” (Ġer. 3:15) Meta nħossu li l-fidi tagħna qed tiddgħajjef jew ikollna bżonn nirranġaw il-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova, m’għandniex inżommu lura milli nkellmu lill-anzjani. Imbagħad se naraw kemm Ġeħova jużahom biex jgħinna.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Meta għandna ‘nkellmu lill-anzjani’ biex jgħinuna?

  • Għala għandna nkellmu lill-anzjani?

  • L-anzjani x’jagħmlu biex jgħinuna?

GĦANJA 31 O imxi m’Alla!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja